Language of document : ECLI:EU:C:2017:36

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

tal-25 ta’ Jannar 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 13 – Proprjetà intellettwali u industrijali – Ksur – Kalkolu ta’ danni – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru – Id-doppju tas-somma tar-royalties normalment dovuti”

Fil-Kawża C‑367/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (qorti suprema, Il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

Stowarzyszenie « Oławska Telewizja Kablowa»

vs

Stowarzyszenie Filmowców Polskich,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, M. Berger (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Lulju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Stowarzyszenie « Oławska Telewizja Kablowa », minn R. Comi u A. Comi, radcowie prawni,

–        għal Stowarzyszenie Filmowców Polskich, minn W. Kulis u E. Traple, avukati,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Drwięcki u M. Nowak, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn A. Magrippi u E. Tsaousi, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u G. Eberhard, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Novembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Stowarzyszenie « Oławska Telewizja Kablowa », stabbilita f’Oława (il-Polonja) (iktar ’il quddiem “OTK”) u Stowarzyszenie Filmowców Polskich, stabbilta f’Varsavja (il-Polonja) (iktar ’il quddiem “SFP”), fir-rigward ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        L-Artikolu 1(1) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali relatati mal-kummerċ (TRIPS), tal-15 ta’ April 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPS”), li jikkostitwixxi l-Anness 1C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ODK) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82), jipprevedi:

“Il-Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Il-Membri jistgħu, iżda mhux bil-fors, jimplimentaw protezzjoni iżjed ħarxa minn dik meħtieġa f’dan il-Ftehim, iżda din il-protezzjoni ma tmurx kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.[…].

4        L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Letterarji u Artisitċi (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”), jistipula:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni ma jipprekludux l-invokazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet iktar wiesgħa li jiġu stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż tal-Unjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Skont l-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni internazzjonali għall-protezzjoni ta’ nies li jagħtu servizz, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir, iffirmata f’Ruma fis-26 ta’ Ottubru 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”), jipprovdi:

“It-trattament nazzjonali għandu jingħata, bla ħsara għall-protezzjoni espliċitament iggarantita u għal-limiti espliċitament previsti f’din il-Konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

6        Il-premessi 3, 5 sa 7, 10 u 26 tad-Direttiva 2004/48 huma fformulati kif ġej:

“(3)      […]mingħajr mezz effettiv għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-innovazzjoni u l-kreattività huma skorraġiti u l-investiment jonqos. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi assigurat li l-liġi sostantiva dwar proprjetà intellettwali […] hija applikkata b’mod effettiv [fl-Unjoni]. Għalhekk, il-mezzi ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma ta’ importanza kbira għas-suċċess tas-Suq Intern

[…]

(5)      Il-Ftehim TRIPS fih, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet fuq il-mezzi għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li huma l-istandards komuni applikabbli fuq livell internazzjonali u implimentati mill-Istati Membri kollha. Din id-Direttiva m’għandiex taffettwa l-obbligazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri, inklużi dawk li jaqgħu taħt il-Ftehim TRIPS.

(6)      Hemm wkoll konvenzjonijiet internazzjonali li l-Istati Membri kollha huma partijiet u li fihom wkoll dispożizzjonijiet fuq il-mezzi għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, Il-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Letterarji u Artisitċi, u l-Konvenzjoni ta’ Ruma għall-Protezzjoni ta’ Produtturi ta’ Fonogrammi u Organiżazzjonijiet tax-Xandir.

(7)      Mill-konsultazzjonijiet miżmuma mill-Kummissjoni rigward din il-kwestjoni joħroġ li, fl-Istati Membri, u minkejja il-Ftehim TRIPS, għad hemm disparitajiet kbar fir-rigward tal-mezzi għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Per eżempju, l-arranġamenti biex jiġu applikati miżuri proviżorji, li huma użati b’mod partikolari biex jippreservaw evidenza, il-kalkulazzjoni ta’ ħsarat [tad-danni] jew l-arranġamenti biex jiġu applikati mandati, ivarjaw fil-wisa’ minn Stat Membru wieħed għall-ieħor. F’xi Stati Membri, m’hemmx miżuri, proċeduri u rimedji bħalma hu d-dritt għall-informazzjoni u r-revokazzjoni ta’ l-oġġetti mis-suq li fuqhom ikun inkiser id-dritt, bl-ispejjeż imorru għal min ikun kiser id-dritt.

[…]

(10)      L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern.

[…]

(26)      Bl-għan li jsir kumpens għall-preġudizzju soffret riżultat tal-kontravvenzjoni kommessa mill-kontravventur li daħal f’attività b’mod konxju jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, li din twassal għal din il-kontravvenzjoni, l-ammont ta’ ħsara konċessa lid-detentur tad-drittijiet għandha tikkunsidra l-aspetti xierqa kollha, bħal telf ta’ qligħ tad-detentur tad-drittijiet jew profitti mhux ġusti magħmula mill-kontravventur u, fejn hu xieraq, xi preġudizzju morali kkawżat lid-detentur tad-drittijiet. Bħala alternattiva, per eżempju fejn huwa diffiċli biex jiġi determinat l-ammont ta’ preġudizzju attwali soffert, l-ammont ta’ ħsara tista’ tiġi minn elementi bħalma huma royalties u ħlasijiet li ikunu jridu jitħallsu kieku l-kontravventur talab awtoriżazzjoni biex uża d-dritt tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni. L-għan huwa li ma tiġix introdotta obbligazzjoni biex tipprovdi għall-ħsara punitiva imma biex tħalli għall-kumpens ibbażat fuq kriterji oġġettivi waqt li tikkunsidra l-ispejjeż maħluqa lid-detentur tad-drittijiet, bħal spejjeż ta’ identifikazzjoni u riċerka.”

7        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Firxa [Kamp] ta’ applikazzjoni”, jistipula:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti [fl-Unjoni] jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-[Unjoni] u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.

[…]

3.      Din id-Direttiva ma għandix taffettwa:

[…]

b)      l-obbligazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri u l-aktar il-Ftehim TRIPS, li jinkludu dawk relatati mal-proċeduri kriminali u l-penalitajiet;

[…]”

8        Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligu Ġenerali”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat [iġġustifikat].

2.      Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

9        L-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-danni”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.

Meta l-awtoritajiet ġudizzjarji jiffissaw id-danni:

a)      Għandhom jikkunsidraw l-aspetti xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, li jinkludu qliegħ mitluf, li l-parti li sarulha d-danni, xi profitti inġusti li saru mill-kontravventur u, f’każijiet xierqa, elementi barra fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur tad-dritt bil-kontravvenzjoni.

jew

b)      bħala alternattiva għall-(a), huma jistgħu, f’każijiet xierqa, jistabbilixxu d-danni bħala somma waħda fuq bażi ta’ l-elementi bħal għall-inqas l-ammont ta’ royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtoriżazzjoni biex juża’ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni.”

 Id-dritt Pollakk

10      L-Artikolu 79(1) tal-ustawa o prawie autorskim i prawach pokrewnych (liġi dwar id-dritt tal-awtur u drittijiet relatati), tal-4 ta’ Frar 1994 (trst konsolidat, Dz. U. tal‑2006, nru 90, intestatura 631), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-preżentata tar-rikors fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UPAPP”), kien jipprevedi:

“(1)      Detentur tad-dritt li d-drittijiet ekonomiċi tiegħu fid-dritt tal-awtur ikunu nkisru jista’ jitlob lill-persuna li tkun kisret dawk id-drittijiet sabiex:

[…]

3.      tirrimedja t-telf ikkawżat:

a)      abbażi ta’ prinċipji ġenerali, jew

b)      bil-ħlas ta’ somma ta’ flus li tikkorrispondi għad-doppju, jew, fil-każ ta’ ksur b’nuqqas, għat-triplu tal-ammont tal-ħlas xieraq li kien ikun dovut fiż-żmien meta l-ħlas kien intalab jekk id-detentur tad-dritt kien ta permess sabiex ix-xogħol jintuża;

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      SFP hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur irreġistrata fil-Polonja u awtorizzata li tamministra kif ukoll li tipproteġi d-drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet awdjoviżivi. OTK, min-naħa tagħha, ixxandar programmi ta’ televiżjoni permezz tan-netwerk tal-kejbil fit-territorju tal-belt ta’ Oława (il-Polonja).

12      Wara x-xoljiment, fit-30 ta’ Diċembru 1998, ta’ kuntratt ta’ liċenzja li jiddefinixxi r-regoli ta’ remunerazzjoni bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, OTK kompliet tuża xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur u ressqet quddiem il-Komisja Prawa Autorskiego (kummissjoni għad-drittijiet tal-awtur, il-Polonja) talba intiża, essenzjalment, sabiex tiġi ffissata r-remunerazzjoni dovuta għall-użu tad-drittijiet tal-awtur amministrati minn SFP. Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2009, din il-kummissjoni ffissat l-imsemmija remunerazzjoni għal 1.6 % tad-dħul nett mingħajr ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud magħmul minn OTK fil-kuntest tar-ritrażmissjoni ta’ xogħlijiet bil-kejbil, bl-esklużjoni ta’ ċerti spejjeż sostnuti minn din tal-aħħar. OTK innifisha, billi bbażat ruħha fuq din il-bażi, ikkalkolat l-ammont dovut u ħallset lil SFP is-somma ta’ PLN 34 312 69 (madwar EUR 7 736.11) abbażi tad-dħul magħmul għall-perijodu mis-sena 2006 sas-sena 2008.

13      Fit-12 ta’ Jannar 2009, SFP ippreżentat rikors kontra OTK li permezz tiegħu talbet, abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 79(1)(3)(b) tal-UPAPP, li, sakemm jiġi konkluż kuntratt ta’ liċenzja ġdid, OTK tiġi pprojbita milli tirritrażmetti x-xogħlijiet awdjoviżivi protetti, kif ukoll li din tal-aħħar tiġi kkundannata tħallasha s-somma ta’ PLN 390 337.50 (madwar EUR 88 005.17), miżjuda bl-interessi legali dovuti.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Awwissu 2009 is-Sąd Okręgowy we Wrocławiu (qorti reġjonali ta’ Wroclaw, il-Polonja) ikkundannat lil OTK tħallas lil SFP is-somma ta’ PLN 160 275.69 (madwr EUR 36 135.62), miżjuda bl-interessi legali, u ċaħdet, essenzjalment, il-kumplament tar-rikors. Peress li l-appelli li ż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali ppreżentaw kontra din is-sentenza ġew miċħuda, kull waħda minnhom ressqet appell ta’ kassazzjoni. Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2011, is-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja) madankollu bagħtet lura l-kawża, għal eżami ġdid, quddiem is-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (qorti tal-appell ta’ Wrocław, il-Polonja), li min-naħa tagħha tat it-tieni sentenza fid-19 ta’ Diċembru 2011. Madankollu s-Sąd Najwyższy (qorti suprema) annullat ukoll din it-tieni sentenza fil-kuntest ta’ appell ta’ kassazzjoni u l-kawża reġgħet intbagħtet lura quddiem is-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (qorti tal-appell) għal eżami ġdid. Sussegwentement, is-sentenza mogħtija minn din l-aħħar qorti kienet is-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni introdott minn OTK.

15      Is-Sąd Najwyższy (qorti suprema), li qed tintalab, fil-kuntest ta’ dan it-tielet appell, teżamina l-kawża għat-tielet darba, għandha dubji f’dak li jirrigwarda l-konformità tal-Artikolu 79(1)(3)(b) tal-UPAPP mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-UPAPP tipprevedi l-possibbiltà, fuq talba ta’ detentur ta’ drittijiet patrimonjali tal-awtur li jkunu nkisru, li jinkiseb kumpens permezz tal-ħlas ta’ somma korrispondenti għad-doppju jew għat-tripplu tar-remunerazzjoni xierqa. L-imsemmija dispożizzjoni għalhekk tinvolvi forma ta’ sanzjoni.

16      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-kumpens, previst fid-Direttiva 2004/48, ta’ detentur ta’ dritt patrimonjali ta’ awtur jirrikjedix li dan id-detentur jipproduċi l-prova tal-fatt li jgħti lok għal dan id-dannu, tad-dannu mġarrab u tal-portata tiegħu, tar-rabta kawżali bejn il-fatt li jagħti lok għall-ksur u d-dannu kif ukoll li l-atti tal-awtur tal-ksur saru b’nuqqas.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Najwyższy (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 13 tad-[Direttiva 2004/48] jista’ jiġi interpretat fis-sens li d-detentur tad-drittijiet patrimonjali tal-awtur li jkunu nkisru għandu l-possibbiltà li jikseb kumpens għad-dannu kkawżat lilu abbażi tal-prinċipji ġenerali f’dan il-qasam jew, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi pprovat id-dannu u r-rabta kawżali bejn il-fatt li kkawża l-ksur tad-drittijiet tal-awtur u d-dannu mġarrab, li jitlob il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għad-doppju jew, fil-każ ta’ ksur b’nuqqas tad-drittijiet tal-awtur, għat-triplu tar-remunerazzjoni xierqa, meta l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48 jipprovdi li l-qorti għandha tiddeċiedi fuq id-danni billi tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti msemmija fl-Artikolu 13(1)(a), u biss bħala alternattiva, f’każijiet xierqa, billi tiffissa d-danni bħala somma f’daqqa, abbażi tal-elementi msemmija fl-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva? Huwa possibbli, fid-dawl tal-Artikolu 13 tad-Direttiva, li, fuq talba tal-parti kkonċernata, jingħataw danni bħala somma f’daqqa li l-ammont tagħha huwa stabbilit bil-quddiem u li tikkostitwixxi d-doppju jew it-triplu tar-remunerazzjoni xierqa, meta l-premessa 26 tal-preambolu tagħha tispeċifika li l-għan tad-Direttiva ma huwiex li jiġu introdotti danni punittivi?”

 Fuq id-domanda preliminari

18      Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nażżjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li d-detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali li sofra dannu jista’ jgħażel li jitlob lill-persuna li kisret dan id-dritt, jew li tikkumpensa d-dannu li huwa sofra billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti kollha xierqa tal-każ inkwistjoni, jew inkella, mingħajr ma jkollu għalfejn jipprova d-dannu effettiv jew ir-rabta kawżali bejn il-fatt li ta lok għal dan il-ksur u d-dannu subit, il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għad-doppju jew, fil-każ ta’ ksur b’nuqqas, għat-tripplu tar-remunerazzjoni xierqa li kienet tkun dovuta abbażi ta’ awtorizzazzjoni għall-użu tax-xogħol inkwistjoni.

19      Preliminarjament, għandu jiġi speċifikat li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju f’din il-kawża, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 79(1)(3)(b) tal-UPAPP, ġiet iddikjarata parzjalment inkostituzzjonali permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Ġunju 2015, tat-Trybunał Konstytucyjny (qorti kostituzzjonali, il-Polonja), sa fejn din id-dispożizzjoni kienet tippermetti lid-detentur ta’ dritt patrimonjali ta’ awtur li sofra dannu jitlob, fil-każ ta’ ksur b’nuqqas, il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għat-tripplu tar-remunerazzjoni xierqa. Għalhekk, peress li d-deċiżjoni tat-Trybunał Konstytucyjny (qorti kostituzzjonali) għandha effett retroattiv, id-domanda preliminari, sa fejn tirrigwarda l-leġiżlazzjoni ddikjarata inkostituzzjonali, saret ipotetika u, għaldaqstant, inammissibbli.

20      Madankollu, sa fejn il-qorti tar-rinviju żammet id-domanda preliminari tagħha, din għandha, għalhekk, tinftiehem bħala li hija intiża għad-determinazjoni ta’ jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibblità li jintalab il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għad-doppju ta’ remunerazzjoni xierqa li kienet tkun dovuta abbażi tal-awtorizzazzjoni ta’ użu tax-xogħol inkwistjoni (iktar ’il quddiem ir-“royalty ipotetika”).

21      Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li l-għan tad-Direttiva 2004/48, kif jirriżulta mill-premessa 3 tagħha, huwa applikazzjoni effettiva tal-liġi sostantiva dwar proprjetà intellettwali fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi, b’mod partikolari, li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji stabbiliti mill-Istati Membri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

22      Għalkemm il-premessa 10 tad-Direttiva 2004/48 issemmi, f’dan il-kuntest, l-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u “omoġenju” tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija direttiva tapplika, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tagħha, mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti, b’mod partikolari, fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawn il-mezzi jkunu iktar favorevoli għad-detenturi tad-drittijiet. F’dan ir-rigward, mill-premessa 7 ta’ din id-direttiva jirriżulta mingħajr ebda dubju li l-kunċett ta’ “mezzi” użat hawnhekk huwa wieħed ġeneriku, li jinkludi l-kalkolu tad-danni.

23      Konsegwentement, u kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2004/48 tistabbilixxi standard minimu għar-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jipprevedu miżuri iktar protettivi (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Hansson, C‑481/14, EU:C:2016:419, punti 36 u 40).

24      Barra minn dan, skont il-premessi 5 u 6 kif ukoll skont l-Artikolu 2(3)(b) tad-Direttiva 2004/48, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni obbligi li jirriżultaw, għall-Istati Membri, mill-konvenzjonijiet internazzjonali, fosthom it-Trattat dwar it-TRIPS, il-Konvenzjoni ta’ Berna u l-Konvenzjoni ta’ Ruma, li jistgħu jkunu applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Issa, kemm l-Artikolu 1 tal-Ftehim TRIPS kif ukoll l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Berna u l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jippermettu li l-Istati kontraenti jagħtu lid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati protezzjoni iktar wiesgħa minn dik prevista minn dawn l-istrumenti rispettivi.

25      Għalhekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li d-detentur tad-drittijiet patrimonjali ta’ awtur li jkunu nkisru tista’ teżiġi, mingħand l-awtur tal-ksur ta’ dawn id-drittijiet, kumpens għad-dannu kkawżat permezz tal-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għad-doppju ta’ royalty ipotetika.

26      Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-fatt, l-ewwel nett, li kumpens ikkalkolat fuq il-bażi tad-doppju tar-royalty ipotetika ma huwiex eżattament proporzjonali għad-dannu realment imġarrab mill-parti li sofrietu. Fil-fatt, din il-karatteristika hija inerenti għal kull kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, bħalma huwa dak espliċitament previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva 2004/48.

27      It-tieni nett, l-imsemmija interpretazzjoni lanqas ma hija kkonfutata mill-fatt li d-Direttiva 2004/48, kif jirriżulta mill-premessa 26 tagħha, ma għandiex l-għan li tintroduċi obbligu li jikkonsisti f’li jiġu previsti danni punittivi.

28      Fil-fatt, minn naħa, bil-kontra ta’ dak li donnha taħseb il-qorti tar-rinviju, il-fatt li d-Direttiva 2004/48 ma tinkludix l-obbligu li l-Istati Membri jipprevedu danni msejħa “punittivi” ma tistax tiġi interpretata li tammonta għal projbizzjoni ta’ introduzzjoni ta’ tali miżura.

29      Min-naħa l-oħra, u mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-introduzzjoni tad-danni msejħa “punittivi” tmurx jew le kontra l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48, ma jidhirx li d-dispożizzjoni applikabbli fil-kawża prinċipali tinkludi obbligu ta’ ħlas ta’ tali danni.

30      Għalhekk, għandu jiġi osservat li s-sempliċi ħlas, fil-każ ta’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, tar-royalty ipotetika ma huwiex biżżejjed biex jiggarantixxi kumpens għad-dannu kollu mġarrab realment, peress li l-ħlas ta’ din ir-royalty, waħdu, la jiġġarantixxi r-rimbors ta’ eventwali spejjeż marbuta mar-riċerka u l-identifikazzjoni tal-eventwali atti ta’ vjolazzjoni, imsemmija fil-premessa 26 tad-Direttiva 2004/48, la jiggarantixxi l-kumpens għal eventwali dannu morali (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Liffers, C‑99/15, EU:C:2016:173, punt 26), u lanqas ma jiggarantixxi l-ħlas ta’ interessi fuq l-ammonti dovuti. Fil-fatt, OTK ikkonfermat, waqt is-seduta, li l-ħlas tad-doppju tar-royalty ipotetika huwa fil-prattika ekwivalenti għal kumpens li l-ammont tiegħu jibqa’ inqas minn dak li d-detentur ikun jista’ jitlob abbażi tal-“prinċipji ġenerali”, fis-sens tal-Artikolu 79(1)(3)(a) tal-UPAPP.

31      Ma jistax ċertament jiġi eskluż li, f’każijiet eċċezzjonali, ir-rimbors ta’ dannu kkalkolat abbażi tad-doppju tar-royalty ipotetika jkun b’mod ċar u kunsiderevoli ikbar mid-dannu realment imġarrab b’tali mod li talba f’dan is-sens tista’ tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt, ipprojbit mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48. Madankollu, mill-osservazzjonijiet magħmula mill-Gvern Pollakk matul is-seduta jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża prinċipali, il-qorti Pollaka, f’tali każ, ma tkunx marbuta mit-talba tad-detentur tad-dritt li sofra dannu.

32      Fit-tielet u l-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-parti li sofriet dannu, sa fejn hija tista’ tikkalkola d-danni abbażi tad-doppju tar-royalty ipotetika, ma jkollhiex iktar għalfejn turi r-rabta kawżali bejn il-fatti li taw lok għad-dannu għad-drittijiet tal-awtur u d-dannu mġarrab, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni eċċessivament stretta tal-kunċett ta’ “kawżalità” li tgħid li d-detentur tad-dritt li sofra dannu għandu jistabbilixxi rabta kawżali bejn dan il-fatt u mhux biss id-dannu mġarrab, iżda wkoll l-ammont preċiż ta’ dan id-dannu. Issa, tali interpretazzjoni ma tistax tiġi rrikonċiljata mal-kunċett innifsu ta’ ffissar f’somma f’daqqa tad-danni u, għaldaqstant, mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva 2004/48, li jippermetti dan it-tip ta’ kumpens.

33      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula tkun li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li d-detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali li sofra dannu jista’ jitlob lill-persuna li kisret dan id-dritt jew li tikkumpensa d-dannu li huwa sofra, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti kollha xierqa tal-każ inkwistjoni, jew inkella, mingħajr ma dan id-detentur ma jkollu għalfejn jipprova d-dannu effettiv, il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għad-doppju tar‑remunerazzjoni xierqa li kienet tkun dovuta abbażi ta’ awtorizzazzjoni għall-użu tax-xogħol inkwistjoni.

 Fuq l-ispejjeż

34      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li d-detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali li sofra dannu jista’ jitlob lill-persuna li kisret dan id-dritt jew li tikkumpensa d-dannu li huwa sofra, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti kollha xierqa tal-każ inkwistjoni, jew inkella, mingħajr ma dan id-detentur ma jkollu għalfejn jipprova d-dannu effettiv, il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għad-doppju tar-remunerazzjoni xierqa li kienet tkun dovuta abbażi ta’ awtorizzazzjoni għall-użu tax-xogħol inkwistjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.