Language of document : ECLI:EU:T:2019:452

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

27 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea Luciano Sandrone – Trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni Ewropea DON LUCIANO – Użu ġenwin tat-trade mark preċedenti – Artikolu 47(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 – Applikazzjoni għal trade mark verbali komposta minn isem u kunjom – Trade mark preċedenti komposta minn titolu u isem – Newtralità tal-paragun kunċettwali – Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni”

Fil-Kawża T‑268/18,

Luciano Sandrone, residenti f’Barolo (l-Italja), irrappreżentat minn A. Borra, avukat,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn K. Kompari u H. O’Neill, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

J. García Carrión, SA, stabbilita f’Jumilla (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tas‑26 ta’ Frar 2018 (Każ R 1207/2017‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn J. García Carrión u Luciano Sandrone,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn V. Tomljenović, President, E. Bieliūnas u A. Kornezov (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ April 2018,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fl‑1 ta’ Awwissu 2018,

wara s-seduta tat‑28 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

14      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

15      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent iqajjem, essenzjalment, żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell wettaq ksur tal-Artikolu 47(2) u (3) tar-Regolament 2017/1001 u, it-tieni wieħed, fuq l-allegazzjoni li huwa kiser l-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament.

[omissis]

 Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001

[omissis]

 Fuq il-paragun tas-sinjali

[omissis]

62      F’dan il-każ, kemm it-trade mark preċedenti kif ukoll is-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għal trade mark huma ta’ natura verbali. Il-Bord tal-Appell ma qiesx, qabel ma għamel paragun viżiv, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali f’kunflitt, li dawn kellhom element dominanti. Kien biss matul l-imsemmi paragun li huwa ppreċiża, l-ewwel nett, fir-rigward tat-trade mark preċedenti, li l-kelma “luciano” kienet iktar distintiva mill-kelma “don” (punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, fir-rigward tas-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għal trade mark, il-karattru distintiv tal-element “luciano” huwa, skont il-Bord tal-Appell, inqas minn dak tal-element “sandrone”, li għandu valur intrinsiku superjuri għall-pubbliku Spanjol, Franċiż, Taljan u Portugiż minħabba l-fatt li huwa kunjom rari. Madankollu, din il-konklużjoni ma tapplikax għat-territorju kollu tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-Ġermanja u fil-Finlandja, fejn l-element “luciano” huwa distintiv daqs l-element “sandrone” (punti 48 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata).

63      Ir-rikorrent jikkontesta din il-konklużjoni tal-aħħar.

64      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell tal-elementi distintivi u dominanti tas-sinjali f’kunflitt hijiex ivvizzjata bi żbalji ta’ evalwazzjoni.

–       Fuq l-elementi distintivi u dominanti tas-sinjali f’kunflitt

65      Is-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għal trade mark huwa kompost minn żewġ kelmiet, wieħed ta’ seba’ ittri, “luciano”, l-ieħor ta’ tmien ittri, “sandrone”. It-trade mark preċedenti hija wkoll komposta minn żewġ kelmiet, l-ewwel waħda ta’ tliet ittri, “don”, u t-tieni waħda ta’ seba’, “luciano”.

66      Fir-rigward tat-trade mark preċedenti, għandu jiġi rrilevat li l-element “luciano” jissupera l-element “don”, jekk xejn minħabba l-qosor ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll, bħalma enfasizza l-Bord tal-Appell fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba l-fatt li dan ser jinftiehem bħala titolu Spanjol li jfisser “sinjur” jew bħal titolu Taljan mogħti lill-qassisin li, barra minn hekk, ser jinftiehem bħala tali minn parti sinjifikanti tal-pubbliku tal-Unjoni, inkluż il-pubbliku Ġermaniż u Finlandiż, u l-Bord tal-Appell għamel riferiment fuq dan il-punt għad-dizzjunarju Ġermaniż Duden. Għaldaqstant il-Bord tal-Appell ikkonkluda ġustament li, għall-pubbliku rilevanti, l-element “luciano” kien iktar distintiv mill-element “don”, konklużjoni li barra minn hekk ir-rikorrent ma jikkontestax. Madankollu din il-konstatazzjoni hija bla ħsara għad-determinazzjoni tal-livell ta’ karattru distintiv li għandu l-element verbali “luciano” bħala tali (ara l-punt 102 iktar ’il quddiem).

67      Dan ingħad, minkejja li l-element “luciano” huwa iktar distintiv mill-kelma “don”, dan ma huwiex sal-punt li jagħmel dan tal-aħħar element insinjifikanti.

68      Fir-rigward tas-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għal trade mark, bħalma jistipula ġustament, fil-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestat, il-Bord tal-Appell, il-kliem li jiffurmawh probabbilment ser jiġu pperċepiti bħala isem u kunjom flimkien mill-pubbliku rilevanti fit-territorju kollu tal-Unjoni. Huwa indika, sussegwentement, li l-kunjom Sandrone mhux ser jiġi pperċepit bħala kunjom komuni, anki fl-Italja, u li l-isem Luciano jkun, min-naħa l-oħra, ipperċepit bħala komuni fi Spanja, l-Italja u l-Portugall, kif ukoll fi Franza, minħabba l-kunjom simili Lucien (punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant huwa rrikonoxxa, għall-pubbliku ta’ dawn il-pajjiżi, li l-karattru distintiv tal-element “luciano” huwa inqas minn dak tal-element “sandrone”, li, bħala kunjom rari, għandu “valur intrinsiku superjuri” (punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

69      Il-partijiet ma jikkontestawx din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell.

70      Min-naħa l-oħra, skont il-Bord tal-Appell, fil-Ġermanja u l-Finlandja, l-element “luciano” huwa pperċepit bħala kunjom rari. Huwa invalida wkoll l-affermazzjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni skont liema l-isem Taljan Luciano kien familjari għall-pubbliku tal-Unjoni kollha minħabba l-fama tat-tenur Taljan Luciano Pavarotti. Skont il-Bord tal-Appell, “fl-għarfien tiegħu”, huwa l-kunjom Pavarotti li huwa famuż iktar milli l-isem komplet Luciano Pavarotti u parti sinjifikanti tal-pubbliku tal-Unjoni ma tiftakarx ismu (punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata). Fuq din il-bażi, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kemm l-isem Luciano kif ukoll il-kunjom Sandrone kienu rari għall-pubbliku Ġermaniż u Finlandiż u li, għal dan il-pubbliku, l-ewwel element kien għaldaqstant distintiv daqs it-tieni wieħed (punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata).

71      Huwa importanti li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li, skont il-ġurisprudenza, jista’ jkun li, f’parti tal-Unjoni, il-kunjom ikollu, bħala regola ġenerali, karattru distintiv ogħla minn dak tal-isem. Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi speċifiċi għal dan il-każ u, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li l-kunjom inkwistjoni ma huwiex komuni jew, għall-kuntrarju, komuni ħafna, elementi li huma ta’ natura li jinfluwenzaw dan il-karattru distintiv (sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Cooperativa Vitivinícola Arousana vs UASI – Sotelo Ares (ROSALIA DE CASTRO), T‑421/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:565, punt 50, u tal‑11 ta’ Lulju 2018, Enoitalia vs EUIPO – La Rural Viñedos y Bodegas (ANTONIO RUBINI), T‑707/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:424, punt 38), bħalma hija l-fama potenzjali tal-persuna li titlob li isimha u kunjomha, meħuda flimkien, jiġu rreġistrati bħala trade mark (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Becker vs Harman International Industries, C‑51/09 P, EU:C:2010:368, punti 36 u 37).

72      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, bħar-rikorrent, li l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell skont liema l-isem Luciano huwa pperċepit bħala isem rari fil-Ġermanja jew fil-Finlandja ma hija bbażata fuq ebda element konkret.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li isem partikolari ma huwiex komuni ħafna fost il-popolazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew ieħor ma jfissirx neċessarjament li dan l-isem huwa pperċepit bħala rari mill-pubbliku rilevanti f’dan l-Istat Membru. Fil-fatt, isem relattivament magħruf fuq il-livell tal-Unjoni jew fuq il-livell internazzjonali mhux ser jiġi pperċepit bħala rari mill-pubbliku rilevanti, anki fl-Istati Membri fejn dan l-isem ma huwiex magħruf ħafna.

74      F’dan il-każ, peress li l-Bord tal-Appell ġustament irrileva, fil-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-isem Luciano huwa meqjus bħala isem komuni ħafna fi Spanja, l-Italja u l-Portugall, kif ukoll fi Franza, jiġifieri f’parti sostanzjali tal-Unjoni, ma jistax jiġi raġjonevolment sostnut, fid-dawl tal-flussi ta’ negozjar fl-Unjoni u tal-mezzi attwali ta’ komunikazzjoni elettronika, li dan l-isem ser jiġi pperċepit bħala rari mill-pubbliku rilevanti fil-Ġermanja u fil-Finlandja. Fi kliem ieħor, filwaqt li huwa magħruf li l-isem Luciano ma huwiex popolari ħafna fost il-popolazzjoni fil-Ġermanja u fil-Finlandja, dan is-sempliċi fatt bl-ebda mod ma jfisser li dan l-isem ser jiġi pperċepit bħala isem rari f’dawn l-Istati Membri, bħalma stipula l-Bord tal-Appell fil-punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata.

75      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, għall-pubbliku tal-Unjoni kollha, l-element l-iktar distintiv tas-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għal trade mark huwa l-element “sandrone”, kunjom li ma huwiex ipperċepit bħala komuni, mingħajr dan madankollu ma jagħmel l-element “luciano” insinjifikanti.

76      Wara li ġew eżaminati l-kwalitajiet intrinsiċi ta’ kull waħda mill-partijiet tas-sinjali f’kunflitt u wara li ġew ipparagunati ma’ partijiet oħrajn, għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li kien hemm lok, għall-Bord tal-Appell, li jirrileva l-preżenza ta’ element iktar distintiv f’kull wieħed mis-sinjali f’kunflitt, jiġifieri l-element “luciano” fit-trade mark preċedenti, fatt li huwa għamel ġustament, u l-element “sandrone” fis-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għal trade mark, fatt li huwa ma għamilx, għal parti mill-pubbliku rilevanti, qabel ma jipproċedi għall-paragun tas-sinjali f’kunflitt fuq il-livell viżiv, fonetiku u kunċettwali. Il-konsegwenzi ta’ dan l-iżball ser jiġu ddeterminati iktar ’il quddiem.

[omissis]

–       Fuq il-paragun kunċettwali

81      Fil-punti 52 u 53 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell jindika li l-pubbliku rilevanti ser jassoċja s-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma’ isem u ma’ kunjom, jiġifieri ma’ persuna speċifika (virtwali jew reali) imsejħa Luciano, membru tal-familja Sandrone, u ser iqis, bl-istess mod, it-trade mark preċedenti bħala li tindika persuna msejħa Luciano. Il-Bord tal-Appell iddeduċa minn dan li “[i]l-konsumaturi, b’mod partikolari fil-Ġermanja jew fil-Finlandja, jistgħu, għaldaqstant, jinterpretaw it-trade marks inkwistjoni bħala li jagħmlu riferiment għall-istess persuna (virtwali jew reali) ikkaratterizzata mill-isem mhux komuni “Luciano”. Għaldaqstant is-sinjali f’kunflitt, skont il-Bord tal-Appell, huma simili f’livell medju fuq il-livell kunċettwali (punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

82      Kemm ir-rikorrent kif ukoll l-EUIPO jqajmu xi oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward. Ir-rikorrent jargumenta li s-sinjali f’kunflitt huma differenti fuq il-livell kunċettwali, filwaqt li, skont l-EUIPO, il-paragun bejniethom huwa newtrali fuq l-imsemmi livell. Barra minn hekk, skont l-EUIPO, il-ġurisprudenza tvarja fuq dan il-punt sa fejn, f’ċerti sentenzi, il-qorti tal-Unjoni qieset li kien possibbli li jsir paragun kunċettwali bejn is-sinjali li jinkludu kunjom jew isem, filwaqt li, f’sentenzi oħrajn, ġie deċiż li l-paragun kunċettwali bejn dan it-tip ta’ sinjali ma kienx possibbli.

83      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa għaldaqstant neċessarju li tiġi ppreċiżata l-ġurisprudenza dwar dan il-punt. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li l-paragun kunċettwali għandu l-għan li jiġu kkumparati l-“kunċetti” li għandhom is-sinjali f’kunflitt. Il-kelma “kunċett” tfisser, skont id-definizzjoni li jagħtiha, per eżempju, id-dizzjunarju Larousse, “idea ġenerali u astratta f’moħħ il-bniedem ta’ suġġett ta’ ħsieb konkret jew astratt, u li tippermettilu jorbot ma’ dan l-istess suġġett id-diversi perċezzjonijiet li huwa għandu tiegħu, u li b’dan il-mod jorganizza l-għarfien” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

84      Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza, ix-xebh kunċettwali jimplika li s-sinjali f’kunflitt ikunu konsistenti fil-kontenut semantiku tagħhom (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, EU:C:1997:528, punt 24).

85      Għaldaqstant, meta isem jew kunjom ma jirriflettix “idea ġenerali u astratta” u jkun nieqes minn kontenut semantiku, huwa ma jkollu ebda “kunċett”, b’tali mod illi l-paragun kunċettwali bejn żewġ sinjali kkostitwiti biss minn tali ismijiet jew kunjomijiet ma jkunx possibbli.

86      Min-naħa l-oħra, il-paragun kunċettwali jibqa’ possibbli meta l-isem jew l-kunjom inkwistjoni jkun sar simbolu ta’ kunċett, minħabba, per eżempju, tal-fama tal-persuna li għandha dan il-kunjom jew dan l-isem, jew meta dan il-kunjom jew dan l-isem ikollhom kontenut semantiku ċar u immedjatament rikonoxxibbli.

87      Il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi t-trade marks magħmula minn kunjomijiet jew ismijiet ta’ persuni bħala li ma għandhomx tifsira kunċettwali partikolari, għall-inqas sa fejn l-isem jew il-kunjom ma jkunx partikolarment magħruf bħala li huwa dak ta’ persuna famuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2011, IIC vs UASI – McKenzie (McKENZIE), T‑502/07, mhux ippubblikata, EU:T:2011:223, punt 40; tat‑8 ta’ Mejju 2014, Pedro Group vs UASI – Cortefiel (PEDRO), T‑38/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:241, punti 71 sa 73, u tal‑11 ta’ Lulju 2018, ANTONIO RUBINI, T‑707/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:424, punt 65).

88      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ma identifikax xi kunċett li jista’ jintrabat mal-isem u kunjom inkwistjoni. Il-partijiet lanqas ma jippreżentaw tali argumenti.

89      Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-pubbliku rilevanti ser jassoċja s-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma’ isem u ma’ kunjom u għaldaqstant ma’ persuna speċifika, virtwali jew reali, u li t-trade mark preċedenti ser tiġi pperċepita bħala li tindika persuna msejħa Luciano, huwa mingħajr rilevanza għall-finijiet tal-paragun tas-sinjali f’kunflitt fuq il-livell kunċettwali.

90      Għaldaqstant, l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, skont liema s-sinjali f’kunflitt huma simili f’livell medju fuq il-livell kunċettwali, għandha tiġi invalidata. Bħall-EUIPO, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, paragun kunċettwali ma huwiex possibbli, għaliex l-ismijiet u l-kunjomijiet inklużi fis-sinjali f’kunflitt ma jinkludu ebda kunċett.

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-konklużjonijiet magħmula mill-Bord tal-Appell dwar ix-xebh għall-inqas baxx tas-sinjali f’kunflitt fuq il-livell viżiv u fonetiku għandhom jiġu approvati, u dawk dwar ix-xebh medju ta’ dawn is-sinjali fuq il-livell kunċettwali għandhom jiġu invalidati, peress li l-paragun kunċettwali bejn l-imsemmija sinjali ma huwiex, f’dan il-każ, possibbli.

 Fuq l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni

92      Hemm lok li jitwarrab mill-ewwel l-argument tar-rikorrent, li jinsab fil-punt 63 tar-rikors, skont liema l-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-impressjoni tal-konsumatur tal-Unjoni, u mhux ta’ dik tal-konsumaturi ta’ pajjiż wieħed jew tnejn ta’ din tal-aħħar (il-Ġermanja u l-Finlandja, f’dan il-każ). Filfatt, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, huwa biżżejjed li raġuni relattiva għal rifjut fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 tkun teżisti f’parti mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO avec cadre et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, EU:T:2006:397, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, ir-rikorrent ma huwiex fondat sabiex jargumenta li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta bbaża ruħu fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’żewġ pajjiżi tal-Unjoni biss sabiex jirrifjuta r-reġistrazzjoni li għaliha saret applikazzjoni, u dan bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, il-probabbiltà ta’ konfużjoni allegata mill-konsumatur Ġermaniż jew Finlandiż hijiex ippruvata jew le.

93      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, tax-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi indikati. Għaldaqstant, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi indikati jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċe versa (sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, REGENT UNIVERSITY, T‑538/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:226, punt 71, u tat‑8 ta’ Novembru 2017, IST, T‑80/17, mhux ippubblikata, EU:T:2017:784, punt 64).

94      Billi applika l-prinċipju ta’ interdipendenza mfakkar fil-punt 93 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali f’kunflitt għall-inqas għall-pubbliku rilevanti Ġermaniż u Finlandiż, peress li l-imsemmija sinjali kienu viżwalment u fonetikament simili għall-inqas f’livell baxx u kunċettwalment simili f’livell medju u li l-prodotti inkwistjoni kienu identiċi jew simili f’livell medju.

95      Madankollu, billi applika b’mod mekkaniku l-prinċipju ta’ interdipendenza, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha, il-Bord tal-Appell ma wettaqx l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni b’mod korrett.

96      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, filwaqt li huwa minnu li, skont il-prinċipju ta’ interdipendenza, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jista’ jiġi kkumpensat b’livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, għall-kuntrarju, xejn ma jipprekludi li jiġi kkonstatat li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ każ partikolari, ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni, anki fil-preżenza ta’ prodotti identiċi u livell baxx ta’ xebh bejn it-trade marks f’kunflitt (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2015, Giovanni Cosmetics vs UASI – Vasconcelos & Gonçalves (GIOVANNI GALLI), T‑559/13, EU:T:2015:353, punt 132 (mhux ippubblikata); ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2006, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI – Johnson’s Veterinary Products (VITACOAT), T‑277/04, EU:T:2006:202, punti 67 u 68, u tas‑17 ta’ Frar 2011, Annco vs UASI – Freche et fils (ANN TAYLOR LOFT), T‑385/09, EU:T:2011:49, punti 44 u 48).

97      F’dan il-każ, l-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ma fehemx korrettement ix-xebh bejn is-sinjali f’kunflitt, meta kkonkluda b’mod żbaljat li l-element “luciano” kien distintiv daqs l-element “sandrone” fis-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u meta rrileva b’mod żbaljat li kien jeżisti xebh kunċettwali medju bejn is-sinjali f’kunflitt (ara l-punti 75 u 90 iktar ’il fuq).

98      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni tal-ispeċifitajiet tal-prodotti inkwistjoni. Issa, skont il-ġurisprudenza, il-perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju għandu tat-tip ta’ prodott jew ta’ servizz ikkonċernat għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni (sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2012, Scandic Distilleries vs UASI – Bürgerbräu, Röhm & Söhne (BÜRGER), T‑460/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:432, punt 27).

99      F’dan il-każ, fir-rigward tal-inbid, l-ismijiet huma importanti ħafna, kemm jekk huma kunjomijiet kif ukoll jekk huma ismijiet tal-ażjenda li tipproduċi l-inbid, għaliex dawn iservu sabiex jagħmlu riferiment u jindikaw l-inbid. B’mod ġenerali, għandu jitfakkar li l-konsumaturi huma mdorrija jindikaw u jirrikonoxxu l-inbid skont l-element verbali li jservi sabiex jidentifikahom, u li dan l-element jindika b’mod partikolari l-kultivatur jew il-proprjetà li fuqha l-inbid jiġi magħmul (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Pêra-Grave vs UASI – Fundação Eugénio de Almeida (QTA S. JOSÉ DE PERAMANCA), T‑602/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:97, punt 35, u tal‑11 ta’ Lulju 2018, ANTONIO RUBINI, T‑707/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:424, punt 49; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2005, Julián Murúa Entrena, T‑40/03, EU:T:2005:285, punt 56). B’dan il-mod, huwa l-element distintiv “sandrone” li jservi sabiex jidentifika l-inbejjed tar-rikorrent jew anki l-ażjenda li tipproduċi l-inbid fit-totalità tagħha, jiġifieri “luciano sandrone”, iżda mhux l-element “luciano” biss.

100    It-tielet nett, il-Bord tal-Appell lanqas ma ħa inkunsiderazzjoni tal-frekwenza tal-użu ta’ ismijiet jew ta’ kunjomijiet Spanjoli jew Taljani, reali jew preżunti, fis-settur tal-inbid u tal-fatt li l-konsumaturi huma mdorrija bit-trade marks li jinkludu dawn l-elementi, b’tali mod illi huma ma jaħsbux, kull darba li isem jew kunjom ta’ dan it-tip jidher fi trade mark f’relazzjoni ma’ elementi oħrajn, li dan jindika li l-prodotti li jintuża għalihom ġejjin kollha mill-istess sors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2015, GIOVANNI GALLI, T‑559/13, EU:T:2015:353, punt 116 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Għaldaqstant, fis-settur tal-inbid, fejn l-użu ta’ sinjali kkostitwiti minn kunjomijiet jew minn ismijiet huwa komuni ħafna, huwa improbabbli li l-konsumatur medju jkun jista’ jaħseb li hemm rabta ekonomika bejn id-detenturi tas-sinjali f’kunflitt minħabba s-sempliċi fatt li t-tnejn għandhom l-isem Taljan Luciano, ipperċepit bħala komuni ħafna, skont il-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall, u li ma ġiex stabbilit li jista’ jiġi pperċepit bħala rari f’pajjiżi oħrajn tal-Unjoni. Għaldaqstant dan is-sempliċi fatt ma jistax jippermetti li jiġi konkluż, f’dak li jirrigwarda t-trade marks dwar inbejjed, li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, għaliex il-pubbliku rilevanti mhux ser jippretendi li l-imsemmi isem komuni jintuża minn produttur wieħed bħala element ta’ trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2019, Serendipity et vs EUIPO – CKL Holdings (CHIARA FERRAGNI), T‑647/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:73, punt 71; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2015, GIOVANNI GALLI, T‑559/13, EU:T:2015:353, punt 117 (mhux ippubblikata)).

102    Ir-raba’ nett, il-Bord tal-Appell lanqas ma ħa inkunsiderazzjoni tal-livell baxx ta’ karattru distintiv tal-element komuni għaż-żewġ trade marks, jiġifieri “luciano”, li jirriżulta mill-fatt li dan l-isem jista’ jindika numru potenzjalment indeterminat ta’ persuni u li, għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti kollu ser ikun jista’ jiddistingwi t-trade mark preċedenti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għaliex din tal-aħħar tinkludi, barra minn hekk, l-element “sandrone”, kunjom li għandu valur intrinsiku superjuri (ara l-punti 68 u 69 iktar ’il fuq).

103    Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont liema ma jistax jiġi aċċettat li kwalunkwe kunjom li jikkostitwixxi trade mark preċedenti jkun jista’ effettivament jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark komposta minn isem u minn dan il-kunjom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Becker vs Harman International Industries, C‑51/09 P, EU:C:2010:368, punt 39). Għaldaqstant ma jistax jiġi konkluż awtomatikament li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni meta trade mark preċedenti li tikkonsisti f’kunjom tintuża fi trade mark oħra u jiġi miżjud isem magħha. Din il-kunsiderazzjoni tapplika wkoll meta t-trade mark preċedenti tikkonsisti b’mod partikolari f’isem u s-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’isem u f’kunjom flimkien (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2015, GIOVANNI GALLI, T‑559/13, EU:T:2015:353, punt 125 (mhux ippubblikata)).

104    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, u fid-dawl tal-livell baxx ta’ xebh bejn is-sinjali f’kunflitt fuq il-livell viżiv u fonetiku kif ukoll tal-impossibbiltà li jitwettaq paragun kunċettwali bejniethom, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell qies li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali f’kunflitt.

105    Għaldaqstant, għal dawn il-motivi, hemm lok li t-tieni motiv tar-rikors jintlaqa’ u li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullat, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti l-oħrajn tar-rikorrent, ibbażati, wieħed minnhom, fuq il-popolarità tas-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għal trade mark u, l-ieħor, fuq il-prattika deċiżjonali tal-EUIPO.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas26 ta’ Frar 2018 (Każ R 1207/20172) hija annullata.

2)      L-EUIPO huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, l-ispejjeż ta’ Luciano Sandrone.

Tomljenović

Bieliūnas

Kornezov

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Ġunju 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.