Language of document : ECLI:EU:C:2011:140

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-10 ta’ Marzu 2011 (1)

Kawża C-71/10

Office of Communications

vs

The Information Commissioner

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom]

“Direttiva 2003/4/KE – Aċċess għat-tagħrif ambjentali – Derogi – Interess pubbliku moqdi bl-iżvelar – Interess moqdi bir-rifjut – Ibbilanċjar – Akkumulazzjoni ta’ interessi”





I –    Introduzzjoni

1.        Is-Supreme Court of the United Kingdom għamlet domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja, li mid-dehra hija akkademika iżda li madankollu l-effetti tagħha ma humiex prevedibbli b’mod ċar.

2.        Skont id-Direttiva 2003/4/KE dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali”), l-individwi għandhom id-dritt għal aċċess għat-tagħrif ambjentali. Dan id-dritt jista’ jiġi ristrett jekk l-iżvelar ikollu effetti negattivi fuq numru ta’ interessi denji ta’ protezzjoni. Madankollu, id-derogi ma japplikawx jekk, f’każ speċifiku, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar jiżboq l-interess moqdi bir-rifjut.

3.        Il-qrati tar-Renju Unit ma jaqblux fuq kif isir dan l-ibbilanċjar, meta diversi interessi denji ta’ protezzjoni huma affettwati simultanjament. Kull deroga għandha tiġi kkunsidrata fiha nnfisha billi jiġi vverifikat jekk tiżboqx l-interess li hija tipproteġi jew l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar (f’dan is-sens, l-ewwel żewġ istanzi u l-minoranza tas-Supreme Court)? Inkella jistgħu jiġu akkumulati l-interessi protetti mid-diversi derogi biex b’hekk ikunu flimkien ibbilanċjati kontra l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar (f’dan is-sens it-tielet istanza u l-maġġoranza tas-Supreme Court)?

4.        Għalhekk il-kwistjoni hija jekk, meta jiġi deċiż fuq l-iżvelar tat-tagħrif ambjentali, l-interessi individwali affettwati b’mod negattiv li, meta jiġu kkunsidrati individwalment, ma jkunux biżżejjed biex jgħelbu l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar, jistgħux jiġu akkumulati u possibilment flimkien jiġġustifikaw it-trattament kunfidenzjali tat-tagħrif.

5.        Dawn id-domandi jagħtu l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja biex għall-ewwel darba teżamina iktar fil-fond il-mod tal-ibbilanċjar ta’ dawn l-interessi li jaqdu l-kunfidenzjalità mal-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar tat-tagħrif.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

6.        L-Unjoni Ewropea impenjat ruħha f’livell internazzjonali sabiex tiżgura l-aċċess għat-tagħrif ambjentali fil-Konvenzjoni dwar l-aċċess għat-tagħrif, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali li l-Komunità (3) (“il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”) iffirmata mill-Komunità fil-25 ta’ Ġunju 1998 f’Aarhus (id-Danimarka). (4)

7.        Ir-restrizzjonijiet possibbli fid-dritt għall-aċċess ġejjin, b’mod partikolari, mill-Artikolu 4(4), tal-Konvenzjoni:

“Talba għal tagħrif ambjentali tista’ tiġi miċħuda jekk l-iżvelar ta’ dan it-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv;

a) il-kunfidenzjalità tal-proċeduri tal-awtoritajiet pubbliċi, fejn tali kunfidenzjalità hija stipulata mill-liġi;

e)      Id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

Ir-raġunijiet għal rifjut imsemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, b’kont meħud tal-interess pubbliku fl-iżvelar u skont jekk din l-informazzjoni mitluba tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent”.

B –    Id-dritt tal-Unjoni

8.        Id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali tittrasponi l-Konvenzjoni ta’ Aarhus fl-Unjoni u għal dan il-għan tipprovdi, fl-Artikolu 3(1) tagħha, dritt għall-aċċess tat-tagħrif ambjentali.

9.        Id-derogi huma stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif ambjentali jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:

b) ir-relazzjonijiet internazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża nazzjonali;

e) id-drittijiet tal-propjetà intellettwali;

...

Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu interpretati b’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Bis-saħħa tal-paragrafu 2(a), (d), (f), (g) u (h), l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu li tiġi rrifjutata talba meta t-talba jkollha x’taqsam ma’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent”.

10.      F’dan ir-rigward, il-premessa 16 tipprovdi:

“Id-dritt għat-tagħrif ifisser illi l-iżvelar tat-tagħrif għandu jkun ir-regola ġenerali u li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jitħallew jirrifjutaw talba għat-tagħrif ambjentali f’każijiet speċifiċi u ddefiniti biċ-ċar. Ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, li bih, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi ppeżat kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu pprovduti lill-applikant fil-limitu taż-żmien stabbilit f’din id-Direttiva”.

C –    Id-dritt nazzjonali

11.      Skont il-liġi nazzjonali, id-derogi li hawnhekk huma ta’ interess huma ddikjarati fi kliem kważi identiċi fl-Environmental Information Regulations 2004 (5) (ir-Regolament dwar it-tagħrif ambjentali tal-2004).

III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

12.      It-tagħrif mitlub jirrigwarda l-post eżatt tal-istazzjonijiet bażi tat-telefon ċellulari fir-Renju Unit.

13.      L-Office of Communications (iktar ’il quddiem l-“Ofcom”) ilu mill-2003, imexxi sit internet imsejjaħ “Sitefinder” (lokalizzatur) (6) li bih wieħed jista’ jsib bejn wieħed u ieħor kull stazzjon bażi fi kwalunkwe settur. Is-sit jitħaddem b’tagħrif meħud mid-databases ta’ operaturi tat-telefon ċellulari li huma liberament disponibbli. Dan iħalli lill-individwi, ifittxu tagħrif fuq mappa gradilja, relatat mal-istazzjonijiet bażi li huma elenkati, billi jdaħħlu kodiċi postali, belt jew isem ta’ triq. Iżda l-individwu ma jistax isir jaf il-post eżatt sal-eqreb metru ta’ xi stazzjon bażi, jew isib indikazzjonijiet preċiżi dwar jekk din tinsabx f’xi triq, fuq ġewwa jew fuq nett ta’ xi struttura jew bini.

14.      Amministratur tat-tagħrif tal-Health Protection Scotland (aġenzija tal-ħarsien tas-saħħa fl-Iskozja) [dipartiment tas-servizz tas-saħħa nazzjonali (National Health Service)] talab lill-Ofcom il-koordinati ta’ kull stazzjon bażi, apparentement għall-skopijiet ta’ epidemjoloġija. Ofcom ċaħad kemm l-ewwel applikazzjoni kif ukoll li jerġgħu jikkunsidraw it-talba. Dan l-applikant imbagħad appella quddiem ir-rikorrent attwali, l-Information Commissioner, li ordna l-iżvelar. Wara l-appell ta’ Ofcom, l-Information Tribunal ikkonferma, fl-ewwel istanza, l-ordni ta’ żvelar.

15.      L-Information Tribunal iddetermina li l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa s-sigurtà pubblika u l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali. It-tagħrif jista’ jiffaċilità xi attakki fuq l-istazzjonijiet bażi. Tqis li l-operaturi tat-telefon ċellulari huma detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet tad-databases. Min-naħa l-oħra, iżda jirriżulta li l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar jipprevali madankollu, partikolarment minħabba li t-tagħrif mixtieq jista’ jintuża għar-riċerki epidemjoloġiċi dwar l-effetti tat-telefon ċellulari. Fl-ibbilanċjar tal-interessi, l-Information Tribunal irrevediet l-implementazzjoni taż-żewġ derogi separatament u rrifjutat li tpoġġihom flimkien fl-ibbilanċjar kontra l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar.

16.      Ofcom appella lill-Administrative Court, li qablet mal-approċċ tal-Information Tribunal dwar dan il-punt. Madankollu, l-appell ippreżentat quddiem il-Court of Appeal wassal għal riżultat oppost.

17.      L-appell tal-Information Commissioner quddiem is-Supreme Court jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk l-effetti negattivi taż-żewġ derogi inkwistjoni għandhomx jingħaqdu jew jitħallew separati fl-ibbilanċjar kontra l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar. Fuq dan il-punt, is-Supreme Court għandha maġġoranza ta’ tliet voti fuq tnejn favur l-approċċ tal-Court of Appeal. Għalhekk, hija tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ġej:

“Taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2003/4/KE, meta awtorità pubblika jkollha tagħrif dwar l-ambjent li l-iżvelar tiegħu jikkawża dannu lill-interessi differenti protetti minn iktar minn deroga waħda (f’dan il-każ, l-interess tas-sigurtà pubblika protett mill-Artikolu 4(2)(b), u l-interess tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali protett mill-Artikolu 4(2)(e)) iżda, li kieku dawn id-derogi kienu eżaminati separatament, dan id-dannu ma kienx ikun sinjifikattiv biżżejjed biex jisboq l-interess pubbliku għall-iżvelar, id-Direttiva timponi eżami supplimentari li jikkonsisti fl-eżerċizzju fejn l-interessi differenti protetti miż-żewġ derogi jingħaqdu u jitpoġġew flimkien sabiex jitwiżnu kontra l-interess pubbliku għall-iżvelar?”

18.      L-Information Commissioner, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u pparteċipaw fis-seduta li saret fis-27 ta’ Jannar 2011.

IV – Evalwazzjoni

19.      Id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali tipprevedi fl-Artikolu 3(1) tagħha li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikollhom disponibbli għal kwalunkwe applikant, u mingħajr ma’ dan jiġġustifika l-interess tiegħu, it-tagħrif ambjentali li għandhom jew li jinżamm taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

20.      Dan id-dritt kien diġà ġie stabbilit fl-ewwel Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali (7). Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus żviluppatu iktar tard f’termini li ġew trasposti bid-direttiva attwali dwar it-tagħrif ambjentali.

21.      Sadattant, it-Trattat ta’ Amsterdam iddikjara wkoll fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 UE, il-volontà li tinħoloq Unjoni dejjem eqreb bejn il-popli tal-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu fl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ ftuħ u viċin kemm jista’ jkun taċ-ċittadini. Għal dan il-għan, l-Artikolu 15 tat-TFUE (ex Artikolu 255 KE) jeħtieġ li l-istituzzjonijiet jaħdmu fl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ ftuħ u jistabbilixxi – flimkien mal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – id-dritt għall-aċċess tad-dokumenti tagħha. Dan id-dritt ġie implementat bir-Regolament Nru 1049/2001 (8) li, skont l-Artikolu 3 et seq tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (9) japplika għal kwalunkwe talba ta’ aċċess għat-tagħrif ambjentali miżmum mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji.

22.      Id-dritt għat-tagħrif ambjentali, madankollu, ma huwiex wieħed assolut. L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali jista’ jirrifjuta l-għotja ta’ xi tagħrif jekk l-iżvelar ikun ta’ dannu għall-ċerti interessi ddikkjarati espliċitament. L-interess moqdi bir-rifjut ta’ xi domanda għandu madankollu jiġi bbilanċjat mal-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar tat-tagħrif.

23.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 KE. Is-Supreme Court tixtieq tistabbilixxi jekk dan l-ibbilanċjar għandux isir f’żewġ stadji fejn

–        l-ewwel nett, jiġi eżaminat, għal kull deroga speċifika, jekk l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar ikunx iktar importanti mill-interessi affettwati b’dan l-iżvelar u

–        sussegwentement, isir ibbilanċjar konġunt tal-interessi partikolari affettwati kontra l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar.

24.      Il-metodu propost fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa sorprendenti għall-ewwel, għaliex jikkonsisti f’ibbilanċjar doppju. Iżda t-tieni u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali jmorru f’din id-direzzjoni peress li ż-zewġ sentenzi jirreferu darbtejn għall-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar ta’ tagħrif.

25.      Skont it-tieni sentenza, ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, huma interpretati b’mod restrittiv, billi jikkunsidraw il-każ partikolari fejn l-iżvelar ta’ tagħrif ikun ta’ interess pubbliku. Barra minn hekk, skont it-tielet sentenza, f’kull każ partikolari l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi bbilanċjat mal-interess moqdi bir-rifjut. Ir-risposta għad-domanda preliminari tkun għalhekk tiddependi fuq l-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ sentenzi.

A –    Dwar it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali

26.      Is-sempliċi kunsiderazzjoni tal-interess pubbliku skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali diġà effettivament titlob ibbilanċjar inizjali. Tabilħaqq, minn wara t-tieni sentenza tal-premessa 16, ir-raġunijiet għar-rifjut għandhom jiġu interpretati b’mod li jinstab bilanċ bejn l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar kontra l-interess moqdi bir-rifjut.

27.      Dan l-ibbilanċjar inizjali jikkonċerna esklużivament kull deroga inkwistjoni u għandu jsir fl-interpretazzjoni tar-raġunijiet għar-rifjut.

28.      F’dan ir-rigward, l-ibbilanċjar jikkonċerna, l-ewwel nett, il-kwistjoni li nsiru nafu x’inhu dak li għandu l-probabbiltà li jaffettwa l-interess protett. Sussegwentement, huwa fid-dawl tal-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar li għandu jiġi deċiż jekk ċerti effetti ta’ żvelar ta’ tagħrif għandhomx jitqiesu bħala negattivi (10).

29.      Iżda l-ibbilanċjar tal-interess speċjali protett li jista’ jiġi affettwat bl-iżvelar ta’ tagħrif u l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar u li jista’ eċċezzjonalment jipprevali, jista’ jsir ukoll f’dan l-istadju inizjali.

30.      Għalhekk naraw li l-uniku bbilanċjar, li l-Information Commissioner, l-Isvezja, l-Information Tribunal, l-Administrative Court u minoranza tas-Supreme Court iridu jaċċettaw, jirriżultaw diġà mit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali.

B –    Dwar it-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali

31.      Jifdal li jiġi kkunsidrat, f’din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, il-funzjoni li għandha tingħata lit-tielet sentenza.

1.      It-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali tiċċara t-tieni sentenza?

32.      It-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali tista’, l-ewwel nett, titqies bħala kjarifika tal-kontenut tat-tieni sentenza. L-istess bħal fit-tieni sentenza tal-premessa 16, id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali tispeċifika li l-eżerċizzju għandu jsir fl-ibbilanċjar. Barra minn hekk, hija tenfasizza għal darb’oħra, li l-ibbilanċjar għandu jsir f’kull każ partikolari sabiex l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jevitawha fil-liġi tat-traspożizzjoni (11).

33.      L-oriġini tat-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali ssostni din il-kjarifika. Din id-dispożizzjoni ġiet introdotta biss ftit qabel l-adozzjoni tad-direttiva fil-Kumitat tal-Konċiljazzjoni. Ir-raġunijiet eżatti ma huma msemmija fl-ebda dokument. Il-Kunsill kien madankollu ċaħad, fuq dan il-punt, l-obbligu li jwettaq ibbilanċjar minħabba li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus tirreferi biss għall-kunsiderazzjoni tal-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar (12). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-Parlament kienu pproponew diversi formuli biex jispeċifikaw li l-aċċess għandu jingħata jekk l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar jipprevali. B’hekk naraw li t-tielet sentenza tista’ tirrappreżenta l-volontà għall-kunsiderazzjoni ta’ din l-idea.

34.      Madankollu din il-preċiżjoni hija żejda sa ċertu punt u barra minn hekk inutli.

35.      It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali diġà tirreferi għal każ partikolari, tant li ma kienx hemm għalfejn jiġi rripetut fit-tielet sentenza.

36.      U kienet tkun ferm iktar ċara li kieku t-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali nbidlet bi kliem bħal dak tat-tieni sentenza tal-premessa 16 (13) jew li ġiet segwita l-verżjoni proposta mill-Kummissjoni (14) u approvata mill-Parlament fl-ewwel qari (15) tat-tieni sentenza (16) tal-Artikolu 4(2), sabiex il-kunsiderazzjoni pprovduta titqies bħala bbilanċjata.

37.      Għaldaqstant interpretazzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, li ċċekken din id-dispożizzjoni għall-sempliċement kjarifika, ma hijiex konvinċenti.

2.      It-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali bħala bbilanċjar ta’ interessi akkumulati?

38.      Għaldaqstant għandna neżaminaw jekk it-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, għandiex funzjoni indipendenti mit-tieni sentenza u l-ibbilanċjar previst fiha. Din il-funzjoni tista’ tkun tikkonsisti f’ibbilanċjar, imsemmi fit-talba għal deċiżjoni preliminari, bl-interessi akkumulati li jisfidaw l-iżvelar.

a)      Fuq it-termini tat-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali

39.      Kuntrarjament għall-analiżi tar-Renju tal-Isvezja u tal-Information Commisioner, l-użu tat-terminu “interess” fis-singular ma jipprekludix l-akkumulazzjoni ta’ diversi interessi. Huwa veru li l-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi (17) jopponu biss l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar kontra l-interess moqdi bir-rifjut tal-iżvelar, billi jużaw ukoll it-terminu interess fis-singular. L-“interess” moqdi bi kwalunkwe waħda minn dawn jista’ madankollu jinkludi fit-tifsira oriġinali tiegħu l-interessi differenti (parzjali) li jindikaw riżultat wieħed jew ieħor.

40.      L-enfasi fuq il-każ partikolari fejn l-ibbilanċjar għandu jitwettaq lanqas ma jipprojbixxi l-akkumulazzjoni. Kif isostni l-Gvern tar-Renju Unit, huwa ċar li l-kunċett ta’ każ partikolari għandu jinftiehem fis-sens li dan il-kunċett jirrigwarda kull deċiżjoni li trid tittieħed dwar l-iżvelar ta’ tagħrif (18).

41.      Barra minn hekk, il-fatt li l-interessi denji ta’ protezzjoni jinqasmu f’derogi varji ma jipprekludix l-akkumulazzjoni tagħhom. Kif il-Gvern tar-Renju Unit jesponi b’mod konvinċenti, dawn id-derogi mhux dejjem jistgħu jiġu distinti b’mod ċar minn xulxin. Infatti l-interessi denji ta’ protezzjoni jikkoinċidu b’mod kunsiderevoli. Dan huwa partikolarment evidenti fl-interessi protetti mill-Artikolu 4(2)(d-ġ) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, jiġifieri l-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali, tal-proprjetà intellettwali, id-data ta’ natura personali u l-interessi jew il-protezzjoni ta’ kull persuna li tipprovdi t-tagħrif mitlub minn jedda.

42.      Fl-aħħar nett, ir-Renju tal-Isvezja ma jistax isostni li l-ibbilanċjar previst mid-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali għandu jsir bl-istess mod kif meħtieġ mir-Regolament Nru 1049/2001.

43.      Minn naħa, għadu mhux ċar x’risposta għandha tingħata għad-domanda inkwistjoni fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-Qorti tal-Ġustizzja, tabilħaqq, għadha ma eżaminatx jekk l-ibbilanċjar meħtieġ mir-regolament jippermettix, jew jordnax, l-akkumulazzjoni tal-interessi (19).

44.      Min-naħa l-oħra, dwar il-punt tal-ibbilanċjar, it-test tar-regolament ivarja ferm minn dak tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. Skont l-Artikolu 4(2)(3) tar-Regolament (20), l-aċċess għad-dokument jista’ jiġi rrifjutat meta l-iżvelar jista’ jkun ta’ dannu għall-protezzjoni ta’ ċerti interessi protetti “jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tiegħu”. Dan ir-rekwiżit ta’ bbilanċjar huwa indikat f’termini iktar restrittivi minn dawk tat-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali.

b)      Fuq il-limitazzjonijiet ta’ derogi eventwali

45.      Madankollu, ir-Renju tal-Isvezja ġustament jenfasizza li l-akkumulazzjoni ta’ interessi ma tistax tiġġustifika derogi ġodda għad-dritt tat-tagħrif.

46.      Skont l-ewwel sentenza tal-premessa 16 tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, it-talba għal tagħrif ambjentali tista’ tinċaħad biss fi ftit każijiet speċjali definiti b’mod ċar. Dawn il-każijiet jinsabu fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) u (2). Skont it-termini tagħhom, id-derogi huma ta’ natura eżawrjenti u mhux illustrattiva (21). Dan huwa kkonfermat bl-interpretazzjoni ristrettiva tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2).

47.      Derogi ġodda joħolqu wkoll kunflitt mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li fl-Artikolu 4(3)(4), tipprovdi biss derogi espliċitament definiti (22). Bħal kull ftehim internazzjonali ieħor konkluż mill-Unjoni, dan il-ftehim jieħu preċedenza fuq dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni (23). Minħabba din il-preċedenza, teħtieġ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni sa fejn ikun possibbli, skont l-impenji internazzjonali tal-UE (24), kif għandu jkun ukoll fil-kuntest tat-tagħrif ambjentali (25).

48.      Għalhekk, it-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali ma tistax toħloq derogi ġodda li ma humiex imsemmija espliċitament fl-Artikolu 4(1) u (2) l-ewwel sentenza.

49.      Għaldaqstant ikunu evidentement esklużi mill-ibbilanċjar iddettat mit-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, interessi li għalkemm jistgħu ċertament jikkontestaw l-iżvelar, ma humiex irrikonoxxuti fl-Artikolu 4 bħala li jiġġustifikaw xi derogi għad-dritt tal-aċċess għat-tagħrif ambjentali, bħal pereżempju l-ispejjeż tal-ipproċessar tat-talbiet.

50.      Il-Kummissjoni tosserva wkoll ġustament li ċ-ċirku ta’ interessi denji ta’ protezzjoni huwa limitat meta jkollha tittieħed deċiżjoni dwar l-iżvelar ta’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. Skont ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, li ssemmi l-klawżola “emissjonijiet fl-ambjent”, il-maġġoranza tal-interessi msemmija fl-Artikolu 4(2), ma jistgħux jiġġustifikaw ir-rifjut. Għalhekk jiġu esklużi b’mod partikolari, il-kunfidenzjalità tal-proċeduri ta’ awtoritajiet pubbliċi [l-Artikolu 4(2)(a)], jew tagħrif kummerċjali jew industrijali [Artikolu 4(2)(d)]. Dawn l-interessi ma jistgħux għalhekk ikunu inklużi f’ibbilanċjar bi skop illi jiġi deċiż jekk għandux jiġi żvelat jew le tagħrif dwar emissjonijiet fl-ambjent.

51.      Lanqas ma huwa possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi, li jinsabu fid-Direttiva u li huma ċertament involuti, iżda li ma jistgħux jistabbilixxu xi effetti negattivi ta’ dan l-iżvelar, fl-ibbilanċjar inizjali mwettaq skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, hija eskluża wkoll. L-interessi li ma humiex affettwati ma jistax ikollhom effett fuq l-ibbilanċjar. Jekk sussegwentement jiġu ddeterminati xi effetti fuq dawn l-interessi, dawn għandhom ikunu negattivi biex ikollhom effett fuq dan l-ibbilanċjar.

52.      Il-kwistjoni ċentrali hija, madankollu, dwar jekk id-derogi ġodda jinħolqux b’akkumulazzjoni ta’ interessi tal-kunfidenzjalità affettwati b’mod negattiv.

53.      L-akkumulazzjoni tista’ definittivament toħloq restrizzjoni ġdida dwar l-aċċess għat-tagħrif ambjentali meta l-interessi differenti, flimkien, jiġġustifikaw rifjut ta’ żvelar, anki jekk meta kkunsidrati separatament, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar, jegħlibhom. Madankollu, tkun dejjem għadha restrizzjoni tal-aċċess ibbażata fuq l-interess irrikonoxxut.

54.      Flimkien mal-Gvern tar-Renju Unit, nikkunsidra li din ir-restrizzjoni ġdida hija applikazzjoni konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

55.      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-leġiżlatur Komunitarju huwa marbut li josserva (26). Konsegwentement, l-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li jeħtieġ u biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimament imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Madankollu, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas restrittiva. Minbarra dan, l-iżvantaġġi li tista’ ġġib magħha għandhom ikunu proporzjonati mal-għanijiet li jkunu jridu jintlaħqu (27).

56.      Għalhekk, jekk l-interessi rrikonoxxuti li jikkontestaw l-iżvelar, jipprevalu b’mod ċar fuq l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar, l-iżvantaġġi marbuta mal-iżvelar tat-tagħrif ambjentali ma jkunux proporzjonati mal-għan mixtieq.

57.      Filwaqt li r-Renju tal-Isvezja u l-Information Commissioner jinvokaw il-prinċipju ta’ interpretazzjoni restrittiva tad-derogi, lanqas dan il-prinċipju nnifsu ma jeħtieġ l-iżvelar ta’ tagħrif ambjentali li jwassal għal żvantaġġi eċċessivi. Pjuttost, għandu jiġi osservat fl-interpretazzjoni tad-derogi, fl-ibbilanċjar tal-interessi u fl-ibbilanċjar innifsu. Wieħed ma jistax ipoġġi b’mod matematiku żewġ żvantaġġi kontra vantaġġ, iżda minflok irid jibbilanċja l-interessi inkwistjoni skont is-sinjifikat tagħhom, qabel ma jibda l-ibbilanċjar.

58.      Huwa veru li l-Information Commissioner jibża’ mid-diffikultajiet konkreti tal-ibbilanċjar tal-interessi akkumulati, iżda dawn id-diffikultajiet jinsabu iktar fl-ibbilanċjar tal-interess moqdi bl-iżvelar ta’ tagħrif u l-interess taż-żamma tiegħu milli fl-akkumulazzjoni. Il-paragun ta’ ħafna minn dawn l-interessi jista’ jkun biss tedjanti, u għaldaqstant l-ibbilanċjar tagħhom ukoll. Dan l-ibbilanċjar, madankollu, se jkun iktar faċli jekk il-prinċipju ta’ interpretazzjoni restrittiva tad-derogi jiġi implementat, f’każ ta’ xi dubju, favur it-trasparenza.

59.      Barra minn hekk, l-ibbilanċjar jista’ diġà jeħtieġ akkumulazzjoni ta’ xi derogi, b’mod partikolari, kif il-Gvern tar-Renju Unit ġustament jissuġġerixxi, fuq in-naħa tal-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar (28). Il-premessa 1 tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali diġà fiha tliet interessi parzjali, jiġifieri l-ewwel nett, iktar għarfien dwar kwistjonijiet ambjentali, it-tieni nett, skambju ħieles ta’ ideat u parteċipazzjoni iktar effettiva tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-ambitu tal-ambjent u t-tielet nett, it-titjib tal-protezzjoni ambjentali.

60.      Għaldaqstant ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li, meta awtorità pubblika jkollha tagħrif dwar l-ambjent li l-iżvelar tiegħu jagħmel ħsara lill-interessi differenti protetti minn iktar minn deroga waħda tal-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, iżda, li kieku dawn id-derogi kienu eżaminati separatament, din il-ħsara ma kinitx tkun sinjifikattiva biżżejjed biex tisboq l-interess pubbliku għall-iżvelar, din id-direttiva timponi eżami addizzjonali li huwa fl-eżerċizzju fejn l-interessi differenti protetti miż-żewġ derogi jingħaqdu u jitpoġġew flimkien sabiex jiġu bbilanċjati kontra l-interess pubbliku għall-iżvelar.

 Ċ-       Fuq id-derogi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali

61.      Fl-aħħar nett, nixtieq nanalizza punt ieħor ta’ diverġenza bejn il-Kummissjoni u l-Gvern tar-Renju Unit li huwa dwar jekk l-ibbilanċjar jistax jinkludi wkoll id-derogi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. Din il-kwistjoni ma hijiex is-suġġett tat-talba preliminari peress li din issemmi biss żewġ derogi fil-paragrafu 2.

62.      Jekk madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interferenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, ikun ċar li l-punt (a) tiegħu ma jagħtix lok għall-ibbilanċjar: jekk awtorità pubblika ma jkollhiex it-tagħrif mixtieq, hija ma tistax tiżvelah. Dan se japplika wkoll għat-talbiet magħmula b’mod wisq ġenerali kif definit fil-punt (ċ) skont l-interpretazzjoni ta’ din id-deroga. Jekk tkopri biss it-talbiet li l-għan tagħhom ma jistax jiġi identifikat, l-ibbilanċjar ma jkunx iktar possibli.

63.      Talbiet evidentement mhux raġonevoli [l-Artikolu 4(1)(b)], id-dokumenti jew id-data mhux sħiħa [punt (d)] u l-komunikazzjonijiet interni [punt (e)], jaffettwaw madankollu, l-interessi protetti li jagħtu ruħhom għal ibbilanċjar u li għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni f’każ ta’ żvantaġġi. L-istess japplika għat-talbiet magħmula b’mod wisq ġenerali [punt (ċ)] jekk din l-espressjoni tista’ tinkludi wkoll talbiet li l-ġeneralità tat-termini tagħhom ikunu jirriżultaw fi spejjeż tat-trattament partikolarment għolja.

V –    Konklużjoni

64.      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:

“Skont id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diret[t]iva tal-Kun[s]ill 90/313/KEE , meta awtorità pubblika jkollha tagħrif dwar l-ambjent li l-iżvelar tiegħu jagħmel ħsara lill-interessi differenti protetti minn iktar minn deroga waħda tal-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, iżda, li kieku dawn id-derogi kienu eżaminati separatament, din il-ħsara ma kinitx tkun sinjifikattiva biżżejjed biex tisboq l-interess pubbliku għall-iżvelar, din id-direttiva timponi eżami addizzjonali li jikkonsisti fl-eżerċizzju fejn l-interessi differenti protetti miż-żewġ derogi jingħaqdu u jitpoġġew flimkien sabiex jiġu bbilanċjati kontra l-interess pubbliku għall-iżvelar”.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 –      Titolu sħiħ: Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diret[t]iva tal-Kun[s]ill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).


3 – ĠU 2005 L 124, p. 4.


4 –      Approvata bid-Deċiżjoni 2005/370/KE tal-Kunsill, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17).


5 – S.I. 2004, Nru 3391.


6 – http://www.sitefinder.ofcom.org.uk/.


7 – Direttiva 90/313/KEE tal-Kunsill, tas-7 ta’ Ġunju 1990, dwar l-aċċess ħieles għall-informazzjoni dwar l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 402).


8 – Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


9 – Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).


10 – B’hekk, skont il-konklużjonijiet tiegħi tat-3 ta’ Marzu 2011, fil-kawża l-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C‑506/08 P, p. I‑0000, b’mod partikolari punti 47 et seq), il-kontroll mill-pubbliku ta’ proċess ta’ deċiżjoni ma jistax jitqies li jikkomprometti dan il-proċess.


11 – F’dan is-sens, sadattant, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu (C‑266/09, p. I‑13119, punt 56).


12 – Ara l-punt VI, punti 5 u 6, l-aħħar inċiż tal-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 24/2002 adottata mill-Kunsill, fit-28 ta’ Jannar 2002, għall-adozzjoni tad-Direttiva 2002/. . ./KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva 90/313/KEE tal-Kunsill (ĠU 2002, C 113 E, p. 1, fil-p. 12).


13 – “Ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, li bih, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi ppreċiżat kontra l-interess moqdi bir-rifjut[sic]”.


14 – Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali, COM (2000) 402 finali.


15 – Testi adottati mill-Parlament Ewropew fis-seduta tal-14 ta’ Marzu 2001 - 7. Aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali A5-0074/2001 (ĠU 2001, C 343, p. 165).


16 – “F’kull każ, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jintiżen kontra l-interess moqdi bir-rifjut”. Minħabba ż-żieda ta’ sentenza fl-ewwel qari, din saret it-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tal-proposta emendata mill-Parlament.


      Ara wkoll il-proposta emendata tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali mressqa mill-Kummissjoni wara l-ewwel qari (ĠU 2001, C 240 E, p. 289, fil-p. 292). “Ir-raġunijiet għal rifjut ta’ żvelar ta’ tagħrif imsemmija hawn fuq, għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. ... Fil-każijiet kollha msemmija fl-Artikolu 4(1)(c) u l-Artikolu 4(2)(a)-(g), l-interess pubbliku tal-iżvelar ta’ tagħrif għandu jiġi evalwat b’rabta mal-interess marbut mar-rifjut ta’ dan l-iżvelar. L-aċċess għat-tagħrif mitlub għandu jingħata meta l-interess tal-iżvelar ta’ dan għall-pubbliku jegħleb l-interess tar-rifjut ta’ dan l-iżvelar”.


17 – Fil-verżjoni Daniża (“interesser”) u Estonjana (“huvidega”), it-terminu “interess” jidher li ntuża fil-plural; il-verżjoni Litwana tirreferi għal vantaġġi: “ieguvumu” et “ieguvumam”.


18 – Is-sentenza Stichting Natuur en Milieu (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 55 etseq) hija wkoll ibbażata fuq din il-fehma.


19 – Fil-kawża tal-21 ta’ Settembru 2010, l-Isvezja vs API u l-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, p. I‑0000, punt 158), il-Qorti tal-Ġustizzja, indikat li kunsiderazzjonijiet ta’ natura daqshekk ġenerika ma jistgħux jistabbilixxu li l-prinċipju ta’ trasparenza jirrapreżenta, f’dan il-każ, kwalunkwe akutezza partikolari li tista’ tegħleb ir-raġunijiet (fil-plural!) li jiġġustifikaw ir-rifjut tal-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni. Madankollu ma huwiex ċar jekk dawn ir-raġunijiet għandhomx jiġu kkunsidrati separatament jew flimkien.


20 – Id-derogi tal-Artikolu 4(1) Regolament Nru 1049/2001 ma jipprevedu l-ebda bbilanċjar.


21 – Ara għal dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 1049/2001, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, l-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389, punti 66 et seq, b’mod partikolari l-punt 76).


22 – Dawn huma r-raġunijiet li wasslu lill-Gvern Finlandiż biex jirrifjuta t-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2), f’dikjarazzjoni li saret fi protokoll wara l-adozzjoni tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali; ara d-dokument tal-Kunsill 14917/02 ADD 1 REV 1, tat-13 ta’ Diċembru 2002 (p. 1).


23 – Is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑61/94, Ġabra p. I‑3989, punt 52); tal-1 ta’ April 2004, Bellio F.lli (C‑286/02, Ġabra p. I‑3465, punt 33); u tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 35).


24 – Is-sentenzi, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 52); tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati (C‑341/95, Ġabra p. I‑4355, punt 20); Bellio F.lli (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 33); tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, Ġabra p. I-11519, punt 35) u tal-14 ta’ Mejju 2009, Internationaal Verhuis - en Transportbedrijf Jan de Lely (C‑161/08, Ġabra p. I‑4075, punt 38).


25 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-23 ta’ Settembru 2010, fil-kawża Stichting Natuur en Milieu Kawża (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 41) u tal-14 ta’ Ottubru 2010, fil-kawża Ville de Lyon [is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru, 2010 (C‑524/09, p. I‑14115, punt 35 et seq)]. Din is-sentenza, mogħtija mir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma tistax tiġi analizzata raġonevolment bħala li qed titbiegħed minn din il-ġurisprudenza.


26 – Is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Köster, Berodt & Co. (25/70, Ġabra. p. 1161, punti 21 et seq); tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et (137/85, Ġabra. p. 4587, punt 15); u tas-17 ta’ Jannar 2008, Viamex Agrar Handel (C‑37/06 u C‑58/06, Ġabra. p. I‑69, punt 33).


27 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Köster & Co. (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punti 28 u 32); tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter (265/87, Ġabra. p. 2237, punt 21); tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C‑189/01, Ġabra. p. I‑5689, punt 81); Viamex Agrar Handel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 35) u tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, p. I‑2007, punt 86).


28 – Kif muri, dwar ir-Regolament Nru. 1049/2001, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja vs Turco vs Il-Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punti 45-47 u 67).