Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ April 2024 – Kerkosand vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-216/24)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Kerkosand spol. s r.o. (Šajdíkove Humence, ir-Repubblika tas-Slovakkja) (rappreżentanti: A. Rosenfeld u C. Holtmann, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li l-Kummissjoni Ewropea naqset illegalment milli tieħu l-miżuri li jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2020 fil-Kawża T-745/17 1 u milli tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38121 [2016/FC] – ir-Repubblika tas-Slovakkja “Investment aid to the Slovak glass sand producer NAJPI a.s.” skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2015/1589 2 ;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti.

L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 266 TFUE

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 266 TFUE billi ma ħaditx il-miżuri li jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2020 fil-Kawża T-745/17 u milli tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38121 [2016/FC] – ir-Repubblika tas-Slovakkja “Investment aid to the Slovak glass sand producer NAJPI a.s.” skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2015/1589. Bis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Settembru 2020, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata. Skont is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern kif previst fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2015/1589, matul l-eżami tal-għajnuna. Peress li l-Kummissjoni għadha madankollu ma ħadet ebda deċiżjoni dwar il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, hemm ksur tal-Artikolu 266 TFUE.

It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 108 TFUE u tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2015/1589

Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li, bin-nuqqas ta’ azzjoni tagħha, il-Kummissjoni naqset ukoll milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 108(2) TFUE flimkien mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2015/1598. L-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2015/1589 jobbliga lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE jekk, wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tiddikjara li miżura nnotifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Skont is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni kellu jkollha dubji. Madankollu, sa issa ma ġiet adottata ebda deċiżjoni korrispondenti għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Minn meta ngħatat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2020, diġà għaddew iktar minn tliet snin u seba’ xhur. Sakemm inħarġet id-deċiżjoni annullata, il-proċedura ta’ eżami preliminari kienet diġà damet tliet snin u sitt xhur. Għalhekk, il-proċedura ta’ eżami preliminari damet iktar minn total ta’ seba’ snin mingħajr il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

It-tielet motiv: ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 1

Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tinvoka ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta. Dan id-dritt fundamentali jobbliga lill-Kummissjoni tikkompleta proċedura amministrattiva f’perijodu ta’ żmien raġonevoli u tevita li l-proċedura tieħu wisq żmien. Hemm ksur ta’ dan id-dritt fundamentali tar-rikorrenti peress li għaddew iktar minn seba’ snin mill-ilment tar-rikorrenti dwar l-għajnuna mingħajr ma nfetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-Kummissjoni kienet obbligata tagħmel dan l-iktar tard mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2020. Dan it-tul eċċessiv tal-proċedura, li seta’ jiġi evitat, huwa inkompatibbli mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u mad-dritt għal proċedura amministrattiva rapida.

____________

1 Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2020, Kerkosand vs Il-Kummissjoni (T-745/17, EU:T:2020:400).

1 Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).

1 ĠU 2012, C 326, p. 391