Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Diċembru 2008 - Repsol YPF Lubricantes y especialidades et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-562/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Repsol YPF Lubricantes y especialidades, SA (Madrid, Spanja), Repsol Petróleo, SA (Madrid, Spanja), Repsol YPF, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: Sres. J. Jiménez-Laiglesia Oñate, J. Jiménez-Laiglesia Oñate u S. Rivero Mena, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata f'dan il-proċediment hija l-istess bħal dik fil-kawża T-540/08 Esso et vs Il-Kummissjoni.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti jissottomettu li, fl-ewwel lok, ma ġiex stabbilit li Repsol YPF Lubricantes y especialidades S.A. (Rylesa) kellha sehem f'ċertu aġir identifikat li ġie kkunsidrat individwalment għall-iskop ta' impożizzjoni ta' penali. B'mod partikolari, id-deċiżjoni ma pproduċietx provi li juru li Rylesa kellha sehem fl-akkordju ta' tqassim tal-klijenti u tas-swieq.

Id-deċiżjoni lanqas ma tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-għan tal-Laqgħat Tekniċi ma kienx li jitqassmu l-klijenti u s-swieq. Dawn il-prattiki, kieku kienu jeżistu, kienu jseħħu, kif irrikonoxxew uħud mill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni, fil-kuntatti bilaterali u multilaterali fil-marġni tal-Laqgħat Tekniċi. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata tikkunsidra li mhux meħtieġ li jiġu investigati dawn il-kuntatti bilaterali u multilaterali, u għalhekk ir-rikorrenti ma jistgħux jitqiesu li kellhom sehem fil-ksur li ġie identifikat mid-deċiżjoni. F'kull każ id-deċiżjoni ma tispjegax għaliex Rylesa hija kkunsidrata responsabbli għal dan l-aġir meta, fl-istess ħin, ma ssibx responsabbiltà fl-impriżi l-oħra li kienu preżenti għall-Laqgħat Tekniċi li tressqu bħala prova tal-imsemmi aġir.

Ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll il-kriterju użat mill-Kummissjoni sabiex jiġi ddeterminat id-dħul mill-bejgħ tal-prodotti rilevanti u li fuqu stabbiliet il-penali applikabbli. L-ewwel nett, id-deċiżjoni ma tiddefinix bi preċiżjoni l-prodotti milquta mill-ksur. It-tieni nett, skont il-Linji gwida dwar il-multi tal-2006, applikabbli għal dan il-każ, il-multi għandhom jiġu stabbiliti skont tad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi fl-aħħar sena ta' negozju tas-sehem tagħha fil-ksur. Madankollu, f'dan il-każ il-Kummissjoni ma mxietx ma' din ir-regola ġenerali, u kkalkulat l-ammont tal-multa billi ħadet inkunsiderazzjoni l-volum medju tal-bejgħ ta' Rylesa bejn l-2001 u l-2003. F'ebda mument ma l-Kumissjoni ressqet xi motivazzjoni kwalunkwe li tiġġustifika għaliex, fil-każ ta' Rylesa, injorat ir-regoli imposti fuqha fil-Linji gwida, sabiex tapplika kriterju (il-valur medju tal-bejgħ bejn l-2001 u l- 2003) li, barra minn hekk, jippreġudika sostanzjalment lil Rylesa. Id-dħul mill-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat huwa finalment dak li nkiseb fl-2003, peress li hi l-aħħar sena sħiħa li l-Kummissjoni stess tallega li Rylesa kellha sehem fil-ksur.

Fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ksur minn Rylesa waqaf fl-4 ta' Awwissu 2004. Madankollu, ma teżistix l-iċken prova li xi ksur minn Rylesa baqa' għaddej sa din id-data. B'mod partikolari, Rylesa ma kellhiex sehem fl-akkordju jew prattiki adottati fil-Laqgħat Tekniċi li saru fl-ewwel nofs tal-2004. Il-ksur għandu jiġi kkunsidrat li spiċċa, għaldaqstant, f'Jannar 2004 jew, l-aktar tard, f'Mejju 2004.

Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ħafna provi prodotti fil-proċediment amministrattiv, li fih ġie pprovat li Rylesa hija entità kompletament awtonoma fil-konfront tal-kumpannija parent tagħha, Repsol Petróleo, S.A. Fi kwalunkwe każ, il-ġurisprudenza ma tippermettix lill-Kummissjoni testendi r-responsabbiltà għall-ksur li twettaq minn kumpannija għall-grupp kollu li tiegħu hija parti, u għalhekk ir-responsabbiltà ta' Repsol YPF S.A. mhijiex iġġustifikata.

____________