Language of document : ECLI:EU:C:2019:936

Kawżi magħquda C-349/18 sa C-351/18

Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen (NMBS)

vs

Mbutuku Kanyeba et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-vredegerecht te Antwerpen)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Novembru 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Drittijiet u obbligi tal-passiġġieri – Regolament (KE) Nru 1371/2007 – Punt 8 tal-Artikolu 3 – Kuntratt ta’ trasport – Kunċett – Passiġġier ma kellux biljett meta tela’ fuq il-ferrovija – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 1(2) u Artikolu 6(1) – Kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport ta’ impriża ferrovjarja – Liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet mandatorji – Klawżola penali – Setgħat tal-qorti nazzjonali”

1.        Trasport – Trasport ferrovjarju – Regolament Nru 1371/2007 – Drittijiet u obbligi tal-passiġġieri bil-ferrovija – Kuntratt ta’ trasport – Kunċett – Traġitt imwettaq minn passiġġier mingħajr biljett meta tela’ fuq ferrovija liberament aċċessibbli – Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1371/2007, Punt 8 tal-Artikolu 3)

(ara l-punti 36, 37, 48-53, d-dispożittiv 1)

2.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Portata – Reviżjoni mill-qorti nazzjonali tal-kontenut ta’ klawżola inġusta – Moderazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni magħmula minn klawżola penali oneru tal-konsumatur – Inammissibbiltà – Sostituzzjoni tal-imsemmija klawżola, abbażi tad-dritt tal-kuntratti, b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura awżiljarja mill-qorti nazzjonali – Inammissibbiltà – Eċċezzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 6(1))

(ara l-punti 67-74, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Passiġġier li jitla’ fuq ferrovija liberament aċċessibbli sabiex iwettaq traġitt mingħajr ma jkun xtara biljett jikkonkludi “kuntratt ta’ trasport”

Fis-sentenza Kanyeba et (C-349/18 sa C-351/18), mogħtija fis-7 ta’ Novembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt ta’ trasport”, fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1371/2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (1) u min-naħa l-oħra, dwar is-setgħa tal-qorti nazzjonali meta tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, fis-sens tad-Direttiva 93/13 dwar il-klawżoli inġusti (2).

Din is-sentenza taqa’ fil-kuntest ta’ tliet tilwimiet bejn is-Société nationale des chemins de fer belges (SNCB) u tlett passiġġieri, dwar ħlas adddizzjonali tariffarju mitlub mingħand dawn tal-aħħar talli vvjaġġaw bil-ferrovija mingħajr biljett. Fil-fatt, wara r-rifjut tal-imsemmija passiġġieri li jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom, billi jħallsu immedjatament il-prezz tat-traġitt flimkien mal-ħlas addizzjonali, jew iktar tard somma f’daqqa dovuti minħabba l-imsemmija ksur tal-kundizzjonijiet ta’ trasport. F’dan il-kuntest, SNCB allegat li r-relazzjoni bejnha u bejn l-imsemmija passiġġieri ma hijiex ta’ natura kuntrattwali, iżda ta’ natura amministrattiva, peress li dawn tal-aħħar ma xrawx biljett. Adita b’dawn il-kawżi, il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, dwar in-natura tar-relazzjoni ġuridika li teżisti bejn kumpannija ta’ trasport u passiġġier li juża s-servizzi ta’ din il-kumpannija mingħajr biljett u, min-naħa l-oħra, dwar il-portata tal-protezzjoni mogħtija mil-leġiżlazzjoni dwar il-klawżoli inġusti ta’ tali passiġġier.

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ trasport”, fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1371/2007. Għalhekk, hija osservat qabel xejn, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li tali kuntratt jagħti l-obbligu lill-impriża ferrovjarja li tipprovdi lill-passiġġier servizz jew servizzi ta’ trasport u l-obbligu għall-passiġġier li jħallas il-prezz, sakemm is-servizz ta’ trasport ma jiġix ipprovdut b’mod gratwit. Minn dan jirriżulta li, minn naħa, billi tħalli l-aċċess liberu għall-ferrovija tagħha, u, min-naħa l-oħra, billi jitla’ fuq din sabiex iwettaq traġitt, kemm l-impriża ferrovjarja kif ukoll il-passiġġier juru l-volontajiet konkordanti tagħhom li jidħlu f’relazzjoni kuntrattwali, b’mod li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ trasport huma, fil-prinċipju, issodisfatti. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kuntest li fih taqa’ l-imsemmija dispożizzjoni u kkonstatat li, fid-dawl tal-formulazzjoni u ta’ dan il-kuntest, dan il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ trasport” huwa indipendenti mill-pussess, mill-passiġġier, ta’ biljett u f’dan is-sens li tinkludi sitwazzjoni li fiha passiġġier jitla’ abbord ta’ ferrovija liberament aċċessibbli sabiex iwettaq traġitt mingħajr ma jkun kiseb biljett. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li huwa kuntrarju għall-għan ta’ protezzjoni tal-passiġġieri bil-ferrovija, intiż mir-Regolament Nru 1371/2007, li jiġi kkunsidrat li tali passiġġier jista’ jiġi kkunsidrat bħala li ma huwiex parti minn relazzjoni kuntrattwali mal-impriża ferrovjarja li tkun ħalliet il-ferroviji tagħha f’aċċess liberu, peress li, f’tali kuntest, dan il-passiġġier ikun jista’, għal raġunijiet li ma huwiex responsabbli għalihom, ikun imċaħħad mid-drittijiet li dan ir-regolament jorbot mal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ trasport. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward fir-Regolament Nru 1371/2007, din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt ta’ trasport”, fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament hija mingħajr preġudizzju għall-validità ta’ dan il-kuntratt jew tal-konsegwenzi li jistgħu jkunu marbuta man-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, minn waħda mill-partijiet, tal-obbligi kuntrattwali tagħha, liema, jibqgħu rregolati mid-dritt nazzjonali applikabbli.

It-tieni nett, preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-klawżola inkwistjoni taqax taħt din l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Billi bbażat ruħha madankollu fuq l-ipoteżi li din il-klawżola taqa’ taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar is-setgħat tal-qorti nazzjonali (3) meta kkonstatat in-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali, fis-sens tad-Direttiva 93/13. Għalhekk, fir-rigward ta’ klawżola penali prevista f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprekludi lill-qorti nazzjonali li tikkonstata n-natura inġusta ta’ tali klawżola penali milli timmodera l-ammont tas-sanzjoni imposta minn din il-klawżola fuq dan il-konsumatur. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu wkoll li qorti nazzjonali tissostitwixxi l-imsemmija klawżola, b’applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tagħha tal-kuntratti, b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura awżiljarja, ħlief jekk il-kuntratt inkwistjoni jkun jista’ jibqa’ jeżisti fil-każ ta’ tħassir tal-klawżola inġusta u jekk l-annullament tal-kuntratt fl-intier tiegħu jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi.


1      Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU 2007, L 315, p. 14).


2      Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


3      Li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva93/13.