Language of document : ECLI:EU:T:2019:156

Kawża T139/15

L-Ungerija

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat12 ta’ Marzu 2019

“FAEGG – Taqsima ‘Garanzija’ – FAEG – Zokkor – Skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità Ewropea – Regolament (KE) Nru 320/2006 – Regolament (KE) Nru 968/2006 – Spejjeż esklużi mill-finanzjament – Spejjez minfuqa mill-Ungerija– Kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna għal żarmar sħiħ u l-għajnuna għal żarmar parzjali – Kunċett ta’ ‘faċilitajiet ta’ produzzjoni' – Evalwazzjoni tal-użu tas-silos fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għall-għajnuna – Kunċett ta’ ‘żarmar sħiħ' – Anness 2 tad-Dokument VI/5330/97 – Diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Kooperazzjoni leali”

1.      Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Zokkor – Skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Żarmar ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni – Żarmar sħiħ jew parzjali – Kunċetti – Għażla li għandha ssir fid-data tal-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna – Obbligu li jiġu identifikati l-faċilitajiet kollha ta’ produzzjoni li jiżżarmaw f’din l-istess data

(Regolament tal-Kunsill Nru 320/2006, Artikoli 3 u 4; Regolament tal-Kummissjoni Nru 968/2006, Artikoli 4 u 9)

(ara l-punti 56-70, 73, 74, 77-80, 83-86, 101, 102, 106, 107, 110, 111)

2.      Agrikoltura – Finanzjament mill-FAEG – Clearance tal-kontijiet – Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal infiq li jirriżulta minn irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Korrezzjoni finanzjarja li tikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont tal-għajnuna għaż-żarmar sħiħ u dik tal-għajnuna għaż-żarmar parzjali – Każijiet limiti – Applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni baxxa jew ta’ żero – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Assenza ta’ applikazzjoni awtomatika fil-każ ta’ sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, Artikolu 31)

(ara l-punti 124, 126-134)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet – Regoli ta’ kondotta amministrattiva ta’ portata ġenerali – Att intiż sabiex joħloq effetti esterni – Portata

(ara l-punt 125)

4.      Stati Membri – Obbligi – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Reċiproċità

(Artikolu 4(3) TUE)

(ara l-punti 138-140)

Sommarju

Fis-sentenza L-Ungerija vs Il-Kummissjoni (T‑139/15), mogħtija fit‑12 ta’ Marzu 2019, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament, ippreżentat, skont l-Artikolu 263 TFUE, mill-Ungerija kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/103 (1), li imponiet korrezzjoni finanzjarja ugwali għal 25 % tal-ammont totali tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għaż-żarmar sħiħ tas-siti ta’ produzzjoni taz-zokkor, li kienu ngħataw lill-produtturi taz-zokkor Ungeriż fil-kuntest tal-iskema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali waslet sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar f’liema mument għandu jiġi evalwat jekk silos kinux jikkostitwixxu faċilitajiet ta’ produzzjoni li għandhom jiġu żarmati għall-finijiet tal-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għaż-żarmar sħiħ jew jekk kinux jaqgħu taħt waħda mill-eċċezzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737).

Għall-Qorti Ġenerali, il-klassifikazzjoni tas-silos kellha tiġi ddeterminata fid-data tal-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna u mhux wara l-operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni. Fil-fatt, sabiex jintlaħaq l-għan ta’ tnaqqis tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ zokkor mhux profittabbli fl-Unjoni, imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda żewġ sistemi ta’ ristrutturazzjoni differenti skont it-tip ta’ żarmar imwettaq, jiġifieri ż-żarmar sħiħ jew iż-żarmar parzjali, li jwasslu għal ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni differenti. Fil-każ ta’ żarmar sħiħ, jistgħu eċċezzjonalment jinżammu l-faċilitajiet kollha minbarra dawk neċessarji għall-produzzjoni taz-zokkor, tal-isoglukosju jew tal-ġulepp ta’ inulina jew li kienu direttament marbuta mal-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti, bħall-faċilitajiet tal-ippakkjar. Min-naħa l-oħra, f’każ ta’ żarmar parzjali, setgħu jinżammu l-faċilitajiet li kienu neċessarji għall-produzzjoni ta’ zokkor, ta’ isoglukosju jew ta’ ġulepp ta’ inulina jew li kienu direttament marbuta mal-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li dawn ma jibqgħux jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti li jaqgħu taħt l-OSK zokkor.

Issa, l-ewwel nett, għalkemm il-klassifikazzjoni tas-silos kienet ġiet iddeterminata fi tmiem il-proċess ta’ ristrutturazzjoni, dan kien jippermetti, fil-każ ta’ żarmar sħiħ bħal fil-każ ta’ żarmar parzjali, li jinżammu silos li, fid-data tat-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna, kienu jikkostitwixxu faċilitajiet ta’ produzzjoni. Għaldaqstant, iż-żamma ta’ parti mill-faċilitajiet ta’ produzzjoni ma kinitx iktar karatteristika taż-żarmar parzjali, iżda tkun possibbli wkoll fil-każ ta’ żarmar sħiħ, minkejja li, minħabba l-ispejjeż għoljin marbuta ma’ dan it-tip ta’ żarmar, l-operaturi jiksbu ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ 25 % ogħla minn dak mogħti fil-każ ta’ żarmar parzjali. It-tieni nett, silos li, ipotetikament, kienu jikkostitwixxu faċilitajiet ta’ produzzjoni fid-data tal-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna ma kinux issemmew fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni bħala faċilitajiet ta’ produzzjoni li għandhom jiġu żarmati, bi ksur tal-Artikolu 4(3)(ċ) tar-Regolament Nru 320/2006 (2). It-tielet nett, l-impenn li jiżżarmaw il-faċilitajiet ta’ produzzjoni kollha li għandu jkun mehmuż mat-talba għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ ikun ivvizzjat, peress li, ipotetikament, ma jkoprix il-faċilitajiet kollha ta’ produzzjoni eżistenti fil-jum li fih kien ittieħed l-imsemmi impenn.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni jekk, fid-dawl tad-diffikultajiet oġġettivi ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fir-rigward tal-kwistjoni taż-żamma tas-silos fil-każ ta’ żarmar sħiħ, il-Kummissjoni kellha tnaqqas l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja, jew saħansitra tastjeni minn kwalunkwe korrezzjoni, konformement mal-linji gwida stabbiliti fid-Dokument VI/5330/97 (3) u, b’mod iktar partikolari, fit-tieni subparagrafu taħt it-titolu “Każijiet limiti” tal-Anness 2 tal-imsemmi dokument (iktar ’il quddiem il-“każ limitu”).

Għall-Qorti Ġenerali, il-każ limitu huwa fattur ta’ ponderazzjoni li ma jagħtix dritt awtomatiku li dan jiġi applikat. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-każ limitu hija suġġetta għall-kundizzjonijiet, minn naħa, li n-nuqqas ikkonstatat mill-Kummissjoni, matul il-proċedura ta’ clearance, jirriżulta minn diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li l-awtoritajiet nazzjonali kienu għamlu dak meħtieġ sabiex jirrimedjaw għan-nuqqas malli dan ġie identifikat mill-Kummissjoni.


1      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/103 tas‑16 ta’ Jannar 2015 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2015, L 16, p. 33).


2      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 tal‑20 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU 2006, L 58, p. 42).


3       Dokument tal-Kummissjoni Nru VI/5330/97, tat‑23 ta’ Diċembru 1997, “Linji gwida dwar il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji matul il-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tat-Taqsima tal-Garanzija tal-FAEGG”.