Language of document : ECLI:EU:T:2007:348

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

20 ta’ Novembru 2007

Kawża T-103/05

P

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Uffiċjali – Remunerazzjoni – Assenza irregolari – Telf tal-benefiċċju tar-remunerazzjoni – Artikolu 59 tar-Regolamenti tal-Persunal – Ċertifikat mediku”

Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Mejju 2004, li tiddikjara l-assenza tar-rikorrenti bħala irregolari sa mis-16 ta’ Marzu 2004 u li waqfet ir-remunerazzjoni tagħha mill-15 ta’ April 2004 sa meta bdiet is-servizzi tagħha mad-Direttorat Ġenerali “Stampa u komunikazzjoni” fi Brussell.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Deċiżjoni li tikkonstata l-irregolarità ta’ l-assenza ta’ uffiċjal fid-dawl tar-riżultat ta’ kontroll mediku – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25)

2.      Uffiċjali – Leave tal-mard – Ġustifikazzjoni tal-mard – Żjara medika ta’ kontroll – Konstatazzjoni dwar il-kapaċità għax-xogħol – Effett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 59 u 60)

1.      Deċiżjoni hija motivata biżżejjed jekk tkun saret f’ċirkustanzi li l-uffiċjal ikkonċernat ikun jaf bihom, li jippermettulu jifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tiegħu. Dan huwa l-każ ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-irregolarità ta’ l-assenza ta’ uffiċjal li, minkejja li kien ikkunsidra fid-dawl tar-riżultat ta’ kontroll mediku, li kien kapaċi jaħdem part-time wara leave tal-mard, ma daħalx lura għax-xogħol, peress li din id-deċiżjoni, anke jekk ma fihiex raġuni dettaljata dwar il-kapaċità għax-xogħol tal-persuna kkonċernata, tirreferi għal dokument anness, jiġifieri nota tas-servizz mediku, li tindika l-kronoloġija tal-fatti relatati mal-marda tagħha u, barra minn hekk, saret f’kuntest fejn l-amministrazzjoni xtaqet tipproteġi l-interessi ta’ l-uffiċjal billi tippermettilha tidħol lura għax-xogħol b’mod progressiv.

(ara l-punti 35, 36 u 38)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Diċembru 1981, Demont vs Il-Kummissjoni, 791/79, Ġabra p. 3105, punt 12; Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ Marzu 1990, Hecq vs Il-Kummissjoni, C‑116/88 u C‑149/88, Ġabra p. I‑599, punt 26; Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni, C‑294/95 P, Ġabra p. I‑5863, punt 35; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 22 ta’ Jannar 1998, Costacurta vs Il-Kummissjoni, T‑98/96, Ġabra SP p. I‑A‑21 u II‑49, punt 86

2.      Uffiċjal ma jistax jevita l-obbligu tiegħu li jidħol lura għax-xogħol, li jirriżulta minn kontroll mediku li jistabbilixxi l-kapaċità tiegħu għax-xogħol, billi jipproduċi ċertifikat mediku li jirreferi għas-segwitu ta’ trattament mediku, iżda li ma jistabbilixxix inkapaċità għax-xogħol u li, konsegwentement, ma jsemmix id-dati tal-bidu u ta’ tmiem ta’ din l-inkapaċità. Dokument bħal dan, fi kwalunkwe każ, ma jistax jikkostitwixxi ċertifikat li minnu tirriżulta, b’biżżejjed preċiżjoni u b’mod konklużiv, l-inkapaċità għax-xogħol.

(ara l-punti 61 sa 63)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 20 ta’ Novembru 1996, Z vs Il-Kummissjoni, T‑135/95, ĠabraSP p. I‑A‑519 u II‑1413, punt 34; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ Mejju 1997, Quijano vs Il-Parlament, T‑169/95, ĠabraSP p. I‑A‑91 u II‑273, punt 40