Language of document : ECLI:EU:T:2014:555

Kawża T‑260/11

Ir-Renju ta’ Spanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Sajd – Konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar – Eċċess minn Spanja tal-kwoti tal-kavalli fiż-żoni VIII c, IX u X u fl-ilmijiet tal-Unjoni Ewropea tal-Copace 34.1.1 attribwiti għall-2010 – Tnaqqis fuq il-kwoti ta’ ħut allokati għas-snin 2011 sa 2015 – Drittijiet tad-difiża – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Ugwaljanza fit-trattament”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2014

1.      Sajd – Konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar – Skema tal-kwoti tas-sajd – Tnaqqis fuq il-kwoti allokati għal sena speċifika minħabba eċċess ta’ kwoti fis-snin preċedenti – Regolament Nru 1224/2009, Artikolu 105 – Obbligu u marġni ta’ diskezzjoni tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1224/2009, Artikolu 105(1)(2) u (6); Regolament tal-Kunsill Nru 2371/2002, Artikolu 30)

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Rispett fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi – Portata

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Limiti – Politika komuni tas-sajd – Adattament tal-leġiżlazzjoni għall-varjazzjonijiet fis-sitwazzjoni ekonomika – Impossibbiltà li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Protezzjoni rrifjutata lill-awtur ta’ ksur manifest tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ

(Regolament tal-Kunsill Nru 23/2010 ; Regolament tal-Kummissjoni Nru 165/2011)

5.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Kunċett – Differenza fit-trattament fil-preżenza ta’ sitwazzjonijiet fattwali u ġuridiċi diverġenti u, għaldaqstant, inkomparabbli – Assenza ta’ ksur

1.      L-użu fl-Artikolu 105(5) tar-Regolament Nru 1224/2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, tal-kelma “jistgħu” juri, minn naħa, li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-kwistjoni ta’ prinċipju ta’ jekk għandhiex tiġi sottomessa lill-Kumitat tas-Sajd u tal-Akwakultura, stabbilit permezz tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 2371/2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd, proposta ta’ stabbiliment ta’ regoli ta’ applikazzjoni ta’ miżuri ta’ tnaqqis minn kwoti futuri ta’ sajd meta Stat Membru jaqbeż il-kwoti allokati lilu għal sena speċifika u, min-naħa l-oħra, li din is-setgħa diskrezzjonali tinkludi wkoll il-kapaċità tal-Kummissjoni li tagħżel, għal dan il-għan, bejn suġġetti u strumenti differenti koperti mill-imsemmi regolament. Minn dan isegwi li Stat Membru jitlaq minn premessa żbaljata meta jsostni li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tistabbilixxi regoli ta’ applikazzjoni bil-għan li timplementa l-istrumenti li għandha għad-dispożizzjoni tagħha skont l-Artikolu 105(1) u (2) ta’ dan ir-regolament.

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 105(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi kompetenza marbuta tal-Kummissjoni fis-sens li, meta hija stabbiliet l-eżistenza ta’ qbiż ta’ kwoti ta’ sajd minn Stat Membru, hija għandha l-obbligu li topera tnaqqis minn kwoti futuri ta’ dak l-Istat Membru. Bl-istess mod, l-Artikolu 105(2) tal-istess regolament ma jagħtix iktar setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni fir-rigward tal-azzjoni li għandha tittieħed għal dan il-qbiż f’sena speċifika, iżda jobbligaha li topera tnaqqis mill-kwota fis-sena jew is-snin li jsegwu mill-kwota annwali tal-Istat Membru billi tapplika koeffiċjent multiplikatur iffissat minn qabel skont ir-rata ta’ qbiż ikkonstatat. Minn dan jirriżulta li l-volum totali ta’ tnaqqis li għandu jitwettaq huwa r-riżultat ta’ operazzjoni ta’ kalkolu preċiż, fejn il-parametri – jiġifieri r-rata ta’ qbiż u l-koeffiċjent multiplikatur – jiġu konkretament stabbiliti minn din id-dispożizzjoni stess, b’tali mod li l-Kummissjoni ma jkollha ebda marġini ta’ diskrezzjoni sabiex tiffissa l-limitu tagħhom.

Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 105(1) u (2) tar-Regolament Nru 1224/2009, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-kalkolu tal-ammont totali ta’ tnaqqis li għandu jitwettaq, huma biżżejjed ċari, preċiżi u mingħajr kundizzjonijiet u għaldaqstant ikunu jistgħu jiġu applikati immedjatament mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 40, 41, 44, 45)

2.      Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha. L-osservanza ta’ dan il-prinċipju għandha għaldaqstant tiġi żgurata kemm fl-assenza totali ta’ leġiżlazzjoni speċifika kif ukoll meta jkun hemm leġiżlazzjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni hi stess tal-imsemmi prinċipju. Fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali l-osservanza ta’ garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza saħansitra iktar fundamentali.

Konsegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għal smigħ, huwa wiesa’ meta l-amministrazzjoni jkollha l-ħsieb li tadotta att li jikkawża preġudizzju, jiġifieri att li jista’ jaffettwa b’mod negattiv l-interessi tal-individwu jew tal-Istat Membru kkonċernat, peress li l-applikazzjoni tiegħu ma tkunx tiddependi mill-eżistenza ta’ regola espressa għal dan il-għan prevista mid-dritt sekondarju.

(ara l-punti 62-64)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 84)

4.      Meta operatur ekonomiku prudenti u għaqli jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni li tista’ taffetwalu l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka l-benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata. Barra minn hekk, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux iqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u din hija speċjalment f’qasam bħal dak tal-politika komuni dwar is-sajd, li l-għan tagħha jinkludi adattament konstanti skont it-tibdil fis-sitwazzjoni ekonomika. Fl-aħħar nett, ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat minn persuna li hija responsabbli għal ksur manifest tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

(ara l-punti 87, 88)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 93)