Language of document : ECLI:EU:C:2016:900

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-24 ta’ Novembru 2016 (1)

Kawża C‑367/15

Stowarzyszenie ‘Oławska Telewizja Kablowa’ w Oławie

vs

Stowarzyszenie Filmowców Polskich w Warszawie

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja)]

“Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u industrijali — Ksur — Kalkolu ta’ danni —Direttiva 2004/48/KE — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għal danni ekwivalenti għad-doppju jew it-triplu tal-ammont tat-tariffi li kienu jkunu dovuti kieku kien hemm awtorizzazzjoni sabiex jintuża d-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni”





1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (2) u, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jipprekludix regola tad-dritt nazzjonali li tippermetti detentur tad-dritt jitlob danni mingħand kontravventur allegat ta’ ammont predeterminat li jista’, sabiex nuża t-terminoloġija tal-qorti tar-rinviju, ikun deskritt bħala “punittiv”.

 Id-dritt tal-Unjoni

2.        Il-premessi 2 u 3 tad-Direttiva 2004/48 jgħidu:

“(2)      Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali għandha tħalli l-inventur jew il-kreatur li jikseb profitt leġittimu mill-invenzjoni jew il-kreazzjoni tiegħu/tagħha. Għandha tħalli wkoll it-tixrid l-aktar wiesa’ possibbli tax-xogħlijiet, idejat u tagħrif ġdid. Fl-istess ħin, ma għandhiex tfixkel il-libertà ta’ l-espressjoni, il-moviment liberu ta’ l-informazzjoni, jew il-protezzjoni ta’ data personali, inkluż l-Internet.

(3)      Madanakollu, mingħajr mezz effettiv għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-innovazzjoni u l-kreattività huma skorraġiti u l-investiment jonqos. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi assigurat li l-liġi sostantiva dwar proprjetà intellettwali, li llum tinsab fil-parti l-kbira bħala parti mill-acquis communautaire, hija applikata b’mod effettiv fl-[Unjoni Ewropea]. Għalhekk, il-mezzi ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma ta’ importanza kbira għas-suċċess tas-Suq Intern.”

3.        Skont il-premessa 8 tad-Direttiva 2004/48:

“Id-disparitajiet li hemm bejn is-sistemi ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-mezzi ta’ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali joħolqu preġudizzju għall-funzjonament xieraq tas-Suq Intern u jagħmluha impossibli li jiġi assigurat li d-drittijiet għall-proprjetà intellettwali għandha l-istess livell ta’ protezzjoni fil-Komunità kollha. Din is-sitwazzjoni ma jippromwoviex il-moviment liberu fis-suq intern jew ma joħloqx ambjent li jwassal għall-kompetizzjoni soda.”

4.        Skont il-premessa 10 tad-Direttiva 2004/48:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern.”

5.        Il-premessa 17 tad-Direttiva 2004/48 hija fformulata kif ġej:

“Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għal din id-Direttiva għandhom ikunu determinati għal kull każ b’manjiera li jiġi kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dak il-każ, li jinkludu il-karatteristiċi speċifiċi ta kull dritt ta proprjetà intellettwali u, fejn hu xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-kontravvenzjoni.”

6.        Skont il-premessa 26 tad-Direttiva 2004/48:

“Bl-għan li jsir kumpens għall-preġudizzju soffert riżultat tal-kontravvenzjoni kommessa mill-kontravventur li daħal f’attività b’mod konxju jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, li din twassal għal din il-kontravvenzjoni, l-ammont ta’ ħsara konċessa lid-detentur tad-drittijiet għandha tikkunsidra l-aspetti xierqa kollha, bħal telf ta’ qligħ tad-detentur tad-drittijiet jew profitti mhux ġusti magħmula mill-kontravventur u, fejn hu xieraq, xi preġudizzju morali kkawżat lid-detentur tad-drittijiet. Bħala alternattiva, per eżempju fejn huwa diffiċli biex jiġi determinat l-ammont ta’ preġudizzju attwali soffert, l-ammont ta’ ħsara tista’ tiġi minn elementi bħalma huma royalties [tariffi] u ħlasijiet li ikunu jridu jitħallsu kieku l-kontravventur talab awtoriżazzjoni biex uża d-dritt tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni. L-għan huwa li ma tiġix introdotta obbligazzjoni biex tipprovdi għall-ħsara punitiva imma biex tħalli għall-kumpens ibbażat fuq kriterji oġġettivi waqt li tikkunsidra l-ispejjeż maħluqa lid-detentur tad-drittijiet, bħal spejjeż ta’ identifikazzjoni u riċerka.”

7.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48 huwa intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”. Il-paragrafu 1 jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-[Unjoni] u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.”

8.        Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.      Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

9.        L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48 huwa intitolat “Id-danni”. Il-paragrafu 1 jipprevedi dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.

Meta l-awtoritajiet ġudizzjarji jiffissaw id-danni:

(a)      għandhom jikkunsidraw l-aspetti xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, li jinkludu qliegħ mitluf, li l-parti li sarulha d-danni [ġarrbet], xi profitti inġusti li saru mill-kontravventur u, f’każijiet xierqa, elementi barra fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur tad-dritt bil-kontravvenzjoni;

jew

(b)      bħala alternattiva għall-(a), huma jistgħu, f’każijiet xierqa, jistabbilixxu d-danni bħala somma waħda fuq bażi ta’ l-elementi bħal għall-inqas l-ammont ta’ royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtoriżazzjoni biex juża’ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni.”

 Id-dritt Pollakk

10.      L-Artikolu 79(1) tal-Ustawa z dnia 4 lutego 1994 r. o prawie autorskim i prawach pokrewnych (il-liġi Pollakka dwar id-dritt tal-awtur u drittijiet relatati tal-4 ta’ Frar 1994; iktar ’il quddiem il-“liġi dwar id-dritt tal-awtur”), fil-verżjoni fis-seħħ fiż-żmien inkwistjoni, ipprevediet:

“Detentur tad-dritt li d-drittijiet ekonomiċi tiegħu fid-dritt tal-awtur ikunu nkisru jista’ jitlob lill-persuna li tkun kisret dawk id-drittijiet sabiex:

1.      twaqqaf il-ksur;

2.      tirripara l-effetti tal-ksur;

3.      tirrimedja t-telf ikkawżat:

(a)      abbażi ta’ prinċipji ġenerali, jew

(b)      bil-ħlas ta’ somma ta’ flus li tikkorrispondi għad-doppju, jew, fil-każ ta’ ksur b’nuqqas, għat-triplu tal-ammont tal-ħlas xieraq li kien ikun dovut fiż-żmien meta l-ħlas kien intalab jekk id-detentur tad-dritt kien ta permess sabiex ix-xogħol jintuża;

4.      tirkupra kull profitt miksub.”

 Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

11.      L-iStowarzyszenie Filmowców Polskich (l-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-films Pollakka; iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni tal-produtturi tal-films”), hija organizzazzjoni li hija awtorizzata tmexxi u tipproteġi xogħlijiet awdjoviżivi bid-dritt tal-awtur, inklużi dawk trażmessi (mill-ġdid) b’netwerks tal-televiżjoni bil-kejbil. Taħdem abbażi ta’ liċenzja maħruġa mill-Ministru Pollakk għall-Kultura u l-Arti. L-iStowarzyszenie Oławska Telewizja Kablowa (l-assoċjazzjoni tat-televiżjoni bil-kejbil tal-belt ta’ Oława; iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni tat-televiżjoni bil-kejbil”) ixxandar programmi fuq it-televiżjoni bil-kejbil fil-belt ta’ Oława f’Dolny Śląsk.

12.      Fl-4 ta’ Ottubru 1995, il-partijiet ikkonkludew ftehim ta’ liċenzja li kien jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-ħlasijiet magħmula mill-Assoċjazzjoni tat-televiżjoni bil-kejbil lill-Assoċjazzjoni tal-produtturi tal-films Filmmakers. Fit-30 ta’ Diċembru 1998, din tal-aħħar tat avviż ta’ terminazzjoni ta’ dan il-ftehim u pproponiet li l-partijiet jikkonkludu ftehim ġdid f’kundizzjonijiet emendati. Dawn il-kundizzjonijiet kienu jinvolvu ħlas ogħla għal liċenzja, jiġifieri 2.8 % tad-dħul nett kull xahar tal-Assoċjazzjoni tat-televiżjoni bil-kejbil, perċentwali li kien diġà ġie aċċettt minn għadd sinjifikattiv ta’ operaturi oħra fis-suq tat-televiżjoni bil-kejbil Pollakk.

13.      L-Assoċjazzjoni tat-televiżjoni bil-kejbil ma aċċettatx il-proposti tal-Assoċjazzjon tal-produtturi tal-fims. Fis-17 ta’ April 2008 hija ppreżentat rikors quddiem il-Komisja Prawa Autorskiego (awtorità Pollakka tad-dritt tal-awtur) bil-għan li tiġi riżolta t-tilwima bejn il-partijiet (3). B’deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2009, din l-awtorità ordnat li l-ħlas għal-liċenzja jiġi stabbilit għal 1.6 % tad-dħul nett kull xahar, eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud u ħlasijiet għall-installazzjoni u l-konnessjoni. L-Assoċjazzjoni tat-televiżjoni bil-kejbil sussegwentement ħallset lill-Assoċjazzjoni tal-produtturi tal-films is-somma ta’ PLN 34 312 69 (4) fir-rigward tad-dħul tagħha għall-perijodu mill-2006 sal-2008, ibbażat fuq din il-perċentwali ta’ kull xahar.

14.      Fit-12 ta’ Jannar 2009, l-Assoċjazzjoni tal-produtturi tal-films nediet proċeduri fejn talbet għal ordni li tipprojbixxi lill-Assoċjazzjoni tat-televiżjoni bil-kejbil milli tittrażmetti mill-ġdid xogħlijiet awdjoviżivi bit-televiżjoni bil-kejbil qabel ma jkun konkluż ftehim ta’ liċenzja ġdid, u talbet li l-konvenuta tiġi ordnata tħallas is-somma prinċipali ta’ PLN 390 337 50 (5) fir-rigward tal-perijodu mid-data li fiha kienet ippreżentata l-kawża sad-data tal-ħlas effettiv. Dawn it-talbiet saru abbażi tal-Artikolu 79(1)(1) u (3)(b) tal-liġi dwar id-dritt tal-awtur.

15.      B’sentenza tal-11 ta’ Awwissu 2009, is-Sąd Okręgowy (qorti reġjonali) fi Wroclaw iddikjarat li ma kienx hemm ħtieġa ta’ deċiżjoni dwar is-somma ta’ PLN 84 120 51 (6), ipprojbixxiet lill-Assoċjazzjoni tat-televiżjoni bil-kejbil milli xxandar mill-ġdid programmi qabel ma jkun ġie konkluż ftehim ta’ liċenzja ġdid mal-Assoċjazzjoni tal-produtturi tal-films, tat lil din tal-aħħar is-somma prinċipali ta’ PLN 160 275 69 (7) u ċaħdet il-bqija tat-talbiet. Din il-qorti sabet li kien hemm ksur tal-Artikolu 79(1) tal-liġi dwar id-dritt tal-awtur minħabba li l-konvenuta kienet b’nuqqas xandret (mill-ġdid) programmi meta kienet taf li ma kellhiex liċenzja. Għalhekk kien dovut ammont ugwali għat-triplu tal-ħlas xieraq lir-rikorrenti bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni.

16.      Iż-żewġ partijiet appellaw minn dik is-sentenza quddiem is-Sąd Apelacyjny (qorti tal-appell) fi Wroclaw. Permezz tas-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2010, din il-qorti ċaħdet l-appelli. Sussegwentement, il-partijiet ippreżentaw appelli quddiem il-qorti tar-rinviju li, b’sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2011, ħassret is-sentenza tal-qorti tal-appell u bagħtet lura l-kawża għal eżami mill-ġdid minn din il-qorti. Permezz tas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2011, il-qorti tal-appell varjat is-sentenza appellata billi ordnat lill-Assoċjazzjoni tat-televiżjoni bil-kejbil tħallas somma ulterjuri ta’ PLN 145 941 30 (8) lill-Assoċjazzjoni tal-produtturi tal-films u ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Assoċjazzjoni tat-televiżjoni bil-kejbil. Bil-kawża tinstema’ mill-qorti tar-rinviju għat-tieni darba, din il-qorti, permezz tas-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2013, reġgħet ħassret is-sentenza appellata u bagħtet lura l-kawża għal eżami mill-ġdid mill-qorti tal-appell. Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Awwissu 2013, l-Assoċjazzjoni tal-produtturi tal-films parzjalment irtirat it-talba għal ordni li tipprojbixxi lill-Assoċjazzjoni tat-televiżjoni bil-kejbil milli xxandar (mill-ġdid). Meta eżaminat mill-ġdid il-każ, il-qorti tal-appell innotat li l-unika kwistjoni pendenti bejn il-partijiet kienet dik tal-ammont ta’ danni pagabbli skont l-Artikolu 79 tal-liġi dwar id-dritt tal-awtur.

17.      It-tilwima issa tinsab quddiem il-qorti tar-rinviju għat-tielet darba. Din il-qorti tosserva li l-Assoċjazzjoni tat-televiżjoni bil-kejbil konsistentement argumentat li l-Artikolu 79 tal-liġi dwar id-dritt tal-awtur imur kontra l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48, b’mod partikolari sa fejn din tipprovdi għar-riżarċiment ta’ danni “punittivi” li jammontaw għad-doppju jew it-triplu tal-ħlas xieraq.

18.      Minħabba li hija inċerta dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:

“L-Artikolu 13 tad-[Direttiva 2004/48] jista’ jiġi interpretat fis-sens li d-detentur tad-drittijiet patrimonjali tal-awtur li jkunu nkisru għandu l-possibbiltà li jikseb kumpens għad-dannu kkawżat lilu abbażi tal-prinċipji ġenerali f’dan il-qasam jew, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi pprovat id-dannu u r-rabta kawżali bejn il-fatt li kkawża l-ksur tad-drittijiet tal-awtur u d-dannu mġarrab, li jitlob il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għad-doppju jew, fil-każ ta’ ksur b’nuqqas tad-drittijiet tal-awtur, għat-triplu tar-remunerazzjoni xierqa, meta l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48 jipprovdi li l-qorti għandha tiddeċiedi fuq id-danni billi tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti msemmija fl-Artikolu 13(1)(a), u biss bħala alternattiva, f’każijiet xierqa, billi tiffissa d-danni bħala somma f’daqqa, abbażi tal-elementi msemmija fl-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva? Huwa possibbli, fid-dawl tal-Artikolu 13 tad-Direttiva, li, fuq talba tal-parti kkonċernata, jingħataw danni bħala somma f’daqqa li l-ammont tagħha huwa stabbilit bil-quddiem u li tikkostitwixxi d-doppju jew it-triplu tar-remunerazzjoni xierqa, meta l-premessa 26 tal-preambolu tagħha tispeċifika li l-għan tad-Direttiva ma huwiex li jiġu introdotti danni punittivi?”

19.      L-Assoċjazzjoni tal-produtturi tal-films, il-Gvern Grieg, dak Pollakk u Awstrijak, u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tal-14 ta’ Lulju 2016, iż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali, flimkien mal-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati u għamlu sottomissjonijiet orali.

 Analiżi

 Osservazzjonijiet preliminari

20.      It-talba għal deċiżjoni preliminari kienet ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Lulju 2015. Permezz tas-sentenza tat-23 ta’ Ġunju 2015, it-Trybunal Konstytucyjny (qorti kostituzzjonali Pollakka) iddeċidiet li l-Artikolu 79(1)(3)(b) tal-liġi dwar id-dritt tal-awtur kien imur kontra l-kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja sa fejn kien jippermetti lil detentur tad-dritt tal-awtur li d-drittijiet tiegħu jkunu nkisru jitlob, meta dan il-ksur ikun b’nuqqas, ħlas triplu tal-ħlas xieraq. Id-dispożizzjoni ġiet, għalhekk, immodifikata daqstant b’effett mill-1 ta’ Lulju 2015.

21.      Meta s-sentenza tal-qorti kostituzzjonali nġiebet għall-attenzjoni tagħha, din il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lill-qorti tar-rinviju jekk xtaqitx li żżomm ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li għamlet. Il-qorti tar-rinviju wieġbet fit-28 ta’ Awwissu 2015 fis-sens li, l-ewwel nett, minħabba li l-Artikolu 79(1)(3)(b) baqa’ jipprovdi għall-ħlas ta’ ammont ugwali għad-doppju tal-ħlas xieraq, hija kienet għadha mħassba dwar il-kwistjoni ta’ danni punittivi u, it-tieni nett, is-sentenza tal-qorti kostituzzjonali serviet sabiex saħħet it-tħassib tagħha dwar l-assenza potenzjali skont id-dritt nazzjonali ta’ ħtieġa li jiġi stabbilit nuqqas min-naħa tal-kontravventur allegat. Id-domanda preliminari għandha, għaldaqstant, tinqara fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi.

 Mertu

22.      Id-Direttiva 2004/48 hija miżura ta’ armonizzazzjoni intiża sabiex tirregola l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija tirrikjedi “l-eżistenza ta’ rimedji effettivi intiżi li jipprevjenu, jitterminaw jew jirrimedjaw kwalunkwe ksur ta’ dritt għall-proprjetà intellettwali eżistenti” (9). Għal dan l-għan, l-Artikolu 2(1) jipprevedi, mingħajr preġudizzju għall-kundizzjoni li ser nindirizza iktar ’il quddiem (10), li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji stabbiliti mid-direttiva għandhom japplikaw għal kull dritt tal-proprjetà li jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru.

23.      Il-miżuri li l-Istati Membri għandhom jipprovdu jkopru l-forom kollha tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u jinkludu, iżda ma humiex limitati għal, danni (11). Madankollu, hija l-kwistjoni ta’ kumpens pagabbli fir-rigward ta’ ksur tad-dritt tal-awtur li tikkonċerna dan id-digriet għal deċiżjoni preliminari. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tiddeċiedi dwar il-kalkolu ta’ danni skont id-direttiva, meqjusa b’mod partikolari l-kwistjoni ta’ prova u kawżalità ta’ telf mid-detentur tad-dritt u li dan id-detentur ikun intitolat jirkupra danni f’somma f’daqqa li jistgħu ma jkunux relatati mat-telf soffert u li jistgħu, minn analiżi waħda, ikunu punittivi (12).

24.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Pollakk (b’mod partikolari dak tal-ewwel) saħqu ħafna fuq id-dikjarazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48 li din il-miżura hija mingħajr preġudizzju għall-mezzi pprovduti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jistgħu jkunu iktar favorevoli għad-detentur tad-drittijiet. Jekk huwa validu, argument bħal dan jelimina — jew għall-inqas inaqqas konsiderevolment — il-ħtieġa li titqies il-bqija tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, minħabba li ma jidhirx li huwa kkontestat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar id-dritt tal-awtur inkwistjoni huma intiżi li jkunu favorevoli għad-detentur tad-drittijiet. Filwaqt li huwa b’mod ċar meħtieġ li jitqies l-Artikolu 2(1) fir-risposta għad-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi huwa importanti l-ewwel nett li jiġi indirizzat mhux dak li d-direttiva ma tipprovax tagħmel — billi tħalli l-affarijiet fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri — iżda dak li fil-fatt hija tipprova tagħmel f’termini li tiġi stabbilita bażi għal armonizzazzjoni mal-Unjoni kollha.

25.      Il-kwistjoni partikolari li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju tikkonċerna dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 79(1) tal-liġi dwar id-dritt tal-awtur) li tippermetti detentur ta’ dritt, li jiddikjara li d-drittijiet tiegħu nkisru, li jitlob bħala danni somma ta’ flus mingħand il-kontravventur allegat, liema somma tkun iddeterminata minn qabel (13) u li, għaldaqstant, ma jkollhiex rabta kawżali meħtieġa għat-telf attwali mġarrab mid-detentur tad-dritt. Jidher li jirriżulta li detentur ikun intitolat għal dan b’mod awtomatiku (14). Abbażi ta’ dan, il-qorti tar-rinviju tqis li d-danni inkwistjoni jistgħu jiġu deskritti bħala “punittivi”.

26.      Din il-kwistjoni tqajjem għadd ta’ punti, li ser niġbor fl-qosor kif ġej:

–        jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tiddetermina (15) s-somma pagabbli lil detentur tad-dritt u li ma tħalli ebda diskrezzjoni dwar dan lill-korp ġudizzjarju li jisma’ u jagħti sentenza fil-każ tistax tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/48;

–        in-natura u l-limitu tal-obbligi dwar danni stabbiliti mill-Artikolu 13, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3 tad-direttiva; u

–        sa fejn l-Artikolu 2(1) tad-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jmorru lil hinn mill-obbligi dwar danni stabbiliti mill-Artikolu 13 u, b’mod partikolari, jippermettilhom jipprevedu fid-dritt nazzjonali tagħhom sabiex jingħataw danni punittivi.

27.      Ser nindirizza dawn il-punti wieħed wara l-ieħor iktar ’il quddiem.

 Tista’ l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiffissa s-somma pagabbli lil detentur tad-dritt li d-drittijiet tiegħu jkunu nkisru mingħajr l-intervent tal-korp ġudizzjarju li jisma’ u jagħti sentenza fil-każ?

28.      Ir-risposta għal din id-domanda tista’ tirriżulta mit-test tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48, moqri flimkien mal-premessa 17 u mal-Artikolu 3(1).

29.      L-Artikolu 13(1) jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jikkumpensaw lil detentur tad-dritt billi jagħtuh kumpens għad-danni f’każijiet xierqa. Meta jiffissaw id-danni dawn l-awtoritajiet għandhom jagħtu somma li tkun xierqa għall-preġudizzju attwali soffert mid-detentur tad-dritt bħala riżultat tal-ksur. Dan imbagħad ikun jirrifletti kemm id-dikjarazzjoni tal-premessa 17 tad-direttiva li r-rimedji għandhom ikunu ddeterminati għal kull każ b’mod li jitqiesu kif xieraq il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan il-każ, kif ukoll id-dispożizzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-direttiva li r-rimedji għandhom ikunu “ġusti u ekwi”. Fi kliem ieħor, għandu jkun hemm analiżi li tkun imfassla għall-materja inkwistjoni u li tali analiżi tkun tista’, min-natura tagħha, titwettaq biss minn qorti jew minn korp li jkollu setgħat li jieħu deċiżjonijiet ġudizzjarji ekwivalenti għal dawk vestiti f’qorti. Isegwi, fil-fehma tiegħi, li regola nazzjonali li tipprovdi li detentur tad-dritt li d-drittijiet tiegħu jkunu nkisru jista’ jkollu dritt awtomatiku għal ammont iddeterminat minn qabel stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u mingħajr intervent min-naħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti fir-rigward tal-kalkolu, kemm jekk din tkun ibbażata fuq l-ammont tar-royalty xierqa jew mod ieħor, ma tistax tissodisfa r-rekwiżiti tad-direttiva.

30.      Għaldaqstant jiena tal-opinjoni li d-Direttiva 2004/48 għandha tiġi interpretata bħala li tipprekludi regola nazzjonali li tipprovdi għal ħlas awtomatiku ta’ somma ddeterminata minn qabel lil detentur tad-dritt li d-drittijiet tiegħu jkunu nkisru, wara talba tad-detentur tad-dritt u mingħajr intervent min-naħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kompetenti fl-iffissar tal-ammont tad-danni inkwistjoni.

 L-applikazzjoni tal-Artikoli 3 u 13(1)(b) tad-Direttiva 2004/48 għall-kalkolu tad-danni

31.      Għamilt riferiment fil-punt 29 iktar ’il fuq għar-rekwiżit tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/48 li r-rimedji jkunu ġusti u ekwi. Għalhekk għandha titqies kif xieraq il-pożizzjoni mhux biss tad-detentur tad-dritt iżda wkoll tal-kontravventur allegat. L-Artikolu 3(2) isegwi billi jipprevedi li dawn ir-rimedji għandhom ikunu “effettivi, proporzjonati u dissważivi”. Dawn il-prinċipji għandhom jirregolaw l-għoti tar-rimedji kollha skont id-direttiva, inkluż l-għoti tad-danni. L-enfasi f’dan il-każ hija fuq il-protezzjoni tad-detentur tad-dritt.

32.      Għar-regoli speċifiċi li jirregolaw il-kalkolu tad-danni, jeħtieġ li jiġi eżaminat l-Artikolu 13 tad-direttiva. Il-każ ta’ kontravventur li jew ikun jaf jew ikollu motivi raġonevoli sabiex ikun jaf, jidħol għal attività ta’ ksur, huwa ttrattat fl-Artikolu 13(1). Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi gwida ġenerali ulterjuri, billi tgħid li d-danni għandhom ikunu “skond il-preġudizzju attwali soffert”. Dan ir-rekwiżit għandu wkoll ikun ta’ gwida għal kwalunkwe għoti ta’ danni skont id-direttiva.

33.      Nagħmel pawża hawnhekk sabiex ninnota punt wieħed bi tweġiba għat-tieni punt ta’ tħassib li wriet il-qorti tar-rinviju fir-risposta tagħha lil din il-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Awwissu 2015 (16). L-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) hija limitata għal każijiet ta’ kontravventur li jaġixxi b’mod li jkun jaf jew b’motivi raġonevoli li jkun jaf, li l-aġir tiegħu huwa b’nuqqas. Il-kalkolu ta’ danni meta l-kontravventur ma kienx jaf jew ma kellux motivi raġonevoli li jkun jaf li l-attività kkostitwixxiet ksur li jaqa’ fl-Artikolu 13(2). L-ammont li jista’ jiġi rkuprat skont din id-dispożizzjoni huwa limitat sabiex “jiġu rkuprati l-profitti jew [isir] il-pagament tad-danni, li jistgħu jkunu stabbiliti minn qabel”. Għalhekk huwa ċar fil-fehma tiegħi li f’każijiet fejn l-Artikolu 13(1) japplika, ikun meħtieġ li jiġi stabbilit in-nuqqas tal-kontravventur.

34.      Din id-dispożizzjoni tgħaddi mbagħad sabiex tindika l-mod li bih l-awtoritajiet ġudizzjarji kkonċernati għandhom jistabbilixxu l-ammont tad-danni f’każ partikolari. Hija tistabbilixxi żewġ metodi sabiex isir hekk. L-ewwel [punt (a)], filwaqt li jeżiġi li l-awtorità ġudizzjarja għandha tqis l-aspetti xierqa kollha tal-kawża, għandu bħala l-bażi tiegħu l-konsegwenzi ekonomiċi tal-ksur, b’riferiment partikolari għal kull telf ta’ profitti min-naħa tad-detentur tad-dritt u għal kull profitt inġust magħmul mill-kontravventur. Jinkludi wkoll riferiment għal elementi minbarra fatturi ekonomiċi, bħad-dannu morali kkawżat lid-detentur tad-dritt.

35.      Il-punt (b) jikkostitwixxi alternattiva. Jippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji li jistabbilixxu d-danni bħala somma f’daqqa abbażi, fost oħrajn, l-ammont tat-tariffi jew tal-ħlasijiet li kienu jkunu dovuti kieku l-kontravventur kien talab awtorizzazzjoni sabiex juża d-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni. Sa fejn il-punt (b) huwa l-qofol tad-domanda tal-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jiġu eżaminati f’ċertu dettall dawk il-partijiet tiegħu li huma rilevanti għall-każ fil-kawża prinċipali.

36.      Fl-ewwel lok, id-dispożizzjoni tapplika biss “f’każijiet xierqa”. Il-metodu ta’ kalkolu stabbilit fl-Artikolu 13(1)(a) għandu, għalhekk, jitqies bħala r-regola ġenerali, li għalih il-metodu fil-punt (b) huwa eċċezzjoni. Xi kjarifika ta’ xi tfisser l-espressjoni “każijiet xierqa” hija pprovduta mill-premessa 26 tad-direttiva, li tagħti bħala eżempju każijiet fejn ikun diffiċli jiġi ddeterminat l-ammont ta’ preġudizzju attwali soffert.

37.      Fil-fehma tiegħi hemm raġuni importanti ta’ politika li sservi sabiex tkun iġġustifikata l-preżenza ta’ din l-alternattiva. Din tinsab fid-diffikultà li d-detenturi tad-dritt jiltaqgħu magħha f’ħafna każijiet sabiex jikkalkolaw it-telf attwali li jirriżulta minn ksur partikolari. Dan sikwit aktarx ikun diffiċli; xi drabi jista’ jkun impossibbli. Fl-assenza ta’ mekkaniżmu sabiex jassisti lid-detentur tad-dritt f’dan ir-rigward, hemm riskju li r-rimedji previsti mid-direttiva jkunu ineffettivi. Meta pprovda sistema għal irkupru bbażata fuq tariffi jew ħlasijiet, il-leġiżlatur, għalhekk, kellu l-intenzjoni li d-detentur tad-dritt ikun jista’ jevita l-ammont potenzjalment kbir ta’ ħin u spejjeż li seta’ jġarrab mod ieħor bħala kundizzjoni li jibda proċeduri kontra kontravventur. Kieku l-pożizzjoni kellha tkun mod ieħor, kien ikun hemm riskju li r-rekwiżit tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/48 li rimedji ma għandhomx ikunu kkumplikati bla ħtieġa jew għaljin jew iwasslu għal dewmien mhux ordnat ma kienx ikun jista’ jiġi ssodisfatt. Fi kliem ieħor, dawn ir-rimedji ma jkunux “effettivi” u, għalhekk, “dissważivi” għall-finijiet tal-Artikolu 3(2) tad-direttiva.

38.      Madankollu, il-fatt jibqa’ li l-oneru jkun fuq id-detentur tad-dritt li jistabbilixxi li ċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni jiġġustifikaw li jingħataw danni abbażi tad-dispożizzjoni nazzjonali korrispondenti tal-punt (b) tal-Artikolu 13(1) tad-direttiva u li, għaldaqstant, ikun “xieraq” li jsir hekk. Bħala minimu, għandu jew ikun “diffiċli biex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ preġudizzju attwali soffert” (17) jew ikun hemm raġunijiet li jistabbilixxu li l-għoti tad-danni limitat għal somma kkalkolata abbażi tal-punt (a) ikun manifestament inġust jew mhux raġonevoli.

39.      Fit-tieni lok, il-kalkolu li l-punt (b) jipprevedi huwa bbażat fuq ammont li jkun “għall-inqas” l-ammont ta’ tariffi jew ħlasijiet li kienu jkunu dovuti kieku l-ksur ma seħħx (18). Għalhekk, ma hijiex kwistjoni li jiġi ssostitwit ammont prodott billi jiġu kkalkolati l-profitti mitlufa mid-detentur tad-dritt u/dawk rċevuti mill-kontravventur bl-ammont tat-tariffi jew ħlasijiet li l-kontravventur, teoretikament, messu ħallas lill-detentur tad-dritt. Il-kriterju huwa wieħed iktar flessibbli u ċertament is-somma inkwistjoni tista’ teċċedi t-tariffi jew il-ħlasijiet inkwistjoni.

40.      Dan ifisser li l-punt (b) jippermetti lil awtorità ġudizzjarja li tagħti danni “punittivi”peress li ma tkunx rikjesta konnessjoni bejn l-ammont mogħti u t-telf soffert?

41.      F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fis-sentenza tagħha Manfredi et (19), li tali danni jistgħu jkunu previsti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza (20). Għaldaqstant, ma jistax jingħad li l-kunċett ta’ danni punittivi għandu jitqies bħala irrikonċiljabbli fiċ-ċirkustanzi kollha mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

42.      Madankollu ma nqisx li d-dikjarazzjonijiet wiesgħa u ġenerali magħmula f’din is-sentenza jistgħu jgħoddu għal din il-kawża. L-ewwel nett, huwa ċar mill-aħħar sentenza tal-premessa 26 tad-Direttiva 2004/48 li ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jipprovdi li jitħallsu danni punittivi skont id-direttiva.

43.      It-tieni nett, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-direttiva jipprevedi li d-danni għandhom ikunu “skond il-preġudizzju attwali soffert [mid-detentur tad-dritt] riżultat tad-detenzjoni” (21). Din id-dispożizzjoni tirrikjedi, fil-fehma tiegħi, li d-detentur tad-dritt ikun jista’ jistabbilixxi rabta kawżali bejn l-ammont mitlub u d-dannu subit (22). Minn dan isegwi li l-Artikolu 13(1) ma jippermettix li tingħata somma li tista’ ma jkollhiex neċessarjament rabta mat-telf li d-detentur tad-dritt ikun ġarrab jew li x’aktarx iġarrab għall-ġejjieni (23).

44.      It-tielet nett, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48 jistabbilixxi l-prinċipju prevalenti li r-rimedji ma għandhomx ikunu biss “effettivi” u “dissważivi”; huma għandhom ikunu wkoll “proporzjonati”.

45.      Sabiex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu li danni punittivi għandhom ikunu proporzjonati, il-Gvern Pollakk sostna, matul is-seduta, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tagħha Arjona Camacho (24). Din il-kawża kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (25), li l-Artikolu 25 tagħha huwa intitolat “Penali” u jipprevedi, fost oħrajn, li l-penalitajiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu “effettivi, proporzjonati u dissważivi”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżuri nazzjonali li jipprovdu għall-ħlas ta’ danni punittivi lil persuna li tkun sofriet diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess jissodisfaw dan il-kriterju u, għaldaqstant, kienu proporzjonati (26).

46.      Ma nista’ nislet ebda gwida utli mis-sentenza inkwistjoni għal din il-kawża. Id-dispożizzjoni li hija tagħmel riferiment għaliha tikkonċerna, fost oħrajn, il-ħlas ta’ somom permezz ta’ penalitajiet u mhux bħala danni. Fl-ewwel imsemmi kuntest, huwa naturali li l-kalkolu inkwistjoni ma jkollux neċessarjament rabta mal-ħsara mġarrba mill-vittma. Ma jistax jingħad l-istess meta jkun hemm l-għoti ta’ danni li, bis-saħħa tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48, għandu jkun skont il-preġudizzju attwali soffert mid-detentur tad-dritt. F’dan il-kuntest it-test ta’ proporzjonalità jippresupponi, fil-fehma tiegħi, li jkun hemm xi rabta bejn it-telf soffert u l-ammont mitlub. Nissuġġerixxi li l-għoti ta’ danni punittivi, mid-definizzjoni stess, ma jissodisfax dan il-kriterju.

47.      Billi napplika l-osservazzjonijiet li saru iktar ’il fuq għal din il-kawża, jiena, għalhekk, tal-opinjoni, l-ewwel nett, li dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 79(1) tal-liġi dwar id-dritt tal-awtur, li tipprevedi ħlas lil detentur tad-dritt ta’ somma ddeterminata minn qabel li ma jkollhiex neċessarjament rabta mad-dannu subit ma tistax tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/48. Madankollu, ma jidhirlix li jsegwi minn dan li dispożizzjoni ekwivalenti, li permezz tagħha detentur tad-dritt ikun jista’ jitlob somma li ma tkunx ogħla mid-doppju (jew ukoll, f’ċirkustanzi partikolari, mit-triplu) tal-ammont tal-ħlas li kien ikun dovut kieku d-detentur tad-dritt kien ta permess sabiex ix-xogħol jintuża, għandha wkoll titqies li tkun kuntrarja għall-iskema stabbilita mid-direttiva. Dak li d-detentur tad-dritt għandu jistabbilixxi huwa li d-dannu subit u l-ammont mitlub ikunu proporzjonati. F’dan is-sens, għalhekk, huwa għandu jistabbilixxi rabta kawżali bejn it-tnejn. Min-natura tar-rimedju previst fl-Artikolu 13(1)(b), id-detentur tad-dritt ma jkunx jeħtieġlu jistabbilixxi dik ir-rabta b’ċertezza matematika, minħabba li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jkunu koperti ċ-ċirkustanzi li fihom jista’ jkun diffiċli jew impossibbli li jsir hekk. Iżda fil-fehma tiegħi jkun meħtieġ li d-detentur tad-dritt juri xi xorta ta’ rabta u li ma jkun intitolat għal ebda danni li b’xi mod ma jkunux proporzjonati mad-dannu attwali tiegħu.

48.      Fil-qosor, nikkonkludi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 3 u 13(1)(b) tad-Direttiva 2004/48 għall-kalkolu ta’ danni fil-każ tal-kawża prinċipali: l-ewwel nett, li l-oneru jkun fuq id-detentur tad-dritt li jistabbilixxi li ċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni jiġġustifikaw li jingħataw danni skont id-dispożizzjoni nazzjonali ekwivalenti tal-punt (b) tal-Artikolu 13(1) tad-direttiva u li, għaldaqstant, ikun “xieraq” li jsir hekk u, it-tieni nett, li dawn l-artikoli jipprekludu regola nazzjonali li permezz tagħha d-detentur tad-dritt ikun jista’ jitlob somma fissa d-doppju jew it-triplu tal-ammont tar-remunerazzjoni ta’ drittijiet li kienet tkun dovuta kieku d-detentur tad-dritt kien ikun ta permess sabiex ix-xogħol jintuża. Madankollu, huma ma jirrendux illegali dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha d-detentur tad-dritt ikun jista’ jitlob somma li tkun limitata għad-doppju jew għat-triplu ta’ dan l-ammont sakemm id-detentur tad-dritt ikun jista’ jistabbilixxi li s-somma mitluba tkun proporzjonata mad-dannu subit. L-oneru jkun fuq id-detentur tad-dritt li juri li dan ikun il-każ.

 L-applikabbiltà tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/48 għall-każ fil-kawża prinċipali

49.      Għar-raġunijiet indikati fil-punt 24 iktar ’il fuq, jeħtieġ titqies l-applikabbiltà tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/48 għall-każ fil-kawża prinċipali. Dan jipprevedi li miżuri, proċeduri u rimedji pprovduti mid-direttiva japplikaw għal kwalunkwe ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali skont id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali. Tali applikazzjoni tkun, madankollu, ‟[m]ingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fl-[Unjoni] jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet”. (27)

50.      Fil-livell tal-Unjoni, id-dispożizzjoni, għalhekk, tagħmilha ċara li d-Direttiva 2004/48 ma għandhiex ikollha effett fuq ir-rimedji għall-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali stabbiliti b’leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni li jmorru lil hinn minn dawk speċifikati fid-direttiva nfisha (28). Eżempju ovvju ta’ rimedju bħal dan huwa li detentur ta’ trade mark ikun intitolat japplika għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni skont dawk li llum huma l-Artikoli 52 u 53 tar-Regolament Nru 207/2009 (29) meta huwa jqis li l-effett tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark oħra jkun ifisser il-ksur tad-drittijiet tiegħu.

51.      Fir-rigward tal-mezzi li hemm fil-livell nazzjonali, xi forma ta’ gwida dwar l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-unjoni meta ppromulga d-dispożizzjoni tinsab fil-proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal direttiva dwar miżuri u proċedimenti sabiex jiġi żgurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (30), li fuqha kienet ibbażata d-Direttiva 2004/48. Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għal din il-proposta jgħid, fir-rigward tal-Artikolu 2 tal-abbozz tad-direttiva, li kien l-ekwivalenti tal-Artikolu 2 tad-direttiva kif adottata, li: “[…] L-istati Membri għandhom jistabbilixxu li l-awtoritajiet kompetenti jordnaw miżuri oħra adattati għaċ-ċirkustanzi tali li jtemmu l-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali jew li ma jħallux ikun hemm iktar ksur, kif ukoll kull miżura oħra xierqa. […]” (31)

52.      L-Artikolu 2(1), għalhekk, iħalli lill-Istati Membri ħielsa jadottaw dispożizzjonijiet fil-livell nazzjonali li jipprovdu rimedji addizzjonali favur detentur tad-dritt. Huma jistgħu, għalhekk, jadottaw regoli li permezz tagħhom dritt ikun jista’ jitqies li jkun ġie rrinunzjat, pereżempju f’każ ta’ ksur gravi jew kontinwat, jew li jimponu restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ tali dritt ’il fuq u lil hinn minn dawk stabbiliti mid-direttiva meta dan id-dritt jikser dritt tal-proprjetà intellettwali li jkollha parti oħra.

53.      Iżda ma naħsibx li l-Artikolu 2(1) jista’ jkun ta’ bażi għal argument li jgħid li d-Direttiva 2004/48 tintroduċi armonizzazzjoni minima biss f’dawk l-oqsma li fil-fatt tkopri (32). L-ewwel nett, tali propożizzjoni tmur kontra l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li tagħmel riferiment mhux għal “miżuri” li huma jew jistgħu jiġu previsti f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali, iżda għal “mezzi”. It-tieni nett, tonqos milli tirrifletti l-iskema ġenerali tad-direttiva, li, kif indikat fil-premessa 8, għandha tiżgura li drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkollhom livell ekwivalenti ta’ protezzjoni mal-Unjoni kollha. Sa fejn id-direttiva tistabbilixxi regoli li japplikaw għal għamla partikolari ta’ rimedju, kif tagħmel fil-każ ta’ danni, ir-regoli għandhom, fil-fehma tiegħi, ikunu l-istess mal-Unjoni Ewropea kollha.

54.      Għalhekk nikkonkludi li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/48 ma jawtorizzax lil Stat Membru sabiex jipprevedi li d-detentur tad-dritt li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiegħu jkunu nkisru jkun intitolat għal danni punittivi.

 Konklużjoni

55.      Għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mis-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja) kif ġej:

(1)      Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandha tiġi interpretata bħala li tipprekludi regola nazzjonali li tipprovdi għal ħlas awtomatiku ta’ somma ddeterminata minn qabel lil detentur tad-dritt li d-drittijiet tiegħu jkunu nkisru, wara rikors tad-detentur tad-dritt u bl-ebda intervent min-naħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kompetenti fl-iffissar tal-ammont tad-danni inkwistjoni.

(2)      L-Artikoli 3 u 13(1)(b) tad-Direttiva 2004/48 għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru, l-ewwel nett, li l-oneru jkun fuq id-detentur tad-dritt li jistabbilixxi li ċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni jkunu jiġġustifikaw li jingħataw danni skont id-dispożizzjoni nazzjonali ekwivalenti tal-punt (b) tal-Artikolu 13(1) tad-direttiva u li, għaldaqstant, ikun “xieraq” li jsir hekk u, it-tieni nett, li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha detentur tad-dritt ikun jista’ jitlob somma fissa d-doppju jew it-triplu tal-ammont tal-ħlas li kien ikun dovut kieku d-detentur tad-dritt kien ikun ta permess sabiex ix-xogħol jintuża. Madankollu, huma ma jirrendux illegali dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha d-detentur tad-dritt ikun jista’ jitlob somma li tkun limitata għad-doppju jew għat-triplu ta’ dan l-ammont, sakemm id-detentur tad-dritt ikun jista’ jistabbilixxi li s-somma mitluba tkun proporzjonata għad-dannu subit. L-oneru tal-prova f’dan ir-rigward jkun fuq id-detentur tad-dritt.

(3)      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/48 ma jawtorizzax lil Stat Membru sabiex jipprovdi li detentur tad-dritt li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiegħu jkunu nkisru jkun intitolat għal danni punittivi.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2–      Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).


3–      Il-fatti msemmija huma kif deskritti fid-digriet tar-rinviju. Ma huwiex ċar x’seħħ fil-perijodu bejn l-1998 u l-2008.


4–      Ekwivalenti meta nkitbu dawn il-konklużjonijiet għal madwar EUR 8 000. Dan ifisser li d-dħul nett totali kull xahar matul dak il-perijodu kien ta’ PLN 2 144 543 12.


5–      Ekwivalenti meta nkitbu dawn il-konklużjonijiet għal madwar EUR 91 000.


6–      Ekwivalenti meta nkitbu dawn il-konklużjonijiet għal madwar EUR 19 600.


7–      Ekwivalenti meta nkitbu dawn il-konklużjonijiet għal madwar EUR 39 450. Ma huwiex għalkollox ċar kif irriżulta dan l-ammont: 2.8 % ta’ PLN 2 144 543 12 korrispondenti għal PLN 60 047 20; u jekk is-somma tad-danni kellha tkun “it-triplu tal-ħlas xieraq”, dan kien iġib total ta’ PLN 180 141 62.


8–      Ekwivalenti meta nkitbu dawn il-konklużjonijiet għal madwar EUR 34 000.


9–      Ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata.


10–      Ara l-punti 24 u 49 et seq iktar ’il quddiem.


11–      Id-direttiva tistabbilixxi wkoll regoli li jipprovdu għal: id-dritt ta’ aċċess għall-evidenza u miżuri għall-preservazzjoni ta’ evidenza (Sezzjoni 2); id-dritt għall-informazzjoni (Sezzjoni 3); miżuri provviżorji u prekawzjonarji (Sezzjoni 4); u miżuri korrettivi, inġunzjonijiet u miżuri alternattivi (Sezzjoni 5).


12–      Il-kunċett ta’ danni punittivi kien indirizzat mill-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu Arjona Camacho, C‑407/14, EU:C:2015:534, fejn huwa ddeskriva danni punittivi kif ġej: “Bid-danni punittivi, is-sistema ta’ responsabbiltà tiġi miżjuda b’funzjoni moralista, proprjament punittiva. Huma espressjoni tat-teorija tal-piena privata, ma tibqax kwistjoni ta’ kumpens, iżda wkoll li jingħataw danni flimkien mal-kumpens sħiħ, fejn ikun ittamat li, minħabba n-natura repressiva tagħhom, dawn jiddiswadu mhux biss lill-awtur tad-dannu […] milli jerġa’ jwettaq l-aġir [ta’ ksur] tiegħu, iżda ukoll lill-awturi l-oħrajn li jaġixxu b’dak il-mod” (punt 49).


13–      Jew għall-inqas tistabbilixxi l-ammont ta’ danni pagabbli b’riferiment għal multiplikatur tal-ħlas dovut mill-kontravventur lid-detentur tad-dritt kieku dan tal-aħħar ikun ta permess sabiex jintuża dritt tal-proprjetà tad-dritt tal-awtur inkwistjoni.


14–      Għall-korrettezza, għandi nispjega li b’risposta għal domanda magħmula fis-seduta, il-Gvern Pollakk indika li din il-possibbiltà li jintalbu danni tkun eskluża jekk kien hemm abbuż tal-liġi jew jekk ma kienx ikun possibbli jiġi kkalkolat l-ammont ta’ drittijiet li kienu jkunu dovuti lid-detentur tad-dritt.


15–      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ’il fuq.


16–      Ara l-punt 21 iktar ’il fuq.


17–      Ara l-premessa 26 tad-direttiva.


18–      Għalkemm il-punt (b) tal-Artikolu 13(1) juża l-espressjoni “bħala alternattiva”, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara fis-sentenza reċenti tagħha tas-17 ta’ Marzu 2016, Liffers, C‑99/15, EU:C:2016:173, li detentur tad-dritt li t-talba tiegħu tkun ibbażata fuq dan is-subparagrafu jkun jista’ jitlob kumpens għal preġudizzju morali, bil-kliem “għall-inqas” ikunu intiżi sabiex jagħmilha ċara li l-bażi tal-kalkolu speċifikata ma tkunx eżawrjenti.


19–      Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punti 99 u 100. Din il-kawża kienet tinvolvi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 81 KE (illum l-Artikolu 101 TFUE).


20–      Għandu jiġi nnotat li din is-sentenza kienet ġiet qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Novembru 2014, dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, p. 1). L-Istati Membri għandhom jittrasponu din id-direttiva fid-dritt nazzjonali mhux iktar tard mis-27 ta’ Diċembru 2016. L-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi li “kumpens sħiħ taħt din id-Direttiva ma għandux iwassal għal kumpens żejjed, sew b’mezzi ta’ danni punittivi, multipli jew dawk ta’ tipi oħra”.


21–      Enfasi miżjuda.


22–      Għall-osservazzjonijiet ulterjuri tiegħi dwar in-natura tar-rabta kawżali li għandha tiġi stabbilita, ara l-punt 47 iktar ’il quddiem.


23–      Ara, f’sens simili, fil-kuntest ta’ drittijiet fuq varjetà ta’ pjanta, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Hansson, C‑481/14, EU:C:2016:419, punti 33 sa 40.


24–      Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, C‑407/14, EU:C:2015:831.


25–      Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006 (ĠU L 204, p. 23).


26–      Ara, f’dan is-sens, il-punt 40 tas-sentenza.


27–      Enfasi miżjuda.


28–      Għal nota dwar ir-rimedji stabbiliti mid-Direttiva 2004/48, minbarra danni, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq.


29–      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 78, p. 1). Dan ir-regolament issostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), li d-dispożizzjonijiet ekwivalenti tiegħu kienu l-Artikoli 51 u 52.


30–      COM(2003) 46 finali.


31–      It-test tal-ekwivalenti fil-lingwa Franċiża huwa aktarx fi kliem aħjar (u ċertament iktar eleganti. Huwa jgħid: “Les États membres peuvent prévoir que les autorités compétentes peuvent ordonner d’autres mesures adaptées aux circonstances et propres à faire cesser l’atteinte au droit de propriété intellectuelle ou à prévenir de nouvelles atteintes, ainsi que toutes autres mesures appropriées”.


32–      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 24 iktar ’il fuq.