Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Ottubru 2009 - ECKA Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-400/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: ECKA Granulate GmbH & Co. KG (Fürth, il-Ġermanja) u non ferrum Metallpulver GmbH & Co. KG (St. Georgen bei Salzburg, l-Awstrija) (rappreżentanti: H. Janssen u M. Franz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas b'mod xieraq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5791 finali, tat-22 ta' Lulju 2009, fil-Każ COMP/39.396 - reaġenti bbażati fuq il-karbur tal-kalċju u l-manjesju għall-industriji tal-azzar u tal-gass. Fid-deċiżjoni kkontestata ġiet imposta multa fuq ir-rikorrenti u kumpanniji oħra għall-ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu fis-setturi tal-karbur tal-kalċju u tal-manjesju fiż-ŻEE, ħlief fi Spanja, fil-Portugall, fl-Irlanda u fir-Renju Unit, fejn kienu involuti fi ftehim dwar it-tqassim tas-suq, tal-kwoti u tal-klijenti, iffissar ta' prezzijiet u skambju ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali dwar prezzijiet, klijenti u volum ta' bejgħ.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu l-motivi li ġejjin:

l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 1 jikser il-prinċipju ta' preċiżjoni, għaliex il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali kważi illimitata fl-istabbiliment tal-multa;

stabbiliment illegali tal-multa, għaliex il-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi 2 jagħtu lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali kważi illimitata fl-istabbiliment tal-ammont tal-multa;

natura sproporzjonata tal-ammont tal-multa, għaliex il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kollaborazzjoni effettiva tar-rikorrenti;

natura sproporzjonata tal-ammont tal-multa, għaliex il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti ma wettqux ksur preċedenti tar-regoli tal-kompetizzjoni;

natura sproporzjonata tal-ammont tal-multa, għaliex il-konvenuta ma kkunsidratx bħala ċirkustanza attenwanti l-fatt li r-rikorrenti adottaw "miżuri ta' compliance" u li, anki għal raġunijiet personali, ma jeżistix ir-riskju ta' reċidiv;

natura sproporzjonata tal-ammont tal-multa, għaliex il-konvenuta ma kkunsidratx bħala ċirkustanza attenwanti l-fatt li r-rikorrenti ma naqqsux l-offerta ta' manjesju;

natura sproporzjonata tal-ammont tal-multa, għaliex ma tteħidx inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta' kapaċità ta' produzzjoni tar-rikorrenti.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, p. 1).

2 - Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).