Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja) fl-14 ta’ Lulju 2015 – Stowarzyszenie ‘Oławska Telewizja Kablowa’, Oława vs Stowarzyszenie Filmowców Polskich, Varsavja

(Kawża C-367/15)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Najwyższy

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Stowarzyszenie ‘Oławska Telewizja Kablowa’, Oława

Konvenuta: Stowarzyszenie Filmowców Polskich, Varsavja

Domandi preliminari

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali 1 jista’ jiġi interpretat fis-sens li d-detentur ta’ drittijiet patrimonjali tal-awtur li jkunu nkisru għandu l-possibbiltà li jikseb kumpens għad-dannu kkawżat lilu abbażi tal-prinċipji ġenerali f’dan il-qasam jew, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi pprovat id-dannu u r-rabta kawżali bejn il-fatt li kkawża l-ksur tad-drittijiet tal-awtur u d-dannu mġarrab, li jitlob il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għad-doppju jew, fil-każ ta’ ksur bi ħtija tad-drittijiet tal-awtur, għat-triplu tar-remunerazzjoni xierqa, meta l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48 jipprovdi li l-qorti għandha tiddeċiedi fuq id-danni billi tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti msemmija fl-Artikolu 13(1)(a), u biss bħala alternattiva, f’każijiet xierqa, billi tiffissa d-danni bħala somma f’daqqa, abbażi tal-elementi msemmija fl-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva?Huwa possibbli, fid-dawl tal-Artikolu 13 tad-Direttiva, li, fuq talba tal-parti kkonċernata, jingħataw danni bħala somma f’daqqa li l-ammont tagħha huwa stabbilit bil-quddiem u li tikkostitwixxi d-doppju jew it-triplu tar-remunerazzjoni xierqa, meta l-premessa 26 tal-preambolu tagħha tispeċifika li l-għan tad-Direttiva ma huwiex li jiġu introdotti danni punittivi?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32.