Language of document : ECLI:EU:T:2010:251

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

22 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali CARBON CAPITAL MARKETS – Trade marks Komunitarji u nazzjonali figurattivi preċedenti CM Capital Markets – Raġuni relattiva għal rifjut – Nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni – Nuqqas ta’ xebh bejn is-sinjali – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑563/08,

CM Capital Markets Holding, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn T. Villate Consonni u J. Calderón Chavero, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Carbon Capital Markets Ltd, stabbilita f’Oxford (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. E. Hardcastle, solicitor,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tas-26 ta’ Settembru 2008 (Każ R 15/2008‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn CM Capital Markets Holding, SA u Carbon Capital Markets Ltd,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Diċembru 2008,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Mejju 2009,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Mejju 2009,

wara li rat li l‑partijiet ma ppreżentawx talba sabiex tinżamm seduta fit‑terminu ta’ xahar li jiddekorri min‑notifika tal‑għeluq tal‑proċedura bil‑miktub u peress li għalhekk iddeċidiet, wara li kkunsidrat ir‑rapport tal‑Imħallef Relatur u skont l‑Artikolu 135a tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il‑fażi orali tal‑proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-9 ta’ Ġunju 2005, l-intervenjenti, Carbon Capital Markets Ltd, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali CARBON CAPITAL MARKETS.

3        Is-servizzi li fir-rigward tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 36 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Gunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Servizzi finanzjarji; negozju ta’ merkanzija; sensarija ta’ materja prima; finanzjament ta’ materja prima; servizzi ta’ investiment f’materja prima; servizzi marbuta man-negozju ta’ materja prima; provvista ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ materja prima; investiment ta’ kapital; servizzi ta’ investiment; servizzi marbuta man-negozjati dwar l-allokazzjoni ta’ emissjonijiet; negozjati dwar bonds; negozjati dwar l-allokazzjoni ta’ emissjonijiet; negozjati dwar titoli; negozjati dwar ishma; sensarija ta’ materja prima; servizzi ta’ ġestjoni tar-riskji; finanzjament ta’ akkwisti; servizzi ta’ informazzjoni, pariri u konsulenza fil-qasam tan-negozjati dwar emissjonijiet”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulletin tat-trade marks Komunitarji Nru 50/2005, tat-12 ta’ Diċembru 2005.

5        Fl-10 ta’ Marzu 2006, ir-rikorrenti, CM Capital Markets Holding, SA, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L‑oppożizzjoni kienet ibbażata fuq żewġ reġistrazzjonijiet tas‑sinjal figurattiv bil‑kuluri blu u griż (iktar ’il quddiem it‑“trade marks preċedenti”) riprodott hawnhekk:

Image not found

7        Dan is‑sinjal kien is‑suġġett:

–        minn naħa, tar‑reġistrazzjoni Komunitarja Nru 3409281, tas‑6 ta’ Lulju 2005, li tkopri s‑servizzi li jaqgħu fil‑klassijiet 35, 36 u 42 skont il‑Ftehim ta’ Nice u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il‑klassijiet, għad‑deskrizzjonijiet segwenti:

–        klassi 35: “Servizzi ta’ analiżi tal‑prezz tan‑nefqa; servizzi ta’ konsulenza fir‑rigward tal‑organizzazzjoni u tat‑tmexxija tan‑negozju; servizzi ta’ assistenza lill‑amministrazzjoni f’impriżi industrijali; konsulenza professjonali għal impriżi, reklutaġġ ta’ persunal, problemi ta’ persunal; kontabbiltà; tħejjija ta’ dikjarazzjonijiet fiskali; servizzi ta’ informazzjoni tal‑istatistika; studji tas‑suq”;

–        klassi 36: “Servizzi ta’ attwarju; amministrazzjoni ta’ beni finanzjarji; aġenziji għall‑irkupru ta’ debiti u tal‑kera; analiżi finanzjarja; servizzi ta’ sensarija fir‑rigward ta’ stokks u bonds; ħruġ ta’ titoli ta’ valur; stimi fiskali u finanzjarji; pariri ta’ espert fil‑qasam fiskali; trusts ta’ investiment u ta’ kumpanniji holding; servizzi finanzjarji, monetarji u marbuta ma’ stokks u bonds; servizzi ta’ konsulenza u ta’ investiment ta’ kapital; servizzi ta’ kambju u ta’ kwotazzjoni fi stock exhange”;

–        klassi 42: “Servizzi ta’ analiżi u ta’ riċerka industrijali; iddisinjar u żvilupp ta’ kompjuters; servizzi ta’ konsulenza fil‑qasam ta’ programmi tal‑informatika; studji, analiżi, tħejjija ta’ abbozzi ta’ softwer u ta’ sistemi tal‑informatika; konsulenza fil‑qasam tal‑informatika, kiri ta’ kompjuters; ta’ softwer; tħejjija, ħolqien u ddisinjar ta’ paġni tal‑internet; servizzi xjentifiċi u teknoloġiċi, ta’ riċerka u ta’ ddisinjar marbuta magħhom; servizzi ta’ analiżi u ta’ riċerka industrijali; konsulenza u assistenza legali”;

–        min‑naħa l‑oħra, tar‑reġistrazzjoni Spanjola Nru 2381503, tal‑5 ta’ Ottubru 2001, li tkopri s‑servizzi li jaqgħu fil‑klassi 36 skont il‑Ftehim ta’ Nice u li jikkorrispondu għad‑deskrizzjoni segwenti: “Servizzi finanzjarji u ta’ kambju”.

8        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq is-servizzi kollha protetti mit-trade marks preċedenti.

9        Ir‑raġuni invokata insostenn tal‑oppożizzjoni kienet dik imsemmija fl‑Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 [li sar l‑Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 207/2009].

10      Fit‑30 ta’ Ottubru 2007, id‑Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni tal‑UASI ċaħdet l‑oppożizzjoni billi essenzjalment ikkonkludiet li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is‑sinjali inkwistjoni.

11      Fis‑17 ta’ Diċembru 2007, ir‑rikorrenti appellat mid‑deċiżjoni tad‑Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni quddiem l‑UASI, skont l‑Artikoli 57 sa 62 tar‑Regolament Nru 40/94 (li saru l‑Artikoli 58 sa 64 tar‑Regolament Nru 207/2009).

12      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Settembru 2008 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), l‑Ewwel Bord tal‑Appell tal‑UASI ċaħad l‑appell. B’mod partikolari, huwa kkunsidra, fil‑punt 26 tad‑deċiżjoni kkontestata, li, għalkemm is‑servizzi koperti mit‑trade marks inkwistjoni kienu “essenzjalment l‑istess”, l‑imsemmija trade marks, madankollu, ma kellhomx livell ta’ xebh suffiċjenti sabiex ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom, u dan fid‑dawl tal‑fatt li l‑espressjoni “capital markets” hija espressjoni ġenerika fir‑rigward tas‑servizzi tas‑settur finanzjarju, fid‑dawl tan‑natura intrinsikament ftit distintiva tat‑trade marks preċedenti u fid‑dawl tal‑fatt li l‑pubbliku rilevanti huwa ferm attent u informat sewwa.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir‑rikorrenti titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d‑deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li tiġi miċħuda kompletament ir‑reġistrazzjoni tat‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni;

–        tilqa’ l‑argumenti tagħha;

–        tikkundanna lill‑UASI għall‑ispejjeż.

14      L‑UASI jitlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors;

–        tikkundanna li r‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

15      L‑intervenjenti titlob li l ‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonferma d‑deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li tiġi awtorizzata kompletament ir‑reġistrazzjoni tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni;

–        tilqa’ l‑argumenti tagħha;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

 Id-dritt

16      Ir‑rikorrenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

17      Ir‑rikorrenti essenzjalment issostni li l‑Bord tal‑Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it‑trade marks inkwistjoni.

18      Fl‑ewwel lok, ir‑rikorrenti tikkunsidra li s‑servizzi koperti mit‑trade marks inkwistjoni huma identiċi, kif osserva l‑Bord tal‑Appell.

19      Fit‑tieni lok, ir‑rikorrenti essenzjalment issostni li t‑trade marks inkwistjoni huma “kważi identiċi”.

20      Ir‑rikorrenti tikkunsidra li, minn naħa, it-tliet kelmiet, jiġifieri “carbon”, “capital” u “markets”, li jidhru fit‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni u, min‑naħa l‑oħra, l‑ittra “c” u ż‑żewġ kelmiet, jiġifieri “capital” u “markets”, li jidhru fit‑trade marks preċedenti, jikkostitwixxu l‑elementi dominanti tat‑trade marks imsemmija. F’dan ir‑rigward hija tosserva li l‑kliem “capital” u “markets” huma komuni għas‑sinjali. Barra minn hekk, l‑ittra “c” fit‑trade marks preċedenti hija l‑ittra inizjali tal‑kelma “carbon”, li tidher fit‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni u li għaliha tirreferi din l‑ittra. Fil‑fatt, skont ir‑rikorrenti, it‑trade marks preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni jevokaw u jipproteġu servizzi marbuta mas‑swieq tad‑dijossidu karboniku kkummerċjalizzat mill‑kumpanniji.

21      F’dan ir‑rigward ir‑rikorrenti tenfasizza li mill‑prassi deċiżjonali tal‑UASI u mill‑ġurisprudenza jirriżulta li l‑konsumatur jidentifika u jiftakar trade mark kumplessa permezz tal‑element verbali tagħha, u mhux permezz tal‑element grafiku tagħha, li f’dan il‑każ huwa negliġibbli, u li trade marks kumplessi jkunu identiċi meta jkollhom elementi verbali identiċi. Minn naħa, kif osservat f’diversi każijiet id‑Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni tal‑UASI sabiex tikkonkludi li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, ta’ min jinnota li l‑elementi verbali tat‑trade marks inkwistjoni “jikkoinċidu fir‑rigward ta’ iktar minn 70 % tagħhom”. Min‑naħa l‑oħra, id‑differenzi grafiċi bejn it‑trade marks inkwistjoni ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi evitata probabbiltà ta’ konfużjoni.

22      Fit‑tielet lok, ir‑rikorrenti tikkunsidra li l‑Bord tal‑Appell naqas milli, skont il‑ġurisprudenza, “jagħti l‑attenzjoni neċessarja lill‑fatt li, fil‑każijiet fejn is‑servizzi jkunu identiċi, il‑limitu u d‑distinzjoni bejn it‑trade marks inkwistjoni [għandhom] ikunu ċari u immedjati”. F’dan ir‑rigward ir‑rikorrenti tenfasizza li, kif jirriżulta mill‑ġurisprudenza, minn naħa, konsumatur medju rarament ikollu l‑possibbiltà li jagħmel paragun dirett bejn id‑diversi trade marks u għalhekk ikollu joqgħod fuq l‑immaġini imperfetta li huwa jiftakar u, min‑naħa l‑oħra, tali konsumatur ma għandux konoxxenzi tekniċi speċjali u lanqas ma huwa speċjalizzat. Għaldaqstant, ir‑rikorrenti tqis li, kif il‑Qorti tal‑Prim’Istanza (li issa saret il‑“Qorti Ġenerali”) osservat fis‑sentenza tagħha tat‑23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI – Petit Liberto (Fifties) (T‑104/01, Ġabra p. II‑4359, punt 60), il‑Bord tal‑Appell kien imissu kkunsidra f’dan il‑każ li “l‑identiċità bejn is‑servizzi koperti mit‑trade marks inkwistjoni għandha l‑konsegwenza li d‑differenzi potenzjali li jeżistu bejn is‑sinjali [inkwistjoni] huma attenwati”.

23      Fir‑raba’ lok, ir‑rikorrenti ssostni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l‑probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn it‑trade marks inkwistjoni sa fejn huwa probabbli ħafna li l‑konsumatur li jkun midħla tat‑trade marks preċedenti u tal‑oriġini kummerċjali tagħhom jassoċjahom mat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni.

24      L‑UASI u l‑intervenjenti jikkontestaw l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

25      Skont l‑Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94, dwar oppożizzjoni mill‑proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir‑reġistrazzjoni tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba l‑identiċità jew ix‑xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti jew minħabba l‑identiċità jew ix‑xebh tal‑prodotti jew servizzi koperti miż‑żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min‑naħa tal‑pubbliku fit‑territorju fejn it‑trade mark preċedenti hija protetta. Il‑probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il‑probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat‑trade mark preċedenti. Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 8(2)(a)(i) u (ii) tar‑Regolament Nru 40/94 [li sar l‑Artikolu 8(2)(a)(i) u (ii) tar‑Regolament Nru 207/2009], trade marks preċedenti huma trade marks irreġistrati fi Stat Membru u fil‑Komunità li d‑data li fiha ġew ippreżentati tippreċedi dik tal‑applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

26      Skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni meta jkun hemm riskju li l‑pubbliku jkun jista’ jaħseb li l‑prodotti jew is‑servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill‑istess impriża jew minn impriżi marbutin ekonomikament. Skont din l‑istess ġurisprudenza, il‑probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il‑perċezzjoni li l‑pubbliku rilevanti għandu tas‑sinjali u tal‑prodotti jew tas‑servizzi inkwistjoni, u fid‑dawl tal‑fatturi rilevanti kollha tal‑każ, b’mod partikolari tal‑interdipendenza bejn ix‑xebh bejn is‑sinjali u dak bejn il‑prodotti jew is‑servizzi koperti [ara s‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 33, u l‑ġurisprudenza ċċitata].

27      Il‑każ ineżami għandu jiġi eżaminat fid‑dawl ta’ din il‑ġurisprudenza.

 Fuq il-pubbliku rilevanti

28      Skont il‑ġurisprudenza, fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni globali tal‑probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l‑konsumatur medju tal‑kategorija ta’ prodotti kkonċernati, normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il‑fatt li l‑livell ta’ attenzjoni tal‑konsumatur medju jista’ jvarja skont il‑kategorija ta’ prodotti jew servizzi inkwistjoni [ara s‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, Ġabra p. II‑449, punt 42, u l‑ġurisprudenza ċċitata].

29      F’dan il‑każ, l‑ewwel nett, il‑partijiet ma humiex qegħdin jikkontestaw li, fid‑dawl tal‑fatt li t‑trade marks preċedenti huma trade mark Komunitarja u trade mark Spanjola, il‑Bord tal‑Appell osserva ġustament, fil‑punt 16 tad‑deċiżjoni kkontestata, li l‑perċezzjoni tat‑trade marks inkwistjoni mill‑konsumatur tas‑servizzi għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fuq it‑territorju Komunitarju kollu [ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Marzu 2007, Brinkmann vs UASI – Terra Networks (Terranus), T‑322/05, Ġabra p. II‑28, punti 29 u 30].

30      It‑tieni nett, il‑Bord tal‑Appell ikkonkluda, fl‑istess punt 16 tad‑deċiżjoni kkontestata, li l‑pubbliku rilevanti huwa “ferm attent u informat sewwa”, u dan wara li kkonstata li “it‑trade marks preċedenti jkopru servizzi indirizzati lil grupp speċjalizzat ta’ persuni – b’mod partikolari esperti, sensara u persuni oħra li joperaw fis‑swieq finanzjarji u ta’ kapital – u [li] s‑servizzi koperti mit‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni huma indirizzati lill‑istess pubbliku”.

31      Minn naħa, għandu jiġi osservat li, għalkemm fl‑atti tagħha r‑rikorrenti tagħmel riferiment espliċitu għal ġurisprudenza li essenzjalment tipprovdi li konsumatur medju ma għandux konoxxenzi tekniċi speċjali u lanqas ma huwa speċjalizzat, hija madankollu ma ssostnix b’mod espliċitu li l‑Bord tal‑Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni fid‑determinazzjoni tal‑pubbliku rilevanti. Min‑naħa l‑oħra, ir‑rikorrenti ma tressaq ebda argument jew prova intiżi sabiex jiġi stabbilit li l‑utenti tas‑servizzi inkwistjoni, jekk jitqies li dawn huma konsumaturi finali u mhux biss professjonisti, ma humiex ferm attenti u informati sewwa, kif osserva l‑Bord tal‑Appell, fid‑dawl tan‑natura tas‑servizzi finanzjarji koperti mit‑trade marks inkwistjoni. Għaldaqstant, l‑evalwazzjoni tal‑Bord tal‑Appell f’dan ir‑rigward ma tistax tiġi kkontestata.

32      It‑tielet nett, fid‑dawl tal‑fatt li l‑pubbliku rilevanti huwa ferm attent u informat sewwa, għandu jiġi osservat li l‑Bord tal‑Appell ikkunsidra ġustament, fil‑punt 21 tad‑deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġie kkontestat mill‑partijiet, li dan il‑pubbliku huwa familjari mat‑terminoloġija finanzjarja Ingliża bażika.

33      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l‑pubbliku rilevanti huwa kkostitwit minn konsumaturi li jinsabu fit‑territorju kollu tal‑Komunità u li huma ferm attenti, informati sewwa u familjari mat‑terminoloġija finanzjarja Ingliża bażika.

 Fuq il-paragun bejn is-servizzi 

34      Il‑partijiet ma humiex jikkontestaw li l‑Bord tal‑Appell osserva ġustament, fil‑punt 26 tad‑deċiżjoni kkontestata, li “is‑servizzi inkwistjoni huma essenzjalment l‑istess”. Fil‑fatt, sa fejn is‑servizzi li jaqgħu b’mod partikolari fil‑klassi 36 skont il‑Ftehim ta’ Nice koperti mit‑trade marks preċedenti jinkludu l‑istess firxa ta’ servizzi tas‑settur finanzjarju bħal dawk koperti mit‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni u jaqgħu fl‑istess klassi, għandu jiġi kkunsidrat li s‑servizzi inkwistjoni huma identiċi [ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑18 ta’ April 2007, House of Donuts vs UASI – Panrico (House of donuts), T‑333/04 u T‑334/04, Ġabra p. II‑33, punt 41]).

 Fuq il-paragun bejn is-sinjali

35      L‑evalwazzjoni globali tal‑probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x‑xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas‑sinjali inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l‑impressjoni sħiħa li dawn jipproduċu, fid‑dawl, b’mod partikolari, tal‑elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Ottubru 2003, Phillips‑Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T‑292/01, Ġabra p. II‑4335, punt 47, u l‑ġurisprudenza ċċitata].

36      L‑evalwazzjoni tax‑xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tiġi limitata għat‑teħid inkunsiderazzjoni biss ta’ komponent wieħed ta’ trade mark kumplessa u għall-paragun ta’ dan il‑komponent ma’ trade mark oħra. Għall‑kuntrarju, il‑paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t‑trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl‑intier tagħha, b’tali mod li ma huwiex eskluż li l‑impressjoni ġenerali prodotta fil‑memorja tal‑pubbliku relevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill‑komponenti tagħha (ara s‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4529, punt 41, u l‑ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il‑komponenti l‑oħra kollha tat‑trade mark ikunu negliġibbli li l‑evalwazzjoni tax‑xebh tkun tista’ ssir fuq il‑bażi biss tal‑element dominanti (sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tal‑20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, Ġabra p. I‑114, punt 42). Dan jista’ jkun il‑każ b’mod partikolari meta dan il‑komponent ikun jista’, waħdu, jiddomina l‑immaġini ta’ din it‑trade mark li l‑pubbliku rilevanti jżomm fil‑memorja, b’tali mod li l‑komponenti l‑oħra kollha tat‑trade mark ikunu negliġibbli fl‑impressjoni sħiħa prodotta minnha (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

37      Barra minn hekk, xejn ma jipprekludi li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ xebh viżiv bejn trade mark verbali u trade mark figurattiva peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ trade marks għandhom konfigurazzjoni grafika li tista’ tagħti lok għal impressjoni viżiva [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Mejju 2005, Chum vs UASI – Star TV (STAR TV), T‑359/02, Ġabra p. II-1515, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata].

38      Fl‑ewwel lok, fir‑rigward ta’ eventwali elementi dominanti fit‑trade marks inkwistjoni, għandu jiġi osservat li, f’dan il‑każ, filwaqt li r‑rikorrenti ssostni li l‑elementi verbali “carbon”, “capital” u “markets” tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni u “c”, “capital” u “markets” tat‑trade marks preċedenti huma l‑elementi dominanti tas‑sinjali inkwistjoni, fid‑deċiżjoni kkontestata l‑Bord tal‑Appell ma indikax li huwa kien jikkunsidra li wħud mill‑elementi tat‑trade marks inkwistjoni kienu dominanti. Għall‑kuntrarju, huwa eskluda b’mod espliċitu, fil‑punt 21 tad‑deċiżjoni kkontestata, li t‑termini “capital” u “markets” jistgħu jikkostitwixxu, fil‑kuntest tal‑paragun bejn is‑sinjali inkwistjoni, “fattur deċiżiv”. F’dan ir‑rigward, il‑Bord tal‑Appell essenzjalment ikkonstata, minn naħa, li t‑termini “capital” u “markets” kienu jikkostitwixxu termini ġeneriċi fis‑settur finanzjarju u, min‑naħa l‑oħra, li, skont il‑ġurisprudenza, b’mod ġenerali, il‑pubbliku rilevanti ma kienx jikkunsidra element deskrittiv li jagħmel parti minn trade mark kumplessa bħala l‑element distintiv u dominanti tal‑impressjoni sħiħa prodotta minn din it‑trade mark.

39      Fir‑rigward, l-ewwel nett, tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, għandu jiġi osservat li, meta ċerti elementi ta’ trade mark ikollhom karattru deskrittiv fil‑konfront tal‑prodotti jew servizzi li fir‑rigward tagħhom tkun irreġistrata t‑trade mark jew fil‑konfront tal‑prodotti jew servizzi koperti mill‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni, dawn l‑elementi jista’ jkollhom biss karattru distintiv dgħajjef, jekk mhux ukoll dgħajjef ħafna [ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Settembru 2007, Koipe vs UASI – Aceites del Sur (La Española), T‑363/04, Ġabra p. II‑3355, punt 92, u tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Cabrera Sánchez vs UASI – Industrias Cárnicas Valle (el charcutero artesano), T‑242/06, Ġabra p. II‑175, punt 52, u l‑ġurisprudenza ċċitata]. Minħabba l‑karattru distintiv dgħajjef, jekk mhux ukoll dgħajjef ħafna, tagħhom, l‑elementi deskrittivi ta’ trade mark ma jiġux ikkunsidrati, b’mod ġenerali, mill‑pubbliku bħala dominanti fl‑impressjoni sħiħa prodotta minn din it‑trade mark ħlief meta, minħabba b’mod partikolari l‑pożizzjoni tagħhom jew minħabba d‑dimensjoni tagħhom, dawn l‑elementi jkunu jidhru li jistgħu jimponu lilhom infushom fuq il‑perċezzjoni tal‑pubbliku u li jistgħu jinżammu fil‑memorja tiegħu [ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑Qorti Ġenerali el charcutero artesano, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53, u l‑ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Novembru 2008, Shaker vs UASI – Limiñana y Botella (Limoncello della Costiera Amalfitana shaker), T‑7/04, Ġabra p. II‑3085, punt 44, u l‑ġurisprudenza ċċitata]. Dan ma jfissirx madankollu li l‑elementi deskrittivi ta’ trade mark huma neċessarjament negliġibbli fl‑impressjoni sħiħa prodotta minnha. F’dan ir‑rigward għandu jiġi mistħarreġ, b’mod partikolari, jekk elementi oħra tat‑trade mark jistgħux jiddominaw, waħedhom, l‑immaġini tagħha li l‑pubbliku rilevanti jżomm fil‑memorja (ara l‑punt 36 iktar ’il fuq).

40      It-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni hija kkostitwita mit-tliet kelmiet “carbon”, “capital” u “markets”. Għandu jiġi osservat, minn naħa, li l‑espressjoni “capital markets” tiddeskrivi s‑servizzi globali koperti minn din it‑trade mark u, min‑naħa l‑oħra, li l‑kelma “carbon” tevoka parti minn dawn is‑servizzi, bħalma huma s‑servizzi marbuta man‑“negozjati ta’ allokazzjoni ta’ emissjonijiet”, li l‑pubbliku rilevanti, li huwa ferm attent u informat sewwa, jifhem bħala riferiment għas‑servizzi finanzjarji marbuta mal‑emissjonijiet tad‑dijossidu karboniku. Barra minn hekk, l‑espressjoni “carbon capital markets” tifforma unità sintassika koerenti li l‑pubbliku rilevanti jifhem bħala li tfisser “swieq ta’ kapital fis‑settur tal‑karbonju”.

41      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li ebda wieħed mit-tliet elementi verbali tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni ma jista’ jitqies li huwa dominanti jew negliġibbli. Għalhekk hija l‑impressjoni sħiħa prodotta mit‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni [ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Tomorrow Focus vs UASI – Information Builders (Tomorrow Focus), T‑90/06, Ġabra p. II‑318, punt 29].

42      It‑tieni nett, fir‑rigward tat‑trade marks preċedenti, għandu jiġi osservat li, kif il‑Bord tal‑Appel indika ġustament fil‑punt 22 tad‑deċiżjoni kkontestata, minn naħa, dawn it‑trade marks huma komposti minn element grafiku li jikkonsisti f’qafas rettangulari li fuqu tidher l‑ittra “c”, miktuba b’forma kapitali, u linja mmewġa li l‑Bord tal‑Appell ikkunsidra bħala li setgħet tiġi pperċepita bħala ittra “m” immaġinarja u, min‑naħa l‑oħra, taħt dan l‑element figurattiv u b’mod ċentrali, tidher l‑espressjoni “capital markets” miktuba, ħlief l‑ittri inizjali tagħha, b’ittri mhux kapitali. Filwaqt li l‑kelma “capital” għandha l‑istess kulur griż bħall‑ittra “c” fl‑element figurattiv, il‑kelma “markets” hija miktuba bl‑istess kulur blu bħal‑linja mmewġa.

43      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi miċħud l‑argument tar‑rikorrenti li l‑pubbliku rilevanti jagħti iktar importanza lill‑elementi verbali milli lill‑elementi figurattivi ta’ trade mark kumplessa, b’tali mod li t‑trade marks preċedenti huma ddominati mill‑ittra “c” u mill‑elementi verbali “capital” u “markets”.

44      Fil‑fatt, minn naħa, fir‑rigward tal‑element figurattiv tat‑trade marks preċedenti, għandu jiġi osservat li l‑ittra “c” u, jekk ikun il‑każ, l‑ittri “c” u “m”, jekk jitqies li l‑pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix l‑ittra “m” immaġinarja bħala sempliċi linja mmewġa, jikkostitwixxu unità viżiva li ma tistax tiġi sseparata mill‑qafas rettangulari li fih huma miktuba. Għaldaqstant, huwa l‑element grafiku fl‑intier tiegħu li jista’, kif osserva ġustament il‑Bord tal‑Appell fil‑punt 22 tad‑deċiżjoni kkontestata, jiġbed b’mod partikolari l‑attenzjoni tal‑pubbliku rilevanti minħabba l‑grafika partikolari tiegħu u mhux l‑ittra “c” waħedha jew, jekk ikun il‑każ, l‑ittri “c” u “m”.

45      Min‑naħa l‑oħra, fir‑rigward tal‑element verbali tat‑trade marks preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm, kif intqal fil‑punt 40 iktar ’il fuq fir‑rigward tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, l‑espressjoni “capital markets”, li tiddeskrivi s‑servizzi koperti mit‑trade marks preċedenti, ma tistax bħala prinċipju tiddomina l‑impressjoni sħiħa prodotta mit‑trade marks preċedenti, xorta waħda jibqa’ l‑fatt li din l‑espressjoni hija element rilevanti għall‑finijiet tal‑paragun bejn is‑sinjali inkwistjoni minħabba l‑fatt, b’mod partikolari, li, fit‑trade marks preċedenti, din l‑espressjoni tokkupa, viżwalment, post importanti daqs l‑element grafiku.

46      Għalhekk, fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, huwa fid-dawl tal-impressjoni sħiħa prodotta mill-element grafiku u mill-element verbali tat-trade marks preċedenti, mingħajr ma wieħed minn dawn l‑elementi ma jista’ jiġi kkunsidrat li huwa dominanti jew negliġibbli, li dawn it-trade marks għandhom jiġu pparagunati viżwalment, fonetikament u kunċettwalment mat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni.

47      Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑paragun viżiv bejn it‑trade marks inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm, kif osservat ir‑rikorrenti, it‑trade marks imsemmija għandhom, it‑tnejn li huma, l‑elementi verbali “capital” u “markets”, xorta waħda jibqa’ l‑fatt madankollu li, kif osserva ġustament il‑Bord tal‑Appell fil‑punt 22 tad‑deċiżjoni kkontestata, il‑konfigurazzjoni viżiva tagħhom hija differenti.

48      Fil‑fatt, filwaqt li t-terminu “carbon” jinsab qabel il-kliem “capital” u “markets” fit-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, l-element grafiku tat-trade marks preċedenti jinsab, għall-kuntrarju, fuq l-element verbali “capital markets”, b’tali mod li l‑elementi verbali u grafiċi tat‑trade marks preċedenti jikkostitwixxu unità grafika differenti minn dik komposta mit‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni. Barra minn hekk, id‑differenza viżiva bejn it‑trade marks inkwistjoni hija enfasizzata mill‑fatt li l-kelma “carbon”, fit-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, u l-ittra “c”, jew, jekk ikun il-każ, l-ittri “c” u “m”, li jinsabu fl-element grafiku tat-trade marks preċedenti, għandhom pożizzjoni inizjali f’dawn is-sinjali.

49      Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r‑rikorrenti, it‑trade marks inkwistjoni, evalwati globalment, ma jixxiebhux viżwalment.

50      Fit‑tielet lok, fir‑rigward tal‑paragun fonetiku bejn it‑trade marks inkwistjoni, il‑Bord tal‑Appell ikkonstata, fil‑punt 23 tad‑deċiżjoni kkontestata, li, minkejja d‑differenzi li jirriżultaw mill‑fatt li t‑trade marks preċedenti huma pperċepiti bħala li jinkludu fonema u ħames sillabi filwaqt li t‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni tinkludi seba’ sillabi, it‑trade marks inkwistjoni għandhom ċertu xebh li jirriżulta mill‑preżenza tal‑espressjoni “capital markets”.

51      Ir‑rikorrenti tikkontesta din l‑evalwazzjoni tal‑Bord tal‑Appell meta ssostni li t‑trade marks inkwistjoni huma “kważi identiċi” sa fejn l‑unika differenza bejniethom tirriżulta mill‑fatt li t‑trade marks preċedenti jinkludu l‑ittra “c” filwaqt li t‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni tinkludi l‑kelma “carbon”.

52      Issa, għalkemm il‑ħames sillabi tal‑espressjoni “capital markets” fit‑trade marks inkwistjoni huma identiċi u jidhru fl‑istess ordni, xorta waħda jibqa’ l‑fatt li t‑trade marks inkwistjoni huma differenti minn xulxin minħabba l‑fatt li t‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni għandha żewġ sillabi, jiġifieri “car” u “bon”, addizzjonali għal dawk li jikkomponu t‑trade marks preċedenti, minħabba l‑fatt li dawn iż‑żewġ sillabli għandhom ħoss differenti minn dak tal‑ittra “c” jew, jekk ikun il‑każ, tal‑ittri “c” u “m” li jinsabu fit‑trade marks preċedenti u minħabba l‑fatt li dawn id‑differenzi fonetiċi jistgħu jiġu pperċepiti immedjatament meta jiġu ppronunzjati t‑trade marks inkwistjoni.

53      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi miċħud l‑argument tar‑rikorrenti li mill‑ġurisprudenza u mill‑prassi deċiżjonali tal‑UASI invokati minnha jirriżulta li trade marks kumplessi jkunu identiċi meta jkollhom elementi verbali identiċi. Fil‑fatt, f’kull każ, tali prinċipju ma japplikax f’dan il‑każ peress li, kif intqal fil‑punt 52 iktar ’il fuq, parti mill‑elementi verbali tat‑trade marks inkwistjoni ma hijiex identika u peress li l‑elementi verbali inkwistjoni b’ebda mod ma huma negliġibbli fl‑impressjoni sħiħa prodotta minn dawn it‑trade marks.

54      Għaldaqstant, għall‑kuntrarju ta’ dak li ssostni r‑rikorrenti, il‑Bord tal‑Appell ma wettaq ebda żball meta kkonstata li t‑trade marks inkwistjoni, evalwati globalment, għandhom biss ċertu xebh fonetiku.

55      Fir‑raba’ lok, fir‑rigward tal‑paragun kunċettwali bejn it‑trade marks inkwistjoni, il‑Bord tal‑Appell ikkonstata, fil‑punt 24 tad‑deċiżjoni kkontestata, li dawn it‑trade marks kellhom tifsiriet differenti peress li essenzjalment l‑ittra “c” li tidher fit‑trade marks preċedenti ma setgħetx titqies bħala l‑abbrevjazzjoni tal‑kelma “carbon” li tinsab fit‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni iżda bħala l‑abbrevjazzjoni tal‑kelma “capital” li tinsab fit‑trade marks preċedenti, l‑istess bħalma l‑ittra “m” immaġinarja setgħet tinftiehem bħala l‑abbrevjazzjoni tal‑kelma “markets”.

56      Ir‑rikorrenti tikkontesta din l‑evalwazzjoni tal‑Bord tal‑Appell meta ssostni li t‑trade marks inkwistjoni għandhom l‑istess tifsira sa fejn l‑ittra “c” li tinsab fit‑trade marks preċedenti għandha tinftiehem fis‑sens li tagħmel riferiment għat‑terminu “carbon” li jinsab espressament fit‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni. Skont ir-rikorrenti, l‑ittra “c” fit‑trade marks preċedenti tirreferi għall-kelma “carbon” peress li t‑trade marks inkwistjoni jipproteġu l‑istess servizzi, marbuta mas‑swieq tad‑dijossidu karboniku, ikkummerċjalizzat mill-kumpanniji kkonċernati.

57      F’dan ir‑rigward għandu qabel kollox jingħad li l‑pubbliku rilevanti, li huwa kompost minn konsumaturi ferm attenti, informati sewwa u familjari mat‑terminoloġija finanzjarja Ingliża bażika, jagħti biss importanza żgħira ħafna lit‑tifsira tat-termini “capital” u “markets”, li jiddeskrivu l‑imsemmija servizzi u li ma jippermettulux jidentifika l‑oriġini kummerċjali tat‑trade marks inkwistjoni.

58      Barra minn hekk, minn naħa, kif osserva ġustament il‑Bord tal‑Appell fil‑punt 24 tad‑deċiżjoni kkontestata, ma għandux jingħad biss li hemm numru għoli ħafna ta’ kliem li jibda bl‑ittra “c”, iżda wkoll li l‑pubbliku rilevanti jista’ jipperċepixxi din l‑ittra bħala li tagħmel riferiment għall‑kelma “capital” minflok għall‑kelma “carbon”. Fil‑fatt, fit‑trade marks preċedenti, l‑ittra “c” tidher fuq il-kelma “capital”, hija miktuba bl‑istess kulur u tidher b’tip u b’daqs ta’ kitba identiċi għal dawk użati għall‑imsemmija kelma, b’tali mod li l‑pubbliku rilevanti jista’ jipperċepixxi l‑ittra “c” bħala riferiment għall‑kelma “capital”. Din il‑konstatazzjoni hija kkorroborata mill‑fatt li, jekk jitqies li l‑linja mmewġa tiġi pperċepita bħala ittra “m” immaġinarja, l‑ittri “c” u “m” jistgħu għalhekk jiġu pperċepiti bħala l‑inizjali rispettivi tal‑kliem “capital” u “markets”, li huma miktuba bl‑istess kuluri, jew, kif josserva l‑UASI, bħala l‑inizjali mqassra tal‑isem kummerċjali tar‑rikorrenti.

59      Min‑naħa l‑oħra, għall‑kuntrarju ta’ dak li tallega r‑rikorrenti, il‑fatt li t‑trade marks inkwistjoni jkopru servizzi identiċi ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l‑konklużjoni (ara l‑punt 58 iktar ’il fuq) li l‑pubbliku rilevanti, f’dan il‑każ, ma huwiex tali li jista’ jistabbilixxi rabta bejn l‑ittra “c” li tinsab fit‑trade marks preċedenti u l‑kelma “carbon” li tinsab fit‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni.  

60      Għaldaqstant, kif għamel il‑Bord tal‑Appell, għandu jiġi osservat li t‑trade marks inkwistjoni jirreferu għal tifsiriet differenti u, għaldaqstant, li, meta evalwati globalment, dawn it‑trade marks ma jixxiebhux minn perspettiva kunċettwali.

61      Fid‑dawl tal‑konstatazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkunsidrat li, kif osserva ġustament il‑Bord tal‑Appell fil‑punt 25 tad‑deċiżjoni kkontestata u kuntrarjament għal dak li ssostni r‑rikorrenti, is‑sinjali inkwistjoni huma differenti. Fil‑fatt, fl‑impressjoni sħiħa prodotta mis‑sinjali inkwistjoni, id‑differenzi viżivi u kunċettwali li hemm bejn is‑sinjali msemmija huma biżżejjed sabiex jinnewtralizzaw ix‑xebh fonetiku limitat bejniethom, b’mod partikolari sa fejn, f’dan il‑każ, il‑pubbliku rilevanti huwa ferm attent u informat sewwa.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

62      Fil‑punt 26 tad‑deċiżjoni kkontestata, il‑Bord tal‑Appell ikkunsidra li, minkejja l‑identiċità bejn is‑servizzi koperti mit‑trade marks inkwistjoni, ma kienx jeżisti xebh suffiċjenti bejniethom sabiex jiġi konkluż li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, u dan sa fejn l‑espressjoni “capital markets” kienet ġenerika għas‑servizzi tas‑settur finanzjarju, sa fejn il‑pubbliku rilevanti kien ferm attent u informat sewwa u sa fejn it‑trade marks preċedenti kellhom karattru distintiv intrinsiku dgħajjef.

63      Ir‑rikorrenti essenzjalment takkuża lill‑Bord tal‑Appell li ma wasalx għall‑konklużjoni li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minkejja li mill‑ġurisprudenza jirriżulta li l‑identiċità bejn is‑servizzi koperti mit‑trade marks inkwistjoni għandha l‑konsegwenza li d‑differenzi potenzjali li jeżistu bejn is‑sinjali inkwistjoni jkunu attenwati.

64      F’dan ir‑rigward huwa biżżejjed li jiġi osservat li, fid‑dawl tan‑nuqqas ta’ xebh bejn is‑sinjali inkwistjoni (ara l‑punt 61 iktar ’il fuq), il‑Bord tal‑Appell ikkunsidra ġustament li, minkejja l‑identiċità bejn is‑servizzi koperti, ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni diretta bejn it‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni u t‑trade marks preċedenti. Fil‑fatt, in‑nuqqas ta’ xebh bejn is‑sinjali inkwistjoni ma setax jiġi kkumpensat, fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni globali tal‑probabbiltà ta’ konfużjoni, permezz tal‑fatt li s‑servizzi koperti huma identiċi [ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Frar 2009, Lee/DE vs UASI – Cooperativa italiana di ristorazione (PIAZZA del SOLE), T‑265/06, Ġabra p. II‑19, punt 56].

65      Barra minn hekk, sa fejn ir‑rikorrenti tallega li teżisti probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn it‑trade marks inkwistjoni minħabba li huwa probabbli ħafna li konsumatur li jkun diġà familjari mat‑trade marks preċedenti u mal‑oriġini kummerjċali tagħhom jassoċja dawn tal‑aħħar mat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, dan l‑argument għandu jiġi miċħud peress li, kif ġie kkonstatat fil‑punt 61 iktar ’il fuq, is‑sinjali inkwistjoni huma differenti [ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali, tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Torres vs UASI – Bodegas Peñalba López (Torre Albéniz), T‑287/06, Ġabra p. II‑3817, punt 81].

66      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il‑motiv uniku mqajjem mir‑rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

67      Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

68      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      CM Capital Markets Holding, SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.