Language of document : ECLI:EU:T:2018:79

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

1 ta’ Frar 2018 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni Ewropea – Trade mark figurattiva EXPRESSVPN – Raġuni assoluta għal rifjut – Talba għal bidla – Kap ta’ talbiet uniku – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑265/17,

ExpressVPN Ltd, stabbilita fi Glen Vine (il-Gżira ta’ Man), irrappreżentata minn A. Muir Wood, barrister,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Ivanauskas, bħala aġent,

konvenut,

li għandu bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tas-16 ta’ Frar 2017 (Każ R 1352/2016‑5), dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni Ewropea Nru 1265562 tat-trade mark figurattiva EXPRESSVPN,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise u R. da Silva Passos (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors u t-talba għal kunfidenzjalità ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Mejju 2017,

wara li rat l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ġunju 2017,

wara li rat l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Awwissu 2017,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Fit-3 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti, ExpressVPN Ltd, ippreżentat, quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), applikazzjoni għall-protezzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 1 265 562, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif kien ġie emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 42 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif kien ġie rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Servizzi ta’ pariri, ta’ informazzjoni u ta’ konsulenza fl-IT; konsulenza dwar is-sigurtà tad-data; żvilupp ta’ softwer”.

4        Fis-26 ta’ Mejju 2016, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (c), u (2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (c), u (2) tar-Regolament 2017/1001), għar-raġuni li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni kien, minn naħa, deskrittiv u, min-naħa l-oħra, nieqes minn karattru distintiv. L-eżaminatur ċaħad ukoll l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni kien kiseb karattru distintiv permezz tal-użu li kien sar minnu, fis-sens tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament (li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001).

5        Fil-25 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tal-eżaminatur.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2017 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni ikkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad dan l-appell. Qabel kollox, huwa qies, essenzjalment, li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni kien deskrittiv sa fejn dan is-sinjal, fir-rigward ta’ pubbliku anglofonu li għandu livell ta’ attenzjoni għola mill-medja, kien jiddeskrivi karatteristiċi tas-servizzi mitluba. Sussegwentement, huwa qies li l-imsemmi sinjal kien ukoll nieqes minn karattru distintiv. Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell qies li l-elementi ta’ prova prodotti mir-rikorrenti ma kinux isostnu l-affermazzjoni li l-element “expressvpn” kien sar rikonoxxibbli bħala trade mark tal-proprjetarju tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        “tibdel id-deċiżjoni kkontestata sabiex tippermetti r-reġistrazzjoni tat-trade mark fuq il-bażi li t-trademark la hija deskrittiva u lanqas nieqsa minn karattru distintiv u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prova tal-karattru distintiv miksub prodotta lill-eżaminatur kif ukoll lill-Ħames Bord tal-Appell”;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

8        Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali kellha tqis ir-rikors bħala ammissibbli, tiffissa terminu ġdid għat-tkomplija tal-istanza.

9        Fl-osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Hija tippreċiża li hija qiegħda titlob biss il-bidla tad-deċiżjoni kkontestata: “li għalhekk tippermetti r-reġistrazzjoni tat-trade mark fir-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea mill-[EUIPO] u tiżgura protezzjoni fir-rigward tal-Unjoni Ewropea”. Hija titlob ukoll li tiġi milqugħa t-talba sussidjarja tal-EUIPO intiża għat-tkomplija tal-istanza u li l-EUIPO jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż relatati mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

 Id-dritt

10      Skont l-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, jekk il-konvenut jitlob li jsir hekk.

11      F’dan il-każ, billi l-EUIPO talab li tingħata deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà tar-rikors, il-Qorti Ġenerali, billi tqis lilha nnifisha biżżejjed informata mill-atti tal-proċess, tiddeċiedi li tiddeċiedi dwar din it-talba mingħajr ma tkompli l-proċedura.

12      Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-EUIPO jsostni, essenzjalment, li r-rikors huwa inammissibbli, peress li l-uniku kap ta’ talbiet huwa intiż sabiex jikseb il-bidla tad-deċiżjoni kkontestata b’mod li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkun tista’ tiġi rreġistrata. Issa, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba intiża sabiex hija tibdel id-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell, jew billi tirreġistra t-trade mark hija stess, jew billi titlob lill-EUIPO jipproċedi għar-reġistrazzjoni tagħha.

13      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti tippreċiża li hija qiegħda titlob biss il-bidla tad-deċiżjoni kkontestata: “li għalhekk tippermetti r-reġistrazzjoni tat-trade mark fir-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea mill-[EUIPO] u tiżgura protezzjoni fir-rigward tal-Unjoni Ewrpea”.

14      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-uniku kap ta’ talbiet tar-rikors preżenti jikkostitwixxi talba għal bidla, fis-sens tal-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72(3) tar-Regolament 2017/1001), li jipprovdi li, fir-rigward tar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell, “[i]l-Qorti Ġenerali għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tħassar jew tibdel id-deċiżjoni kkontestata”. Peress li r-rikorrenti enfasizzat, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li hija kienet qiegħda titlob biss il-“bidla” tad-deċiżjoni kkontestata, “li għalhekk tippermetti r-reġistrazzjoni tat-trade mark”, ma huwiex possibbli għall-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ, li tinterpreta dan l-uniku kap ta’ talbiet fis-sens li dan huwa intiż kemm għall-annullament kif ukoll għall-bidla tal-imsemmija deċiżjoni.

15      Issa, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li, peress li l-annullament ta’ deċiżjoni kollha jew ta’ parti minnha jikkostitwixxi kundizzjoni minn qabel u neċessarja sabiex tkun tista’ tiġi milqugħa talba għal bidla fis-sens tal-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009, talba bħal din ma tistax tiġi milqugħa fl-assenza ta’ talbiet għal anullament kontra d-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2006, Camper vs UASI – JC (BROTHERS by CAMPER), T‑43/05, mhux ippubblikata, EU:T:2006:370, punt 99).

16      Fi kwalunkwe każ, sa fejn it-talba tar-rikorrenti hija intiża għar-“reġistrazzjoni tat-trade mark fir-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea mill-EUIPO”, għandu jitfakkar li s-setgħa ta’ bidla tal-Qorti Ġenerali hija intiża sabiex din tadotta d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kien imissu ħa, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2007, Koipe vs UASI – Aceites del Sur (La Española), T‑363/04, EU:T:2007:264, punti 29 u 30; tal-11 ta’ Frar 2009, Bayern Innovativ vs UASI – Life Sciences Partners Perstock (LifeScience), T‑413/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:34, punti 14 sa 16, u tad-9 ta’ Settembru 2011, Deutsche Bahn vs UASI – DSB (IC4), T‑274/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:451, punt 22).

17      Għaldaqstant, l-ammissibbiltà ta’ kap ta’ talbiet intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tibdel id-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kompetenzi mogħtija lil dan tal-aħħar mir-Regolament Nru 207/2009.

18      Issa, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001), wara li jsir l-eżami fil-mertu tar-rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ wieħed mid-dipartimenti msemmija fl-Artikolu 58(1) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 66(1) tar-Regolament 2017/1001), il-Bord tal-Appell “jista’ jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lill-dak id-dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri”. Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma huwiex kompetenti sabiex jagħti ordni lid-dipartiment li tiegħu huwa eżamina d-deċiżjoni (digrieti tat-30 ta’ Ġunju 2009, Securvita vs UASI (Natur-Aktien-Index), T‑285/08, EU:T:2009:230, punt 16, u tas-17 ta’ Mejju 2017, Piper Verlag vs EUIPO (THE TRAVEL EPISODES), T‑164/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:352, punt 18).

19      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tirriżulta mill-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 51 tar-Regolament 2017/1001) huma ssodisfatti, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li d-dipartimenti tal-EUIPO kompetenti fil-qasam tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea ma jadottawx, f’dan ir-rigward, deċiżjoni formali li tista’ tkun suġġetta għal appell.

20      Fil-fatt, l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li, “[f]ejn applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament u fejn ma tkun ingħatat l-ebda notifika ta’ oppożizzjoni fi ħdan il-perijodu msemmi fl-Artikolu 41(1) jew meta kull oppożizzjoni tkun waqgħet b’mod finali permezz ta’ rtirar, rifjut jew dispożizzjoni oħra, it-trademark u d-dettalji msemmija fl-Artikolu 87(2) għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru” (l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 207/2009 sar l-Artikolu 46(1) tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 87(2) tar-Regolament Nru 207/2009 sar l-Artikolu 111 tar-Regolament Nru 2017/1001).

21      Issa, skont l-Artikolu 131 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 160 tar-Regolament 2017/1001), l-eżaminatur huwa kompetenti sabiex jieħu deċiżjonijiet f’isem l-EUIPO fir-rigward tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea inklużi l-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikoli 36, 37 u 68 tal-imsemmi regolament (li saru l-Artikoli 41, 42 u 76 tar-Regolament 2017/1001), ħlief fejn Diviżjoni tal-Oppożizzjoni hija kompetenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 132(1) ta’ dan ir-regolament (li sar l-Artikolu 161(1) tar-Regolament 2017/1001), Diviżjoni tal-Oppożizzjoni hija kompetenti sabiex tieħu d-deċiżjonijiet kollha li jirrigwardaw l-oppożizzjoni għal applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea.

22      Mid-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punti 20 u 21 hawn fuq jirriżulta li l-kompetenzi mogħtija lill-eżaminatur u lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma humiex intiżi sabiex jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet kollha għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, previsti fl-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 207/2009, huma ssodisfatti.

23      Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ appell ippreżentat kontra deċiżjoni tal-eżaminatur jew tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, konformement mal-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 207/2009, Bord tal-Appell jista’ jintalab jiddeċiedi biss, fid-dawl tal-kompetenzi mogħtija lilu fl-Artikolu 64(1) tal-istess regolament, fuq uħud mill-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea msemmija fil-punt 21 hawn fuq, jiġifieri jew fuq il-konformità tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, jew fuq l-eżitu tal-oppożizzjoni li tagħha din tista’ tkun is-suġġett.

24      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li Bord tal-Appell ma huwiex kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni ta’ talba intiża sabiex huwa jirreġistra trade mark tal-Unjoni Ewropea (ara d-digriet tas-17 ta’ Mejju 2017, THE TRAVEL EPISODES, T‑164/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:352, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali lanqas ma tista’ tieħu konjizzjoni ta’ talba għal bidla intiża sabiex hija temenda d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell f’dan is-sens (digriet tat-30 ta’ Ġunju 2009, Natur-Aktien-Index, T-285/08, EU:T:2009:230, punt 23).

26      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li hemm lok li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal kunfidenzjalità mressqa mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

27      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

28      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      ExpressVPN hija kkundannata għall-ispejjeż.

Magħmul fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Frar 2018.

E. Coulon

 

S. Gervasoni

Reġistratur

 

President


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.