Language of document : ECLI:EU:T:2015:272

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Mejju 2015 (*)

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ awditu finanzjarju fuq l-eżekuzzjoni ta’ ċerti kuntratti ta’ riċerka konklużi fil-kuntest tas-sitt programm kwadru dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp tekonoloġiku u ta’ dimostrazzjoni — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-għanijiet ta’ attivitajiet ta’ ispezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu — Obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali — Interess pubbliku ikbar”

Fil-Kawża T‑480/11,

Technion – Israel Institute of Technology, stabbilit f’Haïfa (Iżrael),

Technion Research & Development Foundation Ltd, stabbilita f’Haïfa,

inizjalment irrappreżentati minn D. Grisay u D. Piccininno, sussegwentement minn Grisay u C. Hartman, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn P. Costa de Oliveira u C. ten Dam, sussegwentement minn F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 li tirrifjuta lil Technion – Israel Institute of Technology l-aċċess għal dokumenti meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ awditu finanzjarju fuq l-eżekuzzjoni ta’ ċerti kuntratti ta’ riċerka konklużi fil-kuntest tas-sitt programm kwadru tal-Komunità Ewropea dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp tekonoloġiku u ta’ dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għar-realizzazzjoni ta’ spazju Ewropew tar-riċerka u tal-innovazzjoni (2002-2006),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Mejju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Technion – Israel Institute of Technology u Technion Research & Development Foundation Ltd (iktar ʼil quddiem “TRDF”), huma żewġ entitajiet attivi fit-tagħlim u fir-riċerka. B’mod iktar partikolari, Technion huwa ċentru ta’ edukazzjoni superjuri fit-teknoloġija, stabbilit fl-1912, filwaqt li TRDF, stabbilita fl-1952, hija fondazzjoni, li tappartjeni totalment lil Technion u ffinanzjata interament minn din tal-aħħar, li tiġġestixxi l-aspetti finanzjarji u amministrattivi tal-proġetti li fihom hija involuta Technion.

2        F’Diċembru 2003 u f’Lulju 2006, Technion, bħala membru tal-konsorzji differenti tal-kontraenti, ikkonludiet mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej erba’ kuntratti fil-kuntest tas-sitt programm kwadru tal-Komunità Ewropea dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp tekonoloġiku u ta’ dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għar-realizzazzjoni ta’ spazju Ewropew tar-riċerka u tal-innovazzjoni (2002-2006), jiġifieri, il-kuntratt Terregov, iffirmat fit-3 ta’ Diċembru 2003 bin-numru 507749, il-kuntratt Cocoon, iffirmat fil-11 ta’ Diċembru 2003 bin-numru 507126, il-kuntratt Qualeg, iffirmat fis-17 ta’ Diċembru 2003 bin-numru 507767, kif ukoll il-kuntratt Mosaica, iffirmat fl-24 ta’ Lulju 2006 bin-numru 034984.

3        B’ittra tad-29 ta’ April 2009, il-Kummissjoni informat lil Technion bid-deċiżjoni tagħha li twettaq awditu finanzjarju fuq l-ispejjeż mitluba fil-kuntest tal-kuntratti Mosaica, Cocoon u Qualeg, skont l-Artikolu II.29 tal-kundizzjonijiet ġenerali li jinsabu fl-Anness II tal-imsemmija kuntratti. L-awditu kellu jitwettaq minn kumpannija ta’ awditu esterna mill-Kummissjoni (iktar ʼil quddiem l-“awditur”) li taġixxi bħala rappreżentant ta’ din tal-aħħar.

4        Fl-10 ta’ Mejju 2010, l-awditur kkommunika lil Technion abozz ta’ rapport ta’ awditu. Għal kull wieħed mill-kuntratti, Terregov, Cocoon, Qualeg u Mosaica, li finalment ġew awditjati, l-awditur ġustament ippropona aġġustament tal-ispejjeż mitluba minn Technion lill-Kummissjoni.

5        Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kuntratti Cocoon, Terregov u Mosaica, l-aġġustamenti proposti kienu jikkonċernaw b’mod partikolari l-ispejjeż tal-persunal mitluba minn Technion abbażi ta’ servizzi mwettqa minn K, li kien ġie rreklutat temporanjament minn Technion għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti. L-awditur osserva li K kien jaħdem simultanjament għal diversi entitajiet matul il-perijodu awditjat, minkejja l-fatt li huwa kien ġie rreklutat sabiex jaħdem full-time ma’ Technion. Din iċ-ċirkustanza kkorroborata minn fatti oħra, kellha l-konsegwenza, skont l-awditur, li ma setgħetx tiġi stabbilita n-natura reali tal-ħin u tal-ispejjeż mitluba mingħand il-Kummissjoni minn Technion abbażi tas-servizzi ta’ K. B’hekk, l-abbozz tar-rapport ta’ awditu kkonkluda favur iċ-ċaħda, b’mod partikolari, tal-ispejjeż kollha tal-persunal mitluba minn Technion abbażi tas-servizzi mwettqa minn K fil-kuntest tat-tliet kuntratti msemmija iktar ʼil fuq.

6        Fl-10 ta’ Ġunju 2010, Technion bagħtet ittra lill-awditur fejn talbet terminu addizzjonali ta’ ħmistax-il jum sabiex tippreżenta l-kummenti tagħha dwar l-abbozz ta’ rapport ta’ awditu. Technion ukoll talbet lill-awditur sabiex jatiha l-informazzjoni kollha marbuta mas-servizzi mwettqa minn K għal entitajiet oħra minbarra Technion meta dan kien irreklutat full-time minn din tal-aħħar.

7        B’ittra tad-19 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni tat l-estensjoni tat-terminu mitluba. Hija ppreċiżat ukoll li hija ma setgħetx tipprovdi l-kopji tad-dokumenti finanzjarji jew amministrattivi marbuta mas-servizzi mwettqa minn K għal entitajiet oħra minbarra Technion (iktar ʼil quddiem id-“dokumenti kontenzjużi”), sa fejn dawn id-dokumenti ġew riċevuti fil-kuntest ta’ awditi finanzjarji li, abbażi tal-klawżoli kuntrattwali applikabbli, kienu saru fuq bażi kunfidenzjali. Madankollu, l-Kummissjoni kkonfermat li għandha prova tas-servizzi mwettqa minn K għal entitajiet oħra minbarra Technion matul il-perijodu awditjat u li għalihom kienu ntalbu ammonti fil-kuntest tal-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.

8        Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Awwissu 2010, Technion ikkontestat ir-rifjut tal-Kummissjoni li tikkomunikalha d-dokumenti kontenzjużi, billi sostniet li l-ebda eċċezzjoni inkluża fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) ma setgħet tiġġustifika dan ir-rifjut. Għaldaqstant hija indikat li kienet qiegħda żżomm ferma t-talba tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi. Hija kelmet ukoll lill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li tikseb aċċess parzjali għad-dokumenti kontenzjużi u ppreċiżat, addizzjonalment, li l-elementi msemmija fl-abbozz tal-awditu u fl-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 2010 li kinux jipprovaw, sal-grad rikjest mil-liġi, il-fatti allegati dwar K.

9        Il-Kummissjoni wieġbet b’ittra tat-4 ta’ Ottubru 2010. F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat li, fir-rigward tal-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni li pparteċipat fihom Technion u li għalihom ammonti korrispondenti għas-servizzi mwettqa minn K. kienu ġew mitluba minn entitajiet oħra minbarra din tal-aħħar, hija setgħet tipprovdi lil Technion b’kopja tar-rapporti ta’ ġestjoni tal-proġett (project management reports, iktar ʼil quddiem, il-“PMR”) peress li dawn kienu ġew prodotti minn konsorzji li Technion kienet membru fihom u li l-kontenut tagħhom kien diġà magħruf minnha. Il-Kummissjoni pprovdiet f’anness tal-ittra l-kopji tal-PMR marbuta mal-proġetti Qualeg u Mosaica.

10      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni indikat li d-dokumenti miksuba fil-kuntest tal-awditi mwettqa fir-rigward ta’ membri ta’ konsorzji oħra, marbuta ma’ proġetti li ma pparteċipatx fihom Technion, kif ukoll dawk miksuba fil-kuntest ta’ investigazzjoni, kienu koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, marbuta mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu. Skont il-Kummissjoni, peress li l-investigazzjoni kienet għadha pendenti, l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi seta’ jippreġudika l-iżvolġiment korrett tagħha u jkun ta’ natura li taffettwa l-interessi tal-partijiet.

11      Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tal-4 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni esprimiet il-possibbiltà, għal Technion, li tressaq talba konfermatorja ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi quddiem is-segretarjat ġenerali tagħha.

12      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ottubru 2010, Technion ippreżentat talba konfermatorja ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi. F’din l-ittra, hija sostniet b’mod partikolari li l-komunikazzjoni tad-dokumenti kontenzjużi — li hija tiddefinixxi bħala “[i]d-dokumenti li fuqhom ibbażaw ruħhom l-awdituri sabiex jikkonkludu favur iċ-ċaħda tal-ispejjeż kollha sostnuti għall-ħlas ta’ [K.]” — ma kinitx tikkomprometti l-iżvolġiment korrett attwali u futur tal-proċeduri differenti ta’ awditu, iżda, għall-kuntrarju, kienet tippermetti lil Technion li tiċċara l-informazzjoni inkluża f’dawk id-dokumenti u lill-Kummissjoni li tkun informata aħjar dwar il-mod kif il-proġetti differenti ġew eżegwiti. Technion kellmet mill-ġdid lill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li tikseb, tal-inqas, aċċess parzjali għad-dokumenti kontenzjużi.

13      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2010 mibgħuta lill-Kummissjoni, Technion enfasizzat li l-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar ma kinitx tippermettilha li tagħmel osservazzjonijiet dwar il-kontenut tad-dokumenti kontenzjużi li abbażi tagħhom l-abbozz ta’ rapport ta’ awditu kien ikkonkluda favur iċ-ċaħda tal-ammonti kollha marbuta mas-servizzi mwettqa minn K. Technion żiedet li l-elementi kollha ta’ informazzjoni trażmessi mill-Kummissjoni fl-ittri tad-19 ta’ Lulju u tal-4 ta’ Ottubru 2010 ma kinux jipprovaw, sal-grad rikjest mil-liġi, il-fatti allegati fil-konfront ta’ K.

14      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Ottubru 2010, is-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni ikkonferma li kien rċieva t-talba konfermatorja ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi u informa lil Technion li kienet sejra tingħatalha risposta għat-talba tagħha f’terminu ta’ ħmistax il-jum tax-xogħol.

15      Permezz ta’ ittri tat-18 ta’ Novembru u tad-9 ta’ Diċembru 2010, is-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni ħabbret li kellha testendi t-terminu previst fl-Artikolu 8()1 tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tagħti risposta għall-imsemmija talba ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi.

16      Permezz tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), is-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni kkonferma r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi.

17      Fl-ewwel lok, is-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni ċċara l-iskop tat-talba ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, meta kkonkluda li din it-talba kienet tirrigwarda, b’mod partikolari, d-dokumenti li jikkonċernaw entitajiet minbarra Technion, miksuba u miġbura flimkien fil-kuntest tal-investigazzjoni. Huwa indika li, fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kienet idenifikat 52 dokument li jirriżultaw minn terzi, ta’ natura amministrattiva, li jinkludu informazzjoni kuntrattwali jew finanzjarja, li jikkonfermaw il-fatti allegati fil-konfront ta’ K. Dawn id-dokumenti, riżultanti minn awditi ta’ dawn l-entitajiet l-oħra, kienu jifformaw parti mill-elementi li kkontribwixxew għall-konklużjonijiet tal-imsemmi awditu fir-rigward ta’ Technion.

18      Fit-tieni lok, is-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni ppreċiża li kien impossibbli li jiġi deskritti d-dokumenti kkonċernati mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut tagħhom.

19      Fit-tielet lok, is-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni indika li l-52 dokument kollha inkwistjoni kienu manifestament koperti mill-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, marbuta mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ ispezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu. L-iżvelar tal-imsemmija dokumenti kien jippreġudika l-iżvolġiment korrett tal-awditi u jipprekludi lill-Kummissjoni milli tasal għal konklużjonijiet u milli tadotta, fejn xieraq, miżuri adegwati ta’ segwitu.

20      Fir-raba’ lok, is-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni indika li d-dokumenti mitluba, sa fejn dawn jinkludu data personali fuq K u fuq persuni oħra, ma setgħux jiġu żvelati, ukoll abbażi tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, marbuta mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu.

21      Fil-ħames lok, is-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni indika li ma kienx possibbli aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba peress li dawn kienu koperti fl-intier tagħhom miż-żewġ eċċezzjonijiet imsemmija iktar ʼil fuq.

22      Fl-aħħar, fis-sitt lok, is-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni innota li l-interess ta’ Technion li jikseb aċċess għad-dokumenti kontenzjużi kien ta’ natura privata u ma setax, għaldaqstant, jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi mwettaq abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001. Technion ma wrietx l-eżistenza ta’ interess pubbliku li jirbaħ fuq il-preġudizzju kkawżat mill-iżvelar, li b’hekk jiġġustifika l-imsemmi żvelar, u l-Kummissjoni lanqas ma għandha elementi li juru tali interess. B’hekk is-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni kkonkluda li, f’dan il-każ, l-interess dominanti kien dak li jiġi protett l-awditu u l-effetti amministrattivi possibbli kollha.

23      Permezz tal-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni informat lil Technion li hija kienet tikkonferma r-riżultati tal-awditu mwettaq u kienet tikkunsidra lil dan tal-aħħar bħala magħluq. Barra minn hekk, hija indikat li sejra twettaq aġġustament tal-ispejjeż mitluba indebitament u li dan l-aġġustament seta’ jaffettwa l-ħlasijiet futuri dovuti lil Technion jew iwassal għall-adozzjoni ta’ ordni ta’ rkupru fil-konfront tagħha.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

25      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Diċembru 2011 u fid-9 ta’ Jannar 2012, rispettivament, ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika tal-Finlandja talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

26      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Marzu 2012, intlaqgħu dawn it-talbiet għal intervent imsemmija iktar ʼil fuq.

27      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 u fit-30 ta’ April 2012, rispettivament ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tad-Danimarka informaw lill-Qorti Ġenerali li huma rtitraw l-interventi tagħhom.

28      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ġunju 2012, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tad-Danimarka rtiraw minn din il-kawża bħala intervenjenti.

29      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u dawn wieġbuhom fit-terminu stabbilit.

30      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-14 ta’ Mejju 2014.

31      Il-proċedura orali ngħalqet permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2014, wara li ġew prodotti mill-Kummissjoni, fit-terminu stabbilit, ċerti dokumenti mitluba mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, u l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq dawn id-dokumenti.

32      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli fir-rigward ta’ TRDF;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat fir-rigward ta’ Technion ;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward ta’ TRDF

34      Mingħajr ma tinvoka formalment l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli fir-rigward ta’ TRDF sa fejn din tal-aħħar ma hijiex direttament ikkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata fis-sens tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 263 TFUE.

35      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa dak li titlob amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fiċ-ċirkustanzi tal-kawża (sentenza tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra, EU:C:2002:118, punti 50 sa 52). F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra xieraq li l-ewwel tagħti deċiżjoni fuq il-mertu tar-rikors.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet preliminari

36      Ġew invokati erba’ motivi insostenn ta’ dan ir-rikors. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ eżami konkret u individwali mill-Kummissjoni tad-dokumenti kontenzjużi. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ żewġ eċċezzjonijiet invokati sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-Kummissjoni ma tatx aċċess parzjali għad-dokumenti kontenzjużi. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-Kummissjoni ma bbilanċjatx l-eċċezzjonijiet invokati mal-interess pubbliku.

37      Jeħtieġ li jiġu eżaminati, qabel xejn, il-motivi invokati sa fejn dawn jipprevedu l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, marbuta mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ ispezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu.

 Fuq l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

38      Jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, fl-ewwel lok, l-ewwel tliet motivi ta’ annullament invokati. Ir-raba’ motiv sejjer jiġi eżaminat fit-tieni lok.

–       Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet motiv, ibbażati rispettivament, fuq l-assenza ta’ eżami konkret u individwali mill-Kummissjoni tad-dokumenti kontenzjużi, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

39      Fil-kuntest tal-ewwel u t-tielet motiv, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami konkret u individwali tad-dokumenti kontenzjużi. Fl-opinjoni tagħhom, il-Kummissjoni, billi għamlet riferiment għal kategorija ta’ dokumenti, jiġifieri għad-dokumenti li jappartjenu għal awditu, flok għall-elementi ta’ informazzjoni konkreti inklużi fid-dokumenti kontenzjużi, ma ġġustifikatx b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni kkontestata. Il-konsegwenza ta’ nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti kontenzjużi hija li l-Kummissjoni ma setgħetx tevalwa l-possibbiltà li tagħti lil Technion aċċess parzjali, bi ksur ukoll tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

40      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-kunsiderazzjonijiet invokati fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex jintwera’ li l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi jippreġudikaw l-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu, huma vvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

41      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

42      Jeħtieġ li jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 15 TFUE. Skont l-Artikolu 4(2) u (6) tal-imsemmi regolament:

“2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[…]

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki,

jekk ma jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

6.      Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.”

43      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eċċezzjonijiet tal-aċċess għal dokumenti għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett, sabiex ma tiġix ippreġudikata l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li tikkonsisti fil-fatt li l-pubbliku jingħata l-iktar aċċess possibbli għad-dokumenti fil-pussess tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Svezja vs Il-Kummissjoni, C‑64/05 P, Ġabra, EU:C:2007:802, punt 66; tal-1 ta’ Lulju 2008, Svezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra, EU:C:2008:374, punt 36, u tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra, EU:T:2006:190, punt 84).

44      Barra minn hekk, ġie speċifikat li l-eżami ta’ talba għal aċċess għad-dokumenti għandu jkun konkret. Fil-fatt, minn naħa, iċ-ċirkustanza nnifisha li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenza tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, Ġabra, iktar ʼil quddiem is-“sentenza VKI”, EU:T:2005:125, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bħala prinċipju, tali applikazzjoni tista’ tkun iġġustifikata biss meta l-istituzzjoni tkun evalwat minn qabel, fl-ewwel lok, jekk l-aċċess għad-dokument huwiex ser jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett u, fit-tieni lok, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk jeżistix interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ preġudizzju tal-interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara s-sentenza VKI, iċċitata iktar ʼil fuq, EU:T:2005:125, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Dan l-eżami konkret għandu jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni (ara s-sentenza VKI, punt 44 iktar ʼil fuq, EU:T:2005:125, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Barra minn hekk, dan l-eżami konkret għandu jitwettaq għal kull dokument li għalih ikun hemm talba. Fil-fatt, jirriżulta mir-Regolament Nru 1049/2001, li l-eċċezzjonijiet kollha msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 4 tiegħu, huma imniżżla bħala li għandhom ikunu applikabbli għal “dokument” (sentenza VKI, punt 44 iktar ʼil fuq, EU:T:2005:125, punt 70).

47      Eżami konkret u individwali ta’ kull dokument huwa wkoll neċessarju meta, anki fl-ipoteżi fejn huwa ċar li talba għall-aċċess tirrigwarda xi dokumenti koperti minn eċċezzjoni, tali eżami biss jista’ jippermetti lill-istituzzjoni li tevalwa l-possibbiltà li tagħti aċċess parzjali lil min jagħmel it-talba, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il-Parlament, T‑471/08, Ġabra, EU:T:2011:252, punt 30).

48      Fl-istess ħin, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li teżamina konkretament u individwalment id-dokumenti li għalihom ikun intalab l-aċċess u, għaldaqstant, l-obbligu tagħha li tiddeskrivihom bi preċiżjoni suffiċjenti u li tipprovdi motivazzjoni ċirkustanzjata fir-rigward tal-kontenut ta’ kull dokument ikkonċernat, huwa suġġett għal eċċezzjonijiet. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet diversi drabi li, peress li l-għan tal-eżami konkret u individwali li, fil-prinċipju, l-istituzzjoni għandha twettaq b’risposta għal talba għal aċċess imressqa abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa li jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata li, minn naħa, tevalwa sa fejn hija applikabbli eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess u, min-naħa l-oħra, tevalwa l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali, peress li l-imsemmi eżami jista’ ma jkunx neċessarju meta, minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun jidher b’mod ċar li l-aċċess għandu jiġi miċħud jew, għall-kuntrarju, għandu jingħata. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk ċerti dokumenti, qabel kollox, ikunu koperti b’mod ċar fl-intier tagħhom minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess jew, bil-kontra, ikunu manifestament aċċessibbli fl-intier tagħhom, jew, fl-aħħar nett, jekk diġà kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni konkreta u individwali mill-Kummissjoni f’ċirkustanzi simili (sentenzi VKI, punt 44 iktar ʼil fuq, EU:T:2005:125, punt 75; tat-12 ta’ Settembru 2007, API vs Il-Kummissjoni, T‑36/04, Ġabra, EU:T:2007:258, punt 58, u tad-9 ta’ Settembru 2011, LPN vs Il-Kummissjoni, T‑29/08, Ġabra, EU:T:2011:448, punt 114).

49      Isegwi li, fil-kuntest tal-eżami tal-motivi bbażati fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tistħarreġ jekk il-Kummissjoni wettqitx eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti mitluba, jew jekk stabbilixxietx li d-dokumenti rrifjutati kienu manifestament koperti interament minn eċċezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2014, Reagens vs Il-Kummissjoni, T‑181/10, EU:T:2014:139, punt 65).

50      F’dan il-każ, hemm lok li jitfakkar li l-għan tat-talba għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, kif inkluż fir-risposta inizjali (ara l-punt 9 iktar ʼil fuq) u riprodott, fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni minn Technion, fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 17 iktar ʼil fuq), kienet tirrigwarda dokumenti li jirriżultaw minn entitajiet minbarra hi stess u li jikkonċernaw lill-imsemmija entitajiet, li abbażi tagħhom l-awditur wasal għall-konklużjoni provviżorja, inkluża fl-abbozz ta’ rapport ta’ awditu, ta’ ineliġġibbiltà tal-ispejjeż mitluba lill-Kummissjoni minn Technion abbażi tas-servizzi ta’ K. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ittra tad-19 ta’ Ottubru 2010, Technion sostniet li r-rifjut ta’ aċċess għall-imsemmija dokumenti, li hija ġiet iffaċċjata bih, ma kienx jippermettilha li tiddefendi d-drittijiet tagħha fil-proċedura kontradittorja tal-awditu.

51      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat kif ġej:

“Abbażi [tat-talba għal aċċess], identifikajna 52 dokument, li jirriżultaw minn terzi, ta’ natura amministrattiva li jinkludu informazzjoni kuntrattwali u/jew finanzjarja li tikkonferma l-parteċipazzjoni simultanja ta’ [K] fi proġetti ta’ riċerka għan-nom ta’ entitajiet legali minbarra Technion fl-istess perijodi tal-kontribuzzjoni tiegħu fil-proġetti ta’ Technion. Dawn id-dokumenti li jirriżultaw minn awditi ta’ dawn l-entitajiet l-oħra jifformaw parti mill-elementi li kkontribwixxew għall-konklużjonijiet tal-awditu Technion.”

52      Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li kien impossibbli, f’dan il-każ, li jiġu deskritti d-dokumenti kkontestati mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut. Hija spjegat li, sa fejn it-talba ta’ Technion kienet tikkonċerna l-aċċess għal dokumenti li jifformaw parti mill-awditi, l-identifikazzjoni tagħhom u d-deskrizzjoni ddettaljata tagħhom, fid-deċiżjoni kkontestata, bil-għan li tiġi ġġustifikata l-kunfidenzjalità tal-kontenut tagħhom, setgħu jippreġudikaw l-awditi u, għaldaqstant, iċaħdu l-eċċezzjonijiet applikabbli mill-finalità essenzjali tagħhom.

53      Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonfermat li d-dokumenti kontenzjużi kienu, f’dak l-istadju, manifestament koperti, fl-intier tagħhom, mill-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti, li kienu jifformaw parti, fl-intier tagħhom, mill-fajl amministrattiv tal-awditi, kien jippreġudika l-iżvolġiment korrett ta’ dawn l-awditi u kien jipprekludi lill-Kummissjoni milli tasal għall-konklużjonijiet u milli tadotta, fejn xieraq, il-miżuri ta’ segwitu adegwati.

54      B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni speċifikat li l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi setgħu jippermettu lill-persuni kkonċernati li jaġixxu b’mod li jostakolaw l-iżvolġiment korrett tal-awditi inkwistjoni kif ukoll l-adozzjoni ta’ miżuri adegwati ta’ segwitu. Barra minn hekk, hija indikat li dan l-iżvelar kien jesponi lill-pubbliku, kif ukoll lill-entitajiet ikkonċernati, l-istrateġija tal-Kummissjoni, u b’hekk iċaħħad, mhux biss lill-awditi pendenti, iżda wkoll lil investigazzjonijiet oħra u miżuri possibbli ta’ segwitu, mill-effikaċja tagħhom. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tenfasizza l-bżonn, tad-dipartimenti tagħha, li jkunu jistgħu jmexxu l-attivitajiet ta’ awditu b’mod indipendenti, mingħajr ma jkunu esposti għal pressjonijiet esterni.

55      Il-konklużjoni tal-Kummissjoni li d-dokumenti kontenzjużi, li jammontaw għal 52 skont l-eżami tagħha, kienu manifestament koperti, fl-intier tagħhom, mill-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandha tiġi approvata.

56      Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li Technion talbet, b’mod ġenerali u globali, li jkollha aċċess, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti li jirriżultaw minn entitajiet minbarra hi stess u li jikkonċernaw lill-imsemmija entitajiet, li abbażi tagħhom l-awditur ibbaża ruħu sabiex jasal għall-konklużjonijiet provviżorji, fl-abbozz ta’ rapport ta’ awditu, li jikkonċernaw ir-realtà tal-ispejjeż mitluba minn Technion lill-Kummissjoni abbażi tas-servizzi ta’ K. B’hekk jirriżulta mill-formulazzjoni stess tat-talba għal aċċess li din tal-aħħar kienet tikkonċerna manifestament dokumenti li kollha kienu jifformaw parti mill-fajl amministrattiv tal-awditu li jirrigwarda lil Technion u li, konsegwentement, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

57      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fondatezza tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi nnotat li l-awditu li jikkonċerna lil Technion kien għadu pendenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din iċ-ċirkustanza kienet taċċentwa r-riskju prevedibbli li l-iżvelar lill-pubbliku tad-dokumenti kontenzjużi jippreġudika l-għanijiet tal-attivitajiet ta’ awditu li jikkonsistu, f’dan il-każ, fil-verifika tan-neċessità u tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż mitluba minn Technion u, finalment, fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Fil-fatt, kif innotat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, dan l-iżvelar jesponi lill-awditur u lid-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni għar-riskju prevedibbli li jkunu suġġetti għal pressjonijiet esterni, fatt li jista’ jippreġudika l-effikaċja tal-awditu fir-rigward ta’ Technion. Dan l-iżvelar jista’ wkoll jillimita l-marġni ta’ manuvra li għandha l-Kummissjoni sabiex twettaq awditi u investigazzjonijiet addizzjonali abbażi tar-riżultati prodotti mill-awditu fir-rigward ta’ Technion, ladarba dan tal-aħħar ikun iffinalizzat u magħluq.

58      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi nnotat li, skont l-Artikolu II.29 tal-kundizzjonijiet ġenerali li jinsabu fl-Anness II tal-kuntratti Mosaica, Cocoon u Qualeg, l-awditu għan-nom tal-Kummissjoni għandu jitwettaq fuq bażi kunfidenzjali, li jfisser, kif ikkonfermaw il-partijiet fit-tweġibiet tagħhom għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, li, skont dik il-klawżola, id-dokumenti u l-informazzjoni li jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-awditur, ma setgħux jiġu kkomunikati jew żvelati lil partijiet estranji għall-kuntratt. Isegwi li l-iżvelar tad-dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 jippreġudika s-sustanza ta’ din il-klawżola kuntrattwali, sa fejn din tippermetti lil partijiet estranji għall-kuntratt, jiġifieri l-pubbliku ġenerali, li jikseb aċċess għad-dokumenti msemmija iktar ʼil fuq.

59      B’hekk mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ li jirriżultaw mill-formulazzjoni tat-talba għal aċċess, mill-fatt li din it-talba kienet tikkonċerna dokumenti li jifformaw parti mill-fajl amministrattiv tal-awditu fir-rigward ta’ Technion u mill-fatt li dan l-awditu kien dejjem pendenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma kien neċessarju li din twettaq eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti kontenzjużi, li, manifestament, l-aċċess għall-imsemmija dokumenti kellu jiġi rrifjutat abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

60      Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni kienet fondata li ma twettaqx f’dan il-każ eżami konkret u individwali tad-dokumenti kontenzjużi, isegwi li hija kienet ukoll fondata li tikkunsidra li, manifestament, l-imsemmija dokumenti kollha kienu koperti mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, mingħajr ma seta’ jingħata aċċess parzjali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza LPN vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:448, punt 127).

61      L-argumenti mressqa mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali ma jikkontestawx il-konklużjoni tal-Kummissjoni li d-dokumenti kontenzjużi kienu manifestament koperti fl-intier tagħhom mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

62      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti sostnew li l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi ma kienx jikkomprometti l-iżvolġiment korrett tal-proċedura ta’ awditu, u lanqas l-għanijiet segwiti minn dan tal-aħħar, sa fejn l-informazzjoni inkluża fl-imsemmija dokumenti kienu jikkostitwixxu biss konstatazzjonijiet purament ta’ fatt. Konsegwentement, ma kienet prevedibbli l-ebda pressjoni, influwenza jew negozju.

63      Dan l-argument għandu jiġi miċħud, peress li n-natura fattwali tad-dokumenti kkontestati ma kinitx teskludi l-possibbiltà tal-eżerċizzju ta’ pressjonijiet fuq l-awditur u d-dipartimenti tal-Kummissjoni u ta’ tentattivi sabiex jiġu influwenzati l-azzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, kif innotat ġustament il-Kummissjoni, li kieku jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti, l-eċċezzjoni marbuta mal-awditi titlef l-għan tagħha, peress li l-awditi jikkonċernaw, min-natura tagħhom, il-verifika tad-data ta’ natura fattwali. Issa, l-interess protett minn din l-eċċezzjoni huwa dak li jippermetti li l-awditi jitwettqu b’mod indipendenti u mingħajr pressjonijiet, irrispettivament minn jekk dawn il-pressjonijiet jirriżultawx mill-entità awditjata, minn entitajiet interessati oħra jew mill-pubbliku ġenerali.

64      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu, filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq is-sentenzi Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ʼil fuq (EU:T:2006:190, punti 111 u 112) u Toland vs Il-Parlament, punt 47 iktar ʼil fuq (EU:T:2011:252, punt 45), li l-ġustifikazzjoni tal-Kummissjoni li l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi seta’ jostakola l-iżvolġiment korrett tal-awditi futuri, twassal sabiex tissuġġetta l-aċċess għall-imsemmija dokumenti għal avveniment aleatorju, futur u possibbilment fil-bogħod, dipendenti fuq il-ħeffa u fuq id-diliġenza ta’ awtoritajiet differenti. Din is-soluzzjoni tmur kontra l-għan tal-aċċess għad-dokumenti, li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jistħarrġu b’mod iktar effettiv il-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika.

65      Madankollu, hemm lok li jiġi nnotat li, b’differenza mill-kawżi li taw lok għas-sentenzi Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ʼil fuq (EU:T:2006:190), u Toland vs Il-Parlament, punt 47 iktar ʼil fuq (EU:T:2011:252), li fihom l-attivitajiet ta’ investigazzjoni u ta’ awditu inkwistjoni kienu magħluqa fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-aċċess għad-dokumenti, f’dan il-każ, l-awditu fir-rigward ta’ Technion kien għadu pendenti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi seta’ jippreġudika mhux biss il-passi possibbli li għandhom jittieħdu wara r-rapport finali li jtemm dan l-awditu, iżda wkoll l-attivitajiet ta’ awditu pendenti fir-rigward ta’ Technion.

66      Fit-tielet lok, l-argument tar-rikorrenti li l-awditu fir-rigward ta’ Technion ma setax jiġi kompromess mill-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi, peress kien appik li jingħalaq fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Ċertament, jirriżulta li l-awditu ngħalaq xahar u xi jiem wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li l-Kummissjoni tindika hija stess, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-awditu kien qiegħed jiġi ffinalizzat. Madankollu, jibqa’ l-fatt li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rapport finali li jtemm il-proċedura ta’ awditu, kien għadu ma ġiex adottat u li kienu għadhom possibbli u prevedibbli attivitajiet addizzjonali ta’ investigazzjoni inkonnessjoni ma’ dan l-awditu. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-iżvelar lill-pubbliku tad-dokumenti kontenzjużi skont ir-Regolament Nru 1049/2001, minn naħa, kien joħloq riskju prevedibbli u reali ta’ preġudizzju tal-effikaċja tal-awditu pendenti fir-rigward ta’ Technion u min-naħa l-oħra, kien jillimita l-marġni ta’ manuvra tad-dipartimenti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-passi li għandhom jittieħdu wara l-adozzjoni tar-rapport finali.

67      Fid-dawl tal-iżviluppi preċedenti, hemm lok li jiġu miċħuda l-ewwel tliet motivi ta’ annullament invokati.

–       Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li tirriżulta mill-assenza ta’ bbilanċjar tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 mal-interess pubbliku

68      Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ma bbilanċjatx l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 mal-interess pubbliku li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi, u b’hekk kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

69      Ir-rikorrenti jsostnu li, minbarra l-interess partikolari ta’ Technion li tibbenefika mill-possibbiltà li tesprimi l-osservazzjonijiet tagħha fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja ta’ awditu, jeżisti wkoll l-interess ta’ entitajiet oħra li pparteċipaw fil-proġetti kkonċernati li jivverifikaw il-legalità tal-awditi mwettqa fir-rigward tagħhom u rimborsi possibbli mitluba mill-Kummissjoni.

70      Skont ir-rikorrenti, hemm ukoll interess pubbliku fl-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi, marbuta mat-trasparenza tal-awditi. Fil-fatt, jeżisti interess pubbliku fil-verifika tal-mod kif il-Kummissjoni tmexxi l-proċeduri tagħha ta’ awditu sabiex ikun jista’ jiġi vverifikat li l-miżuri adottati sabiex jiġu korretti l-allegati defiċjenzi huma adegwati u xierqa. It-trasparenza hija mixtieqa wkoll sabiex il-kokontraenti tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimplementaw il-proċeduri neċessarji sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti minn din tal-aħħar.

71      Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv huwa infondat.

72      Għandu jitfakkar li, skont l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni, b’mod partikolari, tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, investigazzjoni u verifika, “sakemm jekk ma jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”.

73      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti u tal-kontenut tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tistħarreġ il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, li kkonkludiet favur l-assenza ta’ interess pubbliku ikbar fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ʼil fuq.

74      Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huma “[k]ull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru”. Minn dan jirriżulta li dan ir-regolament huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-aċċess ta’ kulħadd għal dokumenti pubbliċi u mhux biss l-aċċess tal-persuna li titlob aċċess għal dokumenti li jikkonċernawaha (sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ʼil fuq, EU:T:2006:190, punt 136).

75      Konsegwentement, l-interess partikolari li tista’ tinvoka persuna li titlob l-aċċess għal dokument li jikkonċernaha personalment ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ʼil fuq, EU:T:2006:190, punt 137 ; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Reagens vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ʼil fuq, EU:T:2014:139, punt 144).

76      F’dan il-każ, ir-rikorrenti jinvokaw diversi drabi n-neċessità ta’ Technion li tikseb aċċess għad-dokumenti kontenzjużi bil-għan li tkun tista’ ssotni, b’mod effettiv, id-drittijiet tagħha fil-kuntest tal-proċedura kontradittorja ta’ awditu. Issa, dan l-interess, invokat mir-rikorrenti, jikkostitwixxi interess privat ta’ Technion u għaldaqstant ma huwiex rilevanti fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi previst mill-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara l-punt 75 iktar ʼil fuq). Anki jekk jiġi preżunt li Technion kellha, kif isostnu r-rikorrenti, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, huwa suffiċjenti għaldaqstant li jiġi rrilevat li tali dritt ma jistax jiġi eżerċitat speċifikament permezz ta’ mekkaniżmi ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti pprovduti mir-Regolament Nru 1049/2001 (ara b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra, EU:C:2007:75, punt 48). Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li, bl-ittra tagħha tal-4 ta’ Ottubru 2010 (ara l-punt 9 iktar ʼil fuq), il-Kummissjoni kkomunikat lil Technion, individwalment u mhux abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, il-PMR marbuta mal-proġetti Qualeg u Mosaica, li jipprovdulha, fl-opinjoni tagħha, prova dwar l-eżistenza tal-fatti allegati fir-rigward ta’ K.

77      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 76 iktar ʼil fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-interess ta’ entitajiet oħra li pparteċipaw fil-proġetti kkonċernati, invokat mir-rikorrenti (ara l-punt 69 iktar ʼil fuq), jikkostitwixxi wkoll interess ta’ natura privata.

78      Fir-rigward, fl-aħħar, tal-interess marbut mat-trasparenza tal-awditi li għandu l-pubbliku ġenerali u l-kokontraenti tal-Kummissjoni, invokat fl-aħħar lok mir-rikorrenti (ara l-punt 70 iktar ʼil fuq), dan ċertament jikkostitwixxi interess pubbliku, sa fejn huwa għandu natura oġġettiva u ġenerali (ara f’dan is-sens, is-sentenza Reagens vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ʼil fuq, EU:T:2014:139, punt 142). Madankollu, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-interess marbut mat-trasparenza tal-awditi ma jippreżentax intensità tali li abbażi tagħha għandu jipprevali fuq l-interess għall-protezzjoni tal-oġġettivi tal-attivitajiet ta’ ispezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu.

79      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar, qabel xejn, li l-qorti tal-Unjoni diġà kellha l-okkażjoni li tikkonstata li l-interess tal-pubbliku li tinkiseb il-komunikazzjoni ta’ dokument abbażi tal-prinċipju ta’ trasparenza, intiż sabiex jiżgura parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali u sabiex tiġi żgurata leġittimità ikbar, effikaċja ikbar u responsabbiltà ikbar tal-amministrazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini fis-sistema demokratika, ma għandux l-istess piż f’dak li jirrigwarda dokument li jaqa’ taħt proċedura amministrattiva meta mqabbel ma’ dokument marbut ma’ proċedura li fil-kuntest tagħha l-istituzzjoni tal-Unjoni tintervjeni bħala leġiżlatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, Ġabra, EU:C:2010:376, punt 60, u Reagens vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ʼil fuq, EU:T:2014:139, punt 140).

80      Issa, f’dan il-każ, id-dokumenti kontenzjużi jaqgħu manifestament fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, jiġifieri proċedura ta’ awditu.

81      Sussegwentement, il-rilevanza tal-argument tar-rikorrenti marbut mal-interess tal-pubbliku li jivverifika l-mod kif il-Kummissjoni tmexxi l-proċeduri tagħha ta’ awditu (ara l-punt 70 iktar ʼil fuq) jippreżumi li d-dokumenti kkontestati jirriflettu l-politika u l-metodu ġenerali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-awditi u ma jikkonċernawx speċifikament impriża partikolari. Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża odjerna peress li d-dokumenti kontenzjużi huma, skont it-termini stess tat-talba għal aċċess, dawk li jikkonfermaw li l-ispejjeż tal-persunal mitluba minn Technion abbażi tas-servizzi mwettqa minn K ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti b’mod kuntrattwali.

82      Fl-aħħar, fir-rigward tal-interess tal-kokontraenti tal-Kummissjoni fit-trasparenza tal-awditi (ara l-punt 70 iktar ʼil fuq), jeħtieġ li jiġi nnotat, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, li l-imsemmija kokontraenti għandhom, skont ir-relazzjoni kontraenti li torbothom mal-Kummissjoni, metodi kif jikbsbu minn din tal-aħħar l-informazzjoni neċessarja li tippermettilhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti minn din tal-aħħar.

83      Fid-dawl tat-tliet kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ʼil fuq, jeħtieġ li jiġi konkluż li, f’dan il-każ, l-interess tat-trasparenza tal-awditi, invokat mir-rikorrenti, ma jikkostitwixxix “interess pubbliku akbar”, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

84      Fid-dawl tal-iżviluppi preċedenti, ir-raba’ motiv għal annullament għandu jiġi miċħud.

85      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi konkluż li l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, marbuta mal-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu, ma hijiex ivvizzjata bi żball. Isegwi li żbalji possibbli ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, marbuta mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, huma fi kwalunkwe każ mingħajr effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u l-motivi invokati għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi sa fejn dawn jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni l-oħra.

86      Konsegwentement, hemm lok li jiġi miċħud ir-rikors fl-intier tiegħu, mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata bħala difiża mill-Kummissjoni.

 Fuq l-ispejjeż

87      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Technion – Israel Institute of Technology u Technion Research & Development Foundation Ltd huma kkundannati għall-ispejjeż.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Mejju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.