Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Novembru 2022 – Giuffrida vs L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

(Kawża T-676/22)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Carmela Giuffrida (Catania, l-Italja) (rappreżentant: S. Petillo, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kulleġġ Nru 38/2022 tal-14 ta’ Settembru 2022 u kkomunikata permezz ta’ messaġġ elettroniku fis-16 ta’ Settembru 2022 li biha l-UPPE (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew) ċaħad b’mod mhux ġustifikat il-ħatra ta’ Dr. Carmela Giuffrida fil-kariga ta’ Prosekutur Delegat Ewropew fis-sede ta’ Bari skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament UPPE 1 ;

tikkumpensa lil Dr. Giuffrida għad-danni sostnuti li jirriżultaw kemm mid-dewmien fil-konklużjoni tal-proċeduri kif ukoll mir-rifjut illegali tal-ħatra tagħha bi ħsara konsegwenti għar-reputazzjoni tagħha, li huma kkwantifikati għal EUR 445.94 bħala danni materjali u EUR 50 000 bħala danni morali fir-rigward tar-reputazzjoni tagħha għal total ta’ EUR 50 445.94.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Motivazzjoni kontradittorja.

Id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ħatra ta’ Dr. Carmela Giuffrida bħala Prosekutur Delegat Ewropew tal-UPPE għas-sede ta’ Bari tidher li hija nieqsa minn motivazzjoni peress li r-rikorrenti wettqet il-funzjoni mitluba fuq livell nazzjonali għal tmien snin mit-30 ta’ Settembru 1999 sat-8 ta’ Jannar 2008. Matul il-perijodu kollu li fih hija eżerċitat r-rwol tagħha hija ttrattat speċifikament reati li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji Ewropej.

Mill-ittra ta’ motivazzjoni li r-rikorrenti bagħtet sabiex tissupplimenta u tikkjarifika l-curriculum vitae tagħha, jirriżulta li matul il-perijodu msemmi preċedentement hija kienet tagħmel parti mill-grupp ta’ ħidma mwaqqaf mill-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Catania li kien jittratta r-reati msemmija fl-Artikolu 640a, jiġifieri frodi komunitarji u, konsegwentement, ir-reati kollha konnessi ma’ dan.

It-tieni motiv ibbażat fuq differenza fit-trattament.

Ir-rikorrenti tilmenta dwar differenza fit-trattament meta mqabbel ma’ kollegi oħra Taljani li ġew rreklutati.

Ta’ min jiġi nnotat li, sena biss qabel, permezz ta’ sejħa għar-reklutaġġ preċedenti ta’ Prosekuturi Delegati Ewropej (PED) Taljani, l-uffiċċju tal-UPPE impjega ħmistax-il maġistrat, fuq il-bażi tas-sempliċi ħatra mill-Consiglio Superiore della Magistratura (il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, l-Italja) (CSM) u mingħajr ma’ wieħed mill-membri tal-ġudikatura msemmija qabel ġie mistieden għal intervista.

It-tielet motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter.

Ir-rikorrenti tilmenta li, minkejja l-ħatra miċ-CSM, istituzzjoni li taf il-karriera kollha ta’ Dr. Giuffrida peress li għandha l-fajl personali tagħha u li ħatritha preċiżament fuq il-bażi ta’ dan l-għarfien, il-Kulleġġ ta’ Prosekuturi Ewropej ċaħad din id-deċiżjoni mingħajr ma lanqas kiseb kwalunkwe informazzjoni mill-istituzzjonijiet Taljani, bi ksur tal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kulleġġ 13/2020 dwar il-proċeduri għar-reklutaġġ ta’ Prosekuturi Delegati Ewropej.

It-tielet motiv ibbażat fuq talba għal danni materjali u fuq il-ħsara għar-reputazzjoni.

–    L-istennija għalxejn għat-tmiem tal-proċedura tal-UPPE, ikkawżat lir-rikorrenti dannu kunsiderevoli kemm mil-lat professjonali kif ukoll mill-aspett tal-ħajja personali tagħha.

–    Dr. Giuffrida tenfasizza l-ħsara irreversibbli kkawżata anki jekk din il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda u hija kellha tiġi impjegata mill-UPPE. Id-dewmien fir-reklutaġġ tagħha fil-fatt jinvolvi telf ta’ professjonaliżmu speċifiku fil-pożizzjoni tal-PED meta mqabbel ma’ kollegi diġà rreklutati u wkoll u konsegwentement dewmien fil-progress salarjali tagħha li huwa mistenni jseħħ kull tliet snin.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (GU 2017, L 283, p. 1).