Language of document : ECLI:EU:C:2019:280

Kawżi magħquda C582/17 u C583/17

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

vs

H.
u
R.

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat2 ta’ April 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 18(1)(b) sa (d) – Artikolu 23(1) – Artikolu 24(1) – Proċedura ta’ teħid lura – Kriterji ta’ responsabbiltà – Applikazzjoni ġdida ddepożitata fi Stat Membru ieħor – Artikolu 20(5) – Proċess ta’ determinazzjoni pendenti – Irtirar tal-applikazzjoni – Artikolu 27 – Rimedji ġudizzjarji”

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Rikors eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali – Portata tar-rikors – Deċiżjoni ta’ trasferiment adottata matul proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura – Assenza ta’ effett  – Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikoli 9, 18(1)(b) sa (d) u 27(1))

(ara l-punti 42 sa 44)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Proċedura ta’ teħid lura – Kamp ta’ applikazzjoni – Applikant li jkun telaq mill-Istat Membru tal-ewwel applikazzjoni tiegħu qabel it-tlestija tal-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u li jkun iddepożita applikazzjoni ġdida fi Stat Membru ieħor – Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikoli 18(1)(b) sa (d), 20(5), 23(1) u 24(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32)

(ara l-punti 48 sa 54)

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Rikors eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura – Possibbiltà li tiġi invokata l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterju fir-rigward tal-membri tal-familja li huma benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali – Assenza – Eċċezzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikoli 9, 18(1)(b) sa (d), 20(5), 23(1), 24(1), u 27(1))

(ara l-punti 58 sa 64, 66 sa 70, 74 sa 86, u d-dispożittiv)

Sunt

Fis-sentenza H. u R. (C‑582/17 u C‑583/17), mogħtija fit‑2 ta’ April 2019, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kwistjoni dwar jekk, qabel ma titressaq talba għall-finijiet tat-teħid lura ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti humiex obbligati li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari abbażi tal-kriterju ta’ responsabbiltà previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 604/2013 (1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”). Dan l-artikolu jippreċiża li, jekk membru tal-familja tal-applikant ikun tħalla jirrisjedi bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru, dan tal-aħħar ikun responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni. F’dan il-każ, l-awtoritajiet Olandiżi kienu talbu lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jieħdu lura żewġ ċittadini Sirjani li kienu ddepożitaw l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja, qabel ma telqu minn dan l-Istat u ddepożitaw applikazzjoni ġdida fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-persuni kkonċernati kienu invokaw il-preżenza tal-konjuġi rispettiv tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi, li kienu benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, iżda l-awtoritajiet Olandiżi rrifjutaw li jieħdu dawn l-allegazzjonijiet inkunsiderazzjoni u, għaldaqstant, li jeżaminaw l-applikazzjoni tagħhom, għar-raġuni li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura, applikant ma jistax jinvoka l-Artikolu 9 tar-Regolament Dublin III.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-proċedura ta’ teħid lura tapplika għall-persuni msemmija fl-Artikolu 20(5) jew fl-Artikolu 18(1)(b) sa (d) tar-Regolament Dublin III, qabel ma affermat li s-sitwazzjoni li fiha ċittadin ta’ pajjiż terz jiddepożita applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel Stat Membru, imbagħad jitlaq minn dan l-Istat Membru u jiddepożita applikazzjoni ġdida fit-tieni Stat Membru taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proċedura, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni ddepożitata fl-ewwel Stat Membru ġietx irtirata jew jekk l-eżami tagħha, konformement mad-Direttiva 2013/32 (2), diġà bdietx f’dan l-Istat Membru.

Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement enfasizzat li, għalkemm il-fatt li deċiżjoni ta’ trasferiment tkun ġiet adottata fi tmiem proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura ma huwiex ta’ natura li jinfluwenza l-portata tad-dritt għal rimedju effettiv kontra tali deċiżjoni, żgurat mill-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, dawn iż-żewġ proċeduri huma madankollu suġġetti għal sistemi differenti, peress li din id-differenza taffettwa d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ tali rikors. Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà, il-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III, għandu natura ċentrali u l-Istat Membru li fih tali applikazzjoni tkun ġiet iddepożitata ma jistax jibgħat talba għal teħid ta’ responsabbiltà lil Stat Membru ieħor ħlief jekk iqis li dan ikun responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni. Għall-kuntrarju, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura, dawn il-kriterji ta’ responsabbiltà ma humiex rilevanti, peress li huwa importanti biss li l-Istat Membru rikjest jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(5) (jiġifieri li jkun l-Istat Membru li fih l-applikazzjoni tkun ġiet iddepożitata għall-ewwel darba u li fih il-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni jkun pendenti), jew fl-Artikolu 18(1)(b) sa (d) tar-Regolament Dublin III (jiġifieri li jkun l-Istat Membru li fih kienet ġiet iddepożitata l-ewwel applikazzjoni u li, fit-tmiem tal-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, aċċetta r-responsabbiltà tiegħu stess sabiex jeżamina din l-applikazzjoni).

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-assenza ta’ rilevanza, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura, tal-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III hija kkorroborata mill-fatt li, filwaqt li l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament jipprevedi b’mod iddettaljat kif dawn il-kriterji għandhom jiġu applikati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà, l-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament, li jikkonċerna l-proċedura ta’ teħid lura, ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni simili u jobbliga biss lill-Istat Membru rikjest li jwettaq il-verifiki neċessarji sabiex jiddeċiedi dwar it-talba ta’ teħid lura.

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-interpretazzjoni bil-kontra, jiġifieri li tali talba tista’ ssir biss jekk l-Istat Membru rikjest jista’ jinħatar bħala l-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III, hija kontradetta mill-istruttura ġenerali ta’ dan ir-regolament, li riedet tistabbilixxi żewġ proċeduri awtonomi (jiġifieri l-proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà u l-proċedura ta’ teħid lura), li japplikaw għal sitwazzjonijiet differenti u suġġetti għal dispożizzjonijiet differenti. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni bil-kontra tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-għan tar-Regolament Dublin III li jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-movimenti sekondarji ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, peress li din timplika li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun ġiet iddepożitata t-tieni applikazzjoni jistgħu, fil-fatt, jeżaminaw mill-ġdid il-konklużjoni li waslu għaliha, wara l-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-ewwel Stat Membru fir-rigward tar-responsabbiltà stess ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, dan jista’ jwassal sabiex jiġi ppreġudikat il-prinċipju essenzjali tar-Regolament Dublin III, stabbilit fl-Artikolu 3(1) tiegħu, li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed biss.

Bħala konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III ma jistgħux jiġu invokati insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura.

Madankollu, peress li l-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 10 tar-Regolament Dublin III għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-aħjar interessi tal-ulied u tal-ħajja tal-familja tal-persuni kkonċernati, meta l-persuna kkonċernata tkun bagħtet lill-awtorità kompetenti tat-tieni Stat Membru l-elementi li jistabbilixxu b’mod ċar li dan għandu jitqies bħala l-Istat Membru responsabbli, bl-applikazzjoni tal-kriterju stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament Dublin III, huwa għalhekk dan l-Istat Membru, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li għandu jaċċetta r-responsabbiltà tiegħu stess, f’sitwazzjoni koperta mill-Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III (jiġifieri meta l-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli jkun għadu ma tlestiex fl-ewwel Stat Membru). Għaldaqstant, f’tali sitwazzjoni, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’, b’eċċezzjoni, jinvoka dan il-kriterju fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu.


1      Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2013, L 49, p. 50).


2      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).