Rikors ippreżentat fil-5 ta' Ġunju 2009 - CEVA vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-224/09)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Centre d'étude et de valorisation des algues SA (CEVA) (Pleubian, Franza) (rappreżentant: J.-M. Peyrical, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrent
prinċipalment, tikkonstata l-ineżistenza ta' rabtiet kuntrattwali bejn il-Kummissjoni Ewropea u ċ-CEVA u, konsegwentement,
tannulla t-titolu eżekuttiv Nru 3230900440 tal-Kummissjoni Ewropea datat is-6 ta' April 2009;
sussidjarjament, tikkonstata n-nuqqas ta' motivazzjoni tat-titolu eżekuttiv Nru 3230900440 tal-Kummissjoni Ewropea datat is-6 ta' April 2009;
tikkonstata r-riskju ta' arrikkiment indebitu tal-Kummissjoni fil-każ tar-rimbors miċ-CEVA tas-somma ta' EUR 179 896 flimkien mal-interessi għal arretrati;
konsegwentement, tannulla t-titolu eżekuttiv Nru 3230900440 tal-Kummissjoni Ewropea datat is-6 ta' April 2009.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrent jitlob l-annullament tat-titolu eżekuttiv li permezz tiegħu l-Kummissjoni talbet ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa bil-quddiem lir-rikorrent fil-kuntest tal-kuntratt PROTOP Nru EVK3-CT-2002-30004 dwar proġett ta' riċerka u ta' żvilupp teknoloġiku.
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iressaq tliet motivi:
ta' inammissibbiltà tat-titolu eżekuttiv fin-nuqqas ta' rabta kuntrattwali bejn ir-rikorrent u l-Kummissjoni;
ta' nuqqas ta' motivazzjoni suffiċjenti, sa fejn il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq allegat ksur tal-obbligi kuntrattwali minn naħa tar-rikorrent mingħajr madankollu ma tesponi r-raġunijiet tad-dritt u ta' fatt insostenn ta' din l-allegazzjoni;
ta' ksur tal-prinċipju ta' nuqqas ta' arrikkiment indebitu, ir-rimbors sħiħ tas-somma mitluba mill-Kummissjoni li għandha bħala konsegwenza li din tinsab arrikkita b'mod indebitu, sa fejn jkunu sarulha xogħolijiet u studji mwettqa mir-rikorrent mingħajr madankollu ma tkun ħallset għalihom.
____________