Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Mejju 2011 - Fellah vs Il-Kunsill

(Kawża T-255/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Zakaria Fellah (New York, l-Istati Uniti) (rappreżentant: G. Collard, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata li, fir-rigward tar-rikorrent, Zakaria FELLAH, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 330/2011, tas-6 ta' April 2011, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/221/PESK, tas-6 ta' April 2011, ippubblikati fis-7 ta' April 2011 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ma humiex fondati,

konsegwentement,

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 330/2011, tas-6 ta' April 2011, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/221/PESK, tas-6 ta' April 2011;

sussidjarjament, tordna li isem Zakaria FELLAH jitneħħa mil-lista annessa mal-imsemmi regolament u mal-imsemmija deċiżjoni.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, sa fejn il-motivi għall-inklużjoni ta' isem ir-rikorrent fil-lista ta' persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi huma stereotipati mingħajr ma jissemma' xi punt ta' fatt preċiż li jippermetti li tiġi evalwata r-rilevanza tal-imsemmija inklużjoni.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni, inkwantu:

qed jiġi allegat li r-rikorrent ikkontribwixxa għall-finanzjament tal-amministrazzjoni ta' L. Gbagbo, filwaqt li, min-naħa waħda, ir-rikorrent, essenzjalment, eżerċita l-funzjonijiet tiegħu taħt L Gbagbo, meta dan tal-aħħar kien ġie rikonoxxut bħala kap ta' Stat leġittimu mill-komunità internazzjonali u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma kellux ir-riżorsi li setgħu jippermettulu li jiffinanzja l-amministrazzjoni ta' L. Gbagbo;

jidher li l-atti kkontestati tilfu l-iskop tagħhom mill-11 ta' April 2011, peress li L. Gbagbo inqabad f'din id-data.

____________