Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Ġunju 2022 – Stöttingfjällets Miljöskyddsförening vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-345/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Stöttingfjällets Miljöskyddsförening (Lycksele, l-Isvezja) (rappreżentant: G. Byrne, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tordna l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad bħala inammissibbli t-talba tar-rikorrenti tal-15 ta’ Diċembru 2021 biex issir reviżjoni interna, innotifikata lir-rikorrenti b’ittra datata l-1 ta’ April 2022, għar-raġuni li din tikser it-Trattati;

barra minn hekk/jew sussidjarjament, tiddikjara li l-Kummissjoni illegalment naqset milli taġixxi skont l-Artikolu 265 TFUE meta mitluba tagħmel dan permezz tal-ittra tar-rikorrenti tal-15 ta’ Diċembru 2021 u/jew naqset milli tiddefinixxi l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti hemm inkluż;

tiddikjara li, f’ċirkustanzi fejn il-Pjan Nazzjonali Integrat dwar l-Enerġija u l-Klima tal-Isvezja ta’ Jannar 2020 (iktar ’il quddiem in-“NECP Svediż”) ma huwiex konformi mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, dan ġie evalwat u/jew adottat u/jew ippubblikat illegalment mill-Kummissjoni, u għalhekk jikser id-dritt tal-Unjoni u internazzjonali u/jew huwa illegali;

tiddikjara li, f’ċirkustanzi fejn kien hemm okkorrenzi ta’ ksur serju tad-dritt ambjentali u li għadhom għaddejjin, il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi pożittivi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni u internazzjonali li tieħu dawk il-miżuri li kienu meħtieġa u xierqa sabiex tindirizza u/jew tirrimedja n-nuqqas ta’ konformità tan-NECP Svediż mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus;

tiddikjara li r-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 ma jagħtix effett lid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, inkluż l-Artikolu 7 tagħha, u bħala tali ma huwiex konformi mad-dritt ambjentali tal-Unjoni u internazzjonali, u għalhekk huwa illegali;

wara li tqis in-nuqqas ta’ konformità tan-NECP u, b’mod partikolari tan-NECP Svediż, mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tiddikjara li n-nuqqas tal-Kummissjoni li twettaq l-obbligi tagħha skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 jikkostitwixxi ksur tal-imsemmi regolament, ksur tal-Konvenzjoni u, barra minn hekk, jikkostitwixxi ksur tal-obbligi pożittivi tal-Kummissjoni taħt it-Trattati.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kkomunikata b’ittra datata l-1 ta’ April 2022 għandha tiġi annullata. Ir-rikorrenti ressqet talba lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra datata l-15 ta’ Diċembru 2021. B’risposta għat-talba tar-rikorrenti, permezz tal-ittra tagħha msemmija qabel, il-Kummissjoni qieset ir-risposta tar-rikorrenti inammissibbli. Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward hija fundamentalment żbaljata, tammonta għal ksur tad-dritt ambjentali tal-Unjoni u internazzjonali, u tikkostitwixxi ksur tat-Trattati. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni qiegħda tikser l-obbligi pożittivi tagħha taħt it-Trattati u d-dritt internazzjonali, inklużi l-Artikoli 3, 6 u 7 tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus). Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni kisret leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni inklużi l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. 1 Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikser id-dritt tar-rikorrenti għall-aċċess għall-ġustizzja tħat il-Konvenzjoni ta’ Aarhus u r-Regolament Nru 1367/2006. Ir-rikorrenti targumenta wkoll li l-att amministrattiv tal-Kummissjoni kif iddefinit fir-Regolament Nru 1367/2006 jikkostitwixxi ksur tat-Trattati.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li, barra minn hekk jew sussidjarjament għall-ewwel motiv, il-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE fir-rigward tan-NECP evalwati, adottati u ppubblikati mill-Kummissjoni inkluż, b’mod partikolari, in-NECP Svediż ikkontestat. Bin-nuqqas tagħha li taġixxi fuq il-bażi tat-talba tar-rikorrenti għal reviżjoni interna ppreżentata skont l-Artikolu 265 TFUE, il-Kummissjoni qiegħda tikser l-obbligi pożittivi tagħha taħt it-Trattati inklużi b’mod partikolari l-Artikolu 3 TUE u l-Artikolu 191 TFUE. Dan il-ksur jirrifletti wkoll ksur flagranti tad-dritt konswetudinarju u tat-trattati internazzjonali u Ewropew, inklużi l-Artikoli 3, 6 u 7 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Nru 1367/2006 u d-Deċiżjoni VII/8f tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar il-Konformità mill-Unjoni Ewropea mal-Obbligi Tagħha taħt il-Konvenzjoni (kif emendata), adottata fil-21 ta’ Ottubru 2021.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tiżgura l-konformità sħiħa tan-NECP Svediż mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ifisser li l-imsemmi NECP huwa, u ġie f’kull ħin materjali, evalwat, adottat u ppubblikat bi ksur manifest tad-dritt tal-Unjoni u internazzjonali u għalhekk huwa illegali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE fir-rigward tal-imsemmi NECP.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-Regolament (UE) 2018/1999 ma jagħtix effett lid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, inkluż l-Artikolu 7 tagħha, u bħala tali ma huwiex konformi mad-dritt ambjentali tal-Unjoni u internazzjonali. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament (UE) 2018/1999 jikser it-Trattati u għandu jiġi ddikjarat illegali.

____________

1 Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018 L 328, p. 1).

1 Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264 p. 13).