Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Diċembru 2008 - Telekomunikacja Polska vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-533/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Telekomunikacja Polska SA (Varsavja, il-Polonja) (aġenti: H. Romańczuk, M. Modzelewska de Raad u S. Hautbourg, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Settembru 2008, K (2008) 4997 li tordna lill-impriża Telekomunikacja Polska SA kif ukoll lill-impriżi kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnha sabiex jissottomettu ruħhom għal ispezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/20031;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti talbet l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Settembru 2008, K (2008) 4997, li tordna lill-impriża Telekomunikacja Polska SA kif ukoll lill-impriżi kollha kkontrollati direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment minnha, sabiex jissottomettu ruħhom għal ispezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, fil-kuntest ta' proċedura dwar l-allegata applikazzjoni ta' prattiki li mhumiex konformi mal-Artikolu 82 KE fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika.

Ir-rikorrenti ressqet dawn il-motivi insostenn tar-rikors tagħha:

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tad-dmir li tingħata motivazzjoni adegwata skont l-Artikolu 253 KE, kif ukoll skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma indikatx b'mod sodisfaċenti li hija fil-pussess ta' informazzjoni u provi li abbażi tagħhom huwa possibbli li jiġi preżunt raġonevolment it-twettiq, minn naħa tar-rikorrenti, tal-ksur li qed jiġi allegat fil-konfront tagħha. Barra dan, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tistabbilixxix b'mod biżżejjed preċiż il-fatti li l-Kummissjoni nfisha kellha l-intenzjoni li teżamina fil-każ tal-ispezzjonijiet. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni kisret l-obbligu li tistabbilixxi, fid-deċiżjoni kkontestata, il-karatteristiċi essenzjali tal-ksur li r-rikorrenti qed tiġi akkużata bih.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti eċċepiet li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità billi l-Kummissjoni ma għażlitx, skont ir-rikorrenti, il-mod l-inqas oneruż għaliha sabiex tmexxi l-proċedura.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ggarantietx lill-imsemmija rikorrenti d-dritt tad-difiża, b'mod partikolari fir-rigward tal-ksur ikkontestat mir-rikorrenti, f'relazzjoni mad-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel motiv. F'konnessjoni ma' dak li jippreċedi, ir-rikorrenti teċċepixxi li ma kellhiex il-possibbiltà li tidentifika kjarament liema prattiki kienu suġġetti għall-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni u għalhekk li tevalwa korrettament jekk u f'liema miżura dawn l-ispezzjonijiet jew l-obbligu ta' kollaborazzjoni mal-Kummissjoni li hija għandha matul dawn l-ispezzjonijiet huma ġġustifikati.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, paġ. 1).