Language of document : ECLI:EU:T:2015:743

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

2 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Trade mark figurattiva Darjeeling — Trade marks Komunitarji kollettivi, verbali u figurattiva, preċedenti DARJEELING — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑624/13,

The Tea Board, stabbilita f’Calcutta (l-Indja), irrappreżentata minn A. Nordemann u M. Maier, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Palmero Cabezas, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Delta Lingerie, stabbilita f’Cachan (Franza), irrappreżentata minn G. Marchais u P. Martini-Berthon, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tas-17 ta’ Settembru 2013 (Każ R 1504/2012‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn The Tea Board u Delta Lingerie,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President, M. Kancheva u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Novembru 2013,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Mejju 2014,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ April 2014,

wara d-digriet tal-24 ta’ Ottubru 2014 li jgħaqqad il-Kawżi T‑624/13 sa T‑627/13 għall-finijiet tal-proċedura orali,

wara s-seduta tal-11 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-22 ta’ Ottubru 2010, l-intervenjenti, Delta Lingerie, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv riprodott hawn isfel, li jinkludi l-element verbali “darjeeling”, b’ittri bojod, f’rettangolu ta’ kulur aħdar ċar:

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 25, 35 u 38 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 25: “Ħwejjeġ ta’ taħt tan-nisa u lbies ta’ taħt tan-nisa ta’ bin-nhar u tal-lejl, b’mod partikolari panċieri, bodies, kriepet, korpi, riċipetti, qliezet ta’ taħt, G-strings, tangas, brassieres, shorties, boxer shorts, ċinturini bit-takkalji, suspenders, ġarrettieri, camisoles, piġamijiet tan-nisa li jaslu sal-ġenbejn, tajts, kalzetti tan-najlon, malji tal-għawm, ħwejjeġ, ħwejjeġ maħdumin bis-suf, bjankerija ta’ taħt, flokkijiet, T-shirts, bodices, busti, piġamijiet qosra, pelliċċji, overalls, settijiet, ġersijiet, leotards, piġamijiet, ilbies tal-irqad, qliezet, qliezet ta’ ġewwa, xalel, ġagagi, ġagagi tal-banju, malji tal-għawm, qliezet tal-għawm, dbielet ta’ taħt, xalel”;

Klassi 35: “Servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ ħwejjeġ ta’ taħt tan-nisa u ta’ lbies ta’ taħt tan-nisa, fwejjaħ, ilmijiet tal-fwieħa u kosmetiċi, bjankerija tad-dar u tal-banju, servizzi ta’ konsulenza fir-rigward tal-kreazzjoni u l-operat ta’ stabbilimenti tal-bejgħ u ta’ stabbilimenti tax-xiri għall-bejgħ bl-imnut u għar-reklamar, servizzi ta’ promozzjoni tal-bejgħ (għal terzi), reklamar, ġestjoni tan-negozju, amministrazzjoni tan-negozju, reklamar online fuq netwerk tal-informatika, distribuzzjoni ta’ materjal promozzjonali (fuljetti, prospetti, ġurnali b’xejn, kampjuni), servizzi ta’ abbonament ma’ ġurnali għal terzi, informazzjoni jew stħarriġ dwar in-negozju, organizzazzjoni ta’ avvenimenti, ta’ esibizzjonijiet għall-finijiet kummerċjali jew promozzjonali, kiri ta’ spazju promozzjonali, reklamar radjofoniku u televiżiv, sponsorizzazzjoni promozzjonali”;

–        Klassi 38: “Telekomunikazzjonijiet, trażmissjoni ta’ messaġġi u ta’ immaġni permezz tal-kompjuter, servizzi ta’ xandir interattiv dwar il-preżentazzjoni ta’ prodotti, komunikazzjoni permezz ta’ terminals tal-kompjuter, komunikazzjoni (trażmissjoni) fuq netwerk informatiku globali, miftuħ u magħluq”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 4/2011, tas-7 ta’ Jannar 2011.

5        Fis-7 ta’ April 2011, ir-rikorrenti, The Tea Bord, entità stabbilita mil-Liġi Indjana dwar it-te (Liġi Nru 29 tal-1953) awtorizzata tamministra l-produzzjoni tat-te, ippreżentat oppożizzjoni skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-prodotti u għas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:

–        it-trade mark Komunitarja kollettiva verbali preċedenti DARJEELING li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni fis-7 ta’ Marzu 2005 u rreġistrata fil-31 ta’ Marzu 2006 bin-Numru 4325718.

–        it-trade mark Komunitarja kollettiva figurattiva preċedenti, li saret applikazzjoni għaliha fl-10 ta’ Novembru 2009, irreġistrata fit-23 ta’ April 2010 bin-Numru 8674327 u riprodotta kif ġej:

Image not found

7        Iż-żewġ trade marks Komunitarji kollettivi jkopru prodotti li jaqgħu fil-klassi 30 u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Te”.

8        Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk stabbiliti fl-Artikolu 8(1) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009.

9        Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-provi prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell, l-element verbali “darjeeling”, jiġifieri l-element verbali komuni għas-sinjali inkwistjoni, jikkostitwixxi indikazzjoni ġeografika protetta għat-te, irreġistrata permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1050/2011, tal-20 ta’ Ottubru 2011, li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Darjeeling (IĠP)] (ĠU L 276, p. 5), wara applikazzjoni riċevuta fit-12 ta’ Novembru 2007. Dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ġie adottat abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006, tal-20 ta’ Marzu 2006, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 335M, p. 213), li fil-frattemp ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, p. 1).

10      Fl-10 ta’ Lulju 2012, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni peress li, minn naħa, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009, il-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni ma kinux jixxiebhu u li, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament, il-provi prodotti mir-rikorrenti ma kinux biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade marks kollettivi preċedenti mal-pubbliku rilevanti.

11      Fl-10 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrenti ppreżentat appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009.

12      B’deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell u kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. B’mod partikolari, huwa kkonkluda li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni, ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Bl-istess mod, huwa ċaħad l-allegat ksur tal-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament, abbażi tal-fatt li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma kinux biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu kienu ssodisfatti.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

14      L-UASI jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15      L-intervenjenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà tad-dokumenti u tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

16      Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti tipproduċi, fost l-oħrajn, żewġ immaġni, riprodotti fil-kontenut tar-rikors u li jirrappreżentaw il-faċċata ta’ ħanut tal-bejgħ wieħed jew iktar tal-intervenjenti, żewġ immaġni, riprodotti fil-kontenut tar-rikors u użati għall-finijiet promozzjonali mill-intervenjenti, diversi paġni minn sit internet intitolat “Lingerie Stylist Blog” (Anness 7), kif ukoll diversi paġni minn sit internet intitolat “TheStriversRow” (Anness 8). Dawn il-provi, kif ikkonfermat ir-rikorrenti matul is-seduta, ma ġewx riprodotti quddiem l-istanzi tal-UASI.

17      L-UASI jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dawn l-immaġni u annessi, kif ukoll is-saħħa probatorja tagħhom. Min-naħa tagħha, l-intervenjenti tikkunsidra li l-provi msemmija iktar ’il fuq ma humiex rilevanti għall-kawża ineżami.

18      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009 u l-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu jeżistu fid-data li fiha ġie adottat l-att, peress li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex dik li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, il-provi msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu miċħuda mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata s-saħħa probatorja tagħhom [digriet tas-7 ta’ Frar 2013, Majtczak vs Feng Shen Technology u UASI, C‑266/12 P, EU:C:2013:73, punt 45; ara sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, Ġabra, EU:T:2005:420, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata].

2.     Fuq il-mertu

19      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tieni wieħed fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) tal-istess regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

20      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ikkonstata żbaljatament li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, wara li qies li l-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni kienu kompletament differenti. Hija tallega, b’mod partikolari, li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade marks kollettivi li jaqgħu taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, billi, fil-każ inkwistjoni, wettaq l-istess tip ta’ evalwazzjoni li kien jagħmel sabiex jevalwa l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn żewġ trade marks individwali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark kollettiva bħat-trade marks preċedenti fil-kawża inkwistjoni tikkonsisti fil-garanzija li l-prodotti jew is-servizzi koperti minnha joriġinaw minn impriża li tinsab fiż-żona ta’ oriġini ġeografika indikata mit-trade mark ikkonċernata. Skont ir-rikorrenti, din il-funzjoni hija differenti ferm mill-funzjoni ta’ trade mark individwali, li tikkonsisti fil-garanzija lill-konsumatur tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi koperti.

21      Essenzjalment, ir-rikorrenti tikkunsidra li, minħabba l-funzjoni speċifika tat-trade marks kollettivi li jaqgħu taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, il-fatt li l-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni jistgħu jkollhom l-istess oriġini ġeografika għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa, bħala kriterju fil-kuntest tal-evalwazzjoni tax-xebh tagħhom u, min-naħa l-oħra, bħala fattur determinanti waqt l-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-probabbiltà ta’ konfużjoni tikkonsisti, bħal fil-każ inkwistjoni, fil-fatt li l-konsumaturi jistgħu jemmnu li l-prodotti, jew il-materja prima tagħhom, u s-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni għandhom l-istess oriġini ġeografika.

22      Għalhekk, ir-raġunament ippreżentat fil-kuntest tal-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi, sa fejn naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni, waqt ix-xebh tal-prodotti u tas-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni, l-oriġini tagħhom, attwali jew potenzjali, u b’dan il-mod, ma kkunsidrax il-funzjoni speċifika tat-trade marks kollettivi li jipproteġu oriġini ġeografika. Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti essenzjalment tallega li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta, waqt l-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-oriġini ġeografika, attwali jew potenzjali, tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni u b’dan il-mod, ma kkunsidrax il-funzjoni speċifika tat-trade marks kollettivi li jaqgħu taħt l-Artikolu 66(2) tal-imsemmi regolament.

23      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

 Fuq il-pubbliku rilevanti

24      Skont il-ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, bejn żewġ trade marks inkwistjoni, ma għandhiex tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ xebh, fl-astratt, tas-sinjali inkwistjoni u tal-prodotti jew servizzi koperti minnhom. L-evalwazzjoni ta’ din il-probabbiltà għandha pjuttost tkun ibbażata fuq il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti ser ikollu tal-imsemmija sinjali, prodotti jew servizzi [sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, ancotel. vs UASI – Acotel (ancotel.), T‑408/09, EU:T:2011:241, punt 29].

25      Partikolarment, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija tal-prodotti kkonċernati, li huwa ġeneralment informat u raġonevolment attent u prudenti. Il-pubbliku rilevanti għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni huwa magħmul minn utenti li jistgħu jużaw kemm il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti kif ukoll dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni (ara sentenza ancotel., punt 24 iktar ’il fuq, EU:T:2011:241, punti 37 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Fil-kawża inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda analiżi speċifika fir-rigward tal-pubbliku rilevanti u li l-Bord tal-Appell illimita ruħu li japprova b’mod sħiħ l-analiżi li saret għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, għandu jsir riferiment għad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li meta l-Bord tal-Appell japprova d-deċiżjoni tal-istanza inferjuri tal-UASI, din id-deċiżjoni kif ukoll il-motivazzjoni tagħha jagħmlu parti mill-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, liema kuntest huwa rikonoxxut mill-partijiet u jippermetti lill-qorti teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ ta’ legalità tagħha fir-rigward tal-mertu tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell [ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2011, ReValue Immobilienberatung vs UASI (ReValue), T‑487/09, EU:T:2011:317, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata].

27      Skont id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, is-servizzi li jaqgħu fil-klassi 35 huma offerti minn kumpanniji professjonali li joperaw fil-qasam tal-bejgħ bl-imnut, tar-reklamar, tal-amministrazzjoni u f’oqsma professjonali oħra. Fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 38, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tikkunsidra li dawn kienu intiżi għall-pubbliku fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet.

28      Fid-dawl tal-fatt li, fir-rigward tal-pubbliku rilevanti li lejh huma indirizzati l-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma wettqet ebda analiżi speċifika, għandu jiġi konkluż li hija kkunsidrat, impliċitament, li l-prodotti inkwistjoni kienu indirizzati għall-istess pubbliku.

29      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni jirriżulta li dan il-pubbliku, li lejh huma indirizzati kemm il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kif ukoll il-prodott kopert mit-trade marks preċedenti, huwa l-pubbliku ġenerali. Fil-fatt, waqt l-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kellha tiddefinixxi l-pubbliku kopert minn dawn tal-aħħar [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2007, Aktieselskabet af 21. November 2001 vs UASI – TDK Kabushiki Kaisha (TDK), T‑477/04, Ġabra, EU:T:2007:35, punt 48]. Għaldaqstant, hija kkunsidrat li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma kinux jindikaw rikonoxximent tat-trade marks preċedenti fost il-pubbliku ġenerali tat-territorju rilevanti, jiġifieri l-pubbliku ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

30      Għaldaqstant, sa fejn il-Bord tal-Appell approva b’mod sħiħ id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi konkluż li l-prodotti koperti mis-sinjali inkwistjoni kienu indirizzati għall-istess pubbliku, jiġifieri l-pubbliku ġenerali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti hija tal-istess fehma bħal dan l-approċċ sa fejn hija ssostni li t-te u l-ħwejjeġ għandhom l-istess konsumaturi. Fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 38 u koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, impliċitament, kif huwa kkonfermat mill-UASI fir-risposta tiegħu, li dawn huma ġeneralment indirizzati lil pubbliku ta’ professjonisti.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li xejn ma jikkonfuta l-konklużjonijiet ikkonfermati mill-Bord tal-Appell dwar dan il-punt li, fi kwalunkwe każ, ma humiex ikkontestati mill-partijiet fil-kawża.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

32      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jekk issir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma għandhiex tiġi rreġistrata jekk, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti jew minħabba l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Barra minn hekk, jikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-fatt li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew impriżi li huma marbuta ekonomikament [ara sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2010, Muñoz Arraiza vs UASI – Consejo Regulador de la Denominación de Origen Calificada Rioja (RIOJAVINA), T‑138/09, Ġabra, EU:T:2010:226, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata].

33      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi l-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarji kollettivi. Skont l-Artikolu 66(1), “trade mark Komunitarja li hija hekk msejħa meta ssir l-applikazzjoni u li hija kapaċi tiddistingwi l-prodotti jew servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja ta’ dik il-marka minn dawk ta’ impriżi oħrajn” tista’ tikkostitwixxi tali trade mark. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li tali trade marks jistgħu jiġu ppreżentati minn “[a]ssoċjazzjonijiet ta’ fabbrikanti, produtturi, fornituri ta’ servizzi, jew negozjanti, skont il-liġi li tirregolahom, għandhom il-kapaċità li f’isimhom stess ikollhom drittijiet u obbligi ta’ kull xorta, li jidħlu f’kuntratti jew li jwettqu atti ġuridiċi oħra u li jfittxu u li jiġu mfittxa, kif ukoll persuni ġuridiċi regolati mil-liġi pubblika”. L-Artikolu 66(3) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament japplikaw għal trade marks Komunitarji kollettivi “sakemm l-Artikoli 67 sa 74 [tal-istess regolament] ma jipprovdux mod ieħor”.

34      L-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jippermetti r-reġistrazzjoni ta’ “sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi” bħala trade marks Komunitarji kollettivi fis-sens tal-Artikolu 66(1) u dan b’deroga mill-Artikolu 7(1)(c) tal-istess regolament, li jipprovdi li t-trade marks komposti esklużivament minn tali sinjali jew indikazzjonijiet ma għandhomx jiġu rreġistrati.

35      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, skont id-dispożizzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 flimkien ma’ dik tal-Artikolu 66(3) tal-istess regolament, trade mark Komunitarja kollettiva tibbenefika, bħal kull trade mark Komunitarja, mill-protezzjoni kontra kull ksur li jirriżulta mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li tinkludi probabbiltà ta’ konfużjoni (sentenza RIOJAVINA, punt 32 iktar ’il fuq, EU:T:2010:226, punt 22).

36      Kif fakkru l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali diversi drabi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi kemm identiċità jew xebh tat-trade marks inkwistjoni kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi li huma jkopru. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi [ara d-digriet tal-25 ta’ Novembru 2010, Lufthansa AirPlus Servicekarten vs UASI, C‑216/10 P, EU:C:2010:719, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, u sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2012, Consorzio vino Chianti Classico vs UASI – FFR (F.F.R.), T‑143/11, EU:T:2012:645, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata].

37      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk hemmx identiċità jew xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti li jikkaratterizzaw ir-rabta bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura, il-finalità, l-użu kif ukoll il-kompetittività jew il-komplementarità tagħhom [ara sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, Ġabra, EU:C:2008:739, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-21 ta’ Marzu 2013, Event vs UASI – CBT Comunicación Multimedia (eventer EVENT MANAGEMENT SYSTEMS), T‑353/11, EU:T:2013:147, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Fatturi oħra jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħall-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati jew anki l-fatt li l-prodotti ta’ sikwit jinbiegħu fl-istess stabbilimenti ta’ bejgħ speċjalizzati, li jista’ jiffaċilita l-perċezzjoni mill-konsumatur ikkonċernat ta’ rabtiet mill-qrib bejniethom u jsaħħaħ il-perċezzjoni li r-responsabbiltà tal-manifattura tagħhom hija tal-istess impriża [ara sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2013, Otero González vs UASI – Apli-Agipa (APLI-AGIPA), T‑522/11, EU:T:2013:325, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata].

38      Fil-kawża inkwistjoni, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni qieset li ma kienx hemm xebh bejn il-prodotti li koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li jaqgħu fil-klassi 25 koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-te, li kien l-uniku prodott kopert mit-trade marks preċedenti, minħabba n-natura rispettiva tagħhom, il-finalità tagħhom, il-kanali użati għall-finijiet tad-distribuzzjoni tagħhom u n-netwerk ta’ distributuri implikati, kif ukoll minħabba l-fatt li l-imsemmija prodotti la kienu komplementari u lanqas kompetittivi. Għaldaqstant, hija kkonkludiet li ma kien hemm ebda rabta bejn l-imsemmija prodotti. Hija waslet għall-istess konklużjoni fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 38 koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Il-Bord tal-Appell approva kompletament il-konklużjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. F’dan ir-rigward, huwa ċaħad l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-funzjoni essenzjali tat-trade marks kollettivi bħat-trade marks preċedenti li, skont ir-rikorrenti, kienu jaqgħu taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

39      Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti essenzjalment tibbaża r-raġunament tagħha fuq din il-“funzjoni essenzjali” tat-trade marks kollettivi bħat-trade marks preċedenti u ssostni li l-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni għandhom jitqiesu li huma simili peress li jistgħu possibbilment ikollhom l-istess oriġini ġeografika.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 8 tar-Regolament Nru 207/2009, l-għan tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark Komunitarja huwa, b’mod partikolari, li tiġi żgurata l-funzjoni tal-oriġini tat-trade mark. Din hija l-funzjoni essenzjali tagħha, li hija dik li tiġi ggarantita lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identiċità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert, li tippermettih jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli dan il-prodott jew servizz mill-prodotti li għandhom oriġini oħra [ara sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, American Clothing Associates vs UASI u UASI vs American Clothing Associates, C‑202/08 P u C‑208/08 P, Ġabra, EU:C:2009:477, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata].

41      Fil-kawża inkwistjoni, huwa paċifiku li l-element verbali “darjeeling” jista’ jservi, fin-negozju, sabiex jindika l-oriġini ġeografika tal-prodott koperti mit-trade marks preċedenti. Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata mir-raġunament tal-UASI bbażat fuq il-perċezzjoni possibbli ta’ din il-kelma minn parti mill-pubbliku, li ma tirrikonoxxix “darjeeling” bħala isem ġeografiku. Madankollu, minkejja li huwa minnu, kif tfakkar ġustament ir-rikorrenti, li l-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ġeografika hija dik li tiġi żgurata lill-konsumaturi l-oriġini ġeografika tal-prodotti u tal-kwalitajiet partikolari inerenti fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser‑Busch/Budějovický Budvar, C‑96/09 P, Ġabra, EU:C:2011:189, punt 147), dan ma japplikax għall-funzjoni essenzjali ta’ trade mark Komunitarja kollettiva. Il-fatt li din tal-aħħar tikkonsisti f’indikazzjoni li tista’ sservi sabiex tindika l-oriġini ġeografika ta’ prodotti koperti ma jikkonfutax il-funzjoni essenzjali ta’ kull trade mark kollettiva, kif tirriżulta mill-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri li ssir distinzjoni bejn il-prodotti jew is-servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija l-proprjetarju u l-prodotti jew servizzi ta’ assoċjazzjonijiet jew impriżi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza RIOJAVINA, punt 32 iktar ’il fuq, EU:T:2010:226, punti 26 u 27). Għaldaqstant, il-funzjoni ta’ trade mark Komunitarja kollettiva ma tinbidilx bħala konsegwenza tar-reġistrazzjoni tagħha skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009. B’mod speċifiku, sinjal Komunitarju kollettiv huwa sinjal li jippermetti li ssir distinzjoni tal-prodotti jew servizzi skont l-assoċjazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark u mhux skont l-oriġini ġeografika tagħhom.

42      Fil-fatt, minkejja li l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jintroduċi eċċezzjoni għall-Artikolu 7(1)(ċ) tal-istess regolament, billi jdgħajjef il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni filwaqt li jippermetti r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jiddeskrivu l-oriġini tal-prodotti koperti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2012, Organismos Kypriakis Galaktokomikis Viomichanias vs UASI – Garmo (HELLIM), T‑534/10, Ġabra, EU:T:2012:292, punt 51], l-imsemmi regolament huwa applikabbli, konformement mal-Artikolu 66(3), bla ħsara għal dispożizzjoni espressa, għat-trade marks Komunitarji kollettivi kollha, inkluż dawk irreġistrati skont l-Artikolu 66(2) tiegħu.

43      Konsegwentement, sa fejn ebda dispożizzjoni fil-kapitolu tar-Regolament Nru 207/2009 li jikkonċerna t-trade marks Komunitarji kollettivi ma tippermetti li jiġi konkluż li l-funzjoni essenzjali tat-trade marks Komunitarji kollettivi, inklużi dawk li jikkonsistu f’indikazzjoni li tista’ sservi sabiex tindika l-oriġini ġeografika tal-prodotti koperti, hija differenti minn dik ta’ trade marks Komunitarji individwali, għandu jitqies li l-funzjoni essenzjali tagħha, bħal dik ta’ trade marks Komunitarji individwali, hija li ssir distinzjoni tal-prodotti jew servizzi koperti skont l-entità speċifika li joriġinaw minnha u mhux skont l-oriġini ġeografika tagħhom.

44      Għaldaqstant, ir-rikorrenti żbaljatament tikkunsidra li trade mark Komunitarja kollettiva li tikkonsisti f’indikazzjoni li tista’ sservi sabiex tiġi indikata l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi koperti ma tistax tiddistingwi bejn il-prodotti jew servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija l-proprjetarju ta’ dik it-trade mark u dawk ta’ impriżi oħra.

45      Fil-fatt, skont l-Artikolu 67(2) tar-Regolament Nru 207/2009, l-applikant tat-trade mark Komunitarja kollettiva għandu jippreżenta regoli dwar l-użu tat-trade mark li għaliha ssir applikazzjoni, b’indikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ dan l-użu, tal-persuni awtorizzati jużaw din it-trade mark, kif ukoll tal-kundizzjonijiet ta’ affiljazzjoni mal-assoċjazzjoni li tkun qiegħda tapplika għar-reġistrazzjoni. Skont l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 207/2009, dawn ir-regoli dwar l-użu jistgħu, barra minn hekk, jiġu emendati mill-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja kollettiva. Għalhekk, il-kundizzjonijiet ta’ affiljazzjoni mal-assoċjazzjoni li hija l-proprjetarja tat-trade mark Komunitarja kollettiva huma wkoll, għat-trade marks li jaqgħu taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, irregolati mir-regoli dwar l-użu tagħha. Huwa minnu li, skont l-Artikolu 67(2) tar-Regolament Nru 207/2009, imsemmi iktar ’il fuq u ċċitat mir-rikorrenti, ir-regoli dwar l-użu ta’ trade mark li jaqgħu taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jawtorizzaw kull persuna li l-prodotti jew servizzi tagħha joriġinaw miż-żona ġeografika kkonċernata ssir membru tal-assoċjazzjoni li hija l-proprjetarja tat-trade mark. Madankollu, ir-Regolament Nru 207/2009 ma jipprekludix assoċjazzjoni proprjetarja ta’ trade mark Komunitarja li taqa’ taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 milli tkun tista’ tipprevedi, fir-regoli dwar l-użu ta’ din it-trade mark, li l-entitajiet jew il-persuni li jikkollaboraw ma’ entitajiet, li l-prodotti jew servizzi tagħhom joriġinaw miż-żona ġeografika kkonċernata jew li jużaw bħala materja prima l-prodotti tal-assoċjazzjoni proprjetarja tat-trade mark, jistgħu jissieħbu ma’ din l-assoċjazzjoni proprjetarja u jużaw din it-trade mark, mingħajr ma jkunu stabbiliti fir-reġjun tal-oriġini ġeografika indikata minn din tal-aħħar u mingħajr ma l-prodotti tagħhom joriġinaw direttament miż-żona ġeografika kkonċernata.

46      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-funzjoni tat-trade marks Komunitarji kollettivi li jaqgħu taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 tikkonsisti fid-distinzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn tali trade marks skont l-entità proprjetarja u mhux skont l-oriġini ġeografika tagħhom.

47      L-argument li r-rikorrenti tibbaża fuq sentenza tal-Bundesgerichtshof (Qorti tal-Ġustizzja Federali tal-Ġermanja), mogħtija fit-30 ta’ Novembru 1995 [Kawża I ZB 32/93; ippubblikata fl-1996, GRUR 270, 271 (MADEIRA)], li kkonstatat li trade mark kollettiva tiggarantixxi li l-prodotti li joriġinaw minn impriża li hija stabbilita fiż-żona ta’ oriġini ġeografika u li hija awtorizzata tuża t-trade mark kollettiva, għandu jiġi miċħud. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, is-sistema ta’ trade marks Komunitarji hija sistema awtonoma, magħmula minn sett ta’ regoli u li għandha għanijiet speċifiċi tagħha u li tapplika indipendentement minn kull sistema nazzjonali [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2007, Trek Bicycle vs UASI – Audi (ALLTREK), T‑158/05, EU:T:2007:143, punt 63].

48      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 7(1)(k) tar-Regolament Nru 207/2009, li jistabbilixxi, taħt kundizzjonijiet, raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja meta s-sinjal inkwistjoni jinkludi jew ikun kompost minn indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament Nru 510/2006, issostitwit bir-Regolament Nru 1151/2012, u lanqas l-Artikolu 164 tal-istess regolament li jirreferi, b’riferiment għall-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 510/2006, għar-rabta, minn naħa, bejn it-trade marks li għalihom ġiet ippreżentata applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u min-naħa l-oħra, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fis-sens ta’ dan l-aħħar regolament, ma huma rilevanti għall-każ ineżami. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ din il-kawża, ir-rikorrenti ma invokatx, quddiem l-istanzi tal-UASI, indikazzjoni ġeografika protetta fis-sens tar-Regolament Nru 510/2006, iżda introduċiet proċedura ta’ oppożizzjoni bbażata fuq it-trade marks Komunitarji kollettivi ċċitati fil-punt 6 iktar ’il fuq u fuq ir-raġunijiet relattivi għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009.

49      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi rrilevat, kif sostnew l-UASI u l-intervenjenti, li, meta, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, is-sinjali inkwistjoni jkunu, minn naħa, trade marks kollettivi u, min-naħa l-oħra, trade marks individwali, il-paragun tal-prodotti u tas-servizzi koperti għandu jsir skont l-istess kriterji bħal dawk li japplikaw meta jiġu evalwati x-xebh jew l-identiċità tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks individwali.

50      Għaldaqstant, għandha tiġi kkonfermata l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell fil-kawża preżenti, kif esposta fil-punt 38 iktar ’il fuq. Fil-fatt, huwa magħruf li, bħala regola ġenerali, il-ħwejjeġ u t-te la huma prodotti mill-istess impriżi u lanqas huma kkummerċjalizzati bl-istess trade marks. Għalhekk, ma jistax jitqies li manifattur tal-ħwejjeġ jopera wkoll fil-qasam tal-kultivazzjoni jew tal-kummerċjalizzazzjoni tat-te. Fi kliem ieħor, il-pubbliku rilevanti la ser jippreżumi li l-prodotti koperti mis-sinjali inkwistjoni għandhom l-istess oriġini kummerċjali u lanqas li l-istess impriża hija responsabbli għall-manifattura tagħhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2014, Repsol vs UASI – Adell Argiles (ELECTROLINERA), T‑308/13, EU:T:2014:965, punt 38]. Barra minn hekk, huwa evidenti li l-prodotti inkwistjoni ma humiex komplementari, li huma wisq inqas kompetittivi u li l-kanali ta’ distribuzzjoni tagħhom huma differenti.

51      Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punti 40 sa 47 iktar ’il fuq, ir-raġunament tar-rikorrenti, li l-possibbiltà li l-pubbliku jista’ jikkunsidra li l-prodotti jew is-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni għandhom l-istess oriġini ġeografika, tista’ tikkostitwixxi kriterju li jkun biżżejjed sabiex jiġu stabbiliti x-xebh jew l-identiċità tagħhom għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi miċħud.

52      Fil-fatt, kif jikkonferma l-UASI, gamma estremament wiesgħa ta’ prodotti u ta’ servizzi tista’ tiġi prodotta u pprovduta fl-istess żona ġeografika. Bl-istess mod, xejn ma jeskludi li reġjun li l-isem ġeografiku tiegħu huwa rreġistrat bħala trade mark Komunitarja kollettiva, skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ikun sors ta’ materja prima differenti, li tista’ tintuża bħall-finijiet tal-produzzjoni ta’ prodotti differenti u varji. Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, bħal dik evokata mir-rikorrenti, u kif tinvoka l-intervenjenti, tagħti lit-trade marks kollettivi, irreġistrati b’deroga mill-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009, protezzjoni assoluta, indipendentement mill-prodotti koperti mis-sinjali inkwistjoni u, għalhekk, tmur kontra l-kliem stess tal-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament.

53      Dan japplika wkoll għas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 35 u dawk li jaqgħu fil-klassi 38. Is-sempliċi possibbiltà li l-konsumatur medju jista’ jikkunsidra li s-servizzi inkwistjoni, jiġifieri s-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut proposti bit-trade mark DARJEELING, huma marbuta ma prodotti li joriġinaw miż-żona ġeografika bl-istess isem jew anki li s-servizzi ta’ telekomunikazzjoni pprovduti bl-istess trade mark huma marbuta mal-imsemmija żona ġeografika jew ser joffru informazzjoni dwarha ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit xebh bejn is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u l-prodott koperti mit-trade marks preċedenti.

54      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ir-rappreżentazzjoni grafika tal-element verbali “darjeeling”, inkluż fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u fuq ir-rabta li x-xebh tal-punti fuq l-ittri “j” u “i” ma’ weraq tat-te jista’ joħloq bejn it-te u l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-imsemmija punti effettivament jixbhu lil weraq, u b’mod partikolari weraq tat-te, u li huma joħolqu rabta bejn it-te u t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, din ir-rabta ma hijiex biżżejjed sabiex timplika xebh jew identiċità tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

55      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tallega li, waqt l-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-oriġini ġeografika, attwali jew potenzjali, tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni.

56      Fid-dawl tal-fatt li r-raġunament tar-rikorrenti, ippreżentat fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv ibbażata fuq ix-xebh tal-prodotti u tas-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni, ġie miċħud u li, konsegwentement, waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi pprovduti fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma hijiex issodisfatta, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li l-Bord tal-Appell ġustament eskluda l-applikazzjoni tiegħu.

57      Huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnhom. Għalhekk, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni jista’ jiġi kkumpensat b’livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċi versa (ara digrieti tas-27 ta’ April 2006, L’Oréal vs UASI, C‑235/05 P, EU:C:2006:271, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-2 ta’ Ottubru 2014, Przedsiębiorstwo Handlowe Medox Lepiarz vs UASI, C‑91/14 P, EU:C:2014:2261, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Madankollu, filwaqt li l-possibbiltà ta’ xebh tas-sinjali inkwistjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni globali, hija ma tistax, waħedha, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom [ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra, EU:C:1998:442, punt 22, u tas-16 ta’ Ottubru 2013, Mundipharma vs UASI – AFT Pharmaceuticals (Maxigesic), T‑328/12, EU:T:2013:537, punt 62]. Fil-fatt, ċertu livell ta’ xebh tal-prodotti u s-servizzi koperti, anki jekk minimu, għandu jiġi kkonstatat bejn il-prodotti u s-servizzi koperti sabiex ix-xebh kbir bejn is-sinjali inkwistjoni jew, skont il-każ, l-identiċità tagħhom, ikunu jimplikaw, fid-dawl tal-prinċipju tal-interdipendenza tal-fatturi, probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li trade mark kollettiva ma tistax tibbenefika minn protezzjoni msaħħa skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, meta jiġi kkonstatat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, li x-xebh tal-prodotti u tas-servizzi ma huwiex biżżejjed sabiex jimplika tali riskju (ara, b’anoloġija, rigward ix-xebh tas-sinjali, is-sentenza F.F.R., punt 36 iktar ’il fuq, EU:T:2012:645, punt 61). Għaldaqstant, anki f’evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks Komunitarji kollettivi u t-trade marks Komunitarji individwali, ix-xebh tas-sinjali inkwistjoni lanqas ma jista’, fid-dawl tal-prinċipju tal-interdipendenza tal-kriterji, jikkumpensa n-nuqqas ta’ xebh bejn il-prodott kopert mit-trade marks preċedenti u l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

60      Għandu wkoll, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punti 40 sa 43 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-funzjoni essenzjali tat-trade marks kollettivi li jaqgħu taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li, waqt l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn trade marks Komunitarji kollettivi u trade marks individwali, din il-probabbiltà ta’ konfużjoni ma tikkonsistix fil-fatt li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, skont il-każ, minn impriżi li huma marbuta ekonomikament, iżda fil-fatt li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew is-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni jew il-materja prima użata għall-manifattura tagħhom jistgħu jkollhom l-istess oriġini ġeografika.

61      Barra minn hekk, jekk jitqies li l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni tista’ tikkostitwixxi wieħed mill-fatturi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli, kif ġie enfasizzat iktar ’il fuq, meta, bħal fil-każ inkwistjoni, waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi previsti f’dan l-artikolu ma tkunx issodisfatta.

62      Iktar minn hekk, ma jistax jintlaqa’ l-argument ibbażat fuq livell allegatament għoli tal-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti. Huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, iktar ma jkun distintiv il-karattru ta’ trade mark, iktar tkun għolja l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn żewġ sinjali inkwistjoni (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra, EU:C:1997:528, punt 24; Canon, punt 58 iktar ’il fuq, EU:C:1998:442, punt 18, u tat-18 ta’ Lulju 2013, Specsavers International Healthcare et, C‑252/12, Ġabra, EU:C:2013:497, punt 36). Madankollu, anki jekk jitqies li, fil-kawża inkwistjoni, it-trade marks preċedenti kisbu karattru distintiv għoli, dan il-fatt ma jistax jikkumpensa n-nuqqas komplet ta’ xebh tal-prodotti u servizzi koperti mit-trade marks inkwistjoni.

63      Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009

64      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kinux issodisfatti fil-każ inkwistjoni.

65      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, “malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skont it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trade mark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti t-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni jkun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti”.

66      Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-funzjoni primarja ta’ trade mark hija dik tal-indikazzjoni tal-oriġini tagħha, kull trade mark għandha wkoll valur ekonomiku intrinsiku awtonomu u distint minn dak tal-prodotti jew servizzi li ġiet irreġistrata għalihom. Konsegwentement, l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jiżgura l-protezzjoni ta’ trade mark li għandha reputazzjoni fir-rigward ta’ kull applikazzjoni għal trade mark identika jew li tixxiebah li tista’ tippreġudika l-immaġni tagħha, anki jekk il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma jixbhux lil dawk li għaliha ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti [sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2007, Sigla vs UASI – Elleni Holding (VIPS), T‑215/03, Ġabra, EU:T:2007:93, punt 35, u tat-8 ta’ Diċembru 2011, Aktieselskabet af 21. november 2001 vs UASI – Parfums Givenchy (only givenchy), T‑586/10, EU:T:2011:722, punt 58].

67      Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-applikazzjoni tagħha hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, l-identiċità jew ix-xebh tat-trade marks inkwistjoni, it-tieni nett, l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti invokata insostenn tal-oppożizzjoni u, it-tielet nett, l-eżistenza ta’ riskju tal-użu mingħajr raġuni debita tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni li tislet vantaġġ mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew li tippreġudikahom. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi u n-nuqqas ta’ wieħed minnhom huwa biżżejjed sabiex irendi din id-dispożizzjoni inapplikabbli [ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Volvo Trademark vs UASI – Hebei Aulion Heavy Industries (LOVOL), T‑525/11, EU:T:2014:943, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata].

68      Barra minn hekk, l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jimplika li t-tliet tipi ta’ dannu li jirreferi għalihom, meta jseħħu, huma l-konsegwenza ta’ ċertu livell ta’ xebh bejn it-trade marks preċedenti u sussegwenti, li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jara konnessjoni bejn dawn it-trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom, minkejja li ma jikkonfondihomx [ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2012, Bimbo vs UASI – Grupo Bimbo (GRUPO BIMBO), T‑357/11, EU:T:2012:696, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata]. L-eżistenza ta’ tali rabta f’moħħ il-pubbliku rilevanti bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u t-trade mark preċedenti hija, konsegwentement, kundizzjoni impliċita essenzjali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 [ara s-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 2005, Spa Monopole vs UASI – Spa-Finders Travel Arrangements (SPA-FINDERS), T‑67/04, Ġabra, EU:T:2005:179, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Coca-Cola vs UASI – Mitico (Master), T‑480/12, Ġabra, EU:T:2014:1062, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata].

69      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari li għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv invokat mir-rikorrenti.

 Fuq il-pubbliku rilevanti

70      Għandu jiġi enfasizzat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, id-definizzjoni ta’ pubbliku rilevanti tikkostitwixxi, bħal fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, prerekwiżit neċessarju. B’mod iktar speċifiku, huwa fir-rigward ta’ dan il-pubbliku li għandhom jiġu evalwati l-eżistenza ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni, l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u, fl-aħħar nett, l-eżistenza ta’ rabta bejn is-sinjali inkwistjoni.

71      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-pubbliku rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ wieħed mid-danni msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ivarja skont it-tip ta’ dannu allegat mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti. Għalhekk, il-pubbliku rilevanti li fir-rigward tiegħu għandha ssir l-evalwazzjoni ta’ vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti huwa l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom intalbet it-trade mark sussegwenti (sentenza tat-12 ta’ Marzu 2009, Antartica vs UASI, C‑320/07 P, EU:C:2009:146, punti 46 sa 48). A contrario, fil-każ ta’ dannu għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, il-pubbliku li fir-rigward tiegħu għandha ssir l-evalwazzjoni huwa magħmul mill-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija rreġistrata din it-trade mark, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, Ġabra, EU:C:2008:655, punt 35).

72      Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet esposti fir-rigward tad-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv tar-rikorrenti u tal-fatt li l-partijiet fil-kawża ma jikkontestawx id-deċiżjoni kkontestata dwar dan il-punt, fil-fehma tiegħi għandu jitqies, minn naħa, fir-rigward tal-prodott kopert mit-trade marks preċedenti, li l-pubbliku rilevanti huwa magħmul mill-pubbliku ġenerali tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, li fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-pubbliku rilevanti għall-prodotti fil-klassi 25 huwa wkoll il-pubbliku ġenerali tal-konsumaturi tal-Unjoni, filwaqt li, għas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 38, il-pubbliku rilevanti huwa prinċipalment magħmul minn professjonisti fis-setturi rilevanti.

 Fuq ix-xebh tas-sinjali inkwistjoni

73      Fil-każ inkwistjoni, ma huwiex ikkontestat li, kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell, is-sinjali inkwistjoni huma identiċi fuq livell fonetiku u simili ħafna fuq livell viżwali. Dan japplika wkoll għall-paragun kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni. Fil-fatt, l-element verbali “darjeeling”, li huwa komuni għas-sinjali inkwistjoni, jista’ jirreferi kemm għall-varjetà tat-te Darjeeling kif ukoll jindika r-reġjun fl-Indja bl-istess isem.

 Fuq ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti

74      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ reputazzjoni. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), li l-kontenut leġiżlattiv tagħha huwa essenzjalment identiku għal dak tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, jirriżulta li, sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar ir-reputazzjoni, ma huwiex neċessarju li jintwera li, fil-moħħ tal-pubbliku kkonċernat, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti li tgawdi minn reputazzjoni u t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni (is-sentenza TDK, punt 29 iktar ’il fuq, EU:T:2007:35, punt 48).

75      Huwa minnu li f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex trade mark titqies li għandha reputazzjoni, ma huwiex neċessarju li tkun magħrufa minn perċentwali speċifiku tal-pubbliku rilevanti (ara s-sentenza TDK, punt 29 iktar ’il fuq, EU:T:2007:35, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha rilevanti tal-kawża, b’mod partikolari, is-sehem tas-suq miżmum mit-trade mark, l-intensità, il-portata ġeografika u t-tul tal-użu tagħha, kif ukoll il-kobor tal-investimenti mwettqa mill-impriżi sabiex tippromwoviha [ara sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, El Corte Inglés vs UASI – Pucci International (Emidio Tucci), T‑373/09, EU:T:2012:500, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata].

76      Kif tfakkar fil-punti 33 u 34 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-indikazzjonijiet li jistgħu jservu fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi koperti, ladarba jkunu rreġistrati bħala trade marks Komunitarji kollettivi skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u b’deroga mill-Artikolu 7(1)(ċ) tiegħu, bħal fir-rigward ta’ trade marks Komunitarji kollettivi, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament. Konsegwentement, kull evalwazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li taqa’ taħt l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 207/2009, inkluż l-evalwazzjoni tar-reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(5) tagħha, għandha ssir skont l-istess kriterji bħal dawk li japplikaw għal trade marks individwali.

77      Fil-każ inkwistjoni, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni sa fejn kienet fondata fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, billi qieset li, minkejja li ntwera użu tat-trade marks preċedenti, id-dokumenti u l-provi prodotti mir-rikorrenti pprovdew ftit informazzjoni dwar il-portata effettiva ta’ dan l-użu u ma kienx hemm biżżejjed indikazzjonijiet dwar il-livell ta’ rikonoxximent li kienu jibbenefikaw minnu t-trade marks preċedenti mill-pubbliku rilevanti. B’mod iktar speċifiku, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni qieset li r-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet biżżejjed indikazzjonijiet dwar il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq jew inkella l-portata tal-promozzjoni tat-trade marks preċedenti.

78      Min-naħa tiegħu, il-Bord tal-Appell, filwaqt li kkonstata li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma kinux jirreferu speċifikament għat-trade marks preċedenti, ikkonkluda li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni “kellha tqis li r-reputazzjoni li kienet tgawdi minnha Darjeeling bħala [indikazzjoni ġeografika protetta] għat-te kienet ġiet trażmessa lill-istess sinjal protett bħala trade mark kollettiva għal prodotti identiċi, minn tal-inqas fir-rigward tat-trade mark preċedenti”. Sussegwentement, huwa eskluda r-rilevanza tal-fatt allegat li n-numru ta’ prodotti bit-trade mark preċedenti mibjugħa fl-Ewropa ma kienx indikat, filwaqt li kkonstata li t-te Darjeeling kien “mibjugħ fl-[Ewropa], fejn kien igawdi reputazzjoni”. Għal dak li jikkonċerna b’mod speċifiku t-trade mark figurattiva preċedenti, il-Bord tal-Appell sostna li “sa fejn il-provi prodotti [kienu] jirreferu prinċipalment għall-element verbali Darjeeling”, il-fatt li t-trade mark figurattiva preċedenti kienet użata fl-Unjoni “ma [kienx biżżejjed] sabiex jiġi konkluż li hija [kienet] tgawdi minn reputazzjoni”. Fl-aħħar nett, qabel ma ssokta bl-analiżi tiegħu għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell sostna, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata li, “fi kwalunkwe każ, minkejja li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti ġiet ipprovata, il-kundizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 [ma kinux] issodisfatti”.

79      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-trade marks preċedenti jibbenefikawx jew le minn reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-kliem tad-deċiżjoni kkontestata huwa, minn tal-inqas, ambigwu. Fil-fatt, l-unika frażi li ma hijiex ambigwa f’dan il-kapitolu tad-deċiżjoni kkontestata hija dik iċċitata fil-punt 78 iktar ’il fuq u li ttieħdet mill-punt 24 tagħha. Minn din il-frażi jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma kkonkludiex b’mod definittiv li t-trade marks preċedenti kellhom reputazzjoni. Mistoqsi dwar dan il-punt matul is-seduta, l-UASI kkonferma n-nuqqas ta’ konklużjoni definittiva f’dan ir-rigward.

80      Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-Bord tal-Appell issokta bl-analiżi tiegħu għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jitqies li din l-analiżi kienet ibbażata fuq il-premessa ipotetika li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti kienet ġiet ipprovata.

81      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, filwaqt li tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni kumulattivi tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-reputazzjoni ta’ trade mark jew ta’ trade marks preċedenti u, b’mod partikolari, l-intensità tagħha tagħmel parti mill-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm waqt l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta ta’ assoċjazzjoni f’moħħ il-pubbliku bejn it-trade marks preċedenti u t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kif ukoll waqt l-evalwazzjoni tar-riskju li jitwettaq wieħed mit-tliet danni msemmija f’din l-istess dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi Intel Corporation, punt 71 iktar ’il fuq, EU:C:2008:655, punt 42, u Specsavers International Healthcare et, punt 62 iktar ’il fuq, EU:C:2013:497, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ reputazzjoni ta’ trade mark jew ta’ trade marks preċedenti tikkostitwixxi stadju indispensabbli fl-eżaminazzjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Konsegwentement, l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu timplika neċessarjament konklużjoni definittiva fir-rigward tal-eżistenza jew le ta’ tali reputazzjoni li, fil-prinċipju, teskludi li analiżi dwar il-possibbiltà ta’ evalwazzjoni ssir abbażi ta’ ipoteżi vaga, jiġifieri, ipoteżi li ma hijiex ibbażata fuq ir-rikonoxximent ta’ reputazzjoni b’livell speċifiku għoli.

83      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ inkwistjoni, il-Bord tal-Appell ma fformulax tali ipoteżi vaga. Fil-fatt, mill-kliem tal-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitat fil-punt 78 iktar ’il fuq, jirriżulta direttament li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq il-premessa ipotetika li t-trade marks preċedenti kienu jibbenefikaw minn reputazzjoni ta’ livell speċifiku ta’ intensità, jiġifieri l-intensità li tikkorrispondi ma’ dik li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni tipprova quddiem id-dipartimenti kompetenti tal-UASI.

84      Quddiem dawn id-dipartimenti, ir-rikorrenti kellha l-intenzjoni tipprova reputazzjoni b’livell eċċezzjonalment għoli ta’ intensità. Għandu jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, li fl-osservazzjonijiet magħmula insostenn tal-oppożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti sostniet, billi pproduċiet diversi provi, li t-te Darjeeling kien jitqies li huwa x-“xampanja tat-te” u li “DARJEELING [kien jibbenefika] sa minn iktar minn 150 sena minn reputazzjoni eċċezzjonali bħala te tal-aħjar kwalità”.

85      Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, għall-finijiet tat-tkomplija tal-analiżi tiegħu, fuq il-premessa ipotetika li t-trade marks preċedenti kienu jibbenefikaw minn reputazzjoni fit-territorju tal-Unjoni u li, barra minn hekk, kienet reputazzjoni li l-intensità tagħha kellha livell eċċezzjonalment għoli.

86      Il-Qorti Ġenerali għandha wkoll teżamina l-evalwazzjonijiet li saru abbażi ta’ din il-premessa ipotetika mill-Bord tal-Appell għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta f’moħħ il-pubbliku rilevanti bejn is-sinjali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ wieħed mit-tliet riskji msemmija fl-imsemmi artikolu.

 Fuq l-eżistenza ta’ rabta f’moħħ il-pubbliku

87      Skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u t-trade mark preċedenti għandha tiġi evalwata globalment, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti fil-każ inkwistjoni, fosthom il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade marks inkwistjoni, inkluż il-livell ta’ xebh jew in-nuqqas ta’ xebh bejn dawn il-prodotti jew servizzi, u l-pubbliku rilevanti, l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, il-livell ta’ karattru distintiv, intrinsiku jew miksub permezz tal-użu, tat-trade mark preċedenti u l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku [digriet tat-30 ta’ April 2009, Japan Tobacco vs UASI, C‑136/08 P, EU:C:2009:282, punt 26; sentenzi Intel Corporation, punt 71 iktar ’il fuq, EU:C:2008:655, punt 42, u tas-6 ta’ Lulju 2012, Jackson International vs UASI – Royal Shakespeare (ROYAL SHAKESPEARE), T‑60/10, EU:T:2012:348, punt 21].

88      Fin-nuqqas tal-eżistenza ta’ tali rabta ta’ assoċjazzjoni f’moħħ il-pubbliku, l-użu tat-trade mark sussegwenti ma jistax jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, jew jippreġudikahom (ara d-digriet Japan Tobacco vs UASI, punt 87 iktar ’il fuq, EU:C:2009:282, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Fil-każ inkwistjoni, minkejja li huwa stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata li t-tliet danni msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 “huma l-konsegwenza ta’ ċertu livell ta’ xebh bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark sussegwenti, li permezz tiegħu l-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn dawn iż-żewġ trade marks, jiġiferi jistabbilixxi rabta bejniethom”, ebda analiżi speċifika ma tirrigwarda l-eżistenza ta’ tali rabta.

90      L-UASI jsostni, fir-risposta tiegħu, li l-Bord tal-Appell impliċitament ċaħad l-eżistenza ta’ tali rabta. F’dan ir-rigward, huwa jevoka l-punti 29 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn il-punti, il-Bord tal-Appell kkunsidra, minn naħa, li fid-dawl tad-differenzi kbar ikkonstatati bejn il-prodotti u servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni, il-konsumaturi ma jippretendu li jkun hemm ebda rabta bejn il-produtturi tat-te u l-kumpannija tal-intervenjenti u min-naħa l-oħra, li, minħabba li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienu, minn perspettiva kummerċjali, kompletament distinti mill-prodotti tar-rikorrenti, “ma kienx probabbli li l-pubbliku rilevanti jistabbilixxi konnessjoni mentali” bejn it-trade marks.

91      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, li kieku l-Bord tal-Appell kien effettivament ikkonkluda li ma setgħetx tiġi stabbilita rabta bejn is-sinjali inkwistjoni, din il-konklużjoni kienet tkun suffiċjenti sabiex teskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, il-Bord tal-Appell issokta bl-analiżi tiegħu sabiex jevalwa l-eżistenza ta’ wieħed mit-tliet riskji msemmija f’dan l-artikolu.

92      Għaldaqstant, fid-dawl tal-ambigwità rrilevata fid-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward u l-fatt li l-Bord tal-Appell madankollu ssokta bl-analiżi tiegħu, għandu jitqies li, fir-rigward tal-eżistenza jew le ta’ rabta fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, huwa adotta l-istess approċċ kif kien għamel fl-evalwazzjoni tal-eżistenza jew le tal-possibbiltà ta’ reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, jiġifieri li huwa ssokta bl-analiżi tiegħu mingħajr ma wasal għal ebda konklużjoni definittiva rigward l-eżistenza jew le ta’ rabta bejn is-sinjali inkwistjoni, iżda abbażi ta’ premessa ipotetika li tali rabta setgħet tiġi stabbilita.

93      Qabel l-eżaminazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-aħħar kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ wieħed mit-tliet riskji msemmija f’din id-dispożizzjoni, huwa neċessarju li jsir sommarju ta’ dak li ntqal, billi jitfakkar li l-Bord tal-Appell issokta l-analiżi tiegħu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni billi bbaża ruħu fuq żewġ premessi ipotetiċi: l-ewwel nett, fuq il-fatt li t-trade marks preċedenti kienu jibbenefikaw minn reputazzjoni li l-intensità tagħha kienet dik li r-rikorrenti ddeskrivitilhom, jiġifieri eċċezzjonali, u t-tieni nett, li kien possibbli l-pubbliku rilevanti jistabbilixxi rabta bejn is-sinjali inkwistjoni.

 Fuq ir-riskji msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009

94      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jirreferi għal tliet tipi ta’ riskji distinti, jiġifieri li l-użu indebitu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, l-ewwel nett, jikkawża dannu lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, it-tieni nett, jikkawża dannu lir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew, it-tielet nett, jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa biżżejjed li jkun hemm wieħed minn dawn ir-riskji msemmija iktar ’il fuq sabiex tapplika din id-dispożizzjoni (sentenza VIPS, punt 66 iktar ’il fuq, EU:T:2007:93, punt 36).

95      Kif tfakkar fil-punt 71 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ riskju li l-ħsara kkawżata mid-dannu lill-karattru distintiv jew lir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti titwettaq għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, li jkun normalment informat u raġonevolment attent u prudenti. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ ħsara li tikkonsisti f’vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, sa fejn dak li huwa prekluż huwa l-vantaġġ miksub minn din it-trade mark mill-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti, għandha tiġi evalwata billi jsir riferiment għall-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti, li jkun normalment informat u raġonevolment attent u prudenti.

96      Barra minn hekk, minkejja li l-eżistenza ta’ rabta f’moħħ il-pubbliku bejn is-sinjali inkwistjoni tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, din ma hijiex biżżejjed, fiha nfisha, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ wieħed mit-tliet riskji msemmija f’din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza ROYAL SHAKESPEARE, punt 87 iktar ’il fuq, EU:T:2012:348, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks inkwistjoni ma tilliberax lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti milli jipproduċi prova ta’ ħsara effettiva u attwali għat-trade mark tiegħu fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jew ta’ riskju serju li tali ħsara ser isseħħ fil-futur (ara, b’analoġija, is-sentenza Intel Corporation, punt 71 iktar ’il fuq, EU:C:2008:655, punt 71).

97      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għan tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma huwiex li tiġi prekluża r-reġistrazzjoni ta’ kull trade mark identika għal trade mark magħrufa jew li tixbaha. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa, b’mod partikolari, li jippermetti lill-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali jew Komunitarja magħrufa jopponi r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jistgħu jippreġudikaw ir-reputazzjoni jew il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jew jiksbu vantaġġ indebitu minn din ir-reputazzjoni jew minn dan il-karattru distintiv. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex obbligat jipproduċi prova tal-eżistenza ta’ ħsara effettiva u attwali għat-trade mark tiegħu. Madankollu, huwa għandu jipproduċi provi, li abbażi tagħhom, ikun jista’ jiġi konkluż li jeżisti prima facie riskju futur, li ma huwiex ipotetiku, ta’ vantaġġ indebitu jew ta’ dannu (ara s-sentenza VIPS, punt 66 iktar ’il fuq, EU:T:2007:93, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali konklużjoni tista’ tiġi stabbilita b’mod partikolari abbażi ta’ deduzzjonijiet loġiċi li jirriżultaw minn analiżi tal-probabbiltajiet u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prattiki abitwali fis-settur kummerċjali rilevanti kif ukoll iċ-ċirkustanzi l-oħra tal-każ inkwistjoni [sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Rubinstein u L’Oréal vs UASI, C‑100/11 P, Ġabra, EU:C:2012:285, punt 95, u tad-9 ta’ April 2014, EI du Pont de Nemours vs UASI – Zueco Ruiz (ZYTeL), T‑288/12, EU:T:2014:196, punt 59].

98      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell ikkonkludiex b’mod ġust li ebda wieħed mit-tliet riskji msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma seta’ jiġi stabbilit fil-każ inkwistjoni.

–       Fuq id-dannu kkawżat lill-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti

99      Id-dannu kkawżat lill-karattru distintiv ta’ trade mark, li huwa ddenominat ukoll bil-kliem “taħlit”, “tnaqqir” jew “tiċpis”, jitwettaq meta tiddgħajjef il-kapaċità ta’ din it-trade mark li tidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija rreġistrata, peress li l-użu ta’ sinjal identiku jew simili minn terz iwassal għall-frammentazzjoni tal-identità tat-trade mark u tal-influwenza tagħha f’moħħ il-pubbliku. Dan huwa partikolarment il-każ meta t-trade mark, li kienet tqanqal assoċjazzjoni immedjata mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom hija rreġistrata, ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tagħmel dan (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, Ġabra, EU:C:2009:378, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Skont il-ġurisprudenza, il-prova li l-użu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jikkawża dannu jew jista’ jikkawża dannu lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti tippresupponi li tintwera bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata dovuta għall-użu tat-trade mark sussegwenti jew li jintwera riskju serju li bidla bħal din ser isseħħ fil-futur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Environmental Manufacturing vs UASI, C‑383/12 P, Ġabra, EU:C:2013:741, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju tal-prodotti li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata” jistabbilixxi kundizzjoni ta’ natura oġġettiva. Din il-bidla ma tistax tiġi dedotta biss minn elementi suġġettivi bħas-sempliċi perċezzjoni tal-konsumaturi. Il-fatt biss li dawn tal-aħħar jirrimarkaw il-preżenza ta’ sinjal ġdid li jixbah lis-sinjal preċedenti ma huwiex fih innifsu biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu jew ta’ riskju ta’ dannu lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (sentenza Environmental Manufacturing vs UASI, punt 100 iktar ’il fuq, EU:C:2013:741, punt 37).

102    Ir-Regolament Nru 207/2009 u l-ġurisprudenza ma jeżiġux li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jipproduċi prova ta’ dannu attwali, iżda jammettu wkoll ir-riskju serju ta’ tali dannu, u jawtorizzaw l-użu ta’ deduzzjonijiet loġiċi (sentenza Environmental Manufacturing vs UASI, punt 100 iktar ’il fuq, EU:C:2013:741, punt 42). Madankollu, tali deduzzjonijiet ma għandhomx jirriżultaw minn sempliċi suppożizzjonijiet, iżda għandhom ikunu bbażati fuq analiżi tal-probabbiltajiet li tieħu inkunsiderazzjoni l-prassi abitwali fis-settur kummerċjali rilevanti, kif ukoll iċ-ċirkustanzi l-oħra kollha tal-każ inkwistjoni (sentenza Environmental Manufacturing vs UASI, punt 100 iktar ’il fuq, EU:C:2013:741, punt 43). Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, billi sar riferiment għall-kunċett imsemmi iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat kjarament in-neċessità li teżiġi livell ta’ prova ogħla sabiex tikkonstata d-dannu jew ir-riskju ta’ dannu lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq (sentenza Environmental Manufacturing vs UASI, punt 100 iktar ’il fuq, EU:C:2013:741, punt 40).

103    Fil-kawża inkwistjoni, il-Bord tal-Appell eskluda r-riskju ta’ dannu lill-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti, billi ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prodotti u servizzi koperti mit-trade li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienu kompletament distinti mill-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti u billi sostna li r-riskju invokat mir-rikorrenti deher li huwa kompletament ipotetiku. Barra minn hekk, huwa rrileva li peress li t-terminu “darjeeling” kien isem ġeografiku, il-pubbliku rilevanti ma jkunx sorpriż jekk dan ikun jista’ jintuża fi swieq settorjali differenti minn impriżi differenti, minkejja li huwa indikazzjoni ġeografika protetta għat-te.

104    Ir-rikorrenti tinvoka l-ġurisprudenza Environmental Manufacturing, punt 100 iktar ’il fuq (EU:C:2013:741), u tikkunsidra li minn tal-inqas hemm riskju serju li, fil-futur, isseħħ bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju. F’dan ir-rigward, hija tallega li, sa fejn il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma jkunux joriġinaw mir-reġjun ta’ Darjeeling (l-Indja), il-konsumatur medju jkun prudenti mhux biss fir-rigward tal-oriġini tagħhom, iżda wkoll fir-rigward tal-oriġini tat-te li huwa propost lilu bħala te Darjeeling. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, l-użu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni mill-intervenjenti tikkomprometti b’mod serju r-reputazzjoni u l-partikolarità tal-indikazzjoni ġeografika “Darjeeling”, kif ukoll il-kapaċità tagħha li tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha, jiġifieri li tiggarantixxi lill-konsumatur l-oriġini ġeografika tal-prodotti tat-te li huma proposti lilu bit-trade marks Komunitarji kollettivi.

105    L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw ir-raġunament tar-rikorrenti.

106    Għandu jiġi kkonstatat, kif sostnew l-intervenjenti u l-UASI, li r-raġunament tar-rikorrenti ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit riskju serju ta’ dannu lill-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti fis-sens tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jeżiġi, kif jirriżulta mill-punt 102 iktar ’il fuq, livell ta’ prova ogħla sabiex jiġi kkonstatat tali riskju. B’mod iktar speċifiku, ebda wieħed mill-argumenti invokati mir-rikorrenti ma jippermetti li jiġi stabbilit riskju serju ta’ bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju, fid-dawl tal-prassi abitwali fis-setturi ekonomiċi rilevanti fil-kawża inkwistjoni.

107    Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u peress li hemm nuqqas sħiħ ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni, ir-riskju invokat mir-rikorrenti jidher li huwa kompletament ipotetiku.

108    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-reġistrazzjoni ta’ trade marks preċedenti bħala trade marks kollettivi ma tistax tikkostitwixxi preżunzjoni tal-eżistenza ta’ karattru distintiv medju (digriet tal-21 ta’ Marzu 2013, Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs UASI, C‑393/12 P, EU:C:2013:207, punt 36, u s-sentenza HELLIM, punt 42 iktar ’il quddiem, EU:T:2012:292, punt 52).

109    Fil-fatt, kif ġie rrilevat fid-deċiżjoni kkontestata, l-element verbali “darjeeling”, li jikkostitwixxi t-trade mark verbali preċedenti u li huwa inkluż fit-trade mark figurattiva preċedenti, huwa isem ġeografiku. Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, bħala konsegwenza, l-imsemmi element verbali għandux karattru distintiv partikolari (ara, b’analoġija, id-digriet Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs UASI, punt 108 iktar ’il fuq, EU:C:2013:207, punt 33), għandu jitfakkar li t-tieni sentenza tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 tipprovdi li trade mark kollettiva rreġistrata skont dan tal-aħħar, ma tawtorizzax il-proprjetarju jipprekludi lil terz milli juża dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet fil-kummerċ, sa fejn dan l-użu jsir skont l-użanzi ġenwini fil-qasam industrijali jew kummerċjali u li, b’mod partikolari, tali trade mark ma tistax tiġi invokata kontra terz awtorizzat juża denominazzjoni ġeografika.

110    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu riskju serju ta’ bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju, ir-riskju ta’ ħsara għall-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti ma jistax jiġi stabbilit biss abbażi tax-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni, speċjalment peress li, fil-każ inkwistjoni, ma huwiex eskluż li l-element verbali “darjeeling”, li jikkostitwixxi t-trade mark verbali preċedenti, jista’ jintuża għal trade marks oħra minbarra għal dawn, kif jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 [ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2008, Japan Tobacco vs UASI – Torrefacção Camelo (CAMELO), T‑128/06, EU:T:2008:22, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għaldaqstant, huwa b’mod ġust li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-pubbliku rilevanti ma jkunx sorpriż li l-element verbali “darjeeling” jista’ jintuża fi swieq settorjali differenti minn impriżi differenti u, għalhekk, eskluda l-eżistenza ta’ riskju ta’ dannu lill-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti. Dwar dan il-punt, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-konsumatur medju qatt ma kien ikkonfrontat bil-possibbiltà li prodott jew servizz propost lilu bit-trade mark DARJEELING ma jkollu ebda’ rabta ma’ Darjeeling, għandu jiġi miċħud, sa fejn ma ġiet prodotta ebda prova li ssostni din l-allegazzjoni.

111    Barra minn hekk, kif jenfasizza l-UASI, bejn l-isem ġeografiku “Darjeeling” u t-te Darjeeling, hemm rabta unika, li ma teżistix bejn l-imsemmija denominazzjoni u l-prodotti u servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova li tista’ tistabbilixxi li, f’moħħ il-klassi ta’ persuni rilevanti, l-isem ġeografiku inkwistjoni huwa attwalment assoċjat mal-prodotti jew mas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew li l-imsemmi isem jista’ jintuża mill-impriżi kkonċernati bħala indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tagħhom [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, Ġabra, EU:C:1999:230, punt 1 tad-dispożittiv; il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawżi magħquda Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, Ġabra, EU:C:1998:198, punti 36 u 46, u s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2003, Nordmilch vs UASI (OLDENBURGER), T‑295/01, Ġabra, EU:T:2003:267, punt 33]. F’dan ir-rigward, l-argument invokat mir-rikorrenti, li l-Indja huwa pajjiż fejn jiġu mmanifatturati ħwejjeġ, ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex tiġi stabbilita rabta speċifika. Għaldaqstant, huwa ftit probabbli li l-pubbliku rilevanti jista’ jasal jemmen li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni joriġinaw mir-reġjun ta’ Darjeeling u, inqas u inqas, li jiddubita, billi jikkonstata li dan ma huwiex il-każ, mill-oriġini tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti, li, skont ir-rikorrenti, ikun jimplika bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 100 iktar ’il fuq.

112    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li, kif issostni r-rikorrenti, it-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv qawwi bħala konsegwenza tar-reputazzjoni allegatament eċċezzjonali tagħha, li hija l-premessa ipotetika li, barra minn hekk, abbażi tagħha hija fondata d-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 83 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit riskju serju tal-bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 100 iktar ’il fuq.

113    Għaldaqstant, għandha tiġi kkonfermata l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell dwar in-nuqqas ta’ riskju ta’ dannu lill-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti.

–       Fuq id-dannu kkawżat lir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

114    Id-dannu kkawżat lir-reputazzjoni ta’ trade mark, li huwa ddenominat ukoll bit-termini “titbigħ” jew “degradazzjoni”, iseħħ meta l-prodotti jew is-servizzi li għalihom is-sinjal identiku jew simili jintuża minn terz jistgħu jiġu pperċepiti mill-pubbliku b’mod li s-saħħa ta’ attrazzjoni tat-trade mark tonqos. Ir-riskju ta’ tali dannu jista’ jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-prodotti u s-servizzi offruti minn terz ikollhom karatteristika jew kwalità li tista’ terżerċità influwenza negattiva fuq l-immaġni tat-trade mark (sentenza L’Oréal et, punt 99 iktar ’il fuq, EU:C:2009:378, punt 40).

115    F’din il-kawża, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-rikorrenti ma kienet ippreżentat ebda argument dwar id-dannu li jista’ possibbilment isir lir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti u li l-immaġni li ġeneralment jagħtu l-ħwejjeġ u s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma kinitx negattiva.

116    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tinvoka allegat “parassitiżmu” tal-intervenjenti li jista’ jikkomprometti s-saħħa ta’ attrazzjoni tat-trade mark preċedenti bħala indikazzjoni ġeografika, peress li din ma tkunx tista’ iktar isservi ta’ indikazzjoni ġeografika unika għat-te jekk prodotti u servizzi oħra għajr it-te jiġu offerti bl-istess trade mark. Barra minn hekk, hija tirreferi għar-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, b’mod iktar speċifiku, għall-punti fil-forma ta’ weraq tat-te fuq l-ittri “i” u “j”.

117    L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

118    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tinvoka ebda argument speċifiku intiż li jistabbilixxi riskju serju li l-użu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jista’ jikkawża dannu għar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 114 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, hija ma semmietx il-karatteristiċi jew il-kwalitajiet tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni li jistgħu jeżerċitaw influwenza negattiva fuq l-immaġni tat-trade marks preċedenti.

119    Barra minn hekk, kif irrileva l-Bord tal-Appell, ebda prova oħra fil-fajl ma tippermetti li jiġi stabbilit li l-immaġni ġeneralment mogħtija mill-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija negattiva. Kif enfasizza l-UASI fir-risposta tiegħu, lanqas hemm antagoniżmu bejn in-natura u l-metodi ta’ użu tat-te u tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni li jkunu tali li l-immaġni tat-trade marks preċedenti tista’ tiġi affettwata mill-użu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CAMELO, punt 110 iktar ’il fuq, EU:T:2008:22, punt 62).

120    Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punt 111 iktar ’il fuq, ir-rabta unika bejn ir-reġjun ġeografiku ta’ Darjeeling u l-kategorija tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti u n-nuqqas ta’ tali rabta bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u l-imsemmi reġjun isaħħu n-natura ipotetika ta’ riskju ta’ tnaqqis ta’ saħħa ta’ attrazzjoni tat-trade marks preċedenti.

121    Dawn il-konstatazzjonijiet ma humiex ikkonfutati mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-rappreżentazzjoni grafika tal-ittri “j” u “i” fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Anki jekk jitqies li l-punti li jinsabu fl-imsemmija ittri effettivament jixbhu lil weraq u, b’mod partikolari, lil weraq tat-te u li tista’ tiġi stabbilita rabta bejn is-sinjali inkwistjoni f’moħħ il-pubbliku, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 96 iktar ’il fuq, din ir-rabta tkun biżżejjed, fiha nfisha, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ wieħed mir-riskji msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

122    Għaldaqstant, għandu jiġu konkluż li l-Bord tal-Appell kien korrett meta qies li ma kienx hemm riskju li l-użu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jippreġudika r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, anki jekk jitqies li din ir-reputazzjoni, bil-premessa ipotetika li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, hija eċċezzjonali.

–       Fuq il-vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti

123    Il-kunċett ta’ “vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark”, iddenominat ukoll bit-termini “parassitiżmu” u “free-riding”, ma huwiex marbut mad-dannu subit mit-trade mark, iżda mal-vantaġġ miksub minn terzi mill-użu ta’ sinjal identiku jew simili. Dan jinkludi, b’mod partikolari, il-każ fejn, minħabba trasferiment tal-immaġni tat-trade mark jew tal-karatteristiċi tagħha lejn prodotti koperti mis-sinjal identiku jew simili, ikun hemm użu manifest minn fuq dahar trade mark li għandha reputazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza L’Oréal et, punt 99 iktar ’il fuq, EU:C:2009:378, punt 41). In-natura indebita tal-vantaġġ miksub minn tali ċirkustanzi tirriżulta mill-użu, mingħajr ebda kumpens finanzjarju u mingħajr ebda sforzi personali f’dan ir-rigward, tal-isforz kummerċjali tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti sabiex joħloq u jżomm l-immaġni ta’ din it-trade mark (ara s-sentenza ROYAL SHAKESPEARE, punt 87 iktar ’il fuq, EU:T:2012:348, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq u għad-differenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-riskju li l-użu indebitu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jippermetti li jinkiseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jissokta meta l-konsumatur, mingħajr ma neċessarjament jikkonfondi l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade marks inkwistjoni, huwa partikolarment attirat mill-prodotti jew mis-servizzi tal-persuna li tapplika għal reġistrazzjoni, sempliċement peress li huma koperti minn trade mark identika jew li tixxiebah mat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni. Dan jeżiġi l-prova ta’ assoċjazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni mal-kwalitajiet pożittivi tat-trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah, li jistgħu jagħtu lok għal sfruttament jew parassitiżmu manifesti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara s-sentenza CAMELO, punt 110 iktar ’il fuq, EU:T:2008:22, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu tas-sinjal ikkontestat jiħux vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-intensità tar-reputazzjoni u l-livell tal-karattru distintiv tat-trade mark, il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni kif ukoll in-natura u l-livell ta’ qrubija tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Fir-rigward tal-intensità tar-reputazzjoni u tal-livell tal-karattru distintiv tat-trade mark, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, iktar ma jkunu qawwijin il-karattru distintiv u r-reputazzjoni ta’ din it-trade mark, iktar ikun faċli li tiġi ammessa l-eżistenza ta’ ħsara (ara, b’analoġija, is-sentenza Specsavers International Healthcare et, punt 62 iktar ’il fuq, EU:C:2013:497, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, iktar ma tiġi evokata immedjatament u b’qawwa t-trade mark permezz tas-sinjal, ikbar ikun ir-riskju li l-użu attwali jew futur tas-sinjal jieħu vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark (ara s-sentenzi GRUPO BIMBO, punt 68 iktar ’il fuq, EU:T:2012:696, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, u ROYAL SHAKESPEARE, punt 87 iktar ’il fuq, EU:T:2012:348, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126    Fil-kawża inkwistjoni, il-Bord tal-Appell eskluda r-riskju ta’ vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Huwa kkunsidra li, fid-dawl tan-nuqqas sħiħ ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni, il-konsumaturi ma jippretendu li jkun hemm ebda rabta bejn il-produtturi tat-te u l-kumpannija tal-intervenjenti, li tipproponi ħwejjeġ u servizzi konnessi. Huwa kkonkluda li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat kif ikun vantaġġuż għal trade mark ta’ ħwejjeġ li tkun assoċjata ma’ trade mark magħrufa għat-te ta’ kwalità għolja tagħha, sa fejn, fis-settur tal-ħwejjeġ, l-immaġni ta’ lussu tiddependi minn kundizzjonijiet u fatturi differenti minn dawk tas-settur tat-te. Fl-aħħar nett, huwa sostna li dan kien japplika wkoll għas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 38 li, skont id-deċiżjoni kkontestata, ma kinux speċifikament proposti b’rabta ma’ ħwejjeġ.

127    Ir-rikorrenti tirreferi għat-trasferiment tal-immaġni mogħtija mill-indikazzjoni ġeografika Darjeeling lejn l-interessi kummerċjali personali tal-intervenjenti, li ser tibbenefika mis-saħħa ta’ attrazzjoni tagħha u tat-trade marks kollettivi preċedenti, tar-reputazzjoni tagħhom u tal-preġju tagħhom, kif ukoll tal-immaġni radjanti pprojettata mit-trade mark DARJEELING.

128    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li xejn ma jiġġustifika l-użu mill-intervenjenti tal-indikazzjoni ġeografika “Darjeeling” għal prodotti u servizzi li ma joriġinawx mir-reġjun ta’ Darjeeling u li ma għandhom ebda rabta mal-imsemmi reġjun. Fl-aħħar nett, hija tikkunsidra li l-unika raġuni li wasslet lil kumpannija Franċiża, bħall-intervenjenti, tagħżel isem Indjan bħal Darjeeling, kienet li dan l-isem huwa magħruf u li għandu reputazzjoni fl-Unjoni.

129    L-UASI jallega li r-rikorrenti ma tistax tipprova li hemm riskju ta’ vantaġġ indebitu bħala konsegwenza awtomatika tal-użu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, fid-dawl tar-reputazzjoni tas-sinjali preċedenti u tax-xebh kbir bejniethom. L-UASI jsostni li r-rikorrenti la invokat argumenti ta’ natura li jispjegaw kif l-immaġni tat-trade mark preċedenti tista’ tiġi ttrasferita lit-trade mark ikkontestata u lanqas identifikat il-kwalitajiet pożittivi speċifiċi assoċjati ma’ din it-trade mark.

130    Barra minn hekk, l-UASI jsostni li dan it-trasferiment tal-immaġni ma huwiex prevedibbli fil-każ inkwistjoni, sa fejn, minħabba differenzi kbar li jeżistu bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni, il-konsumaturi ma jippretendu li jkun hemm ebda rabta bejn il-produtturi tat-te u l-intervenjenti, filwaqt li l-lussu jitqies li huwa distint miż-żewġ setturi kkonċernati, jiġifieri s-settur tal-ħwejjeġ u dak tat-te.

131    Fl-aħħar nett, l-UASI jikkunsidra li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegata intenzjoni tal-intervenjenti li tisfrutta r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti ma jipprova xejn, sa fejn l-użu mill-intervenjenti tal-element verbali “darjeeling”, li jikkostitwixxi isem ġeografiku, huwa fil-prinċipju leġittimu.

132    Min-naħa tagħha, l-intervenjenti essenzjalment issostni li huwa b’mod ġust li l-Bord tal-Appell ibbaża r-raġunament tiegħu dwar in-nuqqas ta’ riskju serju ta’ vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni jew mill-karattru distintiv tat-trade mark jew tat-trade marks preċedenti fuq id-differenzi kbar li hemm bejn il-prodotti u s-servizzi koperti fil-każ inkwistjoni u li ebda waħda mill-kundizzjonijiet fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma hija ssodisfatta.

133    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 123 iktar ’il fuq, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ “vantaġġ indebitament miksub” jinkludi b’mod partikolari l-każijiet fejn, permezz ta’ trasferiment tal-immaġni tat-trade mark preċedenti jew tal-karatteristiċi li hija tipprojetta lejn il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, hemm sfruttament manifest tat-trade mark li għandha reputazzjoni.

134    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, huwa possibbli, b’mod partikolari fil-każ ta’ oppożizzjoni bbażata fuq trade mark li tibbenefika minn reputazzjoni eċċezzjonalment għolja, li l-probabbiltà ta’ riskju futur mhux ipotetiku ta’ vantaġġ indebitu miksub mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, tkun tant evidenti li l-parti opponenti ma jkollhiex bżonn tinvoka u tipprova ebda element fattwali ieħor għal dan il-għan. Għaldaqstant, ma huwiex eskluż li reputazzjoni partikolarment għolja tista’ tikkostitwixxi, eċċezzjonalment, fiha nfisha, indikazzjoni tar-riskju futur mhux ipotetiku tal-vantaġġ indebitu miksub mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala tali fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti u servizzi li ma jixbhux lil dawk li għalihom hija rreġistrata t-trade mark preċedenti (ara s-sentenza GRUPO BIMBO, punt 68 iktar ’il fuq, EU:T:2012:696, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

135    Fil-kawża inkwistjoni, ir-rikorrenti llimitat ruħha li tinvoka r-rabta immedjata li l-pubbliku jistabbilixxi bejn is-sinjali inkwistjoni, minħabba r-reputazzjoni tat-te Darjeeling, kif riflessa, fil-fehma tagħha, fit-trade mark, jew minn tal-inqas fit-trade mark verbali.

136    Għandu jiġi kkonstatat li l-karatteristiċi abitwalment assoċjati ma’ trade mark magħrufa tat-te ma jistgħux jitqiesu, fihom infushom, li jagħtu vantaġġ lil trade mark li biha huma kkummerċjalizzati prodotti u servizzi bħal dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u dan iktar u iktar peress li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni ma jistgħux jiġu kkonsmati jew użati konġuntament (ara, b’analoġija, is-sentenza CAMELO, punt 110 iktar ’il fuq, EU:T:2008:22, punt 66).

137    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, kif diġà ntqal (ara l-punti 80 sa 85 u 92 sa 93 iktar ’il fuq), il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, meta ssokta bl-analiżi tiegħu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq żewġ premessi ipotetiċi li jgħidu, minn naħa, li t-trade marks preċedenti jibbenefikaw minn reputazzjoni eċċezzjonali u, minn naħa l-oħra, li setgħet tiġi stabbilita rabta bejn is-sinjali inkwistjoni. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-intensità tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq premessa ipotetika li ġew ipprovati l-allegazzjonijiet kollha tar-rikorrenti. Skont dawn l-allegazzjonijiet, li qiegħda ttenni r-rikorrenti, fil-parti l-kbira, quddiem il-Qorti Ġenerali, it-te Darjeeling, li r-reputazzjoni tiegħu hija riflessa fit-trade marks preċedenti, huwa rikonoxxut bħala te raffinat, ta’ kwalità unika u eċċezzjonali.

138    Kif jista’ jiġi dedott mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 66 sa 125 iktar ’il fuq, sa fejn l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jeżiġix, għall-finijiet tal-applikazzjoni tiegħu, xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni, il-konstatazzjoni li tipprovdi li jeżistu differenzi kbar bejn il-prodotti u servizzi koperti u l-konsumaturi ma jippretendu li teżisti ebda rabta bejn il-produtturi tat-te u l-kumpannija tal-persuna li tapplika għal reġistrazzjoni, ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż ir-riskju ta’ vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti li, skont il-premessa ipotetika li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, hija ta’ intensità eċċezzjonali.

139    Fil-fatt, fejn hija involuta trade mark preċedenti ta’ reputazzjoni eċċezzjonali, anki jekk il-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni huma differenti ħafna, ma huwiex inkonċepibbli li l-pubbliku rilevanti jasal jittrasferixxi l-valuri ta’ din it-trade mark preċedenti lill-prodotti jew lis-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha tintalab ir-reġistrazzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2013, You-Q vs UASI, C‑294/12 P, EU:C:2013:300, punt 69).

140    Fil-każ inkwistjoni, minn naħa, il-valuri evokati mill-element kondiviż mis-sinjali inkwistjoni, jiġifieri l-element verbali “darjeeling”, li jirreferi għal te kkummerċjalizzat bit-trade marks preċedenti, u li għandu reputazzjoni eċċezzjonali skont premessa ipotetika li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, huma dawk ta’ prodott raffinat, esklużiv, ta’ kwalità unika. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-fatt li l-analiżi tal-Bord tal-Appell hija bbażata fuq il-premessa ipotetika ta’ reputazzjoni eċċezzjonali, jista’ jiġi preżunt li parti kbira mill-pubbliku kkonċernat ikun jaf li r-reġjun bl-istess isem li minnu joriġina dan il-prodott jinsab fl-Indja. Għalhekk, l-element verbali “darjeeling” jista’ jevoka eżotiċiżmu, kif ukoll senswalità u misteru li huma konnessi, f’moħħ il-pubbliku, mar-rappreżentazzjoni ta’ pajjiż Orjentali.

141    Għandu jiġi rrilevat li din il-konklużjoni ma tikkontradixxix dik dwar id-dannu lill-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti (ara punt 111 iktar ’il fuq). Minkejja, fir-rigward tar-riskju tad-dannu lil-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti, il-pubbliku rilevanti, jiġifieri, kif ġie ppreċiżat fil-punt 95 iktar ’il fuq, il-pubbliku li fir-rigward tiegħu huma indirizzati t-trade marks preċedenti, ma jagħmel ebda konnessjoni bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u Darjeeling bħala reġjun fl-Indja, xejn ma jipprekludi li l-pubbliku li fir-rigward tiegħu hija indirizzata t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkun jista’ jiġi attirat bit-trasferiment, lejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, tal-valuri u tal-kwalitajiet pożittivi marbuta mal-imsemmi reġjun.

142    Fid-dawl ta’ dak li ntqal u, b’mod partikolari, tal-fatt li l-premessa ipotetika li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal reputazzjoni ta’ intensità eċċezzjonali, il-kwalitajiet pożittivi evokati mill-element verbali “darjeeling”, li huwa kondiviż mis-sinjali inkwistjoni, jistgħu jiġu trasposti għal ċerti prodotti jew servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, konsegwentement, isaħħu s-saħħa ta’ attrazzjoni ta’ din tal-aħħar.

143    Fil-fatt, fir-rigward tal-prodotti koperti u li jaqgħu fil-klassi 25, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tista’ tibbenefika minn kwalitajiet pożittivi evokati mit-trade marks preċedenti u, b’mod partikolari, mill-immaġni ta’ sofistikazzjoni jew anki ta’ senswalità eżotika evokata mill-element verbali “darjeeling”. Għaldaqstant, riskju ta’ vantaġġ indebitu miksub ma jistax jiġi eskluż fir-rigward tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li jaqgħu fil-klassi 25.

144    Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll fir-rigward ta’ servizzi ta’ bejgħ bl-imnut koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li jaqgħu fil-klassi 35 u li huma marbuta ma’ prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jiġifieri servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ ħwejjeġ u lbies ta’ taħt tan-nisa. Fid-dawl tan-natura tal-prodotti li magħhom huma marbuta, dan japplika wkoll għal servizzi oħra ta’ bejgħ bl-imnut koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li jaqgħu fil-klassi 35, jiġifieri servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ fwejjaħ, ilmijiet tal-fwieħa u kosmetiċi, bjankerija tad-dar u tal-banju, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq.

145    Min-naħa l-oħra, dan ma japplikax għal servizzi oħra li jaqgħu fil-klassi 35 u lanqas għas-servizzi kollha li jaqgħu fil-klassi 38 koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, ir-raġuni li għaliha l-użu tat-trade mark ikkontestata jagħti lill-intervenjenti vantaġġ kummerċjali fir-rigward ta’ servizzi oħra għajr dawk imsemmija fil-punt preċedenti ma tirriżulta b’ebda mod mill-fajl u r-rikorrenti ma ppreżentat ebda prova speċifika li tista’ tistabbilixxi tali vantaġġ potenzjali. Għalhekk, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward għandha tiġi kkonfermata.

146    Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-premessa ipotetika ta’ reputazzjoni eċċezzjonali tat-trade marks preċedenti, hemm lok li tiġi annullata parzjalment, sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, billi eskluda, fir-rigward tal-prodotti kollha li jaqgħu fil-klassi 25 u tas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut li jaqgħu fil-klassi 35 u koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, l-eżistenza ta’ riskju ta’ vantaġġ miksub mill-użu indebitu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

147    Bħala segwitu ta’ dan l-annullament parzjali, huwa l-Bord tal-Appell li għandu jeżamina mill-ġdid l-argumenti tar-rikorrenti li hija tibbaża, fl-appell tagħha mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, fuq l-eżistenza ta’ riskju ta’ vantaġġ indebitu bbażat fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. L-ewwel nett, huwa għandu jasal għal konklużjoni definittiva dwar l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade marks preċedenti u, skont il-każ, dwar l-intensità tagħha.

148    Jekk il-Bord tal-Appell jikkonkludi, kuntrarjament għal premessa ipotetika li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, li r-reputazzjoni ta’ ebda waħda mit-trade marks preċedenti ma hija, fl-aħħar mill-aħħar, ipprovata, huwa għandu jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li waħda mill-kundizzjonijiet tiegħu tkun nieqsa, u għandu jiċħad, fl-intier tiegħu, l-appell tar-rikorrenti mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

149    Jekk il-Bord tal-Appell jasal għall-konklużjoni definittiva li, fil-każ inkwistjoni, fir-rigward minn tal-inqas waħda mit-trade marks preċedenti, hija pprovata reputazzjoni b’intensità inferjuri għal dik ta’ reputazzjoni eċċezzjonali li tikkostitwixxi l-premessa ipotetika li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, huwa għandu jeżamina jekk tistax tiġi stabbilita rabta f’moħħ il-pubbliku bejn is-sinjali inkwistjoni u jfassal, f’dan ir-rigward, konklużjoni definittiva. Jekk, fil-kuntest ta’ din l-analiżi, il-Bord tal-Appell jikkonkludi li tali rabta ma tistax tiġi stabbilita, huwa għandu jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li kundizzjoni oħra tal-applikazzjoni tiegħu tkun nieqsa. Min-naħa l-oħra, jekk il-Bord tal-Appell jikkonkludi li tali rabta tista’ tiġi stabbilita, huwa għandu, sussegwentement, jeżamina jekk jeżistix riskju ta’ vantaġġ miksub mill-użu indebitu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

150    Fl-aħħar nett, jekk il-Bord tal-Appell jikkonkludi li fil-każ inkwistjoni ġiet effettivament ipprovata reputazzjoni eċċezzjonali ta’ mill-inqas waħda mit-trade marks preċedenti u li tista’ tiġi stabbilita rabta bejn is-sinjali inkwistjoni f’moħħ il-pubbliku, huwa għandu, konformement ma’ din is-sentenza, jikkunsidra li, fir-rigward tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li jaqgħu fil-klassi 25, kif ukoll tas-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ ħwejjeġ ta’ taħt u lbies ta’ taħt tan-nisa, fwejjaħ, ilmijiet tal-fwieħa u kosmetiċi, bjankerija tad-dar u tal-banju” li jaqgħu fil-klassi 35 u koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, hemm riskju ta’ vantaġġ miksub mill-użu indebitu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u sussegwentement, għandu jeżamina, sabiex jasal għal konklużjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 għall-każ inkwistjoni, hekk hemmx raġuni debita għal dan l-użu.

151    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-fatt li l-Bord tal-Appell, l-ewwel nett, ma wasalx għal konklużjoni definittiva dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, it-tieni nett, ma wasalx għal konklużjoni definittiva dwar l-eżistenza ta’ rabta bejn is-sinjali inkwistjoni f’moħħ il-pubbliku, u t-tielet nett, billi eskluda b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ riskju ta’ vantaġġ miksub mill-użu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ma eżaminax jekk kienx hemm raġuni debita għal dan l-użu fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tagħti deċiżjoni għall-ewwel darba, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tad-deċiżjoni kkontestata, dwar dawn it-tliet aspetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Master, punt 68 iktar ’il fuq, EU:T:2014:1062, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

152    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni motiv għandu jintlaqa’ parzjalment u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn tikkonċerna l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li jaqgħu fil-klassi 25 u s-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ ħwejjeġ ta’ taħt u lbies ta’ taħt tan-nisa, fwejjaħ, ilmijiet tal-fwieħa u kosmetiċi, bjankerija tad-dar u tal-banju” li jaqgħu fil-klassi 35, u l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

153    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Għaldaqstant, għandu jiġi ordnat li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tas-17 ta’ Settembru 2013 (Każ R 1504/2012‑2) hija annullata sa fejn tikkonċerna l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li jaqgħu fil-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u s-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ ħwejjeġ ta’ taħt u lbies ta’ taħt tan-nisa, fwejjaħ, ilmijiet tal-fwieħa u kosmetiċi, bjankerija tad-dar u tal-banju” koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li jaqgħu fil-klassi 35 fis-sens tal-imsemmi ftehim.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Ottubru 2015.

Reġistratur

 

      Il-President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.