Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Marzu 2010 - Hynix Semiconductor vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-148/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Hynix Semiconductor, Inc. (Icheon-si, il-Korea) (rappreżentanti: A. Woodgate u O. Heinisch, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ COMP/38.636 - Rambus, tad-9 ta' Diċembru 2009;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

tieħu kwalunkwe miżura oħra skont kif il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fil-kuntest tal-Każ COMP/38.636 - Rambus, dwar proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 ŻEE, dwar it-talba għal drittijiet potenzjalment abbużivi għall-użu ta' ċerti privattivi għal "Dynamic Random Access Memory" (DRAM). Permezz tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni imponiet fuq Rambus ċerti impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 1 u ddeċidiet li ma kienx għad hemm motivi għal azzjoni. Ir-rikorrenti hija kompetitur ta' Rambus u ressqet ilment għall-bidu ta' proċeduri kontriha.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tressaq tliet motivi.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 billi għażlet il-proċedura stabbilita f'dan l-artikolu meta l-biżgħat tagħha kienu jirrigwardaw ksur serju tal-Artikolu 102 TFUE sal-punt li kellha l-intenzjoni li timponi multa. Barra minn hekk, hija ssostni li peress li ġie applikat l-Artikolu 9 ma kienx hemm ekonomija proċedurali. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, l-impenji vinkolanti imposti milll-Kummissjoni kienu manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-fatti tal-ksur inkwistjoni u għalhekk hija ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, l-Artikolu 102 TFUE u l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba (imparzjali) billi aċċettat l-impenji ta' Rambus. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li billi applikat test ta' proporzjonalità żbaljat mingħajr ma ġew applikati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 innifsu u billi esponiet b'mod żbaljat ċerti biżgħat u billi siltet konklużjonijiet żbaljati dwar jekk l-impenji jindirizzawx dawn il-biżgħat, il-Kummissjoni żbaljat meta waslet għall-konklużjoni li ma kienx għad hemm raġunijiet għal azzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tagħti raġunijiet fir-rigward tan-natura xierqa u adegwata tal-impenji u għalhekk wettqet żball ta' evalwazzjoni serju.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni abbużat mis-setgħa tagħha skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003.

It-tielet nett, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji proċedurali meta adottat id-deċiżjoni kkontestata billi ma użatx is-setgħa tagħha taħt ir-Regolament Nru 1/2003 u billi ma investigatx b'mod xieraq il-kwistjoni tar-rimedju.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)