Language of document : ECLI:EU:T:2009:351

Kawża T-263/07

Ir-Repubblika tal-Estonja

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Ambjent — Direttiva 2003/87/KE — Skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra — Pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall‑Estonja għall‑perijodu bejn l‑2008 u l‑2012 — Kompetenzi rispettivi tal‑Istati Membri u tal‑Kummissjoni — Trattament ugwali — Artikolu 9(1) u (3), u Artikolu 11(2) tad‑Direttiva 2003/87”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Suġġett — Annullament parzjali

(Artikolu 230 KE)

2.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Prinċipju ta’ sussidjarjetà

(it‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 5 KE, Artikoli 174 KE sa 176 KE, 211 KE, 226 KE u t‑tielet paragrafu tal‑Artikolu 249 KE)

3.      Ambjent — Tniġġis astmosferiku — Direttiva 2003/87

(Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill 2003/87, premessa 5, Artikoli 1, 9(1) u (3), 10, 11(2) u Anness III)

4.      Ambjent — Tniġġis astmosferiku — Direttiva 2003/87

(Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill 2003/87, Artikoli 9(1) u (3), 11(2), u Anness III)

5.      Ambjent — Tniġġis astmosferiku — Direttiva 2003/87

(Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill 2003/87; Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2006/780, Artikolu 3(1) u (2))

1.      L‑annullament parzjali ta’ att Komunitarju huwa possibbli biss jekk l‑elementi li qiegħed jintalab l‑annullament tagħhom jistgħu jiġu sseparati mill‑bqija tal‑att. Din l‑eżiġenza ta’ separazzjoni mhijiex sodisfatta meta l‑annullament parzjali ta’ att għandu l‑effett li jibdel is‑sustanza ta’ dan l‑att.

(ara l‑punt 28)

2.      Fil‑kuntest tat‑transpożizzjoni jew tal‑implementazzjoni ta’ direttiva fil‑qasam tal‑ambjent, ladarba d‑direttiva inkwistjoni ma tispeċifikax il‑forma u l‑metodi sabiex jinkiseb riżultat partikolari, il‑libertà tal‑Istat Membru rigward l‑għażla tal‑forom u tal‑metodi xierqa għall‑kisba tal‑imsemmi riżultat tibqa’, bħala regola, sħiħa. Fin‑nuqqas ta’ regola Komunitarja li tispeċifika, b’mod ċar u preċiż, il‑forma u l‑metodi li għandhom jintużaw mill‑Istat Membru, hija l‑Kummissjoni, fil‑kuntest tal‑eżerċizzju tas‑setgħa tagħha ta’ stħarriġ, b’mod partikolari skont l‑Artikoli 211 KE u 226 KE, li għandha tipprova, b’mod suffiċjenti skont il‑liġi, li l‑istrumenti użati mill‑Istat Membru għal dan il‑għan imorru kontra d‑dritt Komunitarju.

Applikazzjoni rigoruża ta’ dawn il‑prinċipji hija importanti ħafna sabiex tiġi żgurata l‑osservanza tal‑prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fit‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 5 KE, prinċipju li jorbot lill‑istituzzjonijiet Komunitarji fl‑eżerċizzju tal‑funzjonijiet regolamentari tagħhom. Skont dan il‑prinċipju, il‑Komunità Ewropea tintervjeni biss, fl‑oqsma li ma jaqgħux taħt il‑kompetenza esklużiva tagħha, jekk u sakemm l‑għanijiet tal‑azzjoni ppjanata ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill‑Istati Membri u jistgħu għaldaqstant, minħabba d‑daqs jew l‑effetti tal‑azzjoni mixtieqa, jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju. B’hekk, f’qasam bħalma huwa dak tal‑ambjent, irregolat bl‑Artikoli 174 KE sa 176 KE, li fih il‑Komunità u l‑Istati Membri t‑tnejn huma kompetenti, l‑oneru tal‑prova jaqa’ fuq il‑Komunità, jiġifieri fuq il‑Kummissjoni, biex turi sa fejn il‑kompetenzi tal‑Istat Membru u, għaldaqstant, il‑libertà ta’ azzjoni tiegħu, huma limitati.

(ara l‑punti 51, 52)

3.      Mill‑Artikolu 9(1) u (3) tad‑Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall‑iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l‑Komunità u li temenda d‑Direttiva 96/61, kif ukoll mill‑Artikolu 11(2) tagħha, jirriżulta li huwa biss l‑Istat Membru li għandu l‑kompetenza, minn naħa, li jfassal il‑pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet (PNA) li bih jipproponi li jilħaq l‑għanijiet definiti fid‑Direttiva għal dak li jikkonċerna l‑emissjonijiet ta’ gassijiet serra, li jiġi nnotifikat lill‑Kummissjoni u, min‑naħa l‑oħra, li jieħu deċiżjonijiet finali li jistabbilixxu l‑kwantità totali ta’ kwoti li ser jalloka għal kull perijodu ta’ ħames snin, u d‑distribuzzjoni ta’ din il‑kwantità bejn l‑operaturi ekonomiċi. Fit‑twettiq ta’ dawn il‑kompetenzi, l‑Istat Membru għandu għalhekk ċerta libertà ta’ azzjoni fl‑għażla tal‑miżuri li huwa jqis l‑iktar adatti sabiex jintlaħaq, fil‑kuntest speċifiku tas‑suq nazzjonali tal‑enerġija, ir‑riżultat speċifikat mill‑imsemmija direttiva.

Min‑naħa l‑oħra, il‑Kummissjoni għandha setgħa ta’ stħarriġ rigward il‑PNA, skont l‑Artikolu 9(3) tad‑Direttiva 2003/87. Għalhekk, il‑Kummissjoni għandha d‑dritt li tivverifika l‑konformità tal‑PNA nnotifikat mill‑Istat Membru, mal‑kriterji elenkati fl‑Anness III u d‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 10 tal‑imsemmija direttiva u li tirrifjuta dan il‑pjan abbażi ta’ inkompatibbiltà ma’ dawn il‑kriterji u dawn id‑dispożizzjonijiet, permezz ta’ deċiżjoni motivata. Mill‑imsemmi Artikolu 9(3) jirriżulta wkoll li, fil‑każ li l‑PNA jiġi rrifjutat, l‑Istat Membru ma jistax jieħu deċiżjoni skont l‑Artikolu 11(2) ħlief jekk it‑tibdiliet fil‑pjan proposti mill‑Istat Membru wara r‑rifjut ikunu ġew aċċettati mill‑Kummissjoni.

Meta tuża s‑setgħa ta’ stħarriġ tagħha fir‑rigward tal‑PNA, il‑Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni sa fejn dan l‑istħarriġ iwassalha tuża l‑evalwazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi kumplessi tagħha stess fid‑dawl tal‑għan ġenerali ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra permezz ta’ skema għall‑iskambju ta’ kwoti effettiva rigward spejjeż u effiċjenza ekonomika. Minn dan jirriżulta li, fil‑kuntest tal‑istħarriġ tagħha tal‑legalità f’dan ir‑rigward, il‑qorti Komunitarja teżerċita stħarriġ komplet rigward l‑applikazzjoni korretta min‑naħa tal‑Kummissjoni tad‑dispożizzjonijiet legali rilevanti. Min‑naħa l‑oħra, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ma tistax tissostitwixxi lilha nfisha għall‑Kummissjoni meta din ikollha tagħmel, f’dan il‑kuntest, evalwazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi kumplessi. Għal dan il‑għan, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza għandha tillimita ruħha li tivverifika jekk il‑miżura inkwistjoni hijiex ivvizzjata minn żball manifest jew minn abbuż ta’ poter, jekk l‑awtorità kompetenti qabżitx manifestament il‑limiti tas‑setgħa diskrezzjonali tagħha u jekk il‑garanziji proċedurali, li għandhom importanza ferm iżjed fundamentali f’dan il‑kuntest, ġewx osservati bis‑sħiħ.

Fil‑kuntest tal‑evalwazzjonijiet tagħha dwar il‑kwistjoni jekk il‑PNA tad‑diversi Stati Membri humiex kompatibbli mal‑kriterji tal‑Anness III tad‑direttiva, il‑Kummissjoni tista’ tagħżel punt komuni ta’ paragun. Hija tista’, b’mod partikolari, tfassal u tuża l‑mudell ekonomiku u ekoloġiku tagħha stess, u tgawdi, f’dan ir‑rigward, minn marġni ta’ diskrezzjoni, b’tali mod li l‑użu ta’ punt ta’ referenza komuni bħal dan, f’deċiżjoni ta’ rifjut ta’ PNA, ma jistax jiġi kkontestat ħlief għar‑raġuni li din id‑deċiżjoni tkun ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Min‑naħa l‑oħra, billi speċifikat kwantità speċifika ta’ kwoti, li kull eċċess tagħha jitqies inkompatibbli mal‑kriterji stabbiliti mid‑Direttiva 2003/87, u billi rrifjutat il‑pjan nazzjonali ta’ Stat Membru sa fejn il‑kwantità totali tal‑kwoti proposta hemmhekk taqbeż dan il‑limitu, il‑Kummissjoni qabżet il‑limiti tas‑setgħa ta’ stħarriġ li għandha skont l‑Artikolu 9(1) u (3), kif ukoll l‑Artkolu 11(2) tal‑imsemmija direttiva. Fil‑fatt, billi timponi, fid‑dispożittiv ta’ deċiżjoni li tirrifjuta PNA, limitu speċifiku kkalkolat abbazi tal‑mudell ekonomiku tagħha stess u tal‑għażla tagħha ta’ data, għall‑kwantità totali ta’ kwoti li Stat Membru għandu dritt jistabbilixxi, fil‑prattika, il‑Kummissjoni tissostitwixxi lilha nfisha għall‑Istat Membru għall‑finijiet li tiġi stabbilita din il‑kwantità totali. Tali dispożizzjoni tista’ tobbliga Stat Membru jbiddel il‑PNA tiegħu sabiex il‑kwantità totali ta’ kwoti tikkorrispondi b’mod eżatt mal‑limitu indikat mill‑Kummissjoni fid‑deċiżjoni tagħha ta’ rifjut. F’każ bħal dan, l‑Istat Membru għandu jistabbilixxi kwantità totali ugwali jew iżgħar mil‑limitu indikat mill‑Kummissjoni, għaliex inkella jkun impossibbli għalih li jadotta deċiżjoni skont l‑imsemmi Artikolu 11(2).

Tali deċiżjoni ta’ rifjut tippriva lill‑Artikolu 11(2) minn kull sinjifikat, sa fejn din id‑dispożizzjoni tipprovdi li huwa l‑Istat Membru u mhux il‑Kummissjoni li għandu jiddeċiedi l‑kwantità totali ta’ kwoti li ser jalloka.

(ara l‑punti 53‑55, 60, 63‑65)

4.      L‑invokazzjoni tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali ma tistax tbiddel it‑tqassim tal‑kompetenzi pprovdut mid‑Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall‑iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l‑Komunità u li temenda d‑Direttiva 96/61, bejn il‑Kummissjoni u l‑Istati Membri, li tipprovdi li dawn tal‑aħħar huma kompetenti sabiex ifasslu pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA) u sabiex jieħdu deċiżjoni finali fuq il‑kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati.

Għaldaqstant, fil‑kuntest tal‑eżami ta’ rikors ippreżentat minn Stat Membru kontra deċiżjoni tal‑Kummissjoni dwar pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet, l‑argument tal‑Kummissjoni li l‑użu tad‑data u tal‑mudell li kienet użat fid‑deċiżjoni kien iġġustifikat mill‑ħtieġa li kull PNA jiġi evalwat b’riferiment għall‑istess ċifri u parametri ta’ analiżi, sabiex jiġu osservati r‑rekwiżiti tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali, għandu jiġi miċħud.

(ara l‑punti 87, 88)

5.      Fost il‑garanziji mogħtija mill‑ordinament ġuridiku Komunitarju, fil‑proċeduri amministrattivi hemm inkluż, b’mod partikolari, il‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li marbut miegħu hemm l‑obbligu għall‑istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l‑elementi kollha rilevanti għall‑każ inkwistjoni.

Fin‑nuqqas ta’ spjegazzjonijiet preċiżi dwar il‑lakuni li fih il‑pjan nazzjonali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA) adottat minn Stat Membru skont id‑Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall‑iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l‑Komunità u li temenda d‑Direttiva 96/61, jew dwar l‑iżbalji allegatament imwettqa mill‑imsemmi Stat Membru f’dan il‑pjan, il‑Kummissjoni ma stabbilixxietx li l‑kalkoli inklużi fl‑imsemmi pjan kienu vvizzjati bi żball. Peress li, għaldaqstant, ma eżaminatx b’mod adegwat il‑PNA ppreżentat mill‑Istat Membru inkwistjoni, u b’mod partikolari l‑Annessi 1 u 3 tiegħu, fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni tagħha tal‑kwistjoni jekk ir‑riżervi previsti fl‑Artikolu 3(1) u (2) tad‑Deċiżjoni 2006/780, dwar li jiġi evitat l‑għadd doppju tat‑tnaqqis tal‑emissjonijiet tal‑gassijiet tal‑effett tas‑serra skont l‑iskema Komunitarja tal‑iskambju tal‑emissjonijiet għall‑attivitajiet tal‑proġetti taħt il‑Protokoll ta’ Kyoto skont id‑Direttiva 2003/87, kinux inklużi fil‑kwantità totali ta’ kwoti proposti, il‑Kummissjoni kisret il‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

(ara l‑punti 99, 111,112)