Language of document : ECLI:EU:C:2016:874

Kawża C268/15

Fernand Ullens de Schooten

vs

État belge

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-cour d’appel de Bruxelles)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertajiet fundamentali – Artikoli 49, 56 u 63 TFUE – Sitwazzjoni li fiha l-elementi kollha huma limitati ġewwa Stat Membru – Responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil-leġiżlatur nazzjonali u lill-qrati nazzjonali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑15 ta’ Novembru 2016

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Kompetenzi attribwiti lill-Unjoni – Domanda li tikkonċerna l-prinċipju ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni – Inklużjoni

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Drittijiet mogħtija lill-individwi – Ksur minn Stat Membru – Ksur tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-trattat minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipproduċix effetti transkonfinali – Obbligu ta’ kumpens għad-dannu kkawżat lill-individwi – Assenza

(Artikoli 49 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE)

1.      Fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi lilha attribwiti.

Fir-rigward ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa attribwibbli lilu, dan il-prinċipju jirriżulta min-natura tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. L-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens, abbażi ta’ din ir-responsabbiltà, sakemm jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li r-regola tad-dritt tal-Unjoni li nkisret għandha bħala għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din ir-regola huwa suffiċjentement serju u li teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit mill-individwi. Ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru għal danni kkawżati minn deċiżjoni ta’ qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza li tikser regola tad-dritt tal-Unjoni hija rregolata mill-istess kundizzjonijiet. Konsegwentement, dan il-prinċipju ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat jaqa’ taħt il-kompetenza interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punti 40-43)

2.      Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sistema tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru għad-dannu kkawżat mill-ksur ta’ dan id-dritt ma hijiex intiża sabiex tapplika fil-preżenza ta’ dannu allegatament ikkawżat lil individwu minħabba ksur allegat ta’ libertà fundamentali, prevista fl-Artikoli 49, 56 jew 63 TFUE, minn leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli bla ebda distinzjoni għaċ-ċittadini nazzjonali u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, meta, f’sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru, ma teżisti ebda rabta bejn is-suġġett jew iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u dawn l-artikoli.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita minn qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li fiha l-elementi kollha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed, ma tistax, mingħajr indikazzjoni ta’ din il-qorti minbarra l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija applikabbli bla ebda distinzjoni għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, tikkunsidra li t-talba għall-interpretazzjoni preliminari li tirrigwarda d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet fundamentali hija neċessarja għaliha għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha. Fil-fatt, l-elementi konkreti li jippermettu li tiġi stabbilita rabta bejn is-suġġett jew iċ-ċirkustanzi ta’ tilwima, li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa l-Istat Membru kkonċernat, u l-Artikoli 49, 56 jew 63 TFUE għandhom jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju. Konsegwentement, fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tindika lill-Qorti tal-Ġustizzja, konformement għar-rekwiżit tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif, minkejja n-natura tagħha purament interna, it-tilwima pendenti quddiemha għandha element ta’ konnessjoni mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali li jrendi l-interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

(ara l-punti 54, 55, 58 u d-dispożittiv)