Language of document : ECLI:EU:T:2010:192

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

12 ta’ Mejju 2010(*)

“Appell – Servizz pubbliku – Reklutaġġ – Kompetizzjoni ġenerali – Deċiżjoni li tikkonstata li kandidat ma għaddiex mill-eżami orali – Rifjut tal-Kummissjoni li tissodisfa miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura”

Fil-Kawża T‑560/08 P,

li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Ottubru 2008, Meierhofer vs Il‑Kummissjoni (F‑74/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u B. Eggers, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur avukat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija

Stefan Meierhofer, resident f’München (il-Ġermanja), irrappreżentat minn H.‑G. Schiessl, avukat,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),

komposta minn M. Jaeger (Relatur), President, A. W. H. Meij u M. Vilaras, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Jannar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha ppreżentat skont l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Ottubru 2008, Meierhofer vs Il-Kummissjoni Commission (F‑74/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha dan annulla d-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007 tal‑Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/26/05 li tikkonferma li r-rikorrent fl-ewwel istanza ma għaddiex mill-eżami orali tal-imsemmija kompetizzjoni.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kuntest ġuridiku

2        Hekk kif jirriżulta mis-sentenza appellata (punti 8 sa 11), S. Meierhofer, rikorrent fl-ewwel istanza, ċittadin Ġermaniż, ipparteċipa fil-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/26/05 (iktar ’il quddiem il‑“kompetizzjoni”), li l-avviż tagħha ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-20 ta’ Lulju 2005 (ĠU C 178 A, p. 3). Wara li għadda mill-eżaminijiet ta’ preselezzjoni kif ukoll mill-eżamijiet bil-miktub, S. Meierhofer ħa sehem fl-eżami orali fid-29 ta’ Marzu 2007.

3        Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Mejju 2007, il-president tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/26/05 informa lir-rikorrent li kien kiseb 24.5 punti fl-eżami orali, u b’hekk ma kisibx il-marka minima meħtieġa ta’ 25/50 u li, għaldaqstant, ma setax jiġi inkluż fil-lista ta’ riżerva (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2007”).

4        Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Mejju 2007, S. Meierhofer talab ir-reviżjoni tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2007, billi kien tal-fehma, fid-dawl tar‑rapport li huwa stess kien fassal wara l-eżami orali, li kien irrisponda b’mod korrett għal mill-inqas 80 % tal-mistoqsijiet matul dan l-eżami. Huwa b’hekk talab verifika tal-marki tal-eżami orali tiegħu, kif ukoll, sussidjarjament, spjegazzjoni tal-marki li kien kiseb f’kull waħda mid‑domandi li kienu sarulu matul dan l-eżami.

5        Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ġunju 2007, il-President tal-Bord tal-Għażla informa lil S. Meierhofer li, wara li reġgħet ġiet eżaminata l-kandidatura tiegħu, il-Bord tal-Għażla ma kienx sab raġunijiet għalfejn kellu jbiddel ir-riżultati tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007”). F’din l-ittra, ġie indikat ukoll lil S. Meierhofer li, minn naħa, fir-rigward tal-għarfien speċjalizzat tiegħu, in-numru ta’ risposti insodisfaċenti qabeż in-numru ta’ risposti sodisfaċenti u, min-naħa l‑oħra, li l-eżami orali ġie żvolt skont il-kriterji speċifikati fl-avviż tal‑kompetizzjoni u li, fid-dawl tas-segretezza tal-proċeduri tal-Bord tal-Għażla imposta mill-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal‑Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), la kien possibbli li l-kandidati jingħataw it-tabella tal‑marki u lanqas it-tqassim tal-marki tagħhom fl-eżami orali.

6        L-avviż tal-kompetizzjoni, fit-titolu “B. Żvolġiment tal-kompetizzjoni”, jistabbilixxi r-regoli li ġejjin fir-rigward tal-eżami orali u l-inklużjoni fil‑lista ta’ riżerva:

“3. Eżami orali – Għoti ta’ marki

e)      Intervista mal-Bord tal-Għażla, fil-lingwa prinċipali tal-kandidat, sabiex tiġi evalwata l-kapaċità tiegħu biex jeżerċita l-funzjonijiet imsemmija fit-Titolu A, punt I. Din l-intervista tirrigwarda b’mod partikolari l-għarfien speċjalizzat fil-qasam magħżul u l-għarfien tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tagħha u l-politiki tagħha. L-għarfien tat-tieni lingwa jiġi eżaminat ukoll. Din l-intervista hija intiża sabiex tevalwa wkoll il-kapaċità tal-kandidati li jadattaw ruħhom għax-xogħol, fi ħdan is-servizz pubbliku Ewropew, f’ambjent multikulturali.”

7        Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal‑Persunal jipprovdi:

“Il-proċeduri tal-Bord ta’ l-Għażla għandhom ikunu sigrieti.”

 Il-proċedura fl-ewwel istanza u s-sentenza appellata

8        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Sevizz Pubbliku fit-3 ta’ Lulju 2007, S. Meierhofer ippreżenta rikors intiż sabiex id-deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2007 u d-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007 jiġu annullati kif ukoll sabiex il-Kummissjoni tingħata diversi ordnijiet.

9        Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, deċiżi skont l-Artikolu 55 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-Kummissjoni, fir-rapport preparatorju għas-seduta mibgħut lill‑partijiet fis-7 ta’ Frar 2008, sabiex jippreżenta, qabel is-seduta:

“a)      it-tabella tal-marki u t-tqassim tal-marki fl-eżami orali [...] tar-rikorrent, li għalihom tirreferi d-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007 li ma laqgħetx it-talba tiegħu għal reviżjoni,

b)      kwalunkwe informazzjoni oħra relattiva għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-prestazzjoni tar-rikorrent matul l-eżami orali,

c)      lista tal-marki, mingħajr ismijiet, tal-kandidati l-oħra li ngħataw marka eliminatorja fl-eżami orali,

d)      il-kalkoli li wasslu għar-riżultat preċiż ta’ 24.5/50 għar-rikorrent fl-eżami orali.”

10      Dan l-istess rapport preparatorju għas-seduta ppreċiża li l‑komunikazzjoni lil S. Meierhofer tal-elementi msemmija iktar ’il fuq kien ser iseħħ sa fejn tali komunikazzjoni tkun tista’ tiġi rrikonċiljata mal-prinċipju tas-segretezza tal-proċeduri tal-Bord tal-Għażla u/jew wara t-tneħħija, jekk ikun hemm bżonn, ta’ ċerti indikazzjonijiet li l-iżvelar tagħhom imur kontra dan il-prinċipju.

11      B’risposta għal dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, b’ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal fit-18 ta’ Frar 2008, il‑Kummissjoni bagħtet, hekk kif intalab fir-rapport preparatorju għas-seduta fil-punt (ċ), tabella mingħajr ismijiet tal-marki eliminatorji tal-kandidati li ma għaddewx mill-eżami orali. Madankollu, il-Kummissjoni ma pprovditx l-elementi imsemmija fl-imsemmi rapport fil-punti (a), (b) u (d), billi sostniet, essenzjalment, li fin-nuqqas ta’ prova ta’ ksur tar‑regoli li jirregolaw il-proċeduri tal-Bord tal-Għażla, il-motiv ibbażat fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni waħdu ma kienx jiġġustifika, fid-dawl tas-segretezza tal-proċeduri tal-Bord tal-Għażla, il-produzzjoni tal‑informazzjoni u d-dokumenti l-oħra mitluba.

12      Fl-aħħar parti tal-punt 16 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku osserva li ġej:

“Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li hija ma kinitx marbuta tipproduċi tali informazzjoni u dokumenti, kemm jekk it-Tribunal [għas-Servizz Pubbliku] jitlobhom permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, bħal f’dan il-każ, jew anki permezz ta’ miżuri istruttorji”.

13      S. Meierhofer ippreżenta fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fl-20 ta’ Marzu 2008, osservazzjonijiet fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura indirizzati lill-Kummissjoni, u b’mod partikolari fuq ir-reazzjoni tagħha għall-imsemmija miżuri.

14      B’ittra tad-19 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni rrispondiet għal dawn l-osservazzjonijiet, li kopja tagħhom ingħatatilha biss waqt is-seduta tat-23 ta’ April 2008.

15      Permezz tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, qabel kollox, ikkonstata li r-rikors kellu jiġi kkunsidrat bħala dirett biss kontra d-deċiżjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2007, minħabba l-fatt li, meta kandidat f’kompetizzjoni jitlob reviżjoni ta’ deċiżjoni meħuda minn Bord tal-Għażla, hija d-deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar wara r-reviżjoni tas-sitwazzjoni tal-kandidat li huwa l-att li kkawżalu preġudizzju (punti 19 u 20 tas-sentenza appellata). Wara li eżamina u laqa’ l-ewwel motiv invokat minn S. Meierhofer, ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni (punti 30 sa 55 tas-sentenza appellata), it‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007 u kkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż minkejja li ċaħad it‑talbiet kollha l-oħra ta’ S. Meierhofer minħabba l-fatt li l-qorti manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti ordnijiet lill-istituzzjonijiet Komunitarji.

16      Għall-finijiet tal-appell preżenti, l-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li t‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku fakkar li kull deċiżjoni individwali meħuda skont ir-Regolamenti tal-Persunal li tikkawża preġudizzju għandha tkun motivata u li l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu bħala għan, minn naħa, li jippermetti lill-qorti tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li jagħti lill-persuna kkonċernata l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u jagħtiha l-opportunità tevalwa jekk huwiex opportun li tippreżenta rikors. Madankollu, huwa żied, billi rrefera għas-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati (C‑254/96 P, Ġabra p. I‑3423, punti 24 sa 28), li, għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet meħudin minn Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi rrikonċiljat mar-rispett tas-segretezza tal-proċeduri tal-Bord tal-Għażla skont l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, liema segretezza ġiet stabbilita sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-bordijiet tal-għażla u l-oġġettività tal-proċeduri tagħhom. B’hekk, ir-rispett ta’ din is-segretezza jipprekludi li jiġu żvelati kemm il-pożizzjonijiet meħuda mill-membri individwali tal-bordijiet tal-għażla kif ukoll kwalunkwe informazzjoni marbuta ma’ evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva fir-rigward tal-kandidati u l-ħtieġa ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-proċeduri inkwistjoni, li, fl-istadju tal-eżami tal-kapaċitajiet tal-kandidati, huma qabel kollox ta’ natura komparattiva u, minħabba f’hekk, koperti mis-segretezza inerenti f’dawn il-proċeduri (punti 30 u 31 tas-sentenza kkontestata).

17      It-Tribunal għas-Servizz Pubblika enfasizza li, skont il-ġurisprudenza, “il-komunikazzjoni tal-marki miksubin fl-eżamijiet differenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla (sentenza Il-Parlament vs Innamorati, punt 16 iktar ’il fuq, punt 31; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Mejju 1996, Kaps vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑153/95, ĠabraSP p. I‑A‑233 u II‑663, punt 81; tat-23 ta’ Jannar 2003, Angioli vs Il-Kummissjoni, T‑53/00, ĠabraSP p. I‑A 13 u II‑73, punt 69, u tal-31 ta’ Mejju 2005, Gibault vs Il‑Kummissjoni, T‑294/03, ĠabraSP p. I‑A 141 u II‑635, punt 39) (punt 32 tas-sentenza appellata).

18      It-tieni nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ppreċiża l-portata tal-ġurisprudenza f’dan il-qasam (punt 34 tas-sentenza appellata). .

19      Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrefera għall-ġurisprudenza eżistenti fir-rigward tal-kandidati li ma jgħaddux mill-fażi bil-miktub ta’ kompetizzjoni, li tgħid li fil-prattika, kandidat jirċievi spjegazzjoni pjuttost kompleta dwar in-nuqqas tiegħu milli jgħaddi mill-eżami meta jingħata mhux biss id-diversi marki individwali, iżda wkoll il-motivazzjoni tal-marka individwali eliminatorja li kkawżat l-esklużjoni tiegħu mill-bqija tal-kompetizzjoni, kif ukoll elementi oħrajn (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2003, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑72/01, ĠabraSP p. I‑A 169 u II-861, punt 70, tas-17 ta’ Settembru 2003, Alexandratos u Panagiotou vs Il-Kunsill, T‑233/02, ĠabraSP p. I‑A 201 u II‑989, punt 31, tal-14 ta’ Lulju 2005, Le Voci vs Il-Kunsill, T‑371/03, ĠabraSP p. I‑A 209 u II‑957, punti 115 sa 117; sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Diċembru 2007, Van Neyghem vs Il‑Kummissjoni, F‑73/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 72, 79 u 80, u tal-4 ta’ Settembru 2008, Dragoman vs Il-Kummissjoni, F‑147/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 21, 82 u 83) (punt 39 tas-sentenza appellata).

20      F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku osserva li, jekk il-persuni kkonċernati ma jistgħux ikunu jafu min huma l-korretturi tal‑eżamijiet bil-miktub u huma, b’hekk protetti mill-indħil u l‑pressjonijiet li għalihom tirreferi s-sentenza Il-Parlament vs Innamorati, punt 16 iktar ’il fuq, għall-kuntrarju tal-membri tal-bord fil‑fażi orali, dan il-fatt ma jiġġustifikax oġġettivament l-eżistenza ta’ differenzi importanti bejn ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni f’każ li kandidat ma jgħaddix mill-fażi bil-miktub, kif dawn ir-rekwiżiti jirriżultaw mill‑ġurisprudenza msemmija fil-punt 39 tas-sentenza appellata, u dawk sostnuti mill-Kummissjoni f’każ li kandidat ma jgħaddix mill-fażi orali, li, b’mod partikolari f’dan il-każ, jikkonsistu fl-għoti lir-rikorrent biss ta’ marka individwali eliminatorja.

21      It-tielet nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li, minkejja l‑eżitu tal-bilanċ bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni u r-rispett tal-prinċipju tas-segretezza tal-proċeduri tal-Bord tal-Għażla, b’mod partikolari fuq il-punt jekk il-komunikazzjoni ta’ marka individwali eliminatorja biss lill-kandidat li ma jkunx għadda mill-fażi orali tissodisfax l-imsemmi obbligu, sikwit ixaqleb lejn il-prinċipju tas-segretezza tal-proċeduri tal‑Bord tal-Għażla, dan jista’ jkun mod ieħor meta jeżistu ċirkustanzi partikolari, u dan iktar u iktar meta l-ġurisprudenza riċenti li tirrigwarda ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad‑dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), turi bidla favur it-trasparenza (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389, u tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723) (punt 40 tas‑sentenza appellata).

22      Ir-raba’ nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku spjega d-diversi raġunijiet għalfejn il-kawża preżenti għandha tiġi kkunsidrata bħala li tippreżenta ċirkustanzi partikolari fis-sens tal-punt 21 iktar ’il fuq (punti 42 sa 48 tas-sentenza appellata).

23      Il-ħames nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żamm, b’konsegwenza tal-preżenza ta’ ċirkustanzi partikolari li, għalkemm il-komunikazzjoni lir-rikorrent tal-marka individwali eliminatorja li ngħata fl-eżami orali, jiġifieri l-marka 24.5/50, tikkostitwixxi iktar minn sempliċi bidu ta’ motivazzjoni, li flimkien magħha, skont il-ġurisprudenza (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Novembru 1997, Berlingieri Vinzek vs Il-Kummissjoni, T‑71/96, ĠabraSP p. I‑A‑339 u II‑921, punt 79), setgħu ngħataw kjarifiki addizzjonali fil-mori tal-kawża, min-naħa l-oħra, din il-marka waħedha ma hijiex biżżejjed, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, sabiex tissodisfa pjenament l-obbligu ta’ motivazzjoni. B’hekk ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti kwalunkwe informazzjoni addizzjonali ammonta, skont it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għal ksur ta’ dan l-obbligu (punt 49 tas-sentenza appellata).

24      F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, filwaqt li ammetta li ma huwiex kompetenti sabiex jiddetermina l-informazzjoni li l‑Kummissjoni għandha tikkomunika lill-persuna kkonċernata sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, osserva b’mod partikolari li ċerti indikazzjonijiet addizzjonali, bħall-marki intermedjarji għal kull wieħed mill-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fl-avviż tal‑kompetizzjoni u fil-folji ta’ evalwazzjoni bit-tħassir tal-informazzjoni koperta bis-segretezza tal-proċeduri tal-Bord tal-Għażla, setgħu jiġu kkomunikati lil S. Meierhofer mingħajr la jiġu żvelati l‑pożizzjonijiet meħuda mill-membri individwali tal-Bord tal-Għażla u lanqas kwalunkwe informazzjoni marbuta ma’ evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva fir-rigward tal-kandidati (punti 50 u 51 tas‑sentenza appellata).

25      Insegwitu, huwa afferma li r-rifjut tal‑Kummissjoni li tikkomunika, anki lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss, din l-informazzjoni, kellu l-konsegwenza li ma setax jeżerċita l-istħarriġ tiegħu b’mod komplet (punt 51 tas-sentenza appellata).

26      Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku enfasizza li jekk jiġi aċċettat ir-raġunament tal-Kummissjoni, li jipprovdi li l-elementi bħal dawk previsti fil-punt 25 iktar ’il fuq huma nieqsa minn rilevanza jkun ifisser li l-qorti Komunitarja tiġi mċaħħda minn kull possibbiltà ta’ stħarriġ tal-marki mogħtija fil-fażi orali. Issa, skont it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jekk effettivament ma jistax jissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-membri tal-Bord tal-Għażla bl-evalwazzjoni tiegħu, huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jkun jista’ jivverifika, fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni li dawn evalwaw lir-rikorrent abbażi ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni indikati fl-avviż tal-kompetizzjoni u li ma sar ebda żball fil-kalkolu tal-marka tiegħu; bl-istess mod, huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jkun jista’ jwettaq stħarriġ limitat tar-relazzjoni bejn l-evalwazzjonijiet tal-membri tal-Bord tal-Għażla u l-marki li jagħtu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 1987, Kolivas vs Il-Kummissjoni, 40/86, Ġabra p. 2643, punt 11; sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku Van Neyghem vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar fil-punt 19, punt 86, u tal-11 ta’ Settembru 2008, Coto Moreno vs Il‑Kummissjoni, F‑127/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 34 sa 36). Għal dan il-għan, huwa għandu japplika l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li jidhirlu xierqa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-każ, billi jispeċifika jekk ikun hemm bżonn lill-istituzzjoni konvenuta li r-risposti jiġu kkomunikati lill-persuna kkonċernata biss sa fejn dan ikun kompatibbli mal-prinċipju tas-segretezza tal-proċeduri tal-Bord tal-Għażla (punt 52 tas-sentenza appellata).

27      Is-sitt u fl-aħħar nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku nnota r-rifjut tal-Kummissjoni li tipprovdih b’informazzjoni li huwa kien talab fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li r-raġunijiet invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika dan ir-rifjut ma kinux konvinċenti, huwa wasal għall-konklużjoni li d-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007 kellha tiġi annullata, minħabba l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata).

 Fuq l-appell

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) fit-19 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni ppreżentat l-appell preżenti.

29      Wara l-preżentata tar-risposta minn S. Meierhofer fis-17 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni, b’ittra tas-6 ta’ April 2009, talbet sabiex tkun tista’ tippreżenta replika, skont l-Artikolu 143(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

30      Peress li l-President tal-Awla tal-Appell tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2009, u li t-tieni skambju ta’ noti seħħ, il-proċedura bil-miktub ingħalqet fl-20 ta’ Lulju 2009.

31      B’ittra tat-18 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni ppreżentat talba mmotivata, skont l-Artikolu 146 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tinstema’ waqt il-fażi orali tal-proċedura.

32      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) laqgħet din it-talba u fetħet il-proċedura orali.

33      It-trattazzjoni u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-13 ta’ Jannar 2010.

34      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tikkundanna li kull wieħed mill-partijiet ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

35      S. Meierhofer jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha;

–        tiċħad l-appell bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad l-appell bħala infondat;

–        tikundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-partijiet kollha fiż-żewġ istanzi.

36      Waqt is-seduta, S. Meierhofer irrinunzja għall-eċċezzjoni tiegħu ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-preżentata tardiva tal-appell preżenti, li ġiet innotata fil-verbal.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

37      Qabel kollox, u minkejja li S. Meierhofer ma baqax jinvoka l-fatt li dan l-appell ġie ppreżentat b’mod tardiv, għandu jiġi mfakkar li t-termini tal-appelli huma ta’ natura ta’ ordni pubblika u la huma għad-dispożizzjoni tal-partijiet u lanqas tal-qorti, inkwantu dawn it-termini ġew stabbiliti bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi. Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina, anki ex officio, jekk ir-rikors ġiex ippreżentat fit-terminu stabbilit (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Jannar 2004, OPTUC vs Il‑Kummissjoni, T‑142/01 u T‑283/01, Ġabra p. II‑329, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      It-terminu ta’ xahrejn għall-preżentata mill-Kummissjoni ta’ appell kontra s-sentenza appellata beda jiddekorri minn meta din ingħatat fis-16 ta’ Ottubru 2008. Peress li ġie miżjud, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, huwa skada, għaldaqstant, fis-26 ta’ Diċembru 2008 f’nofs il-lejl. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l‑appell, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Diċembru 2008, ġie ppreżentat fil-ħin.

39      Barra minn hekk, fir-risposta tiegħu, S. Meierhofer isostni l‑inammissibbiltà tal-appell minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma kienx għad kellha interess ġuridiku, peress li l-imsemmija istituzzjoni kienet diġà ssodisfat l-obbligi li s-sentenza appellata involviet fil-konfront tagħha permezz tal-komunikazzjoni lil S. Meierhofer tal-marki intermedjarji tal-eżami orali tiegħu.

40      Il-Kummissjoni, fir-replika, tikkontesta din l-eċċezzjoni billi tibbaża ruħha fuq l-obbligu li teżegwixxi sentenza li tirriżulta mill‑Artikolu 233 KE, kif ukoll fuq il-fatt li t-tieni paragrafu tal‑Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jissuġġettax il-possibbiltà ta’ istituzzjoni Komunitarja sabiex tippreżenta appell għall-eżistenza ta’ interess ġuridiku.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li skont ġurisprudenza stabbilita rigward l-appelli ippreżentati minn istituzzjoni konvenuta fl-ewwel istanza kontra deċiżjoni li rebaħ uffiċjal, l‑ammissibbiltà tal-appell hija suġġetta għal interess ġuridiku, li jissoponi li l-appell ghandu jkun jista’, permezz tar-riżultat tiegħu, jikseb vantaġġ lill-parti li tkun ressqitu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Lulju 2000, Il-Parlament vs Richard, C‑174/99 P, Ġabra p. I‑6189, punt 33, u tat-3 ta’ April 2003, Il-Parlament vs Samper, C‑277/01 P, Ġabra p. I‑3019, punt 28).

42      B’hekk, il-Kummissjoni tinvoka b’mod żbaljat il-ġurisprudenza li tipprovdi li, skont it-tielet paragrafu tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhom juru l-ebda interess ġuridiku sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw appell u, min-naħa l‑oħra, ma huwiex l-obbligu tal-qorti Komunitarja sabiex tistħarreġ l-għażla mwettqa f’dan ir-rigward minn dawn l-istituzzjonijiet. Fil-fatt, din l-istess ġurisprudenza tfakkar b’mod ċar li l-imsemmija dispożizzjoni tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex applikabbli għall-kawżi bejn il-Komunita u l-uffiċjali tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punti 171 u 172).

43      F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni għandha interess ġuridiku sew.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, permezz tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007, minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (ara l-punt 27 iktar ’il fuq). Isegwi li, sabiex tikkonforma ma’ din is-sentenza u twettaq l‑eżekuzzjoni kompleta tagħha, il-Kummissjoni hija marbuta tadotta deċiżjoni ġdida, li tniżżel jew ma tniżżilx l-isem ta’ S. Meierhofer fil‑lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni. Din id-deċiżjoni l-ġdida tissostitwixxi dik tad-19 ta’ Ġunju 2007, annullata permezz tas-sentenza appellata. 

45      Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma adottatx tali deċiżjoni. Huwa minnu li, wara s-sentenza appellata, hija kkomunikat lil S. Meierhofer il-marki intermedjarji li huwa kiseb waqt l-eżami orali. Madankollu, l-ittra li fiha ġew ikkomunikati l-imsemmija noti ma kien fiha l-ebda deċiżjoni taħt forma ta’ tniżżil jew le fil-lista ta’ riżerva tal‑isem tal-parti kkonċernata. Konsegwentement, fin-nuqqas tal‑annullament tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni jkollha tadotta tali deċiżjoni ġdida, li S. Meierhofer ikun jista’, jekk ikun il-każ, jikkontesta permezz ta’ rikors ġdid. B’mod kuntrarju, jekk jiġi deċiż li l‑appell huwa fondat u li s-sentenza appellata tiġi annullata, id-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007 tirkupra l-effetti tagħha kollha u jkollha tkun is‑suġġett ta’ eżami ġdid, fil-dawl tal-motivi tar-rikors ta’ S. Meierhofer.

46      Huwa minnu li, peress li l-komunikazzjoni tal-marki intermedjarji ma tistax titħassar, ma huwiex neċessarju, fir-rigward tat-tieni ipoteżi invokata fil-punt 45 iktar ’il fuq, li jiġi eżaminat jekk miżura istruttorja intiża għall-produzzjoni tal-imsemmija marki għandhiex tiġi adottata. Madankollu, dan ma għandux bħala konsegwenza li jrendi mingħajr għan, eventwalment, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni invokat minn S. Meierhofer fir-rikors tiegħu li ta lok għas-sentenza appellata. Min-naħa l-oħra, il-motivi l-oħra invokati minnu f’dan l-istess rikors, iżda mhux eżaminati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għandhom, f’din l-istess ipoteżi, jiġu eżaminati.

47      Barra minn hekk, l-annullament tas-sentenza appellata jkun, f’kull każ, ta’ vantaġġ ċert għall-Kummissjoni, sa fejn, jekk ir-rikors fl-ewwel istanza jiġi miċħud finalment, hija tkun b’hekk ħielsa minn kull talba għad-danni mressqa minn S. Meierhofer minħabba d-dannu li huwa jkun jista’ jallega li sofra minħabba d-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007(ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Parlament vs Richard, punt 41 iktar ’il fuq, punt 34, u Il-Parlament vs Samper, punt 41 iktar ’il fuq, punt 31).

48      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn S. Meierhofer għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

49      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka essenzjalment tliet aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq interpretazzjoni ħażina tal‑portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni, fuq in-nuqqas ta’ kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-istħarriġ tal-evalwazzjonijiet imwettqa mill-membri tal-Bord tal-Għażla u, it-tielet, fuq il-ksur ta’ ċerti regoli proċedurali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura meħuda fl-ewwel istanza u tal-evalwazzjoni tal-provi.

50      Għandu jiġi eżaminat l-ewwel it-tielet motiv.

 L-argumenti tal-partijiet

51      Il-Kummissjoni ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra inġustament li hija rrifjutat, b’mod ġenerali, li tippreżenta d-dokumenti mitluba. B’mod kuntrarju, hija kienet illimitat ruħha, minn naħa, li tafferma li d-dokumenti ma kinux rilevanti għall-finijiet tal‑kawża ppreżentata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, li tenfasizza li d-dokumenti kienu ta’ natura partikolarment sensittiva. B’hekk, kemm fis-seduta u kemm fl‑osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta’ Mejju 2008, hija talbet lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jitlob il-produzzjoni tal-imsemmija dokumenti permezz tal-adozzjoni ta’ miżura istruttorja, taħt il-forma ta’ digriet, minnflok sempliċi miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata skont l-Artikolu 55 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

52      Il-Kummissjoni tippreċiża li, minkejja li r-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, b’differenza għal dawk tal-Qorti Ġenerali, ma jipprovdux il-possibbiltà li tiġi adottata miżura istruttorja li tordna lill-partijiet fil-kawża sabiex jipproduċu dokumenti, l-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għat-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku, jippermettilu jadotta tali digriet, peress li din id-dispożizzjoni tipprovdi, b’mod partikolari, li l-qorti tal-Unjoni tista’ titlob lill-partijiet sabiex jipproduċu kull dokument u sabiex jipprovdu l-informazzjoni kollha li hija tqis li hija neċessarja.

53      Barra minn hekk, il-Kummissjoni żżid li r-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fihom, fl-Artikolu 44(2) dispożizzjoni li tippermetti, fil-kawża preżenti, li jiġi adottat digriet li jissodisfa t-tħassib li jirriżulta min-natura sensittiva tad-dokumenti mitluba. Madankollu, hija ammettiet, waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali li ma invokatx espressament l-imsemmija dispożizzjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

54      L-ewwel nett, S. Meierhofer jirrispondi li appell quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistax ikun ibbażat fuq wieħed mill-motivi bbażati fuq irregolaritajiet ta’ proċedura mwettqa fl-ewwel istanza li jippreġudikaw l-interess tal-parti kkonċernata.

55      Issa, b’mod indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwiex intitolat jew le jadotta miżura istruttorja bħal dik mitluba mill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ din il-miżura ma ppreġudikatx l-interessi tal-Kummissjoni minħabba l-fatt li l-adozzjoni ta’ tali miżura u l-implementazzjoni kienet iktar tipperswadi lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li l-kapaċità ta’ S. Meierhofer ġiet evalwata b’mod korrett. Madankollu, il-produzzjoni tad-dokumenti mitluba ma bidlet bl-ebda mod il-fatt li d-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007 ma fihix motivazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat il-fatt li S. Meierhofer ma tniżżilx fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni.

56      It-tieni nett, skont S. Meierhofer, l-iżball eventwali ta’ proċedura mwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandu l-ebda konsegwenza, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni, billi użat l-obbligu ta’ kunfidenzjalità skont l-Artikolu 6 tal-Annes III tal‑Istatut, ma pproduċitx id-dokumenti mitluba.

57      It-tielet nett, S. Meierhofer isostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma huwiex marbut jieħu miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorja peress li l-Artikolu 55(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi biss li huwa “jista’” jordna miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura u l-Artikolu 58(1) ta’ dawn l-istess regoli jipprovdu li l-miżuri istruttorji huma deċiżi mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Barra minn hekk, b’risposta għal diversi mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, S. Meierhofer ippreċiża, waqt is-seduta, li fl-opinjoni tiegħu, il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u istruttorji jsegwu l-istess għan, dak li jippermettu lill-qorti tiddisponi mill-elementi neċessarji kollha fit‑trattament ta’ kawża. Għaldaqstant, il-forma li jieħdu tali miżuri ma għandhom l-ebda importanza partikolari.

58      Fl-aħħar, l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jikkonferixxi l-ebda dritt suġġettiv lill‑partijiet sa fejn jillimita ruħu li jipprojbixxi lill-Qorti Ġenerali milli tikkomunika parti d-dokumenti kkunsidrati mill-parti l-oħra bħala kunfidenzjali qabel ma tiddeċiedi dwar in-natura kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

59      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, kif ġie stabbilit fil-punt 49 tas‑sentenza appellata, id-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007 ma hijiex ivvizzjata minn nuqqas totali ta’ motivazzjoni, sa fejn il-marka ġenerali eliminatorja ġiet ikkomunikata lil S. Meierhofer, iżda minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Għaldaqstant, xi preċiżazzjonijiet addizzjonali setgħu jingħataw waqt l-istanza, li kienu jagħmlu mingħajr għan il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, filwaqt li jitqies madankollu li l-Kummissjoni ma kinitx intitolata tissostitwixxi l-motiv inizjali żbaljat b’motiv kompletament ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, Berlingieri Vinzek vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punt 79, u tat-28 ta’ April 2004, Pascall vs Il-Kunsill, T‑277/02, ĠabraSP p. I‑A 137 u II‑621, punt 31).

60      It-tieni nett, huwa minnu li l-verbal tas-seduta quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma fihx elementi li jirrigwardaw l-aġir li l‑Kummissjoni kien ikollha kieku t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku adotta miżura istruttorja sabiex jordna l-produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni. B’hekk, ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali tivverifika n‑natura tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq din il-kwistjoni waqt is-seduta. Madankollu, mill-punti 20 sa 23 tal-osservazzjonijiet tal‑Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2008 jirriżulta li r-rifjut tagħha sabiex tipproduċi d-dokumenti inkwistjoni, fid-dawl tan-natura sensittiva tagħhom, huwa intiż biss għall-miżuri adottati effettivament mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jiġifieri miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u ma jagħtu l-ebda indikazzjoni tar-reazzjoni tal-Kummissjoni kieku ġiet ikkonfrontata b’miżura istruttorja mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

61      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tal-opportunità li tiġi adottata miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżura istruttorja hija kwistjoni għall-qorti, u mhux għall-partijiet, peress li dawn jistgħu, jekk ikun il-każ, jikkontestaw l-għażla mwettqa fl-ewwel istanza fil-kuntest ta’ appell.

62      Dan ir-raġunament ma jiddaħħalx inkwistjoni mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Ottubru 1994, Fiatagri u New Holland Ford vs Il-Kummissjoni (T‑34/92, Ġabra p. II‑905), invokat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, huwa minnu li, fil-punt 27 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li, peress li r-rikorrenti ma ppreżentaw l-ebda prova ta’ natura li ddaħħal inkwistjoni l-preżunzjoni ta’ validità li għandhom l-atti tal-istituzzjonijiet, hija ma setgħetx tordna l-miżuri istruttorji mitluba. Madankollu, billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ppronunċjat ruħha fuq l-opportunità li jiġu adottati miżuri istruttorji mitluba mir-rikorrenti. B’hekk, din is-sentenza tikkonforma, tal-inqas b’mod impliċitu iżda b’mod neċessarju li hija l-qorti, u mhux il-partijiet li għandha tqis jekk l-adozzjoni ta’ miżuri istruttorji hijiex neċessarja għall-finijiet tad-deċiżjoni li l-qorti għandha tagħti, fatt li l-Kummissjoni qisha qed tinnega fil-kawża preżenti. Madankollu, għalkemm huwa minnu li parti ma għandhiex id-dritt tippretendi mill-qorti tal-Unjoni li tadotta miżura istruttorja, xorta jibqa’ l-fatt li l-qorti ma tistax tilħaq konklużjonijiet min-nuqqas, fil‑proċess, ta’ ċerti provi sakemm ma tkun użat il-mezzi kollha previsti fir-Regoli tal-Proċedura tagħha sabiex tikseb il-produzzjoni tagħhom mill‑parti inkwistjoni.

63      Ir-raba’ nett, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif fakkret il-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikors fl-ewwel istanza ġie ppreżentat qabel l‑1 ta’ Novembru 2007, id-data tad-dħul fis-seħħ tar‑Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 121 ta’ dawn l-istess regoli. Madankollu, peress li l-investigazzjoni bdiet bir-rapport preparatorju għas-seduta li ntbagħat lill-partijiet fis-7 ta’ Frar 2008, huwa paċifiku li din l-investigazzjoni tmexxiet skont l-imsemmija Regoli tal-Proċedura. Għaldaqstant, hemm lok li jiġu mfakkra fil-qosor id-differenzi li jeżistu bejn ir‑Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u dawk tal-Qorti Ġenerali, f’dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri istruttorji.

64      Wieħed mill-kriterji miżmuma mir-Regoli tal-Proċedura tat‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex issir distinzjoni bejn dawn iż‑żewġ kategoriji ta’ miżuri jidher li huwa l-fatt li l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (previsti fl-Artikoli 55 u 56 tal‑imsemmija regoli) huma indirizzati dejjem lill-partijiet, filwaqt li l-miżuri istruttorji (previsti fl-Artikoli 57 u 58 tal-imsemmija regoli) jistgħu wkoll jiġu indirizzati lil terzi. Dan huwa kriterju differenti minn dak li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, li jipprovdi li l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura), għandhom bħala għan li jiżguraw l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura bil-miktub u dik orali u jiffaċilitaw il-produzzjoni tal-provi, kif ukoll li jiddeterminaw il-punti li fuqhom il-partijiet għandhom jikkompletaw l-argumenti tagħhom jew li jeħtieġu istruzzjoni, filwaqt li l-miżuri istruttorji (previsti fl-Artikoli 65 sa 67 tar-Regoli tal‑Proċedura) huma intiżi sabiex jippermettu li tiġi pprovata l-veraċità tal‑allegazzjonijiet fattwali mwettqa minn parti insostenn tal-motivi tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Jannar 2005, Entorn vs Il‑Kummissjoni, T‑141/01, Ġabra p. II‑95, punti 129 u 130).

65      Barra minn hekk, fir-rigward tal-forma tal-miżuri, l-Artikolu 56 tar‑Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jippreċiża li l-partijiet jiġu mgħarrfa bil-miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura mir-Reġistratur. Skont l-Artikolu 58(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, huwa l-istess għall‑miżuri istruttorji, b’differenza li dawk li jirrigwardaw il-provi permezz tax-xhieda, tal-perizja u tal-aċċessi għandhom jittieħdu permezz ta’ digriet.

66      Isegwi li t-Tielet Kapitolu tat-Tieni Titolu tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għad-differenza tat-Tielet Kapitolu tat‑Tieni Titolu tal-Qorti Ġenerali, ma fihx bażi legali espliċita li tippermetti li jinħareġ digriet kontra waħda mill-partijiet sabiex tipproduċi d-dokumenti abbażi ta’ miżura istruttorja.

67      Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar jekk l-adozzjoni ta’ tali digriet tibqax madankollu possibbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li din il-possibbiltà hija prevista, tal-inqas f’ċerti ċirkustanzi, fl-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal‑Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dispożizzjoni li, barra minn hekk, l-Artikolu 56 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jħalli “bla ħsara”.

68      Skont il-kliem tal-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku

“Meta t-Tribunal [għas-Servizz Pubbliku] jintalab jivverifika n-natura kunfidenzjali, fir-rigward ta’ parti waħda jew diversi partijiet, ta’ dokument li jkun jista’ jkun rilevanti sabiex tinqata’ kontroversja, dan id-dokument ma jingħatax lill-partijiet qabel ma tintemm din il-verifika. It-Tribunal [għas-Servizz Pubbliku] jista’ jitlob il-preżentata ta’ l-imsemmi dokument permezz ta’ digriet.”

69      Dispożizzjoni analoga tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, bl-eċċezzjoni tar‑riferiment għal azzjoni permezz ta’ digriet, li hija superfluwa sa fejn l-imsemmija regoli jipprovdu diġà, fit-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 66(1), li dawn il-miżuri jittieħdu permezz ta’ digriet.

70      Isegwi li fl-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, it‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddisponi minn strument sabiex jirreaġixxi f’sitwazzjonijiet, bħal dik fil-kawża preżenti, li fihom waħda mill-partijiet ma tixtieqx li xi informazzjoni kundfidenzjali li hemm f’xi dokumenti li hija ntalbet tipproduċi tintbagħat, bl-applikazzjoni tal‑prinċipju tal-kontradittorju, lill-parti l-oħra.

71      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tippermetti li tintalab, permezz ta’ digriet, il-produzzjoni ta’ dokumenti allegatament kunfidenzjali billi tobbliga lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jivverifika jekk il-parti li ssostni n‑natura kunfidenzjali tagħhom hijiex fondata sabiex topponi l‑komunikazzjoni tagħhom lill-parti l-oħra, fejn id-deċiżjoni finali tittieħed mill-qorti.

72      Minn dan jirriżulta li, minkejja d-differenzi li jeżistu bejn ir‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u dawk tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, xorta jibqa’ possibbli li tiġi segwita l-istess proċedura bħal dik segwita mill-Qorti Ġenerali, li, meta parti tinforma lill-qorti li hija tqis li ma hijiex f’pożizzjoni sabiex tirrispetta l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura peress li ċerti dokumenti mitluba huma kunfidenzjali, din tista’ tadotta digriet li jordna lil din il-parti sabiex tipproduċi d-dokumenti inkwistjoni billi tipprovdi li dawn ma jiġux ikkomunikati lill-parti l-oħra f’dan il-fażi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, Ġabra p. II‑1585, punti 54 u 55, u tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M & E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, T‑299/05, Ġabra p. II‑573, punti 24 sa 26).

73      F’dan ir-rigward, għandu, ċertament, jiġi osservat li la l-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bħal barra minn hekk, ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, ma jipprovdu l-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ tali digriet, fejn l-unika reazzjoni possibbli fil-każ ta’ tali rifjut hija li l-qorti tislet minnu l-konsegwenzi fid-deċiżjoni li ttemm il-kawża (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Ġunju 1980, M. vs Il‑Kummissjoni, 155/78, Ġabra p. 1797, punti 20 u 21), kif għamel it‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza appellata.

74      Xorta jibqa’ il-fatt li, qabel ma seta’ jipproċedi b’dan il-mod, it‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien obbligat juża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jikseb il-produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni. Dan huwa iktar minnu hekk kif il-Kummissjoni, barra l‑argumenti rigward l-allegat nuqqas ta’ rilevanza ta’ dawn id‑dokumenti, kienet immotivat b’mod ċar ir-rifjut ta’ komunikazzjoni tagħha billi rreferiet għan-natura kunfidenzjali tagħhom.

75      Għalkemm huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u mhux il-Kummissjoni, li għandu jivverifika jekk in-natura kunfidenzjali tipprekludi b’mod validu li d-dokumenti inkwistjoni jiddaħħlu fil-proċess u jiġu kkomunikati lill‑parti l-oħra, xorta jibqa’ l-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jagħmel użu mid-dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, prevista għal dan il-għan.

76      B’hekk, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata tinsisti, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fuq in-natura allegatament kunfidenzjali tad‑dokumenti li ntalbu mingħandha. F’ċirkustanzi simili, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkollu jirrikorri għad‑dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura li tippermettilu, jekk ikun il-każ, li jieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija natura kunfidenzjali, u jieħu, fil-każ ta’ bżonn, miżuri adattati sabiex jiżgura l‑protezzjoni tagħha.

77      Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni, hekk kif hija ammettiet waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali b’risposta għal domanda tagħha, qatt ma rreferiet b’mod espress, fl-ewwel istanza, għall-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa irrilevanti, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa marbut li jagħżel, fuq inizjattiva tiegħu, l-istrumenti proċedurali adattat sabiex ilesti b’mod adattat il-preparamenti tal-proċess. Issa, fil‑każ preżenti, hekk kif il-Kummissjoni affermat ukoll waqt l‑imsemmija seduta mingħajr ma dan ġie nnegat minn S. Meierhofer, l‑artikolu msemmi iktar ’il fuq tar-Regoli tal-Proċedura tat‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku jippermetti l-adozzjoni ta’ digriet li jordna l-produzzjoni ta’ dokumenti allegatament kunfidenzjali.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ġew qabel, hemm lok li jintlaqa’ t‑tielet aggravju tal-appell u li tiġi annullata, fuq din il-bażi, is-sentenza appellata, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati ż-żewġ aggravji l-oħra tal-appell.

 Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

79      Skont l-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell huwa fondat, il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tiddeċiedi hija stess fuq il-kawża. Jekk il-kawża tkun f’punt fejn għad ma tistax tinqata’, il-Qorti Ġenerali għandha tibgħat l-atti lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

80      Fil-kawża preżenti, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, dwar il-mertu ta’ waħda biss mill-motivi ppreżentati minn S. Meierhofer, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-kawża preżenti ma tistax tiġi deċiża. Għaldaqstant, hemm lok li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

81      Peress li l-kawża ġiet irrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ispejjeż marbuta ma’ dan l-appell għandhom jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L‑Ewwel Awla) tal-14 ta’ Ottubru 2008, Meierhofer vs Il-Kummissjoni (F‑74/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra) hija annullata.

2)      Il-kawża hija rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Jaeger

Meij

Vilaras

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Mejju 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.