Language of document : ECLI:EU:C:2018:943

Kawża C575/17

Sofina SA et

vs

Ministre de l’Action et des Comptes publics

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d’État (Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa f’ras il-għajn fuq l-ammont gross tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali mqassma lil kumpanniji mhux residenti – Posponiment tat-taxxa fuq id-dividendi mqassma lil kumpannija residenti fil-każ ta’ sena finanzjarja b’telf – Differenza fit-trattament – Ġustifikazzjoni – Komparabbiltà – Tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri – Effikaċità tal-ġbir tat-taxxa – Proporzjonalità – Diskriminazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat‑22 ta’ Novembru 2018

Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq id-dividendi – Taxxa fuq id-dividendi rċevuti min kumpanniji residenti skont is-sistema tad-dritt komuni li tippermetti posponiment jew saħansitra eżenzjoni definittiva mit-taxxa – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi taxxa definittiva f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjonijiet – Assenza

(Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE)

L-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li d-dividendi mqassma minn kumpannija residenti li huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn meta dawn jiġu rċevuti minn kumpannija mhux residenti, filwaqt li, meta dawn jiġu rċevuti minn kumpannija residenti, it-taxxa tagħhom skont is-sistema tad-dritt komuni tat-taxxa fuq il-kumpanniji ma sseħħx fl-aħħar tas-sena finanzjarja li matulha ġew riċevuti ħlief jekk din il-kumpannija għamlet profitt matul din is-sena finanzjarja, filwaqt li tali taxxa tista’, jekk ikun il-każ, qatt ma sseħħ jekk l-imsemmija kumpannija twaqqaf l-attività tiegħu mingħajr ma tkun kisbet profitt wara li tirċievi dawn id-dividendi.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ż-żamma tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tikkostitwixxi għan leġittimu u li, fl-assenza ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni adottati mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji għat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni tagħhom (sentenza tat‑13 Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland, C‑18/15, EU:C:2016:549, punt 35).

Tali ġustifikazzjoni tista’ tiġi aċċettata, b’mod partikolari, fejn is-sistema inkwistjoni hija intiża sabiex tipprekludi aġir li jista’ jippreġudika d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑269/09, EU:C:2012:439, punt 77).

Ċertament, jekk jiġri li l-kumpannija mhux residenti ma terġax tagħmel profitt qabel ma twaqqaf l-attivitajiet tiegħu, dan iwassal għal eżenzjoni effettiva tad-dħul minn dividendi li jirriżulta f’telf fiskali għall-Istat Membru ta’ tassazzjoni.

Madankollu, minn naħa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tnaqqis fid-dħul fiskali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġi invokata sabiex tiġġustifika miżura li, bħala prinċipju, tmur kontra libertà fundamentali (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑284/09, EU:C:2011:670, punt 83).

Min-naħa l-oħra, meta l-Istati Membri jagħmlu użu mil-libertà li jintaxxaw id-dħul iġġenerat fit-territorju tagħhom, għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-libertajiet tal-moviment iggarantiti mil-liġi primarja tal-Istati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland, C‑18/15, EU:C:2016:549, punt 36).

It-taxxa f’ras il-għajn li għaliha huma suġġetti d-dividendi mħallsa lill-kumpanniji mhux residenti tista’ tnaqqas il-formalitajiet amministrattivi li jinvolvi l-obbligu, għal dawn il-kumpanniji, li ssir dikjarazzjoni ta’ dħul fi tmiem is-sena fiskali, lill-amministrazzjoni fiskali Franċiża.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħtieġa li jiġi żgurat ġbir effettiv tat-taxxa tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali, b’dan li, madankollu, l-applikazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan imfittex u li hija ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland, C‑18/15, EU:C:2016:549, punt 39).

Barra minn hekk, ġie deċiż li l-proċedura ta’ taxxa f’ras il-għajn tikkostitwixxi mezz leġittimu u xieraq sabiex jiġi żgurat it-trattament fiskali tad-dħul ta’ persuna stabbilita barra mill-Istat ta’ tassazzjoni (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, X, C‑498/10, EU:C:2012:635, punt 39).

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinsab, kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, fiċ-ċirkustanza li, kuntrarjament għall-kumpanniji residenti li qed jagħmlu telf, il-kumpanniji mhux residenti, huma stess qed jagħmlu telf, ma jibbenefikawx mill-posponiment tat-taxxa fuq id-dividendi li huma jirċievu.

Issa, ir-rikonoxximent tal-benefiċċju ta’ dan il-posponiment lill-kumpanniji mhux residenti, filwaqt li jelimina neċessarjament din ir-restrizzjoni, ma jikkontestax it-twettiq tal-għan marbut mal-ġbir effikaċi tat-taxxa dovuta minn dawn il-kumpanniji meta jirċievu dividendi ta’ kumpannija residenti.

Konsegwentement, ir-rikonoxximent tal-vantaġġ relatat mal-posponiment tat-taxxa fuq id-dividendi mqassma wkoll lill-kumpanniji mhux residenti li qed jagħmlu telf għandu l-effett li jneħħi kull ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital mingħajr madankollu ma jostakola t-twettiq tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

(ara l-punti 56, 57, 60-62, 66-70, 77, 79 u d-dispożittiv)