Language of document : ECLI:EU:T:2010:251

Kawża T-563/08

CM Capital Markets Holding, SA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali CARBON CAPITAL MARKETS — Trade marks Komunitarji u nazzjonali figurattivi preċedenti CM Capital Markets — Raġuni relattiva għal rifjut — Nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni — Nuqqas ta’ xebh bejn is-sinjali — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

Għall-pubbliku rilevanti, ikkostitwit minn konsumaturi li jinsabu fit‑territorju kollu tal‑Komunità u li huma ferm attenti, informati sewwa u familjari mat‑terminoloġija finanzjarja Ingliża bażika, ma teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal‑Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja bejn is-sinjal verbali CARBON CAPITAL MARKETS, li r-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja ntalbet għas-“Servizzi finanzjarji; negozju ta’ merkanzija; sensarija ta’ materja prima; finanzjament ta’ materja prima; servizzi ta’ investiment f’materja prima; servizzi marbuta man-negozju ta’ materja prima; provvista ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ materja prima; investiment ta’ kapital; servizzi ta’ investiment; servizzi marbuta man-negozjati dwar l-allokazzjoni ta’ emissjonijiet; negozjati dwar bonds; negozjati dwar l-allokazzjoni ta’ emissjonijiet; negozjati dwar titoli; negozjati dwar ishma; sensarija ta’ materja prima; servizzi ta’ ġestjoni tar-riskji; finanzjament ta’ akkwisti; servizzi ta’ informazzjoni, pariri u konsulenza fil-qasam tan-negozjati dwar emissjonijiet” li jaqgħu fil‑klassi 36 skont il‑Ftehim ta’ Nice, u t-trade marks figurattivi CM Capital Markets irreġistrati preċedentement bħala trade mark Komunitarja fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35, 36 u 42, u fi Spanja fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36.

Sa fejn is‑servizzi li jaqgħu b’mod partikolari fil‑klassi 36 skont il‑Ftehim ta’ Nice koperti mit‑trade marks preċedenti jinkludu l‑istess firxa ta’ servizzi tas‑settur finanzjarju bħal dawk koperti mit‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u jaqgħu fl‑istess klassi, is‑servizzi inkwistjoni huma identiċi. Għall‑kuntrarju, is‑sinjali inkwistjoni huma differenti. Fil‑fatt, fl‑impressjoni sħiħa prodotta mis‑sinjali inkwistjoni, id‑differenzi viżivi u kunċettwali li hemm bejn is‑sinjali msemmija huma biżżejjed sabiex jinnewtralizzaw ix‑xebh fonetiku limitat bejniethom, b’mod partikolari sa fejn, f’dan il‑każ, il‑pubbliku rilevanti huwa ferm attent u informat sewwa. Fid‑dawl tan‑nuqqas ta’ xebh bejn is‑sinjali inkwistjoni, minkejja l‑identiċità bejn is‑servizzi koperti, ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni diretta bejn it‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t‑trade marks preċedenti.

(ara l-punti 33, 34, 61, 64)