Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Diċembru 2008 - Bactria u Gutknecht vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-561/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Bactria Industriehygiene-Service Verwaltungs GmbH (Kirchheimbolanden, il-Ġermanja), Jürgen Gutknecht (Kirchheimbolanden, il-Ġermanja) (rappreżentanti: K. Van Maldegem u C. Mereu, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli u fondat;

tordna lill-Komunità Ewropea tħallas lir-rikorrenti d-danni subiti minħabba (i) l-adozzjoni illegali tal-Artikolu 6(2) tal-Ewwel Regolament ta' Reviżjoni flimkien mat-Tieni Regolament ta' Reviżjoni u r-Regolament tal-Kummissjoni 1451/2007; jew, sussidjarjament (ii) in-nuqqas tal-Kummissjoni milli tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li d-drittijiet għall-protezzjoni tad-data tar-rikorrenti taħt il-BPD jiġu protetti u jiġi evitat il-parassitiżmu waqt il-programm ta' reviżjoni, valutat għall-ammont ta' EUR 3 912 569, jew ammont ieħor stabbilit 'il quddiem tul il-proċedimenti mir-rikorrenti jew mill-Qorti ex aequo et bono;

sussidjarjament, tiddeċiedi permezz ta' s-sentenza interlokutorja li l-Komunità Ewropea hija obbligata tikkumpensa d-dannu subit u tordna lill-partijiet jipproduċu lill-Qorti fi żmien raġonevoli mid-data tas-sentenza figuri dwar l-ammont ta' kumpens miftiehem bejn il-partijiet jew, fin-nuqqas ta' ftehim, tordna lill-partijiet jipproduċu lill-Qorti fl-istess terminu s-sottomissjonijiet tagħhom sostnuti b'figuri dettaljati;

tordna lill-Komunità Ewropea tħallas lir-rikorrenti interessi kumpensatorji bir-rata għal ħlas tardiv mid-data tat-telf subit;

tordna lill-Komunità Ewropea tħallas interessi għad-dewmien ta' 8 % jew kull rata oħra xierqa ddeterminata mill-Qorti, ikkalkulata fuq l-ammont li jrid jitħallas mid-data tas-sentenza tal-Qorti sal-ħlas eventwali; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti qedgħin jitolbu kumpens, skont l-Artikolu 235 KE, għad-danni allegatament subiti minħabba l-adozzjoni tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni 1896/2000 tas-7 ta' Settembru 20001 fuq l-ewwel fażi tal-programm imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali 2 flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni 2032/20033 u r-Regolament tal-Kummissjoni 1451/20074.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti jitolbu kumpens għad-danni allegatament subiti minħabba n-nuqqas tal-Kummissjoni li tiżgura l-protezzjoni tad-dritt għall-protezzjoni tad-data mogħti lin-notifikant skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 98/8. Huma jsostnu barra minn hekk li l-aġir illegali tal-Kummissjoni wassal biex ir-rikorrenti sofrew dannu li jikkonsisti fi tnaqqis konsiderevoli fil-valur tan-negozju tal-ewwel rikkorenti u fi telf ta' qligħ (lucrum cessans) li l-ewwel rikorrenti kienet tagħmel bil-bejgħ tal-imsemmija prodotti bijoċidali u mis-sustanzi attivi li jinsabu f'dawn il-prodotti bijoċidali li kieku mhux għall-aġir tal-Komunità.

Flimkien mad-dannu allegatament subit mit-tieni rikorrenti bħala azzjonista u għalhekk sid tan-negozju tal-ewwel rikorrenti, ġie sostnut li t-tieni rikorrenti sofriet ukoll it-telf tal-għixien tagħha. Finalment, ir-rikorrenti jitolbu interessi kumpensatorji bir-rata għal ħlas tardiv mid-data meta t-telf allegat seħħ.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni 1896/2000 tas-7 ta' Settembru 2000 fuq l-ewwel fażi tal-programm rigward prodotti bijoċidali msemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2000 L 228, p. 6)

2 - Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1988 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali (ĠU 1998 L 123, p. 1)

3 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2032/2003 tal-4 ta' Novembru 2003 dwar it-tieni fażi tal-programm ta' ħidma ta' għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid ta' prodotti bijoċidiċi fis-suq, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1896/2000 (ĠU 2003 L 307, p. 1)

4 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2003 dwar it-tieni fażi tal-programm ta' ħidma ta' 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali, (ĠU 2007 L 325, p. 3)