Language of document : ECLI:EU:T:2018:88

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla)

21 ta’ Frar 2018 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell li tirrevoka deċiżjoni preċedenti – Artikolu 80 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Prinċipju ġenerali tad-dritt li jawtorizza l-irtirar ta’ att amministrattiv illegali”

Fil-Kawża T‑727/16,

Repower AG, stabbilita fi Brusio (l-Isvizzera), irrappreżentata minn R. Kunz-Hallstein u H. P. Kunz-Hallstein, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

repowermap.org, stabbilita f’Berna (l-Isvizzera), irrappreżentata minn P. González-Bueno Catalán de Ocón, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-3 ta’ Awwissu 2016 (Każ R 2311/2014‑5 (REV)), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn repowermap.org u Repower,

IL‑QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, A. Dittrich u P. G. Xuereb (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ottubru 2016,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Frar 2017,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Frar 2017,

wara li rat il-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għal dawn il-mistoqsijiet ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Lulju u fl-14 ta’ Awwissu 2017,

wara li rat l-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u billi ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-26 ta’ Ġunju 2009, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), ir-rikorrenti, Repower AG, kisbet mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), il-protezzjoni fl-Unjoni Ewropea tar-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 1020351 tat-trade mark verbali REPOWER.

2        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom inkisbet il-protezzjoni taħt din it-trade mark jaqgħu fil-klassijiet 4, 9, 37, 39, 40 u 42 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 4: “Enerġija elettrika, inkluża enerġija elettrika prodotta mill-bijogass; enerġija elettrika prodotta mill-ilma, mir-riħ u mix-xemx”;

–        klassi 9: “Apparat u strumenti xjentifiċi, nawtiċi, għal skopijiet ta’ sondaġġi, fotografiċi, ċinematografiċi, ottiċi, li jiżnu, li jkejlu, li jissenjalaw, li jivverifikaw (superviżjoni), tas-salvataġġ u tat-tagħlim; apparat u strumenti li jittrażmettu, jikkonnettjaw, ibiddlu, jakkumulaw, jirregolaw u jikkontrollaw l-elettriku; apparat biex tirrekordja, għat-trasmissjoni u riproduzzjoni ta’ ħsejjes u stampi; apparat ta’ reġistrazzjoni magnetika, diski akustiċi; distributuri awtomatiċi u mekkaniżmi għal apparat ta’ ħlas minn qabel; cash registers, kalkulaturi, tagħmir għall-ipproċessar tad-data u kompjuters, tagħmir għat-tifi tan-nar; apparat elettriku u strumenti (inklużi f’din il-klassi), jiġifieri apparat elettriku għat-teknikajiet ta’ kurrent qawwi, għall-mogħdija, għall-bdil, għall-akkumulazzjoni, għar-regolazzjoni u għall-kontroll tal-kurrent, għat-teknikajiet ta’ kurrent dgħajjef, għal trażmissjoni fuq distanza twila; elementi fotovoltajċi; sistemi ta’ allarm f’każ ta’ nar; apparat elettriku ta’ sorveljanza, apparat ta’ twissija ta’ serq, l-installazzjonijiet ta’ kontroll tal-bastimenti, l-installazzjonijiet vidjo; parlophones u ringtones; installazzjonijiet radjofoniċi u televiżi; installazzjonijiet għat-tekniċi ta’ frekwenza għolja u t-tekniċi ta’ regolazzjoni, tagħmir informatiku għat-trattament tad-data (kompjuters); konnessjonijiet analoġiċi, konnessjonijiet internet, dispożittivi elettroniċi li jippermettu l-medjazzjoni telefonika, dispożittivi elettroniċi li jippermettu l-medjazzjoni bejn il-parteċipanti; telefons ċellulari, radjotelefons, apparat telefoniku u ta’ faks; plakek, kommutaturi, pannelli tal-kontroll, kondjuwiti akustiċi, linji elettriċi, wajers elettriċi, fjusijiet”;

–        klassi 37: “Kostruzzjoni; tiswija; servizzi ta’ installazzjoni; kostruzzjoni u tiswija kif ukoll manutenzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ trażmissjoni u installazzjonijiet ta’ distribuzzjoni, installazzjonijiet ta’ voltaġġ medju u baxx, installazzjonijiet ta’ dawl pubbliku kif ukoll installazzjonijiet elettriċi; servizzi ta’ manutenzjoni fir-rigward tal-installazzjonijiet elettroniċi fil-kostruzzjonijiet u l-impriżi; assemblaġġ, manutenzjoni u tiswija ta’ installazzjonijiet elettroniċi; kostruzzjoni, tiswija u manutenzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ distribuzzjoni tal-kurrent; assemblaġġ, manutenzjoni u tiswijia ta’ materjal informatiku, b’mod partikolari netwerks ta’ data; installazzjoni, manutenzjoni u tiswija fil-qasam tal-installazzjonijiet tat-telekomunikazzjoni, installazzjoni ta’ combination u control switches; servizzi ta’ inġinier tal-ħiters; installazzjoni u manutenzjoni ta’ stazzjonijiet ta’ transformaturi u ta’ installazzjonijiet ta’ distribuzzjoni għall-enerġija elettrika; installazzjoni u manutenzjoni tad-dawl pubbliku tat-toroq; kostruzzjoni, installazzjoni u manutenzjoni ta’ impjanti kbar ta’ pompi termiċi kbar; apparat ta’ kompjuters elettriċi u ta’ distance relay (tele-relay) għall-klijenti; installazzjoni ta’ elementi tan-netwerk (materjal informatiku) għall-fornituri ta’ offerta ta’ telekomunikazzjonijiet; installazzjoni, manutenzjoni u tiswija ta’ materjal informatiku fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet; pariri tekniċi fir-rigward tal-kostruzzjoni; pariri fil-qasam tas-servizzi fuq iċċitati”;

–        klassi 39: “Trasport; l-ippakkjar u ħażna ta’ oġġetti; arranġamenti għall-ivvjaġġar; distribuzzjoni ta’ enerġija; kunsinna ta’ materjal informatiku; pariri professjonali fir-rigward tat-trażmissjoni (distribuzzjoni) ta’ enerġija; pariri fil-qasam tas-servizzi fuq iċċitati”;

–        klassi 40: “Produzzjoni tal-enerġija”;

–        klassi 42: “Servizzi fl-oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi, kif ukoll servizzi ta’ riċerka u żvilupp relatati; analiżi industrijali u servizzi ta’ riċerka; iddisinjar u żvilupp ta’ kompjuters u softwer; ippjanar fl-oqsma tad-distribuzzjoni tal-elettriku, l-installazzjonijiet elettriċi, l-installazzjonijiet ta’ sigurtà u t-telekomunikazzjonijiet; pariri professjonali fir-rigward tas-sistemi informatiċi; kompetenzi tekniċi dwar installazzjonijiet elettriċi; servizzi ta’ inġinerija u tal-eżami tal-kwalità fil-qasam tal-attivitajiet tal-għoti, tal-għadd u tal-informazzjoni kif ukoll tal-kontroll tal-installazzjonijiet fir-rigward tal-provvista tal-enerġija; installazzjonijiet, manutenzjoni u tiswija ta’ softwer fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet u tal-kontroll; kejl tal-kwalità tan-netwerks; konfigurazzjoni tal-elementi attivi (softwer) fuq netwerks ta’ data; żvilupp u installazzjoni ta’ softwer għal konnessjoni ta’ installazzjonijiet telefoniċi man-netwerk informatiku u għall-integrazzjoni telefon-kompjuter; pariri fil-qasam tas-servizzi fuq iċċitati għat-tibdil tal-akkomodazzjoni; kontroll tal-kwalità; pariri fil-qasam tal-ekonomija ta’ enerġija, jiġifieri informazzjoni fir-rigward tal-konsum tal-enerġija elettrika”.

3        Fit-3 ta’ Ġunju 2013, l-intervenjenti, repowermap.org, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, abbażi tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament 2017/1001). Hija sostniet li t-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva u ma għandhiex karattru distintiv għall-prodotti u s-servizzi kollha koperti minn din it-trade mark.

4        Fid-9 ta’ Lulju 2014, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għas-servizzi li ġejjin, koperti mit-trade mark ikkontestata, u li jinsabu fil-klassijiet 37 u 42:

–        klassi 37: “Kostruzzjoni; tiswija; servizzi ta’ installazzjoni; kostruzzjoni u tiswija kif ukoll manutenzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ trażmissjoni u installazzjonijiet ta’ distribuzzjoni, installazzjonijiet ta’ voltaġġ medju u baxx, installazzjonijiet ta’ dawl pubbliku kif ukoll installazzjonijiet elettriċi; servizzi ta’ manutenzjoni fir-rigward tal-installazzjonijiet elettroniċi fil-kostruzzjonijiet u l-impriżi; kostruzzjoni, tiswija u manutenzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ distribuzzjoni tal-kurrent; installazzjoni u manutenzjoni ta’ stazzjonijiet ta’ transformaturi u ta’ installazzjonijiet ta’ distribuzzjoni għall-enerġija elettrika; installazzjoni u manutenzjoni tad-dawl pubbliku tat-toroq; kostruzzjoni, installazzjoni u manutenzjoni ta’ impjanti kbar ta’ pompi termiċi kbar; pariri fil-qasam tas-servizzi fuq iċċitati”;

–        klassi 42: “Servizzi fil-qasam teknoloġiku, kif ukoll servizzi ta’ riċerka u żvilupp relatati; kompetenzi tekniċi dwar l-installazzjonijiet elettriċi; servizzi ta’ inġinerija fil-qasam tal-attivitajiet tal-għoti, tal-għadd u tal-informazzjoni kif ukoll tal-kontroll tal-installazzjonijiet fir-rigward tal-provvista tal-enerġija”.

5        Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għall-prodotti u s-servizzi l-oħra koperti mit-trade mark ikkontestata (iktar ’il quddiem il-“prodotti u s-servizzi li jifdal”). Għal dak li jikkonċerna l-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata, hija rrilevat li għandu jiġi eżaminat jekk il-kelma “repower” tippreżentax, mill-perspettiva tal-konsumatur medju tal-Unjoni tal-lingwa Ingliża, rabta diretta u konkreta mal-prodotti u mas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata. Hija qieset li din il-kelma tista’ tinftiehem bħala li tfisser “tqegħid mill-ġdid fis-suq, b’mod partikolari: titpoġġa magna ġdida (f’dgħajsa)” u “rikostruzzjoni jew sostituzzjoni tas-sors tal-enerġija jew tal-magna ta’ xi ħaġa, bħal karozza jew sistema ċentrali elettrika” u li din il-kelma tintuża biss, minn naħa, fir-rigward tal-magni u min-naħa l-oħra, fil-qasam tal-enerġija u partikolarment fir-rigward tal-installazzjonijiet tal-enerġija. Għalhekk, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkunsidrat li l-kelma “repower” kienet tinforma immedjatament lill-konsumaturi li jitkellmu l-Ingliż li s-servizzi msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq kienu servizzi intiżi għat-tqegħid mill-ġdid fis-suq jew għas-sostituzzjoni ta’ magna jew tas-sors tal-enerġija ta’ installazzjonijiet tal-enerġija jew li kellhom bħala għan tali tqegħid mill-ġdid fis-suq jew tali sostituzzjoni. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni qieset ukoll li l-prodotti u s-servizzi li jifdal ma kinux marbuta mat-tqegħid mill-ġdid fis-suq jew mas-sostituzzjoni ta’ magni jew mas-sostituzzjoni tas-sors tal-enerġija tal-installazzjonijiet enerġetiċi. Għal dak li jirrigwarda l-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni indikat li l-intervenjenti ma urietx li l-kelma “repower” kienet użata b’mod komuni fil-kummerċ sabiex tindika l-prodotti u s-servizzi li jifdal.

6        Fit-8 ta’ Settembru 2014, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

7        B’deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016, il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016”). Għal dak li jirrigwarda l-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata, il-Bord tal-Appell, qabelxejn irrileva li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata kienu indirizzati prinċipalment lill-konsumatur medju u lil pubbliku professjonali, li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti jvarja bejn normali u għoli u li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur tal-Unjoni tal-lingwa Ingliża, peress li t-trade mark ikkontestata tikkonsisti f’kelma bl-Ingliż. Imbagħad, il-Bord tal-Appell fakkar id-definizzjonijiet tal-kelma “repower” mogħtija mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad l-argumenti tal-intervenjenti fir-rigward tas-sinjifikat ta’ din il-kelma. Finalment, fil-punt 34 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016, huwa ddikjara li “bħala konklużjoni, [j]ikkunsidra li l-provi prodotti mill-[intervenjenti] ma jippermettux li jiġi stabbilit li s-sinjal [ikkontestat kien] jintuża b’mod frekwenti fil-qasam tal-enerġija u jiddeskrivi karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi li jifdal”. Għal dak li jirrigwarda l-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata, il-Bord tal-Appell qies li ma kienx ipprovat li s-sinjal ikkontestat kien jintuża komunement fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti minn din it-trade mark u għalhekk seta’ jiġi pperċepit bħala trade mark.

8        B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ April 2016, l-intervenjenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016. Din il-kawża ġiet irreġistrata bin-numru T 188/16.

9        B’komunikazzjoni tat-22 ta’ Ġunju 2016, il-Ħames Bord tal-Appell informa lill-partijiet li, wara l-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑188/16, repowermap vs EUIPO – Repower (REPOWER), dan kien ikkonstata li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 kienet ivvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 94 tar-Regolament 2017/1001). Huwa speċifika li, minħabba din l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u b’applikazzjoni tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001), huwa qies rilevanti li jirrevoka d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016, sabiex jipproċedi bl-analiżi ddettaljata tal-karattru distintiv u deskrittiv tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti minn dan is-sinjal. Huwa stieden lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-intenzjoni tiegħu li jirrevoka d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016.

10      Ir-rikorrenti bagħtet osservazzjonijiet fil-5 ta’ Lulju 2016. Hija sostniet, essenzjalment, li sakemm id-dispożittiv tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 ma kienx mibdul, kien possibbli li jiġu sostnuti l-motivi, skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 107 tar-Regolament 2017/1001) – li jipprovdi li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni proċedurali fir-Regolament Nru 207/2009, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) (imħassar bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1430 tat-18 ta’ Mejju 2017 li jissupplimenta r-Regolament Nru 207/2009 u li jirrevoka r-Regolamenti Nri 2868/95 u (KE) 216/96 (ĠU 2017, L 205, p. 1)), fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (it-Trademarks u d-Disinji) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 291) (imħassar bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament Nru 207/2009 u r-Regolament Nru 2868/95, u jħassar ir-Regolament Nru 2869/95 (ĠU 2015, L 341, p. 21), jew fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96 tal-5 ta’ Frar 1996 li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju ta’ l-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1 p. 221) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2082/2004 tas-6 ta’ Diċembru 2004 (ĠU L 183M, p. 345) (imħassar bir-Regolament Delegat 2017/1430), l-EUIPO jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ġeneralment rikonoxxuti fil-qasam fl-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, hija tikkunsidra li revoka tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 abbażi tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, li ma kienx jeżisti jew ma jeżistix iktar fil-verżjoni kkonsolidata tar-Regolament Nru 207/2009 mqiegħda online fid-database EUR-lex, ma kinitx possibbli sa fejn dan l-artikolu jagħti biss setgħa lill-eżaminaturi tal-EUIPO u fejn nuqqas ta’ motivazzjoni ma kienx jikkostitwixxi difett proċedurali fis-sens tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009. Finalment, hija sostniet li mid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Estiż tal-EUIPO tat-28 ta’ April 2009 (Każ R 323/2008‑G) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Estiż”) jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-EUIPO li fir-rigward tagħhom kien pendenti rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistgħux jiġu rrevokati.

11      L-intervenjenti bagħtet osservazzjonijiet fl-20 ta’ Lulju 2016. Hija sostniet li l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, bħala regola speċifika, kien applikabbli minflok prinċipji ġenerali li għalihom jagħmel riferiment l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009. Hija rrilevat ukoll li t-tweġiba li għandha tingħata għall-kwistjoni dwar jekk insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tikkostitwixxix żball proċedurali kienet inċerta u li kienet teżisti probabbiltà kunsiderevoli li revoka tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ma tkunx ammessa. Hija qieset li, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-aħjar kien li titkompla l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑188/16, repowermap vs EUIPO – Repower (REPOWER).

12      B’deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2016, il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO rrevoka d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Dan spjega li għall-kuntrarju tad-dubji murija mill-partijiet, l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009 xorta baqa’ applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2015/2424. Minbarra dan, dan irrileva li l-EUIPO kellu l-obbligu li jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu u b’mod partikolari, li janalizza l-motivi ta’ rifjut fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati, b’tali mod li l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, kif osservata fid-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016, kienet żball proċedurali manifest, fis-sens tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, li kellu jiġi kkoreġut.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

14      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15      L-intervenjenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

16      Essenzjalment, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali. It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Bordijiet tal-Appell li jirrevokaw id-deċiżjonijiet tagħhom. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, tal-linji gwida għall-eżami tal-EUIPO kif ukoll tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ċertezza legali u tal-awtorità ta’ res judicata. Fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali

17      Ir-rikorrenti tirrileva li l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 103(1) tar-Regolament 2017/1001), li fuqu l-Bord tal-Appell ibbaża sabiex irrevoka d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016, ma kienx iktar fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrenti, l-emenda tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009 bir-Regolament 2015/2424 daħlet fis-seħħ biss sa mill-1 ta’ Ottubru 2017. Sa din id-data, l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009 kif emendat ma kienx fis-seħħ. Dan jispjega għaliex, fil-verżjoni kkonsolidata tar-Regolament Nru 207/2009, l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009 kien ġie mħassar.

18      L-EUIPO jsostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009 fil-verżjoni preċedenti tiegħu għall-emenda tiegħu bir-Regolament 2015/2424 (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti”). Min-naħa tagħha, l-intervenjenti targumenta li l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009 kien fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Hija żżid li, anki jekk dan l-artikolu ma kienx fis-seħħ, dan ma jfissirx li d-deċiżjoni kkontestata kienet nieqsa minn bażi legali. L-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009, li jirreferi għall-prinċipji ġenerali, jista’ jservi ta’ bażi legali, peress li fost dawn il-prinċipji hemm dak li amministrazzjoni tista’ tikkoreġi d-deċiżjonijiet tagħha taħt ċerti kundizzjonijiet.

19      Huwa stabbilit li l-bażi legali msemmija fid-deċiżjoni kkontestata hija l-paragrafu 1 tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009 u li dan l-artikolu ġie emendat bir-Regolament 2015/2424.

20      L-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, tipprovdi:

“Meta l-Uffiċċju jkun daħħal fir-reġistru jew anki jkun ħa deċiżjoni li jkun fiha żball proċedurali ovvju attribwibbli għall-Uffiċċju, dan għandu jassigura li d-dħul ikun ikkanċellat jew li d-deċiżjoni tkun revokata.”

21      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, wara l-emenda tiegħu bir-Regolament 2015/2424 (iktar ’il quddiem, l-“Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni ġdida”), issa tipprovdi dan li ġej:

“Fejn l-Uffiċċju jkun daħħal entrata fir-Reġistru jew ikun ħa deċiżjoni li jkun fiha żball ovvju attribwibbli lill-Uffiċċju, dan għandu jiżgura li l-entrata tiġi kkanċellata jew id-deċiżjoni tiġi revokata.”

22      Għalhekk, l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, isemmi d-deċiżjonijiet ivvizzjati minn żball proċedurali manifest filwaqt li l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni ġdida, isemmi d-deċiżjonijiet ivvizzjati minn żball manifest.

23      Għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika li “skont l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, meta l-Uffiċċju jagħti deċiżjoni, din tista’ tiġi rrevokata meta tkun ivvizzjata minn żball manifest imputabbli lill-Uffiċċju”.

24      Madankollu, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell enfasizza li l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell kellhom ikunu mmotivati, kien dispożizzjoni proċedurali, li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 kienet insuffiċjentement immotivata u li din l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni kienet żball proċedurali manifest fis-sens tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009.

25      B’hekk, peress li l-Bord tal-Appell għamel sforz sabiex jikklassifika l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 bħala żball proċedurali manifest, għandu jiġi kkunsidrat li l-bażi legali msemmija fid-deċiżjoni kkontestata hija l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, kif barra minn hekk l-EUIPO kkonferma fir-risposta tiegħu.

26      Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/2424 jirriżulta li dan ir-regolament daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016. Madankollu, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-emenda tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, daħlet fis-seħħ biss sa mill-1 ta’ Ottubru 2017.

27      Madankollu dan ma jfissirx, għall-kuntrarju ta’ dak essenzjalment sostnut mir-rikorrenti, li l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, kien imħassar sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2015/2424, fit-23 ta’ Marzu 2016, u dan sad-dħul fis-seħħ tal-emenda tiegħu, fl-1 ta’ Ottubru 2017. Dan ifisser biss li, sal-1 ta’ Ottubru 2017, kien l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, li kien japplika.

28      Huwa minnu li, fil-verżjoni kkonsolidata tar-Regolament Nru 207/2009, imqiegħda online fid-database EUR-Lex matul il-perijodu tranżitorju msemmi fil-punt 27 iktar ’il fuq, li kienet ħadet inkunsiderazzjoni emendi introdotti bir-Regolament 2015/2424, l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009 jinkludi paragrafu wieħed biss, il-paragrafu 3 (li sar l-Artikolu 103(3) tar-Regolament 2017/1001). Madankollu, hekk kif irrilevat ir-rikorrenti stess, l-imsemmija verżjoni kkonsolidata kienet tinkludi, fl-ewwel paġna tagħha, l-indikazzjoni segwenti:

“Dan it-test jikkostitwixxi biss għodda ta’ dokumentazzjoni u ma għandu ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiċħdu kull responsabbiltà fir-rigward tal-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti kkonċernati, inkluż il-preamboli tagħhom, huma dawk li ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u huma disponibbli fuq EUR‑Lex.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

29      Issa, mill-verżjoni tar-Regolament 2015/2424 ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, kien għadu applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

30      Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Bordijiet tal-Appell sabiex jirrevokaw id-deċiżjonijiet tagħhom

31      Ir-rikorrenti targumenta li, anki jekk l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, kien applikabbli, il-Bord tal-Appell ma kienx kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija ssostni li mill-Artikolu 80(3) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, jirriżulta li s-setgħa ta’ revoka msemmija fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu tingħata biss lid-dipartimenti tal-EUIPO msemmija fl-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 66(1) tar-Regolament 2017/1001). Il-Bord tal-Appell, bħala istanza ta’ appell, ma huwiex awtorizzat sabiex jirrevoka deċiżjonijiet li jadotta. It-tieni nett, ir-rikorrenti targumenta li l-punt 1.2 tat-Taqsima 6 tal-Parti A tal-linji gwida għall-eżami tal-EUIPO, dwar is-setgħa ta’ revoka, ma jipprevedix li l-Bordijiet tal-Appell jistgħu jirrevokaw id-deċiżjonijiet tagħhom. It-tielet nett, hija targumenta li mill-punt 23 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Estiż jirriżulta wkoll li l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, ma għandux jiġi applikat fil-proċedura ta’ appell, u konsegwentement, mill-Bordijiet tal-Appell.

32      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. Mistoqsi dwar jekk il-paragrafu 3 tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, kienx applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-EUIPO wieġeb li ma kienx applikabbli. Għall-kuntrarju, fir-risposta tagħha, l-intervenjenti sostniet li kien applikabbli.

33      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, jagħti s-setgħa ta’ revoka lill-“Uffiċċju”, u għalhekk lill-Bordijiet tal-Appell li huma wieħed mid-dipartimenti tiegħu. L-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li dan ma huwiex il-każ ma humiex konvinċenti.

34      Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 74 tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/2424, moqri flimkien mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li l-paragrafu 3 tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, ġie ssostitwit, sa mit-23 ta’ Marzu 2016, b’paragrafu 3 ġdid, li jirrigwarda d-delega tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni Ewropea. Mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2015/2424 jirriżulta wkoll li sa mill-1 ta’ Ottubru 2017, l-Artikolu 80(3) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, kellu jsir l-Artikolu 80(4) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni ġdida. Jidher li jirriżulta minn dan li l-Artikolu 80(3) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, kien ġie mħassar mit-23 ta’ Marzu 2016 sal-1 ta’ Ottubru 2017. Madankollu, ma jistax ikun ikkunsidrat li din kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur. Għall-kuntrarju, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-paragrafu 3 tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, u l-paragrafu 3 tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni ġdida, eżistew flimkien bejn it-23 ta’ Marzu 2016 u l-1 ta’ Ottubru 2017 u, għalhekk, li l-paragrafu 3 tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, kien applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

35      L-Artikolu 80(3) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, invokat mir-rikorrenti, jipprovdi kif ġej:

“Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jippreżentaw appell permezz tal-Artikoli 58 u 65, jew għall-possibbiltà, permezz tal-proċeduri u l-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Implementazzjoni li jikkoreġi xi żballji lingwistċi jew żballji ta’ transkrizzjoni u żballji ovvji fid-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju jew żbalji attribwibbli għall-Uffiċċju fir-reġistrazzjoni tat-trade mark jew fil-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tagħha.”

36      Għalhekk, l-Artikolu 80(3) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, jagħmel riferiment għall-Artikolu 58 ta’ dan l-istess regolament, iżda wkoll għall-Artikolu 65 tal-imsemmi regolament (li sar l-Artikolu 72 tar-Regolament 2017/1001).

37      Issa, minkejja li l-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jelenka d-deċiżjonijiet tad-dipartimenti tal-EUIPO li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiemu, u minkejja li, fost dawn id-deċiżjonijiet, ma hemmx id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell, l-Artikolu 65(1) ta’ dan ir-regolament (li sar l-Artikolu 72(1) tar-Regolament 2017/1001) jipprovdi li “[j]istgħu jitressqu azzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell relattivament għal appelli”.

38      Għaldaqstant, sa fejn l-Artikolu 80(3) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, jagħmel riferiment mhux biss għad-dispożizzjonijiet dwar l-appelli quddiem il-Bord tal-Appell, iżda wkoll għal dawk dwar ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell, ir-rikorrenti tiżbalja meta ssostni li mill-Artikolu 80(3) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, jirriżulta li s-setgħa ta’ revoka, prevista fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, tingħata biss lid-dipartimenti tal-EUIPO elenkati fl-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 207/2009. Għall-kuntrarju mir-riferiment magħmul mill-Artikolu 80(3) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, għall-Artikolu 65 ta’ dan l-istess regolament, jirriżulta li s-setgħa ta’ revoka, prevista fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, tingħata wkoll lill-Bordijiet tal-Appell.

39      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-punt 1.2 tat-Taqsima 6 tal-Parti A tal-linji gwida għall-eżami tal-EUIPO, invokat mir-rikorrenti, jipprovdi li “d-deċiżjonijiet ta’ revoka/tħassir huma adottati mid-dipartiment jew mid-diviżjoni li jkunu wettqu l-entrata jew li taw id-deċiżjoni u [li dawn] jistgħu jiġu appellati, skont l-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 207/2009”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

40      Huwa minnu li dawn id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida għall-eżami tal-EUIPO, relatati mas-setgħa ta’ revoka, ma jsemmux il-Bordijiet tal-Appell. Madankollu, tali linji gwida jikkostitwixxu biss kodifikazzjoni ta’ linja ta’ aġir li l-EUIPO jipproponi huwa stess li jadotta. Għalhekk, il-provvedimenti tagħhom ma jistgħux, fihom infushom, la jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 207/2009 u 2868/95, u lanqas idawru l-interpretazzjoni tagħhom mill-qorti tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, dawn huma intiżi sabiex jinqraw skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 207/2009 u 2868/95 (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Interkobo vs UASI – XXXLutz Marken (my baby), T‑523/10, EU:T:2012:326, punt 29).

41      Konsegwentement, mid-dispożizzjonijiet tal-linji gwida għall-eżami tal-EUIPO invokati mir-rikorrenti ma jistax jiġi dedott li l-Bordijiet tal-Appell ma għandhomx setgħa li jirrevokaw id-deċiżjonijiet tagħhom ladarba mill-Artikolu 80(3) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, moqri flimkien mal-Artikolu 65 tal-imsemmi regolament, jirriżulta li s-setgħa ta’ revoka, prevista fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, tingħata wkoll lill-Bordijiet tal-Appell.

42      It-tielet nett, hemm lok li jiġi rrilevat li l-punt 23 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Estiż, invokat mir-rikorrenti, jipprovdi li:

“Wara l-preżentazzjoni tal-appell, il-Bordijiet tal-Appell biss għandhom kompetenza li jiddeċiedu l-kawża u d-dipartiment li ħa d-deċiżjoni kkontestata ma jibqax kompetenti. Sa minn dan il-mument, il-Bord biss jista’ jiddeċiedi dwar il-kawża. Wara l-eżami, dan jista’ eventwalment jiddiferixxiha għall-provvedimenti li għandhom jittieħdu. Wara l-preżentazzjoni ta’ appell, l-eżaminatur li ħa d-deċiżjoni kkontestata ma jistax jirrettifikaha ħlief f’kundizzjonijiet stretti previsti mill-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 69 tar-Regolament 2017/1001). Għalhekk huwa marbut bil-proċedura ta’ reviżjoni prevista minn din id-dispożizzjoni u ma jistax, fuq inizjattiva tiegħu stess, jiddeċiedi li japplika klawżoli ta’ revoka bħal dawk tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, li huma applikabbli barra mill-kuntest tal-proċedura ta’ appell.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

43      Mill-punt 23 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Estiż jirriżulta biss li dan tal-aħħar qies li eżaminatur ma setax jirrevoka deċiżjoni li kien adotta jekk din kienet is-suġġett ta’ appell quddiem Bord tal-Appell. Fuq dan il-punt, il-Bord tal-Appell ma ddeċidiex dwar is-setgħa ta’ revoka tal-Bordijiet tal-Appell infushom. Għalhekk, il-punt 23 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Estiż ma huwiex rilevanti f’dan il-każ.

44      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti Ġenerali diġà kkunsidrat li l-fatt li rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni jkun pendenti quddiemha fil-mument li fih din id-deċiżjoni kienet ġiet irrevokata, ma jostakolax ir-revoka tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, Socitrel u Companhia Previdente vs Il‑Kummissjoni, T‑413/10 u T‑414/10, EU:T:2015:500, punt 187). Xejn ma jindika li s-soluzzjoni għandha tkun differenti fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkunsidrat li, meta l-Qorti Ġenerali tiddikjara li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni wara r-revoka tad-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell ikkontestata quddiemha, hija tirrikonoxxi b’mod impliċitu li l-Bordijiet tal-Appell huma kompetenti li jirrevokaw id-deċiżjonijiet tagħhom u li dan jistgħu jagħmluh anki jekk dawn id-deċiżjonijiet ikunu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali (digrieti tal-21 ta’ Ottubru 2014, Gappol Marzena Porczyńska vs UASI – Gap (ITM) (GAPPol), T‑125/14, mhux ippubblikat, EU:T:2014:1121; tas-27 ta’ Lulju 2015, Deere u Münch vs UASI (EXHAUST-GARD), T‑236/15, mhux ippubblikat, EU:T:2015:567, u tal-14 ta’ Ġunju 2017, Márquez Alentà vs EUIPO – Fiesta Hotels & Resorts (Rappreżentazzjoni ta’ nemla), T‑657/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:425).

45      Isegwi li r-rikorrenti ssostni b’mod żbaljat li l-Bordijiet tal-Appell ma humiex kompetenti sabiex jirrevokaw id-deċiżjonijiet tagħhom.

46      Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, tal-linji gwida għall-eżami tal-EUIPO kif ukoll tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ċertezza legali u tal-awtorità ta’ res judicata

47      Ir-rikorrenti ssostni li nuqqas ta’ motivazzjoni ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, peress li dan ma jirrigwardax żball proċedurali, iżda żball ta’ dritt sostantiv. F’dan ir-rigward, hija tinvoka l-punt 1.1 tat-Taqsima 6 tal-Parti A tal-linji gwida għall-eżami tal-EUIPO, dwar is-setgħa ta’ revoka, li minnu jirriżulta b’mod partikolari, li “għandha ssir distinzjoni bejn l-iżbalji proċedurali u l-iżbalji dwar il-mertu li ma jistgħux jagħtu lok għal revoka” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-rikorrenti targumenta wkoll li, skont il-punt 1.3.1 tat-Taqsima 6 tal-Parti A tal-linji gwida għall-eżami tal-EUIPO, deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ appell quddiem Bord tal-Appell ma tistax tiġi rrevokata. Dan il-prinċipju għandu japplika, b’analoġija, għad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li huwa inkompatibbli mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ċertezza legali u tal-awtorità ta’ res judicata li kwalunkwe dipartiment jista’ liberament ibiddel is-suġġett tat-tilwima fil-proċeduri pendenti. Barra minn hekk, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti targumenta, fl-ewwel lok, li l-prinċipju ġenerali tad-dritt li jawtorizza l-irtirar ta’ att amministrattiv illegali, li kien invokat mill-EUIPO u mill-intervenjenti fir-risposti tagħhom, ma setax iservi bħala bażi legali għad-deċiżjoni kkontestata. Fit-tieni lok, hija targumenta li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016, li tirreferi għad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, kienet suffiċjenti u li, skont il-ġurisprudenza, il-Bord tal-Appell ma kienx marbut jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward ta’ kull prodott jew servizz.

48      L-EUIPO jsostni li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 kienet ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni u li nuqqas ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi żball proċedurali manifest. F’dan ir-rigward, dan jargumenta li, fis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Reisenthel vs UASI – Dynamic Promotion (Kaxxi li jistgħu jitqiegħdu fuq xulxin u basktijiet) (T‑53/10, EU:T:2011:601, punt 37), il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ksur tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi żball li jaffettwa l-proċedura li tkun wasslet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni u għalhekk, jista’ jivvizzja s-sustanza ta’ din id-deċiżjoni. F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet ukoll prinċipju ġenerali tad-dritt li jipprovdi li l-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv illegali li jkun ħoloq drittijiet suġġettivi huwa ammess, bla ħsara għall-osservanza, mill-istituzzjoni li minnha joriġina l-att, tal-kundizzjonijiet dwar l-osservanza ta’ terminu raġonevoli u tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-att (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Kaxxi li jistgħu jitqiegħdu fuq xulxin u basktijiet, T‑53/10, EU:T:2011:601, punt 40). Issa, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell kien aġixxa f’terminu raġonevoli u kien osserva l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-att.

49      F’dan ir-rigward, l-EUIPO jargumenta li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ma tidhirx bħala assigurazzjoni preċiża jew informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti, kapaċi li tnissel fir-rikorrenti aspettattivi fondati u d-dritt li jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Dan japplika iktar u iktar, peress li minħabba n-nuqqas ta’ motivazzjoni, id-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 kienet b’mod ċar att amministrattiv illegali. Barra minn hekk, skont l-EUIPO, il-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll il-preżenza nnifisha fil-liġi applikabbli ta’ dispożizzjoni li tipprevedi espressament ir-revoka, jiġifieri l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, jeskludu l-possibbiltà li f’dan il-każ jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

50      L-EUIPO jenfasizza wkoll li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet konformi mhux biss mal-formulazzjoni tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, iżda wkoll mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn, kieku l-Bord tal-Appell ma kienx adotta d-deċiżjoni kkontestata, l-EUIPO kien ikollu jikkonstata l-assenza ta’ motivazzjoni fir-risposta tiegħu fil-Kawża T‑188/16, repowermap vs EUIPO – Repower (REPOWER), dwar ir-rikors kontra d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016. Fl-aħjar eventwalità, id-deċiżjoni l-ġdida setgħet tiġi adottata biss lejn it-tmiem tas-sena 2017 peress li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, setgħet diġà tiġi adottata deċiżjoni ġdida.

51      Fl-aħħar nett l-EUIPO jsostni li l-Bordijiet tal-Appell ma humiex marbuta mil-linji gwida għall-eżami tal-EUIPO u li d-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

52      L-intervenjenti targumenta li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tinterpreta l-kunċett ta’ żball proċedurali fis-sens tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, u tenfasizza li l-prinċipju ta’ ċertezza legali kien ġie osservat mill-Bord tal-Appell, peress li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 kienet ġiet irtirata f’terminu raġonevoli u li l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni kienet manifesta.

53      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell adottaha għar-raġuni li, fid-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016, huwa kien naqas milli jwettaq l-obbligu li jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu u b’mod partikolari l-obbligu tiegħu li janalizza l-motivi ta’ rifjut fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi indikati mit-trade mark ikkontestata.

54      Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk nuqqas ta’ motivazzjoni jistax jikkostitwixxi żball proċedurali manifest fis-sens tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti.

55      Il-Qorti Ġenerali speċifikat li żball proċedurali fis-sens tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, kien żball li kellu konsegwenzi proċedurali (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2011, Ifemy’s vs UASI – Dada & Co Kids (Dada & Co. kids), T‑50/09, EU:T:2011:90, punt 31, u digriet tad-9 ta’ Settembru 2011, Biodes vs UASI – Manasul Internacional (LINEASUL), T‑598/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:458, punt 9). Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li eżami tal-kwistjonijiet dwar il-mertu, jew anki bidla fid-deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell, ma setax isir fil-kuntest tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2009, Okalux vs UASI – Messe Düsseldorf (OKATECH), T‑419/07, EU:T:2009:238, punt 33, u digriet tad-9 ta’ Settembru 2011, LINEASUL, T-598/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:458, punt 9).

56      Minbarra dan, fis-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2011, mPAY24 vs UASI – Ultra (MPAY24) (T‑275/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:683, punti 23 u 24), il-Qorti Ġenerali qieset li rettifika ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell, li kien żied ma’ din id-deċiżjoni punt dwar il-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti u s-servizzi koperti minnha, kienet tirrigwarda s-sustanza nnifisha tad-deċiżjoni kkoreġuta. Il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan mhux biss li din ir-rettifika ma setgħetx tiġi adottata abbażi tar-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95 (li saret l-Artikolu 102(1) tar-Regolament 2017/1001), li jipprovdi li “huma biss żbalji lingwistiċi, żbalji ta’traskrizzjoni u żbalji ovvji li jistgħu jiġu kkoreġuti”, iżda wkoll li din ma setgħetx tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, għar-raġuni li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu ma kinux issodisfatti f’dan il-każ, peress li ebda żball proċedurali manifest ma kien twettaq.

57      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2011, MPAY24 (T‑275/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:683), il-punt miżjud mill-Bord tal-Appell fir-rettifika tiegħu kien intiż sabiex jikkompleta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkoreġuta. Għalhekk, mis-sentenza fuq imsemmija jirriżulta li l-ikkompletar tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni jaffettwa s-sustanza nnifisha ta’ din id-deċiżjoni u li nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala żball proċedurali fis-sens tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti.

58      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Kaxxi li jistgħu jitqiegħdu fuq xulxin u basktijiet (T‑53/10, EU:T:2011:601), invokata mill-EUIPO. Fil-punt 37 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ksur tad-drittijiet tad-difiża kien jikkostitwixxi żball li jaffettwa l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell, u għalhekk, jista’ jivvizzja s-sustanza ta’ din id-deċiżjoni. Minn din id-dikjarazzjoni u mill-ġurisprudenza li tipprovdi li l-kunċett ta’ “żball manifest” ma jistax jipprevedi l-iżball li jista’ jivvizzja s-sustanza ta’ deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li ksur tad-drittijiet tad-difiża ma kienx jikkostitwixxi żball manifest, fis-sens tal-Artikolu 39 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal-21 ta’ Ottubru 2002 li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar disinnji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 14), li jista’ jiġi rrettifikat. Għaldaqstant, il-punt 37 tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Kaxxi li jistgħu jitqiegħdu fuq xulxin u basktijiet (T‑53/10, EU:T:2011:601), ma jippermettix li tinġibed konklużjoni dwar il-kwistjoni dwar jekk nuqqas ta’ motivazzjoni jikkostitwixxix “żball proċedurali ovvju” fis-sens tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti.

59      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma setax jibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti.

60      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostni l-EUIPO, id-deċiżjoni kkontestata setgħetx tkun ibbażata fuq il-prinċipju ġenerali tad-dritt, stabbilit mill-ġurisprudenza, li jipprovdi li l-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv illegali li jkun ħoloq drittijiet suġġettivi huwa ammess, bla ħsara għall-osservanza mill-istituzzjoni li minnha joriġina l-att, tal-kundizzjonijiet dwar l-osservanza ta’ terminu raġonevoli u l-osservanza tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-att li seta’ jafda fil-legalità ta’ dan tal-aħħar (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Kaxxi li jistgħu jitqiegħdu fuq xulxin u basktijiet, T‑53/10, EU:T:2011:601, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, peress li l-proċedura quddiem il-Bordijiet tal-Appell għandha natura amministrattiva (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Metropolis Inmobiliarias y Restauraciones vs UASI – MIP Metro (METRO), T‑197/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:375, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata), id-deċiżjonijiet adottati mill-Bordijiet tal-Appell huma ta’ natura amministrattiva u li, għalhekk, il-Bordijiet tal-Appell, jistgħu fil-prinċipju, jibbażaw ruħhom fuq il-prinċipju ġenerali tad-dritt li jawtorizza l-irtirar ta’ att amministrattiv illegali sabiex jirtiraw id-deċiżjonijiet tagħhom.

62      Madankollu għandu jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-eżistenza, fir-Regolament Nru 207/2009, ta’ dispożizzjoni dwar ir-revoka tad-deċiżjonijiet tad-dipartimenti tal-EUIPO, ir-revoka ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tistax tkun ibbażata fuq dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt.

63      Is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Kaxxi li jistgħu jitqiegħdu fuq xulxin u basktijiet (T‑53/10, EU:T:2011:601), invokata mill-EUIPO, ma tippermettix li tingħata deċiżjoni dwar din il-kwistjoni. Huwa minnu li, f’din is-sentenza, wara li kkonstatat li deċiżjoni ta’ rettifika ta’ Bord tal-Appell ma setgħetx tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 2245/2002, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk din id-deċiżjoni setgħetx tiġi adottata abbażi tal-prinċipju ġenerali tad-dritt li jawtorizza l-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv illegali. Madankollu, fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142) jew fir-Regolament Nru 2245/2002, ma teżistix dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, li tirregola l-proċedura ta’ revoka tad-deċiżjonijiet adottati fil-qasam ta’ disinni.

64      Fis-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2007, González y Díez vs Il‑Kummissjoni (T‑25/04, EU:T:2007:257, punt 97), u tat-18 ta’ Settembru 2015, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑421/07 RENV, EU:T:2015:654, punt 47), mogħtija f’kawżi dwar għajnuna mill-Istat, il-Qorti Ġenerali enfasizzat – wara li kkonstatat li l-Kummissjoni ma setgħetx tirtira d-deċiżjoni tagħha abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) li jirregola s-setgħa ta’ revoka ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni – li l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tirtira deċiżjoni li tiddeċiedi dwar għajnuna mill-Istat ma kinitx limitata biss għas-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, li kienet biss espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali tad-dritt li jawtorizza l-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv illegali li kien ħoloq drittijiet suġġettivi. Il-Qorti Ġenerali żiedet li tali rtirar seta’ dejjem iseħħ, bla ħsara għall-osservanza, mill-istituzzjoni li minnha joriġina l-att, tal-kundizzjonijiet dwar l-osservanza ta’ terminu raġonevoli u tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-att li seta’ jafda ruħu fil-legalità ta’ dan tal-aħħar.

65      Għalhekk mis-sentenzi msemmija fil-punt 64 iktar ’il fuq jirriżulta li anki fil-każ fejn il-leġiżlatur irregola l-proċedura tal-irtirar tal-atti ta’ istituzzjoni, din l-istituzzjoni tista’ tirtira att abbażi tal-prinċipju ġenerali tad-dritt li jawtorizza l-irtirar ta’ atti amministrattivi illegali bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet.

66      Barra minn hekk, huwa minnu li, kif enfasizzat ir-rikorrenti, l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li “[f]in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet procedurali f’dan ir-Regolament, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, ir-regolamenti dwar miżati jew ir-regolamenti tal-proċedura tal-Bordijiet tal-Appell, l-Uffiċċju għandu jimxi fuq il-prinċipji ta’ liġi proċedurali ġeneralment rikonoxxuti mill-Istati Membri” u li skont il-ġurisprudenza, dan l-artikolu japplika biss f’każ ta’ lakuna jew ambigwità tad-dispożizzjonijiet proċedurali (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, Travel Service vs UASI – Eurowings Luftverkehrs (smartWings), T‑72/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:395, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata), madankollu l-imsemmi artikolu ma jipprovdix li, fil-preżenza ta’ dispożizzjoni proċedurali, l-EUIPO ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-prinċipji. Fi kwalunkwe każ, sa fejn il-kunċett ta’ żball proċedurali manifest ma huwiex iddefinit fir-regolamenti fuq imsemmija, l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, ma huwiex nieqes minn ambigwità u għalhekk ma huwiex ċar biżżejjed sabiex jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009.

67      Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk f’dan il-każ il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt li jawtorizza l-irtirar tal-atti amministrattivi illegali mfakkra fil-punt 60 iktar ’il fuq humiex issodisfatti hawnhekk.

68      Għal dak li jirrigwarda l-osservanza tat-terminu raġonevoli, għandu jiġi rrilevat li n-natura raġonevoli tat-terminu tal-irtirar għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull sitwazzjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2010, Bui Van vs Il‑Kummissjoni, T‑491/08 P, EU:T:2010:191, punti 58 sa 63).

69      F’dan il-każ, il-partijiet kienu ġew infurmati, fit-22 ta’ Ġunju 2016, jiġifieri erba’ xhur u ħames ġranet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016, bl-intenzjoni tal-Bord tal-Appell li jirrevoka din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata li tirrevoka d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016, ġiet adottata fit-3 ta’ Awwissu 2016, jiġifieri ftit inqas minn sitt xhur wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016.

70      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 kienet ġiet irrevokata f’terminu raġonevoli.

71      Għal dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fil-legalità tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016, għandu jiġi rrilevat li, meta rikors għal annullament ikun ġie ppreżentat kontra deċiżjoni, il-benefiċjarju ta’ din id-deċiżjoni ma jistax ikollu aspettattivi leġittimi fil-legalità ta’ din id-deċiżjoni sakemm il-qorti tal-Unjoni tkun għadha ma ddeċiditx b’mod definittiv (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 68).

72      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, jekk l-att irtirat ikun ivvizzjat minn illegalità manifesta, il-benefiċjarju ta’ dan l-att, bħala operatur ekonomiku diliġenti, imissu jkollu dubji rigward il-legalità tiegħu u ma jistax ikollu aspettattivi leġittimi fil-legalità tiegħu (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 1991, Cargill vs Il‑Kummissjoni, C‑248/89, EU:C:1991:264, punt 22, u tal-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il‑Kummissjoni, T‑251/00, EU:T:2002:278, punti 147 sa 149).

73      L-EUIPO jsostni li, kif irrilevat l-intervenjenti fir-rikors għal annullament tagħha fil-Kawża T‑188/16, repowermap vs EUIPO – Repower (REPOWER), ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016, din id-deċiżjoni ma kinitx immotivata fir-rigward tar-relazzjoni bejn it-trade mark ikkontestata u l-prodotti u s-servizzi koperti minn din it-trade mark, b’tali mod li r-rikorrenti ma setgħetx ikollha aspettattivi leġittimi fil-legalità tagħha.

74      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 għandu l-istess portata bħal dak stabbilit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u li l-għan tiegħu huwa li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2015, Société des produits Nestlé vs UASI (NOURISHING PERSONAL HEALTH), T‑336/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:770, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat jieħu pożizzjoni dwar l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet. Huwa suffiċjenti għalih li jesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2015, NOURISHING PERSONAL HEALTH, T‑336/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:770, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar ukoll li n-natura deskrittiva ta’ trade mark għandha tiġi evalwata, minn naħa, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal, u min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-perċezzjoni li għandu tagħha tal-pubbliku rilevanti, li huwa kkostitwit mill-konsumaturi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Smarter Travel Media vs EUIPO (SMARTER TRAVEL), T‑290/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:651, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Ir-relazzjoni tat-trade mark ikkontestata mal-prodotti u mas-servizzi koperti minn din it-trade mark għalhekk tifforma parti mill-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura ta’ deċiżjoni dwar il-karattru deskrittiv ta’ trade mark.

78      Id-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 tinkludi biss punt wieħed, il-punt 34, li jirrigwarda r-relazzjoni tat-trade mark ikkontestata mal-prodotti u mas-servizzi li jifdal (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). Il-Bord tal-Appell ma għamel ebda deskrizzjoni ta’ dawn il-prodotti u servizzi u l-karatteristiċi tagħhom, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jinftiehem għaliex dan qies li t-trade mark ikkontestata ma kinitx deskrittiva għal dawn il-prodotti u servizzi.

79      Barra minn hekk, fin-nota li tesponi l-motivi tar-rikors quddiem il-Bord tal-Appell, l-intervenjenti kienet spjegat b’mod iddettaljat, fi kważi ħames paġni, għaliex it-trade mark ikkontestata kellha tkun ikkunsidrata bħala deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi li jifdal. Għalhekk, pereżempju, hija kienet sostniet li t-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva tal-prodotti “ta’ enerġija elettrika, inkluż enerġija elettrika mill-bijogass, mir-riħ u mix-xemx”, li jaqgħu taħt il-klassi 4, sa fejn il-kelma “repower” tista’ tinftiehem bħala l-għan ta’ dawn il-prodotti, li kien li tingħata mill-ġdid enerġija lil magna, lil apparat jew lil applikazzjoni li tikkonsma l-elettriku. L-intervenjenti kienet ukoll sostniet, minn naħa, li t-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva tas-servizzi ta’ produzzjoni tal-enerġija, li jaqgħu taħt il-klassi 40, sa fejn il-kelma “repower” setgħet tinftiehem bħala t-tqegħid fis-suq ta’ installazzjonijiet ġodda għall-produzzjoni ta’ enerġija jew għas-sostituzzjoni ta’ installazzjonijiet tal-enerġija ineffiċjenti, u min-naħa l-oħra, li din it-trade mark kienet deskrittiva tas-servizzi ta’ “distribuzzjoni tal-enerġija; pariri professjonali fir-rigward tat-trażmissjoni (distribuzzjoni) tal-enerġija; pariri fil-qasam tas-servizzi fuq iċċitati”, li jaqgħu fil-klassi 39, għar-raġuni li dawn is-servizzi kienu jippermettu t-tqegħid mill-ġdid fis-suq jew it-tiġdid tad-distribuzzjoni ta’ enerġija u titjib tal-effiċjenza enerġetika jew tal-prestazzjoni tad-distribuzzjoni tal-enerġija. Huwa minnu li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat jieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet. Madankollu, huwa manifest li l-punt 34 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 ma huwiex tweġiba suffiċjenti għall-argumenti tal-intervenjenti dwar ir-relazzjoni tat-trade mark ikkontestata mal-prodotti u mas-servizzi li jifdal.

80      Barra minn hekk, huwa minnu li meta l-Bord tal-Appell jikkonferma d-deċiżjoni kollha tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u fid-dawl tal-kontinwità funzjonali bejn id-Diviżjonijiet tal-Kanċellazzjoni u l-Bordijiet tal-Appell, kif iddikjarat fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001), din id-deċiżjoni kif ukoll il-motivazzjoni tagħha jifformaw parti mill-kuntest li fih kienet ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, kuntest magħruf mal-partijiet u li jippermetti lill-qorti teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tagħha tal-legalità dwar il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell (ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2015, Naazneen Investments vs UASI – Energy Brands (SMART WATER), T‑250/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:160, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li f’dan il-każ id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet ġiet suffiċjentement immotivata, xorta jibqa’ il-fatt li l-Bord tal-Appell kellu jwieġeb, tal-inqas fil-qosor, għall-argumenti ddettaljati tal-intervenjenti. Barra minn hekk, għandu jiżdied li mid-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 ma jirriżultax b’mod ċar li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet ġiet ikkonfermata kollha mill-Bord tal-Appell.

81      Finalment, huwa żbaljat li r-rikorrenti ssostni li kien suffiċjenti li l-Bord tal-Appell jagħti motivazzjoni globali. Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li tali fakultà hija estiża biss għal prodotti u għal servizzi li jippreżentaw bejniethom rabta suffiċjentement diretta u konkreta, tant li kienu jifformaw kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi ta’ omoġenjità suffiċjenti (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Isdin vs Bial-Portela, C‑597/12 P, EU:C:2013:672, punt 27). Issa, ma jirriżultax la b’mod espliċitu u lanqas b’mod impliċitu mid-deċiżjoni kkontestata li l-prodotti u s-servizzi li jifdal kienu jifformaw kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi ta’ omoġenjità suffiċjenti fis-sens tas-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Isdin vs Bial-Portela (C‑597/12 P, EU:C:2013:672).

82      Għalhekk, il-motivazzjoni lakunarja tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 għal dak li jirrigwarda r-relazzjoni tat-trade mark ikkontestata mal-prodotti u mas-servizzi li jifdal kellha tqajjem fir-rikorrenti, bħala operatur ekonomiku diliġenti, dubji dwar il-legalità tagħha.

83      Barra minn hekk, peress li l-irtirar ta’ deċiżjoni illegali huwa permess biss jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, ma huwiex possibbli li jiġi sostnut, hekk kif għamlet ir-rikorrenti, li huwa inkompatibbli mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ċertezza legali u tal-awtorità ta’ res judicata li kwalunkwe dipartiment jista’ liberament ibiddel is-suġġett tat-tilwima fi proċeduri pendenti.

84      Barra minn hekk, il-prinċipju ġenerali tad-dritt li jawtorizza l-irtirar ta’ deċiżjoni illegali huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fil-fatt, ġie deċiż repetutament li huwa leġittimu u fl-interess ta’ ġestjoni amministrattiva korretta li l-iżbalji jew l-ommissjonijiet li bihom tkun ivvizzjata deċiżjoni jiġu kkoreġuti (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, Socitrel u Companhia Previdente vs Il‑Kummissjoni, T‑413/10 u T‑414/10, EU:T:2015:500, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Barra minn hekk, minkejja li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jeżiġu li l-irtirar ta’ att illegali jseħħ f’terminu raġonevoli u li jittieħed inkunsiderazzjoni sa fejn il-persuna kkonċernata setgħet eventwalment tafda ruħha fil-legalità tal-att, xorta jibqa’ l-fatt li tali rtirar huwa, fil-prinċipju, permess (ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑508/03, EU:C:2006:287, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li ebda awtorità ta’ res judicata ma hija marbuta mad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell, b’mod partikolari peress li, kif tfakkar fil-punt 61 iktar ’il fuq, il-proċeduri quddiem l-EUIPO huma ta’ natura amministrattiva u mhux ta’ natura ġudizzjarja (ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2015, Giand vs UASI – Flamagas (FLAMINAIRE), T‑583/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:943, punt 21).

87      Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li l-fatt li r-rikors kontra d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016, Kawża T‑188/16, repowermap vs EUIPO – Repower (REPOWER), kien pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali fil-mument li fih din id-deċiżjoni ġiet irrevokata ma jostakolax ir-revoka tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, Socitrel u Companhia Previdente vs Il‑Kummissjoni, T‑413/10 u T‑414/10, EU:T:2015:500, punt 187).

88      Isegwi li f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 iktar ’il fuq huma ssodisfatti.

89      Madankollu, minkejja l-eżistenza ta’ bażi legali oħra, l-iżball fl-għażla tal-bażi legali jwassal għall-annullament tal-att ikkonċernat meta dan jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-kontenut tiegħu, b’mod partikolari billi jivvizzja b’irregolarità l-proċedura applikabbli għall-adozzjoni tiegħu (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Kaxxi li jistgħu jitqiegħdu fuq xulxin u basktijiet, T‑53/10, EU:T:2011:601, punt 41).

90      Issa, il-ġurisprudenza dwar il-prinċipju ġenerali tad-dritt li jawtorizza l-irtirar retroattiv tal-atti amministrattivi illegali ma tipprovdix proċedura partikolari għall-irtirar ta’ tali atti (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Kaxxi li jistgħu jitqiegħdu fuq xulxin u basktijiet, T‑53/10, EU:T:2011:601, punt 42).

91      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-iżball tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-għażla tal-bażi legali applikabbli ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, kull soluzzjoni oħra hija diffiċli li tiġi rrikonċiljata mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Fil-fatt, kieku d-deċiżjoni kkontestata kienet annullata minħabba żball rigward l-għażla tal-bażi legali, il-Qorti Ġenerali kien ikollha tannulla wkoll id-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 li hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni. Dan jobbliga, minn naħa, lill-Bord tal-Appell jieħu deċiżjoni ġdida dwar il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward tat-trade mark ikkontestata bejn repowermap.org u Repower, li probabbilment tkun identika għal dik li adottat fis-26 ta’ Settembru 2016 wara r-revoka tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016, u min-naħa l-oħra, lir-rikorrenti tippreżenta rikors ġdid kontra din id-deċiżjoni ġdida.

92      L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti wkoll ma humiex konvinċenti.

93      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li jipprovdi, minn naħa, li l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009 jagħmel riferiment għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-proċedura fl-Istati Membri u mhux għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, li l-EUIPO kien obbligat li jesponi l-prinċipji ġenerali tad-dritt nazzjonali billi jibbaża ruħu fuq il-prinċipji applikabbli fl-Istati Membri kollha mingħajr eċċezzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ġenerali tad-dritt, li jipprovdi li l-amministrazzjoni għandha l-possibbiltà li teżamina mill-ġdid u, jekk ikun il-każ, li tirtira att amministrattiv illegali, huwa bbażat fuq il-liġijiet tal-Istati Membri u kien ġie rrikonoxxut sa mill-ewwel sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1957, Algera et vs Assemblea Komuni, 7/56 u 3/57 sa 7/57, EU:C:1957:7, p. 115 u 116; tat-22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs Awtorità Għolja, 42/59 u 49/59, EU:C:1961:5, p. 160, u tat-13 ta’ Lulju 1965, Lemmerz-Werke vs Awtorità Għolja, 111/63, EU:C:1965:76, p. 852). Sa mir-rikonoxximent tagħha, l-eżistenza ta’ dan il-prinċipju, ibbażat fuq il-liġijiet tal-Istati Membri, kienet tfakkret diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali (sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il‑Kummissjoni, 14/81, EU:C:1982:76, punt 10; tal-5 ta’ Diċembru 2000, Gooch vs Il‑Kummissjoni, T‑197/99, EU:T:2000:282, punt 53; tat-12 ta’ Settembru 2007, González y Díez vs Il‑Kummissjoni, T‑25/04, EU:T:2007:257, punt 97, u tal-11 ta’ Lulju 2013, BVGD vs Il‑Kummissjoni, T‑104/07 u T‑339/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:366, punt 63). Għalhekk, il-qrati tal-Unjoni qiesu b’mod stabbilit li dan il-prinċipju kien irrikonoxxut fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri. Ir-rikorrenti ma tagħti eżempju tal-ebda Stat Membru li fih dan il-prinċipju ma huwiex irrikonoxxut. Hija targumenta biss, li pereżempju, fil-Ġermanja l-prinċipju tal-effett devoluttiv jimplika li, f’każ ta’ rikors ġudizzjarju, il-kompetenza tal-istanza preċedenti tispiċċa. Madankollu, dan l-argument ma jirrigwardax l-eżistenza tal-prinċipju li l-amministrazzjoni għandha l-possibbiltà li teżamina mill-ġdid, u jekk ikun il-każ, li tirtira att amministrattiv individwali, iżda biss il-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà.

94      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li prinċipji bħal dak ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali jipprekludu rtirar ta’ deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sa fejn ikun hemm riskju li ż-żewġ istanzi jaslu għal konklużjoni kuntrarja, għandu jiġi rrilevat li, meta deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tkun irtirata filwaqt li rikors kontra din id-deċiżjoni jkun ġie ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk ikun pendenti, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors. Għalhekk ma hemm ebda riskju li l-Qorti Ġenerali tasal għal konklużjoni kuntrarja għal dik tal-Bord tal-Appell.

95      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

96      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu sa fejn ma eżaminax l-argumenti mqajma quddiemu. Hija targumenta li kienet diġà qajmet l-argumenti kollha li hija tinvoka quddiem il-Qorti Ġenerali fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Bord tal-Appell. Issa, il-Bord tal-Appell ma kienx eżamina d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Estiż fid-deċiżjoni kkontestata. Dan iddikjara biss li l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, kien għadu applikabbli u li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 kienet ivvizzjata minn żball proċedurali u ma weġibx għall-argumenti l-oħra.

97      L-EUIPO u l-intervenjenti ma ħadux pożizzjoni dwar dan il-motiv.

98      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell espona l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq. Fil-fatt, huwa indika li l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009, verżjoni preċedenti, kien għadu fis-seħħ, li l-EUIPO kellu l-obbligu li jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu u b’mod partikolari li janalizza l-motivi ta’ rifjut fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata u li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 kienet irrevokata għaliex kienet ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni li jikkostitwixxi żball proċedurali manifest.

99      Il-Bord tal-Appell ma kienx obbligat iwieġeb għall-argument ibbażat fuq id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Estiż, li ma kinitx rilevanti f’dan il-każ.

100    Għalhekk, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

101    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

102    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

103    Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha iżda li għandha tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 135(2) tal-istess Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna parti, anki jekk rebbieħa, tbati parzjalment jew kompletament l-ispejjeż, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża.

104    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna għall-ispejjeż istituzzjoni li d-deċiżjoni tagħha ma tkunx ġiet annullata, minħabba l-insuffiċjenza ta’ din tal-aħħar, li seta’ wassal lir-rikorrent sabiex jippreżenta rikors (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑387/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:377, punt 177 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tilfet. Madankollu, hija ma kienx ikollha tippreżenta dan ir-rikors u l-intervenjenti ma kienx ikollha tintervjeni li kieku l-EUIPO ma kellux jadotta d-deċiżjoni kkontestata sabiex jirrevoka d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016 li kienet ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata, b’mod żbaljat, fuq l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li seta’ wassal lir-rikorrenti tippreżenta dan ir-rikors.

106    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tqis li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ jiġġustifikaw id-deċiżjoni li l-EUIPO għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż esposti kemm mir-rikorrenti kif ukoll mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti minn Repower AG u minn repowermap.org.

Gratsias

Dittrich

Xuereb

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Frar 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.