Language of document : ECLI:EU:T:2010:192

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

12 ta’ Mejju 2010

Kawża T-560/08 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Stefan Meierhofer

“Appell — Servizz pubbliku — Reklutaġġ — Kompetizzjoni ġenerali — Deċiżjoni li tikkonstata li kandidat ma għaddiex mill-eżami orali — Rifjut tal-Kummissjoni li tissodisfa miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura”

Suġġett: Appell ippreżentat kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Ottubru 2008, Meierhofer vs Il-Kummissjoni (F-74/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑319 u II‑A‑1‑1745), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L‑Ewwel Awla) tal-14 ta’ Ottubru 2008, Meierhofer vs Il-Kummissjoni (F-74/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑319 u II‑A‑1‑1745) hija annullata. Il-kawża hija rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Appell — Interess ġuridiku — Kundizzjoni — Vantaġġ għar-rikorrent

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 56)

2.      Proċedura — Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura — Miżuri istruttorji — Setgħa diskrezzjonali tal-qorti tal-Unjoni — Portata

3.      Proċedura — Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura — Talba għall-preżentata ta’ dokument — Teħid inkunsiderazzjoni tan-natura kunfidenzjali

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 44(2))

1.      Fil-kuntest ta’ appelli ippreżentati minn istituzzjoni konvenuta fl-ewwel istanza kontra deċiżjoni li rebaħ uffiċjal, l‑ammissibbiltà tal-appell hija suġġetta għal interess ġuridiku, li jissoponi li l-appell ghandu jkun jista’, permezz tar-riżultat tiegħu, jikseb vantaġġ lill-parti li tkun ressqitu.

F’dan ir-rigward, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla, minħabba l‑ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, deċiżjoni li tikkonstata li kandidat ma għaddiex mill-eżami orali ta’ kompetizzjoni, l-istituzzjoni kkonċernata hija marbuta, sabiex tikkonforma ma’ din is-sentenza, tadotta deċiżjoni ġdida, li tniżżel jew ma tniżżilx l-isem tal-parti kkonċernata fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni. Din id-deċiżjoni l-ġdida tissostitwixxi lil dik annullata permezz tas-sentenza appellata. Bil-kontra, jekk is-sentenza tiġi annullata, id-deċiżjoni annullata tirkupra l-effetti tagħha kollha u għandha tkun is suġġett ta’ eżami ġdid, fil-dawl ta’ motivi oħra tar-rikors.

Barra minn hekk, l-annullament tas-sentenza appellata jkun, f’kull każ, ta’ vantaġġ ċert għall-istituzzjoni konvenuta, sa fejn, jekk ir-rikors fl-ewwel istanza jiġi miċħud finalment, hija tkun b’hekk ħielsa minn kull talba għad-danni mressqa mir-rikorrent minħabba d-dannu li huwa jkun jista’ jallega li sofra minħabba d‑deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 41, 44, 45 u 47)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 13 ta’ Lulju 2000, Il-Parlament vs Richard, C‑174/99 P, Ġabra p. I‑6189, punti 33 u 34; Il-Qorti tal-Ġustizzja 3 ta’ April 2003, Il-Parlament vs Samper, C‑277/01 P, Ġabra p. I‑3019, punti 28 u 31

2.      L-evalwazzjoni tal-opportunità li tiġi adottata miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżura istruttorja hija kwistjoni għall-qorti, u mhux għall-partijiet, peress li dawn jistgħu, jekk ikun il-każ, jikkontestaw l-għażla mwettqa fl-ewwel istanza fil-kuntest ta’ appell. B’hekk, hija l-qorti, u mhux il-partijiet, li għandha tqis jekk l-adozzjoni ta’ miżuri istruttorji hijiex neċessarja għall-finijiet tad-deċiżjoni li l-qorti għandha tagħti.

Madankollu, għalkemm huwa minnu li parti ma għandhiex id-dritt tippretendi mill-qorti tal-Unjoni li tadotta miżura istruttorja, xorta jibqa’ l-fatt li l-qorti ma tistax tilħaq konklużjonijiet min-nuqqas, fil-proċess, ta’ ċerti provi sakemm ma tkunx użat il-mezzi kollha previsti fir-Regoli tal-Proċedura tagħha sabiex tikseb il‑produzzjoni tagħhom mill-parti inkwistjoni.

(ara l-punti 61, 62)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 27 ta’ Ottubru 1994, Fiatagri u New Holland Ford vs Il-Kummissjoni, T‑34/92, Ġabra p. II‑905

3.      Minkejja d-differenzi li jeżistu bejn ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u dawk tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, xorta jibqa’ possibbli li dan tal-aħħar isegwi l-istess proċedura bħal dik segwita mill-Qorti Ġenerali, li, meta parti tinforma lill-qorti li hija tqis li ma hijiex f’pożizzjoni sabiex tirrispetta l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura peress li ċerti dokumenti mitluba huma kunfidenzjali, din tista’ tadotta digriet li jordna lil din il-parti sabiex tipproduċi d‑dokumenti inkwistjoni billi tipprovdi li dawn ma jiġux ikkomunikati lill-parti l‑oħra f’din il-fażi.

Ċertament, la l-Istatut tal-Qorti tal Ġustizzja u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bħal barra minn hekk, ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, ma jipprovdu l-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ tali digriet, fejn l-unika reazzjoni possibbli f’każ ta’ tali rifjut hija li l-qorti tislet minnu l-konsegwenzi fid-deċiżjoni li ttemm il-kawża.

Xorta jibqa’ l-fatt li, qabel ma jista’ jipproċedi b’dan il-mod, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa obbligat juża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jikseb il-produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni. B’hekk, meta istituzzjoni tinsisti fuq in-natura allegatament kunfidenzjali tad-dokumenti li ntalbu mingħandha, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu, fuq inizjattiva tiegħu, jirrikorri għad-dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu li jippermettulu, jekk ikun il‑każ, li jieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija natura kunfidenzjali, u jieħu, fil-każ ta’ bżonn, il-miżuri adattati sabiex jiżgura l-protezzjoni tagħhom. Issa, l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jippermetti l‑adozzjoni ta’ digriet li jordna l-produzzjoni ta’ dokumenti allegatament kunfidenzjali.

(ara l-punti 72 sa 74, 76, 77)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 10 ta’ Ġunju 1980, M. vs Il-Kummissjoni, 155/78, Ġabra p. 1797, punti 20 u 21; Il-Qorti Ġenerali 8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, Ġabra p. II‑1585, punti 54 u 55; Il-Qorti Ġenerali 18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M & E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, T‑299/05, Ġabra p. II‑573, punti 24 sa 26