Language of document : ECLI:EU:T:2018:79

Kawża T265/17

ExpressVPN Ltd

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni Ewropea – Trade mark figurattiva EXPRESSVPN – Raġuni assoluta għal rifjut – Talba għal bidla – Kap ta’ talbiet uniku – Inammissibbiltà”

Sommarju – Digriet tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tal‑1 ta’ Frar 2018

Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Bidla ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju – Evalwazzjoni fir-rigward tal-kompetenzi mogħtija lill-Bord tal-Appell – Kap ta’ talbiet uniku intiż għall-bidla

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 45, 58(1), 64(1), 65(3) 131 u 132(1))

Peress li r-rikorrenti enfasizzat, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li hija kienet qiegħda titlob biss il-“bidla” tad-deċiżjoni kkontestata, “li għalhekk tippermetti r-reġistrazzjoni tat-trade mark”, ma huwiex possibbli għall-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ, li tinterpreta dan l-uniku kap ta’ talbiet fis-sens li dan huwa intiż kemm għall-annullament kif ukoll għall-bidla tal-imsemmija deċiżjoni.

Issa, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li, peress li l-annullament ta’ deċiżjoni kollha jew ta’ parti minnha jikkostitwixxi kundizzjoni minn qabel u neċessarja sabiex tkun tista’ tiġi milqugħa talba għal bidla fis-sens tal-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (li sar l-Artikolu 72(3) tar-Regolament 2017/1001), talba bħal din ma tistax tiġi milqugħa fl-assenza ta’ talbiet għal anullament kontra d-deċiżjoni kkontestata.

Fi kwalunkwe każ, sa fejn it-talba tar-rikorrenti hija intiża għar-“reġistrazzjoni tat-trade mark fir-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)”, għandu jitfakkar li s-setgħa ta’ bidla tal-Qorti Ġenerali hija intiża sabiex din tadotta d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kien imissu ħa, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009.

Għaldaqstant, l-ammissibbiltà ta’ kap ta’ talbiet intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tibdel id-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kompetenzi mogħtija lil dan tal-aħħar mir-Regolament Nru 207/2009.

Issa, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001), wara li jsir l-eżami fil-mertu tar-rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ wieħed mid-dipartimenti msemmija fl-Artikolu 58(1) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 66(1) tar-Regolament 2017/1001), il-Bord tal-Appell “jista’ jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lill-dak id-dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri”. Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma huwiex kompetenti sabiex jagħti ordni lid-dipartiment li tiegħu huwa eżamina d-deċiżjoni.

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tirriżulta mill-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 51 tar-Regolament 2017/1001) huma ssodisfatti, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li d-dipartimenti tal-Uffiċċju kompetenti fil-qasam tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea ma jadottawx, f’dan ir-rigward, deċiżjoni formali li tista’ tkun suġġetta għal appell.

Fil-fatt, l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li, “[f]ejn applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament u fejn ma tkun ingħatat l-ebda notifika ta’ oppożizzjoni fi ħdan il-perijodu msemmi fl-Artikolu 41(1) jew meta kull oppożizzjoni tkun waqgħet b’mod finali permezz ta’ rtirar, rifjut jew dispożizzjoni oħra, it-trademark u d-dettalji msemmija fl-Artikolu 87(2) għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru” (l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 207/2009 sar l-Artikolu 46(1) tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 87(2) tar-Regolament Nru 207/2009 sar l-Artikolu 111 tar-Regolament Nru 2017/1001).

Issa, skont l-Artikolu 131 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 160 tar-Regolament 2017/1001), l-eżaminatur huwa kompetenti sabiex jieħu deċiżjonijiet f’isem l-Uffiċċju fir-rigward tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea inklużi l-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikoli 36, 37 u 68 tal-imsemmi regolament (li saru l-Artikoli 41, 42 u 76 tar-Regolament 2017/1001), ħlief fejn Diviżjoni tal-Oppożizzjoni hija kompetenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 132(1) ta’ dan ir-regolament (li sar l-Artikolu 161(1) tar-Regolament 2017/1001), Diviżjoni tal-Oppożizzjoni hija kompetenti sabiex tieħu d-deċiżjonijiet kollha li jirrigwardaw l-oppożizzjoni għal applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea.

Mill-Artikoli 45(1), 131 u 132(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-kompetenzi mogħtija lill-eżaminatur u lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma humiex intiżi sabiex jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet kollha għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, previsti fl-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 207/2009, huma ssodisfatti.

Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ appell ippreżentat kontra deċiżjoni tal-eżaminatur jew tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, konformement mal-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 207/2009, Bord tal-Appell jista’ jintalab jiddeċiedi biss, fid-dawl tal-kompetenzi mogħtija lilu fl-Artikolu 64(1) tal-istess regolament, fuq uħud mill-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri jew fuq il-konformità tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, jew fuq l-eżitu tal-oppożizzjoni li tagħha din tista’ tkun is-suġġett.

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li Bord tal-Appell ma huwiex kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni ta’ talba intiża sabiex huwa jirreġistra trade mark tal-Unjoni Ewropea.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali lanqas ma tista’ tieħu konjizzjoni ta’ talba għal bidla intiża sabiex hija temenda d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell f’dan is-sens.

(ara l-punti 14‑25)