Language of document : ECLI:EU:T:2015:238

Kawża T‑217/11

Claire Staelen

vs

L-Ombudsman Ewropew

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Trattament mill-Ombudsman ta’ lment dwar il-ġestjoni ta’ lista ta’ kandidati xierqa għal kompetizzjoni ġenerali – Setgħat ta’ investigazzjoni – Dmir ta’ diliġenza – Telf ta’ opportunità – Dannu morali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tad-29 ta’ April 2015

1.      Rikors għad-danni – Suġġett – Talba għal kumpens għal dannu kkawżat minħabba allegat trattament ħażin ta’ lment mill-Ombudsman Ewropew – Ammissibbiltà

(Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

2.      Rikors għad-danni – Awtonomija fil-konfront tar-rikorsi għal annullament u għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Ammissibbiltà tar-rikors kontra aġir imputabbli lil istituzzjoni jew korp tal-Unjoni – Assenza ta’ deċiżjoni definittiva fuq ċerti elementi tal-kuntest fattwali li kien is-suġġett ta’ investigazzjoni ex officio mill-konvenut – Assenza ta’ effett

(Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

3.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Kundizzjonijiet kumulattivi – Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur biżżejjed serju tad-dritt tal-Unjoni – Ksur mill-Ombudsman Ewropew tal-obbligu ta’ diliġenza fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar każ ta’ amministrazzjoni ħażina – Inklużjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 94/262)

5.      Ombudsman Ewropew – Investigazzjonijiet – Setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-eżerċzzju tas-setgħat ta’ investigazzjoni – Limiti – Osservanza tal-obbligu ta’ diliġenza – Ksur – Tort ta’ natura li tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni

(Artikolu 228(1) TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 94/262, Artikolu 3(1))

6.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Obbligu ta’ diliġenza – Portata

7.      Ombudsman Ewropew – Investigazzjonijiet – Investigazzjonijiet ex officio – Ftuħ – Kundizzjonijiet

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 94/262)

8.      Rikors għal annullament – Kompetenza tal-qorti tal-Unjoni – Talbiet intiżi sabiex jiġi kkonstatat ksur kriminali – Inammissibbiltà

(Artikoli 256 TFUE u 263 TFUE)

9.      Ombudsman Ewropew – Investigazzjonijiet – Drittijiet tal-persuni kkonċernati minn investigazzjoni – Talba ta’ trattament kunfidenzjali ta’ dokumenti u ta’ informazzjoni miġbura – Tqegħid inkwistjoni mill-Ombudsman – Esklużjoni

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 94/262)

10.    Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord tal-Għażla – Stabbiliment tal-lista ta’ kandidati xierqa – Iffissar tat-tul tal-validità – Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 29 u 30)

11.    Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Kunċett

12.    Ombudsman Ewropew – Investigazzjonijiet – Obbligu ta’ diliġenza – Konstatazzjoni ta’ assenza ta’ amministrazzjoni ħażina unikament abbażi tal-affermazzjonijiet tal-istituzzjoni kkonċernata minn investigazzjoni – Ksur – Tort ta’ natura li tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 94/262)

13.    Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet – Estensjoni ta’ motiv eżistenti – Ammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1)(ċ) u 48(2))

14.    Rikors għal annullament – Motivi – Użu ħażin ta’ poter – Kunċett

(Artikolu 263 TFUE)

15.    Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Osservanza ta’ terminu raġonevoli – Proċedura amministrattiva – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41)

16.    Ombudsman Ewropew – Kodiċi ta’ kondotta tajba – Effett vinkolanti – Assenza

(Artikolu 228 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea Artikolu 41)

17.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Dannu reali u ċert – Oneru tal-prova

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

18.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Rabta kawżali – Kunċett – Dannu li jirriżulta, għal kandidat għal kompetizzjoni, fit-telf ta’ opportunità li jiġi rreklutat wara żbalji mwettqa mill-Ombudsman Ewropew – Kawża determinanti tad-dannu li ma tinsabx fl-aġir tal-Ombudsman – Assenza ta’ rabta kawżali

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

19.    Rikors għad-danni – Suġġett – Kumpens għad-dannu allegatament sostnut minħabba t-telf ta’ opportunità li jiġi rreklutat għal impjieg fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni – Ammissibbiltà

(Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 30)

20.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu – Dannu li jista’ jiġi kkumpensat – Dannu morali kkawżat minn telf ta’ fiduċja fl-uffiċju tal-Ombudsman Ewropew – Inklużjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 55)

2.      Ir-rikors għad-danni ġie stabbilit mit-Trattat FUE u huwa rimedju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fis-sistema ta’ rimedji u huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju kkonċepiti fid-dawl tal-għan speċifiku tiegħu. Filwaqt li r-rikors għal annullament u rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni għandhom l-għan li tiġi ssanzjonata l-illegalità ta’ att legalment vinkolanti jew l-assenza ta’ tali att, l-għan tar-rikors għad-danni huwa t-talba għal kumpens ta’ dannu li jirriżulta minn att, irrispettivament minn jekk ikunx legalment vinkolanti jew le, jew minn aġir imputabbli lil istituzzjoni jew lil korp Komunitarju.

Għalhekk, fir-rigward ta’ rikors għal danni intiż għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu allegatament sostnut minħabba t-trattament mill-Ombudsman Ewropew ta’ ilment, l-ammissibbiltà tal-imsemmi rikors ma tistax tkun affettwata mill-fatt li l-Ombudsman għadu ma ddeċidiex b’mod definittiv f’dak li jirrigwarda ċerti punti li kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni ex officio miftuħa minn dan bil-għan li jivverifika jekk kienx hemm każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa ta’ dan tal-aħħar fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti.

(ara l-punti 59, 60)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 68, 69)

4.      Fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fir-rigward tar-rekwiżit dwar l-aġir illegali ta’ istituzzjoni, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li l-għan tagħha huwa li tagħti drittijiet lill-individwi. Dan ir-rekwiżit dwar in-natura protettriċi, huwa ssodisfatt ladarba d-dispożizzjoni legali miksura, filwaqt li essenzjalment tikkonċerna interessi ta’ natura ġenerali, tiżgura wkoll il-protezzjoni tal-interessi individwali tal-persuni kkonċernati. Issa, fir-rigward tal-prinċipju ta’ diliġenza jew tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, dan il-prinċipju u dan id-dritt huma evidentement ta’ natura protettriċi fir-rigward tal-individwi. Dan jgħodd ukoll fir-rigward tar-regoli li jirregolaw l-investigazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew, peress li dawn ir-regoli jippermettu li individwu jressaq l-ilmenti dwar każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina u li jkun informat bir-riżultati tal-investigazzjonijiet mwettqa f’dan ir-rigward mill-Ombudsman.

(ara l-punti 70, 88)

5.      Fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-Ombudsman Ewropew fir-rigward tal-bidu u tal-portata tal-investigazzjonijiet li għandhom jitwettqu kif ukoll fir-rigward tal-mezzi ta’ investigazzjoni li għandhom jintużaw, huwa biss ksur manifest u serju tal-limiti tas-setgħa ta’ investigazzjoni mogħtija lilu mill-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 94/262, rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman, u mill-Artikoli 4.1, 5 u 9.2 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni adottati mill-Ombudsman skont l-Artikolu 14 tal-imsemmija deċiżjoni li jista’ jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

Madankollu, peress li l-Ombudsman għandu jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu fil-qasam ta’ investigazzjoni fl-osservanza tar-regoli superjuri tad-dritt tal-Unjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti mid-Deċiżjoni 94/262 u mid-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ investigazzjoni li għandhom jiġu adottati għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu ma jeżentahx mill-obbligu ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ diliġenza. Issa, għalkemm l-Ombudsman jista’ jiddeċiedi liberament li jibda investigazzjoni u għalkemm, jekk jiddeċiedi li jagħmel dan, huwa jista’ jadotta l-miżuri ta’ investigazzjoni kollha li jqis iġġustifikati, madankollu huwa għandu jiżgura ruħu li, wara dawn il-miżuri ta’ investigazzjoni, huwa jkun f’pożizzjoni li jeżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti sabiex jiddeċiedi dwar il-fondatezza ta’ allegazzjoni dwar każ ta’ amministrazzjoni ħażina u dwar l-eventwali segwitu li għandu jingħata lil dawn l-allegazzjonijiet. L-osservanza tal-prinċipju ta’ diliġenza mill-Ombudsman fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu huwa iktar u iktar importanti peress li huwa ngħata speċifikatament, abbażi tal-Artikolu 228(1) TFUE, u tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 94/262, il-kompitu li jiżvela u li jipprova jelimina każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-interess ġenerali u fl-interess taċ-ċittadin ikkonċernat.

Għalhekk, l-Ombudsman ma għandux marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-osservanza, f’każ partikolari, tal-prinċipju ta’ diliġenza. Konsegwentement, sempliċi ksur ta’ dan il-prinċipju huwa suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni. Għalhekk, kull irregolarità mwettqa mill-Ombudsman fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ investigazzjoni tiegħu ma tikkostitwixxix ksur tal-imsemmi prinċipju. Hija biss irregolarità li l-konsegwenza tagħha tkun li huwa ma setax jeżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti sabiex jiddeċiedi dwar il-fondatezza ta’ allegazzjoni dwar każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa ta’ istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni u dwar l-eventwali segwitu li għandu jingħata lil din l-allegazzjoni li tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza.

(ara l-punti 78-80, 85-87)

6.      Fil-każ fejn istituzzjoni tal-Unjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi huwa ta’ importanza fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm b’mod partikolari l-osservanza tal-prinċipju ta’ diliġenza, jiġifieri, l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni.

F’dan ir-rigward, l-osservanza tad-dmir tal-istituzzjoni inkwistjoni li tiġbor, b’mod diliġenti, l-elementi fattwali indispensabbli għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, kif ukoll l-istħarriġ f’dan ir-rigward mill-qorti tal-Unjoni huma iktar u iktar importanti meta l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali jkun suġġett biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat fir-rigward tal-mertu, stħarriġ li jkopri biss l-eżistenza ta’ żball manifest. Għalhekk, l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti teżamina b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami jikkostitwixxi kundizzjoni preliminari indispensabbli sabiex il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ tivverifika jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa kinux issodisfatti.

(ara l-punti 83, 84)

7.      L-Ombudsman Ewropew ma kienx awtomatikament obbligat, fil-kuntest ta’ investigazzjoni ex officio, li jieqaf jinvestiga meta persuna kkonċernata minn din l-investigazzjoni tkun topponiha. Issa, l-ebda dispożizzjoni tad-Deċiżjoni 94/262, rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman, u tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni adottati mill-Ombudsman skont l-Artikolu 14 tal-imsemmija deċiżjoni ma timponi fuq l-Ombudsman l-obbligu li jikseb il-kunsens tal-lanjanti sabiex jinvestiga istituzzjoni jew korp tal-Unjoni. Bl-istess mod, l-ebda dispożizzjoni ma timponi fuq l-Ombudsman l-obbligu li jinvestiga ex officio biss meta dan ikun iġġustifikat minn interess pubbliku superjuri.

Madankollu, id-dmir tiegħu li jinvestiga b’diliġenza jimponilu li jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti meta huwa jwettaq atti ta’ investigazzjoni. Fost dawn l-elementi hemm l-attitudni tal-persuni kkonċernati u l-interess pubbliku tal-investigazzjoni. L-Ombudsman għandu setgħa diskrezzjonali fit-tweżin ta’ dawn l-elementi sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li jkompli investigazzjoni.

(ara l-punti 155, 156)

8.      Għalkemm il-qorti tal-Unjoni għandha l-ġurisdizzjoni li teżamina jekk ċerti aġiri tal-istituzzjonijiet jistgħux jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni, madankollu hija ma għandhiex ġurisdizzjoni li tikkonstata, abbażi ta’ dawn l-aġiri, delitt. Għaldaqstant, l-allegazzjoni li timplika konstatazzjoni mill-Qorti Ġenerali li l-Ombudsman rrenda ruħu ħati tad-delitt ta’ falsifikazzjoni u użu ta’ dokumenti foloz, hija inammissibbli.

(ara l-punt 165)

9.      Skont l-Artikolu 13.3 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni adottati mill-Ombudsman Ewropew skont l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni 94/262, rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman, il-lanjanti ma għandux aċċess għad-dokumenti jew għall-informazzjoni li l-Ombudsman jikseb mingħand l-istituzzjonijiet matul l-investigazzjoni tiegħu meta dawn jiġu identifikati bħala kunfidenzjali għall-attenzjoni tal-Ombudsman. L-Artikolu 10.1 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni jipprevedi li l-Ombudsman għandu jikklassifika lment bħala kunfidenzjali fuq talba tal-lanjanti. L-imsemmija dispożizzjonijiet ma jipprevedu l-ebda eċċezzjoni jew proċedura speċifika sabiex tiġi vverifikata l-fondatezza tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali.

Konsegwentement, l-Ombudsman ma għandux is-setgħa li jikkontesta t-talbiet tal-istituzzjonijiet sabiex ċerti dokumenti jew ċerta informazzjoni tiġi trattata b’mod kunfidenzjali fir-rigward tal-lanjanti bl-istess mod bħalma l-Ombudsman ma għandux is-setgħa li jikkontesta talba sabiex ilment ta’ lanjanti jingħata trattament kunfidenzjali.

Madankollu, meta f’deċiżjoni l-Ombudsman jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq elementi kunfidenzjali u meta lanjant jikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni, l-Ombudsman ma jistax validament jinvoka, kontra l-ilmenti tal-lanjant, raġunijiet ibbażati fuq elementi kunfidenzjali li għalihom ma għandhomx aċċess il-lanjant u l-qorti. Fil-fatt, jekk l-Ombudsman jopponi l-komunikazzjoni ta’ kull jew parti minn dawn l-elementi minħabba li huma kunfidenzjali, il-qorti tal-Unjoni għandha tagħmel eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata biss abbażi tal-elementi li ġew ikkomunikati lilha.

(ara l-punti 178, 179, 181)

10.    Minn qari flimkien tal-Artikoli 29 u 30 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li hija l-Awtorità tal-Ħatra li għandha tiddetermina l-perijodu ta’ validità ta’ lista ta’ kandidati xierqa li tirriżulta minn kompetizzjoni. L-imsemmija awtorità għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha tiġi eżerċitata fl-osservanza tal-prinċipji ġenerali, bħal prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ dmir ta’ motivazzjoni.

(ara l-punt 193)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 198)

12.    Il-fatt li, matul investigazzjoni, spjegazzjoni mogħtija minn istituzzjoni lill-Ombudsman Ewropew tista’ tidher konvinċenti, ma jeżentax lill-Ombudsman mir-responsabbiltà li jiżgura ruħu li l-fatti li fuqhom hija bbażata din l-ispjegazzjoni jkunu minnhom meta l-imsemmija spjegazzjoni tkun tikkostitwixxi l-unika bażi tal-konstatazzjoni tagħha ta’ assenza ta’ każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-imsemmija istituzzjoni. Għalhekk, l-Ombudsman ma aġixxiex bid-diliġenza kollha meħtieġa meta kkonstata assenza ta’ każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa ta’ istituzzjoni meta aċċetta l-ispjegazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tar-reklutaġġ mill-kompetizzjoni mingħajr ma rċieva elementi li jikkonfermaw id-data tar-reklutaġġ ta’ kull wieħed minn dawn il-kandidati li għaddew u meta rriżulta li dawn l-ispjegazzjonijiet kienu infondati. Dan in-nuqqas ta’ diliġenza jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni fir-rigward tal-aġir tal-Ombudsman.

Għall-kuntrarju, il-fatt li l-Ombudsman żbaljatament aċċetta d-dikjarazzjonijiet l-istituzzjoni kkonċernata ma jurix suffiċjentement skont il-liġi l-eżistenza tal-mala fides tal-Ombudsman jew ir-rieda ta’ dan tal-aħħar li jaħbi l-ħtija tiegħu.

(ara l-punti 204, 205, 236)

13.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 214, 329)

14.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 247)

15.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 252)

16.    Il-Kodiċi ta’ kondotta tajba ma huwiex test leġiżlattiv iżda riżoluzzjoni tal-Parlament li introduċiet emendi għal proġett li kien ġie ppreżentat lilu mill-Ombudsman Ewropew u li jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva f’dan ir-rigward. F’dan ir-rigward, billi adotta dan il-kodiċi l-għan tal-Ombudsman ma kienx li jistabbilixxi dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lill-individwi. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi kodiċi ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li l-għan tagħha huwa li tagħti drittijiet lill-individwi li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni. Huwa biss sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi kodiċi jikkostitwixxu l-espressjoni tad-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba kif sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li dawn jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

Għalhekk, fir-rigward tar-regola li tgħid li kull ittra mibgħuta lil istituzzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ konferma ta’ rċevuta fi żmien ġimagħtejn, sanċita fl-Artikolu 14 tal-kodiċi ta’ mġieba tajba, din hija sempliċi regola formali li ma hijiex prevista espliċitament fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ din ir-regola ma jistax għalhekk jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li l-għan tagħha huwa li tagħti drittijiet lill-individwi li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

(ara l-punti 263-265)

17.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 273, 274)

18.    Fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, rabta kawżali tkun stabbilita meta jkun hemm rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni u d-dannu invokat, rabta li għandha tiġi pprovata mir-rikorrent. Għalhekk l-aġir ikkontestat għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu.

Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tar-rabta kawżali bejn dannu li jikkonsisti fit-telf ta’ opportunità għal kandidat f’kompetizzjoni li jiġi rreklutat u fl-iżbalji mwettqa mill-Ombusdman Ewropew, meta l-kawża determinanti tad-dannu tinsab fl-aġir tal-istituzzjoni tal-Unjoni li organizzat il-kompetizzjoni u mhux fl-aġir tal-Ombudsman Ewropew. Fil-fatt, għalkemm l-Ombudsman kellu jikkoopera mal-imsemmija istituzzjoni sabiex tinstab soluzzjoni bonarja u, meta dan ma jkunx possibbli, jifformula kritika jew jistabbilixxi rapport, l-ebda waħda minn dawn il-miżuri ma hija legalment vinkolanti. Il-fatt li l-kooperazzjoni twassal għal soluzzjoni bonarja jiddependi kemm fuq l-Ombudsman kif ukoll fuq l-istituzzjoni kkonċernata. Issa, peress li l-miżuri li l-Ombudsman jista’ jadotta fil-konfront tal-imsemmija istituzzjoni ma humiex vinkolanti, dawn il-miżuri ma jistgħux jitqiesu bħala l-kawża determinanti tad-dannu li jikkonsisti fit-telf tal-opportunità li r-rikorrenti tiġi rreklutata.

Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument li l-istituzzjoni kkonċernata dejjem segwiet ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman u li rifjut seta’ jservi ta’ bażi għal azzjoni għad-danni kontra l-imsemmija istituzzjoni. Fil-fatt, anki li kieku dan ġie pprovat, dan xorta waħda ma jipprovdix rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-illegalitajiet imwettqa mill-Ombudsman u t-telf tal-opportunità li r-rikorrenti tiġi rreklutata.

(ara l-punti 275, 281, 284-286)

19.    It-tniżżil ta’ isem kandidat li għadda fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat minn kompetizzjoni ma jagħtihx id-dritt li jiġi rreklutat. Is-setgħa diskrezzjonali li l-istituzzjonijiet għandhom fil-qasam ta’ reklutaġġ ta’ kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet tipprekludi tali dritt. Konsegwentement, id-danni sostnuti minħabba nuqqas li jaffettwa t-tniżżil ta’ isem persuna f’lista ta’ kandidati xierqa li tirriżulta minn kompetizzjoni ma jistax ikun ekwivalenti għal-lucrum cessans li jirriżulta mit-telf ta’ dan id-dritt.

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li huwa diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, li jiġi ddefinit metodu li jippermetti li tiġi kkwantifikata b’eżattezza l-possibbiltà ta’ reklutaġġ f’impjieg fi ħdan istituzzjoni u, konsegwentement, li jiġi evalwat id-dannu li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità, ma jistax jiġi dedott li talba għad-danni minħabba telf ta’ opportunità għandha tiġi miċħuda awtomatikament għaliex inammissibbli u infondata.

(ara l-punti 277, 280)

20.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 290-293)