Language of document : ECLI:EU:T:2013:130

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

14 ta’ Marzu 2013 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-banana – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Kunċett ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv – Sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi – Gravità tal-ksur”

Fil-Kawża T‑588/08,

Dole Food Company, Inc., stabbilita f’Westlake Village, California (l-Istati Uniti),

Dole Germany OHG, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn J.-F. Bellis, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn X. Lewis u M. Kellerbauer, sussegwentement minn M. Kellerbauer u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5955 finali, tal-15 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedimenti skont l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/39 188 – Banana)

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot, President, M. E. Martins Ribeiro (Relatur), u H. Kanninen, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Jannar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Dole Food Company, Inc. (iktar ’il quddiem “Dole”), hija kumpannija Amerikana li tipproduċi frott u ħaxix frisk kif ukoll frott ippakkjat minn qabel u ffriżat. Dole Germany OHG hija sussidjarja ta’ Dole (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, ir-“rikorrenti”), stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), li qabel kien jisimha Dole Fresh Fruit Europe OHG (iktar ’il quddiem “DFFE”).

2        Fit-8 ta’ April 2005, Chiquita Brands International, Inc. (iktar ’il quddiem “Chiquita”) ressqet talba ta’ immunità skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2002, C 45, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”).

3        Fit-3 ta’ Mejju 2005, wara l-produzzjoni minn Chiquita ta’ dikjarazzjonijiet ġodda u ta’ dokumenti supplimentari, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tatha immunità kundizzjonali mill-multa skont il-pragrafu 8(a) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

4        Wara li fit-2 u fit-3 ta’ Ġunju 2005, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), wettqet spezzjoniiet fil-bini ta’ diversi impriżi u, b’mod partikolari ta’ DFFE u bagħtet, bejn Frar 2006 u Mejju 2007, diversi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni bagħtet, fl-20 ta’ Lulju 2007, dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Chiquita, Chiquita International Ltd, Chiquita International Services Group NV, Chiquita Banana Company BV, Dole, DFFE, Fresh Del Monte Produce, Inc. (iktar ’il quddiem “Del Monte”), Del Monte Fresh Produce International, Inc., Del Monte (Germany) GmbH, Del Monte (Holland) BV, Fyffes plc (iktar ’il quddiem “Fyffes”), Fyffes International, Fyffes Group Ltd, Fyffes BV, FSL Holdings NV, Firma Leon Van Parys NV (iktar ’il quddiem “Van Parys”) u Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert & Co. KG (iktar ’il quddiem “Weichert”).

5        L-impriżi msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq kisbu aċċess għall-fajl ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-forma ta’ kopja fuq DVD, bl-eċċezzjoni tar-reġistrazzjonijiet u tat-traskrizzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet tal-impriża magħmula oralment mill-applikant għal immunità u dokumenti relatati, li saru aċċessibbli fil-bini tal-Kummissjoni (premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Wara li nstemgħu l-impriżi kkonċernati fl-4 sas-6 ta’ Frar 2008, Weichert bagħtet lill-Kummissjoni, fit-28 ta’ Frar 2008, ittra li tinkludi kummentarji u annessi.

7        Fil-15 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni C (2008) 5955 finali dwar proċedimenti skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/39 188 − Banana) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li ġiet innotifikata lil DFEE u lil Dole fil-21 u fit-22 ta’ Ottubru 2008.

 Id-deċiżjoni kkontestata

8        Il-Kummissjoni indikat li l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata pparteċipaw għal prattika miftiehma li tikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza tagħhom tal-banana mibjugħa fl-Ewropa ta’ Fuq, jiġifieri fl-Awstrija, fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Finlandja, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu, fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fl-Isvezja, u dan mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002 (l-1 ta’ Diċembru 2002 għal Chiquita) (premessi 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Fiż-żmien meta ġraw il-fatti, l-importazzjoni tal-banana fil-Komunità Ewropea kienet irregolata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93, tat-13 ta’ Frar 1993, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 388), li kien jipprovdi għal sistema bbażata fuq kwoti ta’ importazzjoni u ta’ tariffi. Il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm il-kwoti ta’ importazzjoni tal-banana kienu stabbiliti annwalment u allokati fuq bażi trimestrali b’ċerta flessibbilta limitata bejn it-trimestri ta’ sena ċivili, il-kunsinni ta’ banana fil-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq u l-kwantitajiet mibjugħha f’dan ir-reġjun kienu determinati, kull sena, mid-deċiżjonijiet ta’ produzzjoni, ta’ kunsinna u ta’ bejgħ meħuda mill-produtturi, l-importaturi u l-kummerċjanti (premessi 36, 131, 135 u 137 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      L-attività tal-banana kienet tiddistingwi tliet livelli ta’ trade mark ta’ banana imsejħa “terzi”: il-banana tat-trade mark Chiquita tal-iprem għażla, il-banana tat-tieni livell (tat-trade marks Dole u Del Monte) u l-banana tat-tielet għażla (ukoll imsejħa “t-tielet”), li tinkludi diversi trade marks oħra ta’ banana. Din id-diviżjoni skont it-trade marks kienet riflessa fit-tariffi tal-banana (premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Matul il-perijodu kkonċernat, is-settur tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq kien organizzat f’ċikli ta’ kull ġimgħa. It-trasport bil-vapur ta’ banana mill-portijiet tal-Amerika Latina lejn l-Ewropa kien idum madwar ġimagħtejn. Il-banana kienet tasal fil-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq ġeneralment kull ġimgħa skont kalendarju ta’ kunsinna regolari (premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Il-banana kienet tintbagħat ħadra u kienet tasal ħadra fil-portijiet. Sussegwentement hija kienet jew tiġi kkunsinnata direttament lix-xerreja (banana ħadra), jew inkella titħalla ssir u tiġi kkunsinnata ġimgħa wara (banana safra). Is-sajran seta’ jsir mill-importatur jew f’ismu, jew organizzat mix-xerrej. Il-klijenti tal-importaturi kienu ġeneralment kumpanniji responsabbli għas-sajran tal-frott jew kumpanniji bl-imnut (premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Chiquita, Dole u Weichert kienu jistabbilixxu l-prezz ta’ referenza tagħhom għat-trade mark tagħhom kull ġimgħa, f’dan il-każ il-Ħamis filgħodu, u kienu jħabbruh lill-klijenti tagħhom. L-espressjoni “prezz ta’ referenza” kienet tikkorrispondi ġeneralment għall-prezzijiet ta’ referenza għall-banana ħadra, peress li l-prezzijiet ta’ referenza għall-banana safra kienu magħmula normalment mill-offerta ħadra biż-żieda ta’ ħlas għas-sajran (premessi 104 u 107 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Il-prezzijiet imħallsa mill-bejjiegħa bl-imnut u d-distributuri għall-banana (imsejħa “prezz reali” jew “prezz ta’ tranżazzjoni”) setgħu jirriżultaw jew minn negozjati li kienu jsiru darba fil-ġimgħa, f’dan il-każ il-Ħamis wara nofsinhar u l-Ġimgħa (jew iktar tard matul il-ġimgħa li tkun għaddejja jew fil-bidu tal-ġimgħa segwenti), jew mill-implementazzjoni ta’ kuntratti ta’ provvista b’formoli ta’ tariffi prestabbiliti li jsemmu prezz fiss jew li jorbtu l-prezz għal prezz ta’ referenza tal-bejjiegħ jew ta’ kompetitur, jew għal prezz ta’ referenza ieħor bħall-“prezz Aldi”. Il-Kummissjoni tippreċiża li l-katina ta’ bejgħ bl-imnut Aldi kienet tirċievi kull nhar ta’ Ħamis, bejn il-ħdax u l-ħdax u nofs ta’ filgħodu, offerti mill-fornituri tagħha u wara kienet tagħmel kontro-proposta, peress li l-“prezz Aldi”, dak imħallas lill-fornituri, kien ġeneralment jiġi stabbilit fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar. Mit-tieni semestru tas-sena 2002, il-“prezz Aldi” beda jintuża iktar u iktar bħala indikatur tal-kalkolu tal-prezz tal-banana għal ċertu numru ta’ tranżazzjonijiet oħra, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-banana bi trade mark (premessi 34 u 104 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Il-Kummissjoni tispjega li l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ntrabtu f’komunikazzjoni bilaterali dwar ipprezzar minn qabel li matulha ddiskutew fatturi ta’ pprezzar tal-banana, jiġifieri fatturi relatati mal-prezz ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara, jew iddiskutew jew kixfu t-tendenzi segwiti mill-prezzijiet fil-ġimgħa ta’ wara. Din il-komunikazzjoni saret qabel ma l-impriżi kkonċernati kienu jistabbilixxu l-prezz ta’ referenza tagħhom, ġeneralment l-Erbgħa, u kienet kollha relatata mal-prezzijiet ta’ referenza futuri (premessi 51 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

16      B’hekk, Dole ikkomunikat b’mod bilaterali kemm ma’ Chiquita kif ukoll ma’ Weichert. Chiquita kienet taf bil-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel jew tal-inqas kienet tistenna l-eżistenza ta’ tali komunikazzjoni bejn Dole u Weichert (premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Din il-komunikazzjoni bilaterali ta’ pprezzar minn qabel kienet intiża sabiex titnaqqas l-inċertezza marbuta mal-aġir tal-impriżi f’dak li jikkonċerna l-prezzijiet ta’ referenza li huma kellhom jistabbilixxu l-Ħamis filgħodu (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Il-Kummissjoni tindika li, wara l-istabbiliment tal-prezzijiet ta’ referenza tagħhom il-Ħamis filgħodu, l-impriżi kkonċernati kienu jiskambjaw il-prezzijiet ta’ referenza tagħhom b’mod bilaterali. Dan l-iskambju iktar tard kien jippermettilhom li jikkontrollaw id-deċiżjonijiet ta’ pprezzar individwali fid-dawl tal-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel u saħħaħ ir-rabta ta’ kooperazzjoni tagħhom (premessi 198 sa 208, 227, 247, 273 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Skont il-Kummissjoni l-prezzijiet ta’ referenza kienu jservu, tal-anqas, bħala sinjal, tat-tendenzi u/jew ta’ indikazzjonijiet għas-suq, f’dak li jikkonċerna l-evoluzzjoni maħsuba tal-prezz tal-banana u kienu importanti għall-kummerċ tal-banana u l-prezzijiet miksuba. Barra minn hekk, f’ċerti tranżazzjonijiet, il-prezz kien direttament marbut mal-prezzijiet ta’ referenza skont formoli bbażati fuq il-prezzijiet ta’ referenza (premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Il-Kummissjoni tqis li l-impriżi kkonċernati, li pparteċipaw għall-prattiki miftiehma u li għadhom attivi fil-kummerċ tal-banana, kellhom neċessarjament jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni mirċevija mill-kompetituri fid-definizzjoni tal-aġir tagħhom fis-suq, Chiquita u Dole ammettew dan espressament (premessi 228 u 229 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-komunikazzjoni ta’ pprezzar minn qabel, li saret bejn Dole u Chiquita u bejn Dole u Weichert, kienet suxxettibbli li tinfluwenza l-prezzijiet prattikati mill-operaturi u kienet relatata mal-iffissar tal-prezzijiet u li din wasslet għal prattika miftiehma bil-għan li tillimita l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE (premessi 54 u 271 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Il-Kummissjoni tqis li l-ftehim kollużorji kollha deskritti fid-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu li għandu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni fi ħdan il-Komunità fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Chiquita u Dole inżammu responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu, fit-totalità tiegħu, filwaqt li Weichert inżammet responsabbli biss għall-parti tal-ksur li pparteċipat għaliha hi, jiġifieri l-parti tal-ksur li tikkonċerna l-ftehim kollużorju ma’ Dole (premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Fid-dawl tal-fatt li s-suq tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq huwa kkaratterizzat mill-volum kummerċjali sostanzjali bejn l-Istati Membri u li l-prattiki miftiehma kienu jkopru parti importanti tal-Komunità, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-imsemmija ftehim kellhom effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

24      Il-Kummissjoni tindika li ma setgħet tingħata l-ebda eċċezzjoni skont l-Artikolu 81(3) KE fin-nuqqas ta’ xi notifika ta’ ftehim jew ta’ prattika mill-impriżi, kundizzjoni preliminari għall-applikazzjoni tal-artikolu ċċitat iktar ’il fuq skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), u anki fin-nuqqas ta’ elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet tal-benefiċċju ta’ eżenzjoni kienu sodisfatti f’dan il-każ (premessi 339 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Il-Kummissjoni tippreċiża li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 26, tal-4 ta’ April 1962, li japplika ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 6), fis-seħħ fl-epoka tal-fatti u li kien jipprovdi li l-Artikolu 81 KE japplika għall-ftehim, deċiżjonijiet u prattiki kollha marbuta mal-produzzjoni jew mal-kummerċ ta’ diversi prodotti inkluż il-frott, kien jipprovdi, fl-Artikolu 2 tiegħu, eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE. Peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet ma kinux sodisfatti f’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prattika miftiehma deskritta fid-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tiġi eżentata skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 26 (premessi 344 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) u dawk tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

27      Il-Kummissjoni ddeterminat ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, li jikkorrispondi għal ammont bejn 0 u 30 % tal-valur tal-bejgħ ikkonċernat tal-impriża skont il-grad tal-gravità tal-ksur, immoltiplikat bin-numru ta’ snin tal-parteċipazzjoni tal-impriża għall-ksur, u ta’ ammont addizzjonali inkluż bejn 15 u 25 % tal-valur tal-bejgħ bl-intenzjoni li jiddiswadi l-impriżi milli jaġixxu b’mod illegali (premessa 448 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Dawn il-kalkoli wasslu għal ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta ta’:

–        EUR208 000 000 għal Chiquita;

–        EUR 114 000 000 għal Dole;

–        EUR 49 000 000 għal Del Monte u Weichert.

29      L-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta tnaqqas b’60 % għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tas-sistema leġiżlattiva partikolari tas-settur tal-banana u minħabba l-fatt li l-koordinazzjoni kienet dwar il-prezz ta’ referenza (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata). Ingħata tnaqqis ta’ 10 % lil Weichert, li ma kinitx informata bil-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel bejn Dole u Chiquita (premessa 476 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Wara li ġew aġġustati, l-ammonti bażiċi tal-multi li kellhom jiġu imposti kienu kif ġej:

–        EUR 83 200 000 għal Chiquita;

–        EUR 45 600 000 għal Dole;

–        EUR 14 700 000 għal Del Monte u Weichert.

31      Chiquita bbenefikat mill-immunità minn multi skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessi 483 sa 488 tad-deċiżjoni kkontestata). Ma sar l-ebda aġġustament ieħor għal Dole u lanqas għal Del Monte u Weichert, u l-ammont finali tal-multa li tikkonċernahom jikkorrispondi għall-ammonti bażiċi tal-multi li kellhom jiġu imposti msemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq.

32      Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi b’mod partikolari dawn id-dispożizzjonijiet:

“Artikolu 1

Billi pparteċipaw għal prattika miftiehma li tikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza għall-banana l-impriżi li ġejjin kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 [KE]:

–        [Chiquita], mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-1 ta’ Diċembru 2002 ;

–        Chiquita International Ltd, mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-1 ta’ Diċembru 2002 ;

–        Chiquita International Services Group NV, mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-1 ta’ Diċembru 2002 ;

–        Chiquita Banana Company BV, mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-1 ta’ Diċembru 2002 ;

–        [Dole], mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002 ;

–        [DFFE], mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002 ;

–        [Weichert], mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002 ;

–        [Del Monte], mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002 .

Il-ksur kien ikopri l-Istati Membri li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja .

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 huma imposti s-segwenti multi:

–        [Chiquita], Chiquita International Ltd, Chiquita International Services Group NV u Chiquita Banana Company BV, flimkien u in solidum : EUR 0;

–        [Dole] u [DFFE], flimkien u in solidum: EUR 45 600 000;

–        [Weichert] u [Del Monte], flimkien u in solidum: EUR 14 700 000;

[...]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

33      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti ressqu l-preżenti rikors.

34      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali, talbet lill-Kummissjoni tippreżenta ċerti dokumenti.

35      Il-Kummissjoni ddepożitat, fl-10 ta’ Novembru 2001, id-dokumenti mitluba, li ġew innotifikati lir-rikorrenti fit-18 ta’ Novembru tal-istess sena. Dawn tal-aħħar ma għamlu l-ebda osservazzjoni la bil-miktub u lanqas orali.

36      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-25 ta’ Jannar 2012.

37      Matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreżentaw dokument u talbu li jiddaħħlu fil-proċess, iżda l-Kummissjoni qajmet oppożizzjoni.

38      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa imposta;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

39      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà tad-dokument prodott mir-rikorrenti matul is-seduta

40      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 48(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-partijiet jistgħu jipproduċu provi insostenn tal-argumenti tagħhom fir-replika u fil-kontroreplika tagħhom, iżda madankollu din id-dispożizzjoni tippreċiża li għandhom jimmotivaw it-tardività fil-produzzjoni ta’ dawn il-provi.

41      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-produzzjoni ta’ provi wara l-kontroreplika tibqa’ possibbli fil-każ fejn l-awtur tal-produzzjoni ma setax ikollu, qabel l-għeluq tal-proċedura bil-miktub, il-provi inkwistjoni jew jekk il-produzzjoni tardiva tal-parti l-oħra tiġġustifika li l-proċess jiġi kompletat b’mod li jiġi żgurat il-prinċipju tal-kontradittorju (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ April 2004, M vs Qorti tal-Ġustizzja, T‑172/01, Ġabra p. II‑1075, punt 44, ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ April 2005, Gaki‑Kakouri vs Qorti tal-Ġustizzja, C‑243/04 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Agrar-Invest-Tatschl vs Il-Kummissjoni, T‑51/07, Ġabra p. II‑2825, punt 57).

42      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ eċċezzjoni għar-regoli li jirregolaw il-produzzjoni ta’ provi, l‑Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura jimponi fuq il‑partijiet li jiġġustifikaw id-dewmien fil-produzzjoni tal-provi tagħhom. Tali obbligu jimplika li tiġi rikonoxxuta lill-qorti s-setgħa li tistħarreġ ir‑raġunijiet għad-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn il-provi u, skont il-każ, il‑kontenut ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll, jekk it-talba ma tkunx fondata fid-dritt, is-setgħa li ma tikkunsidrahomx. Dan japplika wkoll a fortiori f’dak li jikkonċerna l-provi prodotti wara l-preżentazzjoni tal-kontroreplika (sentenza Gaki-Kakouri vs Qorti tal-Ġustizzja, punt 41 iktar ’il fuq, punt 33).

43      F’dan il-każ, ir-rikorrenti, matul is-seduta, talbu li jiddaħħal fil-proċess dokument li jikkorrispondi għal dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita dwar il-porvvista ta’ Aldi minn Atlanta, kumpannija responsabbli għas-sajran tal-frott u għad-distribuzzjoni, u l-kundizzjonijiet, inkluż dawk temporali, li fihom dan il-bejjiegħ bl-imnut kien jagħmel l-offerta tiegħu fuq is-suq tal-banana.

44      Minn naħa, huwa paċifiku li dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita nġabru matul il-proċeduri amministrattivi u jagħmlu parti mill-proċess ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

45      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti kkuntentaw ruħhom li jsostnu li d-depożitu tad-dokument inkwistjoni kien iġġustifikat min-neċessità li tingħata risposta għall-punt 49 tal-kontroreplika tal-Kummissjoni dwar id-diskussjoni dwar id-distinzjoni bejn il-banana ħadra u l-banana safra.

46      Huwa biżżejjed li jingħad, f’dan ir-rigward, li, f’dan il-punt fil-kontroreplika, il-Kummissjoni sempliċement terġa’ ssemmi t-termini tad-deċiżjoni kkontestata skont liema r-referenza tal-importatur għal prezz isfar jew aħdar tiddependi mill-mod kif jiġi organizzat il-bejgħ tal-banana u jenfasizza d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, li jinsabu fir-rikors, dwar il-fatt li l-“prezz Aldi”, relatat max-xiri tal-banana safra, jikkostitwixxi fattur importanti ħafna għall-bejgħ tal-banana ħadra.

47      Il-produzzjoni ta’ prova proposta mir-rikorrenti għalhekk ma hijiex dwar xi punt ġdid, iżda hija relatata ma’ domanda magħmula mir-rikorrenti, sa mill-bidu tal-kawża, dwar l-allegata distinzjoni li għandha ssir bejn il-banana ħadra u l-banana safra u l-influwenza tal-“offerta Aldi” fuq il-prezz ta’ tranżazzjoni.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li d-dokument ippreżentat tardivament mir-rikorrenti matul is-seduta jiġi ddikjarat ammissibbli.

II –  Fuq il-kundizzjonijiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

49      Ir-rikorrenti qajmu motiv uniku, ibbażat fuq in-natura żbaljata tal-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv.

50      Mill-atti tar-rikorrenti jirriżulta li, fil-kuntest tal-imsemmi motiv, dawn tal-aħħar jinvokaw ksur, minn naħa, tal-Artikoli 81 KE u 253 KE u, min-naħa l-oħra, tad-drittijiet ta’ difiża u tal-Artikolu 253 KE.

A –  Fuq il-ksur tal-Artikoli 81 KE u 253 KE

1.     Fuq il-possibbiltà li skambju ta’ informazzjoni jiġi kkwalifikat bħala prattika miftiehma b’għan antikompetittiv

51      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-aġir inkwistjoni jikkonsisti f’sempliċi skambju ta’ informazzjoni li ma jagħmilx parti minn akkordju usa’ u għalhekk ma jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Huma jsostnu li, skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi fatt li skambju ta’ informazzjoni jista’ potenzjalment inaqqas l-inċertezza fuq futura politika ta’ pprezzar ma jikkostitwixxix bażi suffiċjenti sabiex jiġi kkwalifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

52      Huma jindikaw li l-Kummissjoni tibbaża ruħha b’mod żbaljat fuq diversi kawżi li kienu jinvolvu skambju ta’ informazzjoni li kien jagħmel parti minn ftehim kollużorji usa’, filwaqt li ma ssostnix, kif juru diversi partijiet mid-deċiżjoni kkontestata, li l-impriżi involuti f’din il-kawża pparteċipaw fi ftehim jew prattika miftiehma intiża sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet reali, u lanqas fi ftehim dwar il-prezz ta’ referenza, u lanqas għal ftehim jew għal prattika miftiehma intiża għall-iffissar ta’ żidiet jew tnaqqis speċifiċi ta’ dawn il-prezzijiet.

53      L-ewwel nett, fir-rigward tal-ksur imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, mit-termini ta’ din tal-aħħar jirriżulta, b’mod mhux ekwivoku, li l-Kummissjoni takkuża lir-rikorrenti li kkoordinaw prezzijiet ta’ referenza tal-banana permezz ta’ komunikazzjoni bilaterali dwar ipprezzar minn qabel, sitwazzjoni li tikkostitwixxi prattika miftiehma dwar l-iffissar tal-prezzijiet u li għalhekk għandha l-għan li tillimita l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE (ara, b’mod partikolari, il-premessi 1, 54, 261, 263 u 271 tad-deċiżjoni kkontestata), li ma huwiex inkompatibbli mal-fatt li l-Kummissjoni ma kkonkludietx, f’dan il-każ, li jeżisti ftehim jew prattika miftiehma intiża għall-iffissar tal-prezzijiet reali, u lanqas fi ftehim dwar il-prezz ta’ referenza, u lanqas għal ftehim jew għal prattika miftiehma intiża għall-iffissar ta’ żidiet jew tnaqqis speċifiċi ta’ dawn il-prezzijiet.

54      B’hekk jidher li l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni jikkostitwixxi, skont il-Kummissjoni, akkordju, li jaqa’ taħt il-kwalifika legali speċifika ta’ prattika miftiehma.

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li l-kunċetti ta’ “ftehim”, ta’ “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi” u ta’ “prattika miftiehma” huma, mil-lat suġġettiv, forom ta’ kollużjoni li għandhom l-istess karatteristiċi u li jistgħu biss jiġu distinti mill-intensità tagħhom u mill-forom li huma jimmanifestaw ruħhom fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 131).

56      Fir-rigward tad-definizzjoni ta’ prattika miftiehma, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din tal-aħħar tinkludi forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma jkunu waslu għall-konklużjoni ta’ ftehim uffiċjali, jissostitwixxu intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għad-dannu tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 26, u tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I‑1307, punt 63 u tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punt 26).

57      Il-kunċett ta’ prattika miftehma jimplika, barra mill-ftehim bejn l-impriżi kkonċernati, aġir fuq is-suq li jsegwi dan il-ftehim u rabta ta’ kawża u effett bejn dawn iż-żewġ elementi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi preżunt, bla ħsara għall-prova kuntrarja li għandhom jipproduċu l-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-prattika miftiehma u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dan is-suq. Dan japplika iktar u iktar meta l-ftehim ikun sar fuq bażi regolari matul perijodu twil (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 161 sa 163, u T‑Mobile Netherlands et, punt 56 iktar ’il fuq, punt 51).

58      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq ċerti partijiet mid-deċiżjoni kkontestata li jiddistingwu l-kunċetti ta’ prattiki miftiehma u ta’ ftehim sabiex jibbażaw l-allegazzjonijiet tagħhom dwar in-nuqqas ta’ lment, fl-imsemmija deċiżjoni, dwar l-iffissar tal-prezzijiet.

59      It-tieni nett, għandu jiġi rrelevat li l-argument li jgħid li skambju ta’ informazzjoni jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan biss jekk ikun jagħmel “parti minn ftehim kollużorji iktar wiesa’, bħall-akkordji dwar l-iffissar tal-prezzijiet reali jew ta’ ishma mis-suq” huwa nieqes minn kull fundament fid-dritt.

60      F’dak li jikkonċerna l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri, għandu jitfakkar li l-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jikkostitwixxu prattika miftiehma għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-kunċett inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-kompetizzjoni, skont liema kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li għandu l-intenzjoni jsegwi fuq is-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 173; tal-14 ta’ Lulju 1981, Züchner, 172/80, Ġabra p. 2021, punt 13; Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 63; tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni, C‑7/95 P, Ġabra p. I‑3111, punt 86, u T‑Mobile Netherlands et, punt 56 iktar ’il fuq, punt 32).

61      Għalkemm din l-eżiġenza ta’ awtonomija ma teskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jadattaw lilhom infushom b’mod inteliġenti għall-aġir osservat jew preċedut tal-kompetituri tagħhom, madankollu din tipprekludi rigorożament kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi b’mod li jiġi influwenzat l-aġir fuq is-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jinkixef ma’ tali kompetitur l-aġir li wieħed ikollu l-intenzjoni li jadotta fuq dan is-suq jew li jkollu l-intenzjoni li jadotta fih, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jwasslu għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tal-prestazzjonijiet pprovduti, il-kobor u n-numru tal-impriżi u tal-volum tal-imsemmi suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 174; Züchner, punt 60 iktar ’il fuq, punt 14; Deere vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punt 87, u T‑Mobile Netherlands et, punt 56 iktar ’il fuq, punt 33).

62      Minn dan isegwi li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri huwa suxxettibbli li jkun kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni meta jnaqqas jew jikkanċella l-grad ta’ inċertezza fuq il-funzjonament tas-suq inkwistjoni bil-konsegwenza li jkun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Deere vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punt 90; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 81, u T‑Mobile Netherlands et, punt 56 iktar ’il fuq, punt 35).

63      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-komunikazzjoni bilaterali dwar ipprezzar minn qabel taffiet in-nuqqas ta’ inċertezza dwar id-deċiżjonijiet futuri tal-impriżi kkonċernati f’dak li jikkonċerna l-prezzijiet ta’ referenza, liema jikkostitwixxu prezzijiet imħabbra, u żżid, ġustament, li ftehim fuq tali prezzijiet jista’ wkoll jikkostitwixxi ksur minħabba l-għan (premessa 284 tad-deċiżjoni kkontestata).

64      Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà li prattika miftiehma titqies li għandha għan antikompetittiv anki jekk din tal-aħħar ma jkollha l-ebda rabta diretta mal-prezz tal-konsum, għandu jiġi rrelevat li l-kliem tal-Artikolu 81(1) KE ma jippermettix li jiġu kkunsidrati bħala pprojbiti biss il-prattiki miftiehma li għandhom effett dirett fuq il-prezz mħallas mill-konsumatur finali. Għall-kuntrarju, mill-imsemmi Artikolu 81(1)(a) KE jirriżulta li prattika miftiehma jista’ jkollha għan antikompetittiv jekk tkun tikkonsistli fl-“iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju” (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 56 iktar ’il fuq, punti 36 u 37).

65      Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 81 KE ifittex, bħar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-trattat, li jipproteġi mhux biss l-interessi diretti tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda l-istruttura tas-suq u, b’hekk, il-kompetizzjoni bħala tali. Għalhekk, il-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-għan antikompetittiv ta’ prattika miftiehma ma tistax tkun suġġetta għal dik ta’ rabta diretta ta’ din mal-prezz tal-konsum (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 56 iktar ’il fuq, punti 38 u 39).

66      Indipendentement mir-relevanza tar-referenza, fid-deċiżjoni kkontestata, għal ċerti deċiżjonijiet fil-ġurisprudenza, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverfika jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni setgħetx tikkonkludi, ġustament, li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn, minn naħa, Dole u Chiquita u, min-naħa l-oħra, Dole u Weichert kienx jikkostitwixxi prattika miftiehma b’għan li tiġi llimitata l-kompetizzjoni.

67      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kkonkludiet, b’mod żbaljat, li l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u li, b’hekk, hija ħarbet mill-obbligu li teżamina jekk dan kellux xi effett antikompetittiv.

68      Fir-rigward tad-delimitazzjoni bejn il-prattiki miftiehma li għandhom għan antikompetittiv u dawk li għandhom effett antikompetittiv, għandu jitfakkar li l-għan u l-effett antikompetittiv ma humiex kundizzjonijiet kumulattivi, iżda alternattivi, sabiex jiġi evalwat jekk prattika hijiex ipprojbita skont l-Artikolu 81(1) KE. Skont ġurisprudenza li ġiet stabbilita permezz tas-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, Ġabra p. 337, 359), in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, enfasizzata mill-użu tal-konġunzjoni “jew”, għandha twassal sabiex qabel kollox jiġi kkunsidrat l-għan innifsu tal-prattika miftiehma, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li fih dan għandu jiġi applikat. Madankollu, fl-ipoteżi fejn l-evalwazzjoni tal-klawżoli tal-prattika miftiehma ma turix livell suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni, ikollhom għalhekk jiġu eżaminati l-effetti tiegħu u, sabiex jiġi pprojbit, għandhom jiġu sodisfatti l-elementi li jistabbilixxu li l-kompetizzjoni ġiet jew imwaqqfa, jew ristretta jew distorta b’mod sinjifikanti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, Ġabra p. I‑8637, punt 15, u T‑Mobile Netherlands et, punt 56 iktar ’il fuq, punt 28).

69      Sabiex jiġi evalwat jekk prattika miftiehma hijiex ipprojbita mill-Artikolu 81(1) KE, ma hemmx bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tagħha fis-suq meta jkun jidher li din għandha l-għan li tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 496, tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C-105/04 P, Ġabra p. I-8725, punt 125, kif ukoll Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitat iktar ’il fuq, punt 68 iktar ’il fuq). Id-distinsjoni bejn “ksur minħabba l-għan” u “ksur minħabba l-effett” tikkonċerna ċ-ċirkustanza li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, min-natura tagħhom stess, bħala ta’ ħsara għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni (sentenzi Beef Industry Development Society u Barry Brothers, punt 68 iktar ’il fuq, punt 17 u T‑Mobile Netherlands et, punt 56 iktar ’il fuq, punt 29).

70      Sabiex ikun hemm għan antikompetittiv, huwa biżżejjed li l-prattika miftiehma tkun suxxettibbli li tipproduċi effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. Fi kliem ieħor, din għandha sempliċiment tkun tista’, fid-dawl tal-kuntest speċifiku legali u ekonomiku, tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni fis-suq komuni. Il-kwistjoni dwar jekk u sa fejn tali effett jipproduċi ruħu realment hija importanti biss sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi u jiġu evalwati d-danni (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 56 iktar ’il fuq, punt 31).

71      F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel bejn l-impriżi kkonċernati tagħti lok għal prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv, hija ma hijiex obbligata, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, li teżamina l-effetti tal-aġir inkwistjoni sabiex tkun tista’ tikkonkludi li hemm ksur tal-Artikolu 81 KE.

72      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li, sabiex taħrab mill-ġurisprudenza li tgħid li l-iskambju ta’ informazzjoni normalment ma jagħmilx “ħsara biżżejjed” sabiex jimmerita li jiġi kwalifikat bħala restrizzjoni għall-kompetizzjoni minħabba l-għan, anki fil-każ fejn l-informazzjoni skambjata hija intiża sabiex tinfluwenza effettivament l-iffissar tal-prezzijiet, il-Kummissjoni għamlet, fil-premessa 315 tad-deċiżjoni kkontestata, distinzjoni artifiċjali bejn il-komunikazzjoni dwar “ipprezzar minn qabel” u l-iskambju ta’ informazzjoni “ex post” u sostniet li din il-kawża tikkonċerna dawk tal-ewwel, ikkunsidrati bħala iktar gravi. Din id-distinzjoni ma hija sostnuta minn ebda deċiżjoni fil-ġurisprudenza u anzi tikkontradixxi l-ġurisprudenza li timponi li tittieħed inkunsiderazzjoni l-istruttura tas-suq kif ukoll karatteristiċi tal-komunikazzjoni.

73      Kif ġustament indikat il-Kummissjoni, dan l-argument tar-rikorrenti huwa limitat għal qari parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-premessa 315 għandha tinqara fid-dawl tal-analiżi kollha magħmulha mill-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni.

74      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni tuża l-espressjoni ġenerika “komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel” sabiex tirreferi għall-prattika miftiehma dwar il-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza u li għandha l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE skont l-analiżi li saret fil-premessi 259 sa 272 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel hija ddefinita fil-premessi 51, 148 u 182 tad-deċiżjoni kkontestata bħala skambji li matulhom l-impriżi kkonċernati kienu jiddiskutu fatturi ta’ pprezzar tal-banana, jiġifieri fatturi relatati mal-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara, kienu jiddibattu jew jikxfu tendenzi segwiti mill-prezzijiet jew kienu jagħtu indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara. Din il-komunikazzjoni kienet issir qabel ma l-partijiet kienu jistabbilixxu l-prezzijiet ta’ referenza tagħhom u kienu relatati kollha mal-prezzijiet ta’ referenza kollha.

75      Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-“iskambji tal-prezz ta’ referenza” li portata tagħhom hija ppreċiżata fl-istess premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġej:

“[...] Wara li kienu jistabbilixxu l-prezzijiet ta’ referenza l-Ħamis filgħodu, il-partijiet kienu jiskambjaw il-prezzijiet tagħhom fuq bażi bilaterali jew billi jużaw tal-anqas mekkaniżmu li jippermettilhom li jiskambjaw bilateralment informazzjoni fuq il-prezzijiet ta’ referenza stabbiliti [...]”

76      Mill-premessi 51, 198, 227, 248, 250 u 257 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għall-Kummissjoni, dawn l-iskambji ta’ prezz ta’ referenza jikkostitwixxu wkoll arranġamenti kollużorji bejn l-impriżi, għaliex iservu sabiex ikunu kkontrollati d-deċiżjonijiet individwali meħuda fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet abbażi tal-informazzjoni skambjata fil-kuntest tal-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel, u għalhekk ma jikkostitwixxix ksur separat, iżda mekkaniżmu ta’ sorveljanza tar-riżultat li tikkontribwixxi għall-istess għan.

77      Fir-rigward tal-premessa 315 tad-deċiżjoni kkontestata, din għandha l-għan li sempliċement tirrispondi għall-argument tal-impriżi destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet skont liema l-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel hija sempliċement skambju ta’ informazzjoni, li jista’ jikser l-Artikolu 81 KE biss jekk ikun hemm effetti antikompetittivi. F’din il-premessa l-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn dan il-każ inkwistjoni u dak, invokat mill-impriżi, li wassal għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/157/KEE, tas-17 ta’ Frar 1992, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/31.370 u 31.446 – UK Agricultural Tractor Registration Exchange) (ĠU L 68, p. 19), dwar sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni li wasslet għall-ksur tal-Artikolu 81 KE minħabba l-effetti antikompetittivi tagħha fuq is-suq.

78      Il-Kummissjoni tillimita ruħha sabiex tenfasizza li l-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel ma kinitx skambju ta’ informazzjoni ex post, jiġifieri dwar it-tranżazzjonijiet li kienu diġà saru bħal fil-kawża UK Agricultural Tractor Registration Exchange, iżda wasslu sabiex tinkixef il-linja ta’ aġir li l-kompetituri kellhom l-intenzjoni li jadottaw fuq is-suq dwar l-iffissar fil-futur tal-prezzijiet ta’ referenza tagħhom.

79      Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni, f’dan il-każ, ma għamlet l-ebda paragun u l-ebda klassifikazzjoni tat-tipi ta’ skambju ta’ informazzjoni f’termini ta’ dannu għall-kompetizzjoni skont jekk kienx seħħ qabel jew wara l-iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni u ma ssostnix li tal-ewwel huwa l-iktar gravi u jippermetti li jiġi kklassifikat, mingħajr ebda evalwazzjoni oħra, bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

80      L-unika distinzjoni li sserraħ fuqha l-Kummissjoni fil-premessa 315 tad-deċiżjoni kkontestata hija dik li teżisti bejn l-akkordji li għandhom għan antikompetittiv u dawk li għandhom effett antikompetittiv, li hija distinzjoni li tinsab fil-ġurisprudenza.

81      B’riferiment għall-premessi 263 sa 271 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża li l-prattika miftiehma involuta fiha Dole għandha l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE u li “konsegwentement, ma huwiex neċessajru [li hija] tanalizza l-istruttura tas-suq” jew “il-karatterċistiċi tal-komunikazzjoni jew tal-informazzjoni kkomunikata fid-dawl tal-kriterji definiti fil-kawża UK Agricultural Tractor Registration Exchange”.

82      Din l-aħħar frażi ma tistax tiġi interpretata, bħal ma jagħmlu r-rikorrenti, bħala prova ta’ ksur, mill-Kummissjoni, f’dan il-każ, tal-eżiġenzi tal-ġurisprudenza fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-konformità tal-iskambji ta’ informazzjoni bejn kompetituri mar-regoli tal-kompetizzjoni. Fil-verità, din hi biss dwar id-distinzjoni li għandha ssir minn sitwazzjoni fejn il-konstatazzjoni tal-ksur tal-Artikolu 81 KE kienet tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni f’sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni.

83      Ir-riferiment espress għall-premessi 263 sa 271 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni tfakkar ċerti karatteristiċi tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-impriżi kkonċernati u t-teħid inkunsiderazzjoni minnha tal-kuntest li kienet taqa’ fih, huwa biżżejjed sabiex tiġi kontradetta l-interpretazzjoni tar-rikorrenti.

84      Fi kwalunkwe każ, kif se jiġi spjegat iktar ’il quddiem, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni tal-prattika inkwistjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni l-portata, il-frekwenza u t-tul tal-komunikazzjoni bilaterali kif ukoll il-kuntest ġuridiku u ekonomiku li kienu jaqgħu taħtu d-diskussjonijiet.

85      Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti msemmi fil-punt 72 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq l-eżistenza ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv

a)     Fuq in-nuqqas ta’ kredibbiltà ta’ Chiquita

86      Ir-rikorrenti jsostnu li l-konklużjoni tal-Kummissjoni skont liema l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni jikkostitwixxi prattika miftiehma dwar l-iffissar tal-prezzijiet, u konsegwentment restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, hija bbażata pratikament esklużivament fuq il-mod kif Chiquita ddeskriviet dan l-aġir matul il-proċeduri amministrattivi, minkejja li l-imsemmija impriża ssofri minn nuqqas totali ta’ kredibbiltà.

87      Huma jsostnu, f’dan ir-rigward, l-interess personali li kellha Chiquita sabiex tikkwalifika l-aġir inkwistjoni bħala ksur, mill-iżvolġiment, sinjifikattiv ħafna, tal-proċeduri amministrattivi u l-eżistenza ta’ kontradizzjonijiet manifesti.

88      Għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament, li l-argument tar-rikorrenti, intiż sabiex jimmina b’mod ġenerali x-xhieda ta’ Chiquita, iserraħ fuq premessa żbaljata, fis-sens li d-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita huma biss wieħed mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tibbaża l-konklużjonijiet tagħha, flimkien mad-dikjarazzjonijiet ta’ Dole u Weichert u tal-provi dokumentarji, listi telefoniċi u messaġġi elettroniċi, u dawn il-provi kollha ġew eżaminati u kkonfrontati b’mod li juri li kemm il-provi kontradittorji kif ukoll dawk konkordanti jistabbilixxu l-eżistenza ta’ prattika miftiehma.

89      L-ispeċifiċità tal-prattika inkwistjoni, jiġifieri l-fatt li l-komunikazzjoni bilaterali inkwistjoni saret oralment u li l-partijiet informaw lill-Kummissjoni li ma kellhom la noti u lanqas minuti ta’ din il-komunikazzjoni, jispjega, għaldaqstant, l-importanza tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-impriżi matul il-proċeduri amministrattivi.

90      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interess personali li kellha Chiquita sabiex tikkwalifika l-aġir inkwistjoni bħala ksur, ir-rikorrenti jindikaw li d-depożitu minn din l-impriża, fit-8 ta’ April 2005, ta’ talba għal immunità bbażata fuq il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kienet marbuta mal-akkwist, imħabbar sitt ġimgħat qabel, tas-settur “Fresh Express” mingħand Performance Food Group. Skont ir-rikorrenti, Chiquita ma setgħetx tiffinalizza l-akkwist tagħha tas-settur “Fresh Express”, li kellu importanza strateġika konsiderevoli għaliha, mingħajr ma tikkalma l-inkwiet muri mill-banek li kienu ser jiffinanzjaw it-tranżazzjoni wara l-istħarriġ preliminari tal-attivitajiet tagħha, u huwa biss fit-28 ta’ Ġunju 2005, wara l-kisba tal-immunità kondizzjonali fit-3 ta’ Mejju 2005, li Chiquita ħabbret is-suċċess tat-tranżazzjoni ta’ akkwist.

91      Għandu jiġi rrelevat li l-argument tar-rikorrenti ma jirrispondix għal-loġika inerenti għall-proċedura prevista mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Fil-fatt, il-fatt li persuna titob li tibbenefika mill-applikazzjoni ta’ dan il-Komunikazzjoni bil-għan li tikseb tnaqqis fl-ammont tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv biex jiġu ppreżentati provi mhux idonei fil-konfront tal-parteċipanti l-oħra inkriminati fl-akkordju. Fil-fatt, kull tentattiv sabiex il-Kummissjoni tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni ta’ min qed jagħmel it-talba u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li dan jibbenefika b’mod sħiħ mill-Komunikazzjoni dwar il-klemenza (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 70).

92      Anki fl-ipoteżi li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-motivazzjoni tat-talba għal immunità magħmula minn Chiquita huma eżatti, dawn ma humiex ta’ natura li jneżżgħu minn kull kredibbiltà d-dikjarazzjonijiet ta’ din l-impriża. L-eżistenza ta’ interess personali fl-akkuża ma jfissirx neċessarjament in-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-awtur tagħha.

93      L-inkwiet tal-operaturi li kellhom jiffinanzjaw l-akkwist minn Chiquita u l-ħsieb tagħhom, f’dan ir-rigward, li jillimitaw bl-aħjar mod ir-riskju marbut mas-sitwazzjoni ta’ min jissellef jistgħu, madankollu, jkunu kkunsidrati bħala indizju konkret li jsaħħaħ il-forza probatorija tad-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita fir-rigward tar-realtà tal-akkordju.

94      Barra minn hekk, u fuq kollox, il-preżentazzjoni unikament vantaġġjuża tal-pass meħud minn Chiquita fit-8 ta’ April 2005 hija qarrieqa sa fejn ma tiħux inkunsiderazzjoni konsegwenza ċerta u potenzjalment negattiva marbuta mar-rikonoxximent minnha tal-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju. Fil-fatt, għalkemm it-talba ta’ immunità kienet tippermetti lil Chiquita li tispera li taħrab minn kwalunkwe sanzjoni tal-Kummissjoni, ir-rikonoxximent imsemmi iktar ’il fuq u d-deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE jesponi lil din l-impriża għal azzjoni għad-danni min-naħa ta’ terzi bħala ħlas għad-dannu subit minħabba l-aġir antikompetittiv inkwistjoni, li jista’ jkollu ħafna konsegwenzi fuq il-pjan finanzjarju.

95      Din il-konklużjoni hija wkoll ta’ natura li tirrelativizza l-allegazzjoni tar-rikorrenti li allegatament Chiquita pprovat tara l-impriżi kompetituri jbatu żvantaġġ finanzjarju matul il-proċedura amministrattiva.

96      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jirreferu għall-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva, billi jsostnu li l-Kummissjoni kkonstatat hija stess li Chiquita ma kellhiex kredibbiltà, peress li ċaħdet pratikament l-allegazzjonijiet kollha magħmula minn din il-kumpannija minħabba li kienu infondati, inkluż f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni ta’ Fyffes u ta’ Van Parys għall-allegat akkordju, u kellha torganizza laqgħa dwar l-“istat tal-proċess” ma’ Chiquita. Din tal-aħħar ma identifikatx il-komunikazzjoni bilaterali inkwistjoni u sostniet l-għan antikompetittiv tagħhom biss wara din il-laqgħa.

97      Huma jfakkru li t-talba għal klemenza ta’ Chiquita tat-8 ta’ April 2005 kienet tinkludi l-parti li ġejja:

“Din it-talba hija dwar l-attività ta’ distribuzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-banana, kif ukoll ta’ ananas u frott frisk ieħor, importat. L-ikbar fornituri ta’ banana fl-Ewropa, inkluż l-Isvizzera u n-Norveġja, huma [Chiquita], [Dole], Del Monte, [Fyffes], Ireland u Grupo Noboa SA Ecuador, imsejħa iktar ’il quddiem Noboa.

L-azzjonijiet miftiehma bejn l-importaturi tal-banana li jiksru l-Artikolu 81 [KE] seħħew bejn wieħed u ieħor mill-bidu tas-snin 90 (jew qabel) sa April 2005. Matul dawn l-aħħar erba’ jew ħames snin, Chiquita, Dole, Del Monte, Fyffes u Noboa pparteċipaw għal dawn l-azzjonijiet miftiehma, u jista’ jkun li għadhom jiġbru flimkien sal-lum jew preċedentement inkludew fornituri oħra tal-banana iktar żgħar bħal Durbeck. Il-kumpanniji msemmija iktar ’il fuq żammew fis-settur tal-banana skambju regolari ta’ informazzjoni dwar il-volumi u l-prezzijiet tal-kunsinni futuri fl-Ewropa, kif ukoll lill-klijenti Ewropej tagħhom personali.

Il-kumpanniji kellhom ukoll azzjonijiet miftiehma relatati direttament mal-prezz, jiġifieri fuq il-prezz ta’ referenza ġenerali għall-Ewropa applikati għal ċerti klijenti Ewropej.”

98      B’hekk jidher li t-talba ta’ klemenza kienet intiża b’mod iktar partikolari għall-“importaturi tal-banana” u l-parteċipazzjoni tagħhom għall-azzjonijiet miftiehma “matul dawn l-aħħar ħames snin”.

99      Il-portata tad-deċiżjoni kkontestata turi li d-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ittieħdu sew inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. L-ewwel nett, huwa paċifiku li, mill-ħames importaturi msemmija, tlieta huma destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. It-tieni nett, ġie kkonstatat skambju ta’ informazzjoni dwar il-volumi mingħajr ma finalment ma ġie kkunsidrat bħala element li jikkostitwixxi ksur (ara l-premessi 136 u272 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tielet nett, skambju ta’ informazzjoni, fil-forma ta’ komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel, relatat mal-prezzijiet ta’ referenza tal-importaturi u l-fornituri, ġie kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata li jikkaratterizza prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv ta’ tul ta’ tliet snin, inkluż fil-perijodu limitat iktar speċifikament imsemmi fit-talba għal klemenza.

100    Fi kwalunkwe każ, il-konstatazzjoni li l-ksur finalment ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata ma jikkorrispondix fil-punti kollha mal-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba ta’ klemenza f’dak li jikkonċerna l-għan tal-aġir li jikkostitwixxi ksur, it-tul tiegħu u n-numru ta’ impriżi kkonċernati u sanzjonati ma huwiex ta’ natura li juri li l-awtur tal-imsemmija talba u d-dikjarazzjonijiet tiegħu, li fuqhom huma parzjalment fondati l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE, huma nieqsa mill-kredibbiltà.

101    Ir-riżultat tal-proċedura amministrattiva mmexxijja mill-Kummissjoni, enfasizzata mir-rikorrenti, jikkontradixxi anki d-dikjarazzjoni ta’ dawn tal-aħħar li tgħid li “l-Kummissjoni laqgħet wisq faċilment id-dikjarazzjoni ta’ Chiquita skont liema teżisti forma ta’ akkordju bejn l-importaturi tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq” u ma għamlitx “eżami kritiku” tad-dikjarazzjonijiet ta’ din il-kumpannija.

102    L-intenzjoni tar-rikorrenti li jiddiskreditaw ix-xhieda ta’ Chiquita wasslithom sabiex jiżviluppaw raġunament kontradittorju intiż, fl-istess ħin sabiex jikkritika lill-Kummissjoni li bbażat ruħha kważi esklusivament fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita, u dan mingħajr prekawzjoni jew analiżi kritika, u sabiex jenfasizza d-differenzi bejn dawn id-dikjarazzjonijiet u l-konetenut tad-deċiżjoni kkontestata.

103    Barra minn hekk, ma jistax jiġi dedott minn ittra tal-Kummissjoni li tistieden lil Chiquita tressaq l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nuqqas ta’ qbil “possibbli” bejn it-talba għal klemenza inizjali u dikjarazzjonijiet ulterjuri kif ukoll iż-żamma ta’ laqgħa, fl-20 ta’ Ottubru 2006, li matulha l-Kummissjoni u Chiquita kellhom skambju ta’ opinjoni dwar il-konfrontar ta’ elementi li jinsabu fit-talba għal klemenza ma’ dawk li jirriżultaw mill-ispezzjonijiet u mit-talbiet għal informazzjoni, skwalifika globali mix-xhieda ta’ Chiquita.

104    Għandu jiġi rrelevat li r-rikorrenti, li kellhom l-aċċess għall-fajl ta’ investigazzjoni, isostnu sempliċement li Chiquita ammettiet il-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel wara l-laqgħa dwar l-istat tal-affarijiet tal-20 ta’ Ottubru 2006 u ma tforni l-ebda element ta’ natura li jikkontradiċi l-osservazzjoni tal-Kummissjoni skont liema Chiquita rreferiet għal din il-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel għall-ewwel darba f’Lulju-Awwissu 2005 (dikjarazzjonijiet Nri 11 u 12), jiġifieri iktar minn sena qabel ma nżammet din il-laqgħa.

105    Il-premessa 149 tad deċiżjoni kkontestata, fejn huwa indikat li “meta Chiquita informat lill-Kummissjoni bil-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel li kellha ma’ Dole, hija qalet li t-temi tagħha kienu l-kundizzjonijiet ta’ bejgħ u tas-suq u l-fatturi ta’ prezz kif ukoll l-offerti ta’ prezz uffiċjali dwar il-banana”, tirreferi għall-paġni 9 227 et seq tal-fajl tal-Kummissjoni li jikkorrispondu għad-dikjarazzjoni ta’ impriża ta’ Chiquita Nru 12, tal-25 ta’ Awwissu 2005. Barra minn hekk, l-Anness A6 tar-rikors jikkorrispondi għad-dikjarazzjoni Nru 28 ta’ Chiquita, fejn hija għamlet kjarifiki dwar l-aġir tal-ex impjegat tagħha, B, li kien involut f’komunikazzjoni mal-impriżi kompetituri, u tfakkar li kienet iddeskriviet dak li kienet taf dwar din il-komunikazzjoni fid-dikjarazzjonijiet preċedenti Nru 11, tal-4 ta’ Lulju 2005, Nru 12, tal-25 ta’ Awwissu 2005 u Nru 13, tal-20 ta’ Jannar 2006.

106    Fit-tielet lok, Dole ssostni li x-xhieda tal-impjegat ta’ Chiquita, B, dwar il-komunikazzjoni bilaterali miżmuma ma’ wieħed mill-impjegati tagħha, H, tinkludi diversi kontradizzjonijiet interni, li jqajmu dubji serji dwar l-eżattezza u l-affidabbiltà tagħha, u hija wkoll kontradetta mix-xhieda tal-impjegat tagħha.

107    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jinvokaw il-varjazzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita dwar il-kalendarju tal-komunikazzjonijiet, b’allegazzjoni tal-iskambji li saru nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Tlieta u wara nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ħamis.

108    Din is-sitwazzjoni hija spjegata b’mod ċar fil-premessi 71 sa 74, u 156 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn jirriżulta li, wara li kellha konverżazzjonijiet b’mod komplimentari ma’ xi ex impjegati u impjegati attwali tagħha u wara li rat il-minuti telefoniċi tal-ex impjegat tagħha B, Chiquita ppreċiżat id-dikjarazzjoni inizjali tagħha billi indikat li t-telefonati kienu saru ġeneralment nhar ta’ Erbgħa tard wara nofsinhar u kienu segwiti minn telefonata oħra l-Ħamis filgħodu kmieni, qabel, jew, xi kultant, immedjatament qabel, il-laqgħa interna li kienet tippreċedi d-deċiżjoni tiegħu fil-qasam tal-ipprezzar.

109    Għandu jiġi enfasizzat li Dole ammettiet, b’mod koerenti, fir-risposti tagħha għad-domandi għal informazzjoni, li t-telefonati li kienu saru l-Erbgħa wara nofsinhar u, għalkemm skont hi rari, il-Ħamis filgħodu (premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata), u li d-dikjarazzjonijiet tal-impriżi huma kkoraborati mill-minuti telefoniċi disponibbli ta’ B li juru t-telefonati magħmula minn dan tal-aħħar lil H, minuti li dwarhom ir-rikorrenti ma għamlu l-ebda osservazzjoni.

110    It-tieni nett, fir-rigward tal-oriġni tat-telefonati, ir-rikorrenti jsemmu l-ewwel dikjarazzjoni ta’ Chiquita fejn “H, minn Dole, ġieli kien iċempel l-ewwel, u ġieli Chiquita kienet iċċempel lil Dole l-ewwel”, wara jsemmu t-tieni dikjarazzjoni fejn tgħid li “fil-maġġoranza tal-każijiet, H kien iċempel lil B”, fejn din l-aħħar konstatazzjoni ġiet ikkontestata minn H iktar tard.

111    Id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita msemmija iktar ’il fuq ma jurux kontradizzjoni reali, iżda preċiżazzjoni dwar l-oriġini tal-maġġoranza tat-telefonati, u l-kontestazzjoni ta’ Dole dwar dan il-punt ma tippermettix li jiġi allegat effettivament nuqqas totali tal-affidabbiltà tax-xhieda ta’ Chiquita, filwaqt li din tal-aħħar hija kkoraborata minn Dole li ddikjarat li l-impjegati tagħha, H u G, kienu kkomunikaw ma’ B, impjegat ta’ Chiquita u li, “f’okkażjonijiet rari, jista’ jkun li H kellu kuntatt ma’ B l-Erbgħa wara nofsinhar jekk Dole ma kinitx semgħet bih l-Erbgħa wara nofsinhar u b’mod partikolari jekk xi fatt mhux normali kien seħħ fl-iżvilupp tas-suq” (premessi 60 u 61 tad-deċiżjoni kkontestata).

112    Abbażi ta’ dawn il-provi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, li Chiquita u Dole kienu fil-fatt ikkomunikaw, anki jekk il-partijiet għandhom impressjoni differenti f’dak li jikkonċerna l-persuna li “fil-maġġoranza tal-każijiet” kienet tibda l-kuntatt, u li ż-żewġ partijiet jammettu, barra minn hekk, li l-impjegati tagħhom kellhom kuntatt ukoll mal-parti l-oħra f’ċertu okkażjonijiet (premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata).

113    It-tielet nett, ir-rikorrenti josservaw li B sostna li Dole kienet ikkomunikat “l-intenzjoni probabbli tagħha [...] rigward il-mod kif kienet ser tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha fil-ġimgħa ta’ wara”, u wkoll, dejjem fl-istess dikjarazzjoni, li t-telefonati kellhom l-għan li jiksbu “indikazzjoni finali min-naħa ta’ Dole dwar l-intenzjoni tagħha fir-rigward tal-iffissar previst tal-prezz”.

114    Dan l-istess ilment ġie espost minn Dole fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li wassal għar-risposta segwenti tal-Kummissjoni fil-premessa 169 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Il-Kummissjoni tosserva, b’mod ġenerali, li, peress li din il-komunikazzjoni kienet komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel, huwa ċar li l-indikazzjonijiet jew l-intenzjonijiet tal-prezzijiet ikkomunikati lill-kompetituri ma setgħux ikunu prezz ta’ referenza finali, peress li dan kien jiġi stabbilit biss l-għada. Barra minn hekk, Chiquita tindika fid-dikjarazzjoni ta’ impriża tagħha li skont hi, il-komunikazzjoni kellha l-għan li tikseb minn Dole ‘indikazzjoni finali’ dwar ‘l-intenzjoni tagħha dwar il-prezz antiċipat’. Dan juri b’mod ċar li Chiquita ma sostnietx li dak li Dole kienet tikkomunika kien il-prezz finali. Chiquita tindika wkoll li r-rakkomandazzjoni ta’ pprezzar ta’ B kienet ibbażata fuq ‘l-intenzjoni probabbli ta’ Dole’ li kienet saret taf biha matul il-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel ma’ Dole. Il-Kummissjoni tqis li dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex inkoerenti u li juru b’mod ċar il-finalità ta’ din il-komunikazzjoni minn Chiquita”.

115    Ir-riferiment uniku, fir-rikors, li H ftakar biss dwar id-diskussjonijiet dwar “it-tendenzi indikattivi tal-prezzijiet ta’ referenza” ma huwiex ta’ natura li jikkontradiċi l-konklużjoni tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq u li jiġġustifika l-allegazzjonijiet ta’ inkoerenza u ta’ nuqqas ta’ affidabbiltà sussegwenti tax-xhieda ta’ Chiquita.

116    Ir-raba’ nett, f’dak li jikkonċerna n-nuqqas ta’ qbil bejn Chiquita u Dole dwar id-determinazzjoni tal-frekwenza eżatta tal-iskambju, dan ma jfissirx neċessarjament, kif isostnu r-rikorrenti, in-nuqqas ta’ affidabbiltà tax-xhieda ta’ Chiquita.

117    Il-kwistjoni tal-frekwenza tal-komunikazzjoni bilaterali bejn Dole u Chiquita hija eżaminata fil-premessi 76 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata u l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni r-risposti ta’ Dole, li ammettiet li din il-komunikazzjoni bilaterali kienet saret madwar 20 darba fis-sena (premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata).

118    Mill-premessi kollha preċedenti jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jiskwalifika b’mod ġenerali x-xhieda ta’ Chiquita minħabba allegat nuqqas ta’ kredibbiltà tagħha għandu jitwarrab.

b)     Fuq in-nuqqas ta’ inkompatibbilta tal-modi ta’ operat minn Dole u Chiquita mal-kollużjoni akkużati biha

119    Ir-rikorrenti jallegaw li t-teżi tal-Kummissjoni li l-komunikazzjoni bilaterali li saret bejn il-partijiet kellha l-għan li tikkoordina l-prezzijiet ta’ referenza tagħhom hija inkompatibbli mal-fatt li Chiquita u Dole kienu jiffissaw il-prezzijiet ta’ referenza għal prodotti differenti, klijenti differenti u ġimgħat differenti miċ-ċiklu ta’ tliet ġimgħat tas-suq tal-banana. Għalhekk lanqas huwa teoretikament possibbli li jiġu kkoordinati l-prezzijiet ta’ referenza abbażi ta’ informazzjoni skambjata, inkwantu l-prodotti mibjugħa minn Chiquita u minn Dole huma żewġ prodotti totalment differenti li ma humiex f’kompetizzjoni fuq l-istess suq.

120    Il-prezz ta’ referenza ffissat minn Chqiuita kien jikkonċerna l-banana misjura li kellha tiġi kkunsinnata lill-bejjiegħa bl-imnut, filwaqt li l-prezz ta’ referenza stabbilit minn Dole kien jikkonċerna l-banana mhux misjura kkunsinnata lill-kumpanniji responsabbli għas-sajran u għad-distribuzzjoni. Skont ir-rikorrenti, Chiquita kienet tistabbilixxi l-prezz ta’ referenza tagħha isfar għall-banana li tasal fl-Ewropa ta’ Fuq il-ġimgħa ta’ qabel u kienet tintbagħat lill-bejjiegħa bl-imnut fil-ġimgħa ta’ wara, filwaqt li Dole kienet tistabbilixxi l-prezz ta’ referenza aħdar għall-banana li kienet tasal fl-Ewropa ta’ Fuq il-ġimgħa ta’ wara u kienet tiġi kkunsinnata lill-bejjiegħa bl-imnut ġimagħtejn wara biss.

121    Din is-sitwazzjoni ma tapplikax għall-Ġermanja, fejn Chiquita kienet tikkomunika biss lill-klijenti tagħha għall-finijiet esterni prezz ta’ referenza isfar, minħabba l-eżerċizzju mis-sussidjarja tagħha Atlanta ta’ attivitajiet ta’ sajran tal-frott u ta’ distributur. Fil-fatt, Chiquita indikat lill-Kummissjoni li d-deċiżjonijiet ta’ ffissar tal-prezzijiet meħuda l-Ħamis dwar il-pajjiżi Nordiċi kienu jikkonċernaw ukoll il-banana li kienet diġà qed tissajjar.

122    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma spjegatx b’mod ċar u mhux ekwivoku l-pożizzjoni tagħha, u b’hekk kisret l-Artikolu 253 KE, u dan, b’mod partikolari, billi ma spjegatx, “utilment kif l-iskambju ta’ informazzjoni dwar elementi allegatament relevanti sabiex jiġi stabbilit il-prezz ta’ referenza tal-banana ħadra jista’ jkollu xi relevanza għall-iffissar tal-prezz tal-banana ħadra”.

 Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 253 KE

123    Mill-formulazzjoni tal-ilment imfakkar fil-punt preċedenti, u b’mod iktar preċiż mill-użu tal-avverbju “utilment”, kif ukoll mill-portata tal-argument żviluppat mir-rikorrenti jirriżulta, li dan l-ilment ma jsemmix, effettivament, ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 230 KE. L-ilment inkwistjoni jitħallat, fil-fatt, mal-kritika tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk tal-legalità fil-mertu ta’ dan l-att, li huwa allegatament illegali fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tipprova l-eżistenza jew il-possibbiltà stess tal-eżistenza ta’ koordinazzjoni illegali bejn Dole u Chiquita.

124    Barra minn hekk, anki fl-ipoteżi li l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 253 KE tista’ tintlaqa’, din hija nieqsa minn kull fondatezza.

125    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun adottat l-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi fattwali u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

126    Barra minn hekk, kieku, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li tasal tieħu sabiex tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiddiskuti l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li wassluha sabiex tieħu tali deċiżjoni, xorta jibqa’ l-fatt li hija għandha, skont l-Artikolu 253 KE ssemmi, tal-anqas, il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li għandhom importanza essenzjali għall-ekonomija tad-deċiżjoni tagħha, li b’hekk tippermetti lill-qorti tal-Unjoni u lill-partijiet interessati jkunu jafu l-kundizzjonijiet li fihom applikat it-trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata).

127    F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fil-premessi 4, 5, 32, 34, 104, 141 sa 143, 182, 196 u 287 tad-deċiżjoni kkontestata, spjegat bi preċiżjoni u ċarezza suffiċjenti l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tan-natura unika tal-prodott inkwistjoni, jiġifieri l-banana friska, l-ispeċifiċità tal-imsemmi prodott, frotta importata ħadra u offruta għall-konsum mill-pubbliku la darba tisfar, wara li tissajjar, il-modi ta’ organizzazzjoni tas-sajran u, sussegwentement, tal-kummerċjalizzazzjoni tal-banana, il-proċess ta’ negozjar kummerċjali bil-prezz ta’ referenza u r-rabta li teżisti bejn il-prezz ta’ referenza tal-banana ħadra u safra.

128    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jiġu kkonstatati, essenzjalment, diviżjoni u desinkronizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ Dole u ta’ Chiquita li jrendu impossibbli kollużjoni dwar il-prezzijiet ta’ referenza permezz ta’ komunikazzjoni bilaterali ma tqajmitx matul il-proċedura amministrattiva.

129    Issa, huwa paċifiku li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tindika espliċitament li l-prodott inkwistjoni kien magħmul mill-banana (frott frisk) u semmiet tliet prattiki kollużivi, jiġifieri:

–        l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-volumi ta’ banana li tasal fl-Ewropa ta’ Fuq (skambju ta’ informazzjoni dwar il-volumi);

–        komunikazzjoni bilaterali dwar il-kundizzjonijiet tas-suq tal-banana, it-tendenzi tal-prezzijiet jew l-indikazzjoni tal-prezz ta’ referenza qabel ma dawn il-prezzijiet jiġu stabbiliti;

–        l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ referenza tal-banana (skambju tal-prezz ta’ referenza).

130    Fil-paragrafu 429 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni b’mod mhux ekwivoku kkonkludiet li “kull serje ta’ arranġamenti bilaterali” u dawn l-argumenti kollha kienu jikkostitwixxu ksur bil-għan li jillimita l-kompetizzjoni fil-Komunità u fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

131    Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Dole ikkontestat l-eżistenza ta’ kwalunkwe ksur, iżda, għal dan il-fini, ma allegat imkien differenza sostanzjali tal-mod ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-banana meta mqabbla ma’ Chiquita. Għalkemm huwa indikat li, kuntrarjament għal Dole u għall-bqija tas-settur, il-prezzijiet ta’ referenza kellhom ċertu użu limitat ħafna u diskret għal Chiquita minħabba l-partikolarità tal-attività tagħha, din l-osservazzjoni tapplika biss għall-kuntratti “Dole plus” fejn il-prezz ta’ tranżazzjoni tal-banana tat-trade mark Chiquita kien jiddependi mir-realtà tal-prezz ta’ referenza ta’ kull ġimgħa ffissat minn Dole.

132    Hija wkoll enfasizzata, fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-rivalità kostanti li kienet teżisti bejn l-importaturi tal-banana u, “b’mod partikolari bejn Dole u Chiquita”, fejn dan l-aħħar operatur kien ikkwalifikat bħala “l-ikbar rivali” ta’ Dole.

133    F’dan l-istadju jaqbel li jitfakkar li l-ispjegazzjonijiet jew preċiżazzjonijiet ta’ natura li jiċċaraw it-termini tal-att ikkontestat jistgħu jiġu pprovduti matul l-istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1960, Präsident et vs L-Awtorità Għloja, 36/59 sa 38/59 u 40/59, Ġabra p. 857, 892; tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, C‑310/93 P, Ġabra p. I‑865, punt 11, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger għal dik is-sentenza, Ġabra p. I‑867, punt 24). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li preċiżazzjonijiet magħmula mill-awtur ta’ deċiżjoni kkontestata, li jikkompletaw motivazzjoni li fiha nnifisha hija diġà suffiċjenti, ma jaqgħux daqstant taħt ir-rispett tal-obbligu ta’ motivazzjoni, anki jekk jistgħu jkunu utli għall-istħarriġ intern tal-motivi tad-deċiżjoni, eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni, inkwantu jippermettu lill-istituzzjoni tispjega r-raġunijiet abbażi tad-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 61).

134    F’dan il-każ, il-preċiżazzjonijiet ipprovduti matul l-istanza mill-Kummissjoni, bħala risposta għall-ilment speċifiku mqajjem mir-rikorrenti għall-ewwel darba matul il-proċedura kontenzjuża, servew biss biex jispjegaw ir-raġuni li kienet diġà tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li tinkludi d-diversi modi ta’ distribuzzjoni tal-banana importata fl-Ewropa ta’ Fuq, b’mod partikolari, minn Dole u Chiquita.

135    Minn dan isegwi li fi kwalunkwe każ il-Kummissjoni ma tista’ tiġi akkużata bl-ebda ksur tal-Artikolu 253 KE.

 Fuq il-mertu

136    Għandu jiġi kkunsidrat li l-ilment imqajjem mir-rikorrenti ma jistax jintlaqa’, sa fejn jistrieħ fuq premessa mhux issostanzjata u żbaljata, li l-banana ħadra u l-banana safra jikkostitwixxu prodotti totalment differenti li jaqgħu taħt żewġt iswieq differenti li fihom joperaw, b’mod esklużiv, Dole, minn naħa, u Chiquita, min-naħa l-oħra.

137    It-teżi tar-rikorrenti ma tikkorrispondix għar-realta tas-suq ikkonċernat bħal ma jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, mid-dikjarazzjonijiet ta’ Dole u ta’ Chiquita magħmula matul il-proċedura amministrattiva u tan-noti tar-rikorrenti stess.

138    Kif jirriżulta mill-motivi iktar ’il quddiem, dawn il-konstatazzjonijiet u dikjarazzjonijiet ikkorraborati permezz ta’ provi dokumentarji, jirrivelaw l-eżistenza ta’ suq tal-banana (frott frisk) ikkaratterizzat minn koeżistenza u konkomitanza tal-attivitajiet ta’ Dole u ta’ Chiquita ta’ bejgħ ta’ banana ħadra u banana safra, komunikazzjoni bejn dawn iż-żewġ impriżi, fi ftehim reċiproku perfett, fuq il-prezz tal-banana ħadra għall-Ewropa tal-Fuq u l-fatt li l-prezz tal-banana safra kien ibbażat fuq dak tal-banana ħadra.

139    Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni tiddefinixxi b’mod ċar, fid-deċiżjoni kkontestata, is-settur inkwistjoni u, b’mod partikolari, il-prodott inkwistjoni bħala banana friska kif ukoll il-funzjonament tas-suq ikkonċernat.

140    Il-Kummissjoni tippreċiża li kemm il-banana mhux misjura (ħadra) kif ukoll il-banana misjura (safra) hija koperta mid-deċiżjoni kkontestata u li l-bejgħ ta’ banana friska huwa ddefinit bħala bejgħ ta’ banana inqas ħadra diżidratata u l-banana pjantaġġini (premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

141    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-banana importata fl-Ewropa ta’ Fuq kienet ġeneralment ikkultivata fil-Karajbi, fl-Amerka Ċentrali u f’ċerti pajjiżi tal-Afrika (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata). Matul il-perijodu kkonċernat, is-settur tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq kien organizzat f’ċikli ta’ kull ġimgħa. It-trasport tal-banana bil-baħar mill-portijiet tal-Amerika Latina lejn l-Ewropa kien idum madwar ġimagħtejn. B’mod ġenerali l-banana kienet tasal fil-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq kull ġimagħtejn u t-trasport kien isir skont kalendarju ta’ tluq regolari (premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-banana kienet tintbagħat ħadra u kienet tasal fil-portijiet ħadra. Hija kellha tissajjar sabiex tkun tista’ tiġi kkunsmata (premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata).

142    Il-Kummissjoni tindika li l-banana kienet tiġi kkunsinnata direttament lix-xerrejja (banana ħadra), jew tissajjar, u mbagħad kienet tiġi kkunsinnata madwar ġimgħa wara (banana safra), li kien ifisser li s-sajran seta’ jiġi organizzat mix-xerrej, jew magħmul mill-importatur jew kien isir f’ismu (premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata).

143    Skont il-Kummissjoni, Chiquita, Dole u Weichert kienu jistabbilixxu l-prezzijiet ta’ referenza tagħhom għall-banana bit-trade mark tagħhom kull ġimgħa, f’dan il-każ nhat ta’ Ħamis filgħodu, u kienu jħabbruhom lill-klijenti tagħhom (premessi 34 u 104 tad-deċiżjoni kkontestata). It-terminu “prezzijiet ta’ referenza” ġeneralment jirreferi għall-prezz ta’ referenza għall-banana ħadra (offerta ħadra). Il-prezz ta’ referenza għall-banana safra (“offerta safra”) kien magħmul normalment mill-offerta ħadra b’żieda tal-ħlas ta’ sajran (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata), peress li l-prezz ta’ referenza tal-banana ħadra jiddetermina l-prezzijiet ta’ referenza tal-banana safra (premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata).

144    Il-prezzijiet ta’ referenza stabbiliti kull ġimgħa mill-partijiet kienu japplikaw għall-Ewropa ta’ Fuq. Chiquita ddikjarat li “l-prezzijiet ta’ referenza marbuta mal-Ewropa ta’ Fuq kienu marbuta mal-Ġermanja (inkluż l-Awstrija, l-Isvezja, il-Finlandja u d-Danimarka) u l-pajjiżi tal-Benelux” u li, meta hija kienet titkellem ma’ Dole dwar il-“prezz aħdar” Ġermaniż, “dan kien ikopri l-prezzijiet relativi għall-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa ta’ Fuq” (premessa 104 u 141 tad-deċiżjoni kkontestata).

145    Id-dokumenti misjuba għand Dole matul l-ispezzjoni juru li din l-impriża kellha prezz ta’ referenza msejjaħ prezz “Ewropa ta’ Fuq tal-UE15” u prezzijiet differenti għan-Norveġja, il-pajjiżi tal-“Ewropa ta’ Fuq tal-UE10”, Franza, l-Italja u r-Renju Unit. Dole indikat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li dan il-prezz kien prezz Ġermaniż. Dole spjegat ukoll b’mod ċar li dan il-“bejgħ ta’ banana ħadra [kien] ġeneralment ibbażat fuq prezz ta’ kull ġimgħa” u li, “fi kwalunkwe każ, il-kompetituri kollha kienu jafu li l-prezzijiet ta’ referenza [diskussi matul il-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel] kienu jirreferu għas-swieq [informazzjoni mhux ippubblikata] tal-UE15” (premessi 104, 142 u 143 tad-deċiżjoni kkontestata).

146    Il-Kummissjoni tippreċiża li l-Ħamis wara nofsinhar u l-Ġimgħa (jew iktar tard fil-ġimgħa għaddejja jew fil-bidu tal-ġimgħa ta’ wara), l-importaturi tal-banana kienu jinnegozjaw il-prezzijiet tal-banana mal-klijenti tagħhom peress li t-tranżazzjonijiet kienu bbażati fuq prezzijiet innegozjati fuq bażi ta’ kull ġimgħa. Il-klijenti tal-importaturi kienu ġeneralment kumpanniji responsabbli għas-sajran jew katini ta’ bejgħ bl-imnut. Il-prezz isfar kien il-prezz tal-banana misjura, filwaqt li l-prezz aħdar kien dak tal-banana mhux misjura (premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata).

147    Il-Kummissjoni tispjega wkoll li kien jeżisti ċertu livell ta’ differenzjazzjoni skont il-preferenza tat-trade mark. L-attività tal-banana kienet tiddistingwi tliet livelli ta’ trade mark ta’ banana msejħa “terzi”: il-banana tat-trade mark Chiquita tal-iprem għażla, il-banana tat-tieni livell tat-trade marks Dole u Del Monte u l-banana tat-tielet għażla (ukoll imsejħa “t-tielet”), li jinkludu diversi trade marks oħra ta’ banana. Din id-diviżjoni skont it-trade marks kienet riflessa fit-tariffi tal-banana fejn Chiquita kellha l-ogħla prezz, segwita mill-banana bit-trade marks Dole u Del Monte, u l-banana tat-tielet kategorija kienet fil-qiegħ tal-iskala (premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

148    Skont il-Kummissjoni, huwa fil-kuntest tal-funzjonament tas-suq tal-banana kif deskritt li saret il-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel bejn Dole u Chiquita, li matulha dawn iż-żewġ impriżi kienu jiddiskutu l-kundizzjonijiet tal-offerta u ta’ domanda jew, fi kliem ieħor, tal-fatturi ta’ pprezzar, jiġifieri fatturi importanti għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara, u kienu jiddiskutu jew jikxfu t-tendenzi ta’ prezz u jagħtu indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara qabel l-iffissar ta’ dawn il-prezzijiet ta’ referenza (premessi 148, 182 u 196 tad-deċiżjoni kkontestata).

149    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrelevat li, insostenn tal-ilment dwar in-nuqqas stess ta’ possibbiltà ta’ ftehim bejn Dole u Chiquita dwar il-prezzijiet ta’ referenza u b’risposta għal dan, il-partijiet ipprovdew, rispettivament, preċiżazzjonijiet dwar il-modi ta’ operat ta’ dawn iż-żewġ impriżi.

150    L-ewwel nett, fir-rigward ta’ Dole, il-Kummissjoni tindika li s-sussidjarja Ġermaniża tagħha, DFFE, kienet tbigħ “prinċipalment” banana ħadra lil bejjiegħa bl-imnut Ġermaniżi li kellhom il-kapaċitajiet proprji tagħhom għas-sajran u lil kumpanniji responsabbli għas-sajran Ewropej (premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata).

151    Mill-proċess u min-noti tar-rikorrenti jirriżulta li l-attività ta’ Dole kellha wkoll bħala għan il-bejgħ ta’ banana safra.

152    Għalhekk, matul il-proċedura amministrattiva, Dole invokat is-sitwazzjoni tal-bejjiegħa bl-imnut u talbet mingħand DFFE offerta għal banana safra (Anness B 9).

153    Ir-rikorrenti spjegaw ukoll li Dole kellha diversi sussidjarji li jsajru l-frott u distributuri fl-Ewropa ta’ Fuq, jiġifieri l-kumpanniji Kempowski, Saba u VBH. Dawn l-impriżi kienu jbigħu banana safra tat-trade mark Dole, mixtrija ħadra mingħand, b’mod partikolari, din tal-aħħar, f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji Saba u VBH. Barra minn hekk, parti żgħira mill-bejgħ tal-banana safra mwettaq minn Dole fl-2002 fil-Belġju u fil-Lussemburgu sar mis-sussidjarja Franċiża tagħha.

154    Mid-data kkomunikata mir-rikorrenti jirriżulta li s-sussidjarji ta’ Dole biegħu b’EUR 98 177 616 banana safra fl-2002, filwaqt li l-ammont totali tal-bejgħ ta’ Dole, fl-2002, ta’ banana friska tela’ għal EUR 198 331 150 rivedut għal EUR 190 581 150 wara t-tnaqqis tal-ammont ta’ banana mixtrija mingħand id-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 451 sa 453 tad-deċiżjoni kkontestata).

155    Saba u VBH biegħu rispettivament, għal EUR 64.4 u 13.9 miljun banana fl-Ewropa ta’ Fuq fl-2002, li minnhom EUR 29.4 u 8.3 miljun jikkorrispondu għall-banana tat-trade mark Dole. Is-sussidjarja Ġermaniża Kempowski, li kienet tixtri l-banana tagħha mingħand Cobana u mhux mingħand Dole, biegħet għall-ammont ta’ EUR 16.8 miljun banana fl-Ewropa ta’ Fuq fl-2002, li minnhom madwar EUR 2.9 miljun banana tat-trade mark Dole. It-total tal-bejgħ ta’ banana tat-trade mark Dole, mis-sussidjarji tagħha fil-kwalità ta’ kumpannija responsabbli għas-sajran, fl-Ewropa ta’ Fuq fl-2002, jitla’ għal EUR 40.6 miljun, jiġifieri ftit inqas minn nofs il-valur tal-bejgħ ta’ banana ħadra minn DFFE stmata għal EUR 99 451 555 matul il-proċedura amministrattiva u wara għal EUR 98 997 663 fil-kuntest ta’ din l-istanza.

156    Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fost l-ilmenti fformulati mir-rikorrenti fid-dawl tad-determinazzjoni mill-Kummissjoni tal-valur tal-bejgħ għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, hemm preċiżament l-importanza tal-volum tal-bejgħ tal-banana safra minn Dole.

157    Mill-konstatazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, skont l-istess raġunament tar-rikorrenti żviluppat fir-rigward tal-kontroll ta’ Atlanta minn Chiquita, Dole żviluppat attività ta’ bejgħ ta’ banana safra għall-benefiċċju tal-bejjiegħa bl-imnut li ma kellhomx kapaċità ta’ sajran tal-frott u kellha interess reali f’dak li jikkonċerna l-imsemmija attività. Għalkemm id-dokumenti prodotti għad-dibattiti mir-rikorrenti jikxfu forma ta’ affiljazzjoni konkreta ta’ Atlanta ma’ Chiquita qabel l-2003, is-sena li matula din tal-aħħar żiedet il-parteċipazzjoni inizjali tagħha b’5 % biss sabiex tieħu uffiċjalment il-kontroll tal-kumpannija responsabbli għas-sajran inkwistjoni, il-kwalità ta’ sussidjarji ta’ Kemposwki, Saba, VBH u Dole France matul il-perijodu ta’ ksur kollu hija mingħajr l-ebda mhux ekwivoku għaliex kompletament ammessa mir-rikorrenti.

158    It-tieni nett, fir-rigward ta’ Chiquita, mill-proċess jirriżulta li, skont il-formula użata mir-rikorrenti fil-punt 31 tar-rikors, l-espressjoni “prezzijiet ta’ referenza” tista’ “tfisser prezzijiet ta’ referenza għall-banana ħadra jew safra”.

159    Il-Kummissjoni ppreżentat fid-dibattitu r-rapporti interni dwar il-prezzijiet ta’ Chiquita intitolati “attwalizzazzjoni tal-prezz Ewropew”.

160    Dawn ir-rapporti jinkludu, għal kull ġimgħa ta’ sena ċivili, tabelli li jinkludu, minn naħa, il-volumi ta’ banana Chiquita li tasal, dawk akkumulati tal-kompetituri tagħha u tal-impriżi tal-banana u, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet ta’ Chiquita kif ukoll dawk tal-kompetituri tagħha. Dawn it-tabelli jippermettu wkoll paraguni mad-data dwar il-ġimgħa li tkun għaddiet u mal-istess ġimgħa tas-sena ta’ qabel.

161    Fir-rigward tal-prezzijiet ta’ Chiquita, ir-rapporti jinkludu sistematikament id-daħla “Ġermanja (Euro) Safra” segwita minn prezz wara, fuq l-istess linja, indikazzjoni ta’ prezz ieħor, ta’ inqas minn EUR 2 u li jikkorrispondi għall-“valur Ewropew” li hija formulazzjoni li ssegwi preżentazzjoni li tirreferi għall-mark Ġermaniż b’daħla ta’ differenza ta’ DEM 4 bejn iż-żewġ prezzijiet.

162    Ma’ dawn ir-rapporti hija annessi posta elettronika interna fejn tissemma l-informazzjoni essenzjali u, b’mod partikolari, għal ġimgħa partikolari, il-“prezz għall-banana ħadra” u l-“prezz għall-banana safra” ta’ Chiquita msemmi iktar ’il fuq, fejn it-tieni huwa sistematikament EUR 2 iktar għoli mill-ewwel wieħed.

163    Dawn id-dokumenti jillustraw id-dikjarazzjoni ta’ Chiquita li tgħid “essenzjalment, il-prezz ta’ referenza għall-banana ħadra huwa l-prezz ta’ referenza tal-banana safra EUR 2 inqas” u, bl-istess mod, in-natura konvertibbli tal-imsemmija prezzijiet.

164    Fid-dikjarazzjoni ta’ impriża Nru 1, Chiquita tindika li ġej:

“Kull nhar ta’ Ħamis filgħodu, Chiquita kienet tiffissa b’mod intern il-prezz ta’ referenza tagħha għall-banana ħadra għall-ġimgħa ta’ wara. Huwa rari li l-prezz tal-lista jkun il-prezz reali mitlub lill-klijenti ta’ Chiquita. Il-prezzijiet ta’ referenza huma prezzijiet bl-ingrossa qabel it-tnaqqis u traħħis. Abbażi ta’ din id-deċiżjoni interna, ir-responsabbli nazzjonali ta’ Chiquita kienu jinformaw lill-klijenti tagħhom bl-offerta għall-ġimgħa ta’ wara.”

165    Għandu jiġi rrelevat li, waqt il-proċedura amministrattiva, Chiquita ddikjarat li, “fl-Ewropa, il-frott huwa mqassam jew lil bejjiegħa bl-ingrossa-kumpanniji responsabbli mis-sajran bħal Atlanta (il-Ġermanja), jew direttament lill-bejjiegħa bl-imnut (li jsajru l-frott huma stess)”. F’dak li jikkonċerna speċifikament l-attività tagħha fil-Ġermanja, Chiquita indikat li hija kienet tbigħ banana lil Atlanta, lil bejjiegħa bl-ingrossa u direttament lil bejjiegħa bl-imnut, filwaqt li ppreċiżat li kienet bdiet tikkonkludi kuntratti b’mod kontinwu mal-bejjiegħa bl-imnut dawn l-aħħar snin.

166    Għalhekk jidher li l-bejgħ ta’ banana ħadra isir biss favur Atlanta, li ssajjar u tqassam u li Chiquita kienet marbuta magħha mill-qrib, u li Dole u Chiquita kienu jaqsmu klijentela komuni.

167    Ittra li B bagħat lil P (żewġ diretturi ta’ Chiquita) fit-30 ta’ April 2001, imsemmija fil-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, tikkorrobora l-eżistenza ta’ bejgħ ta’ banana ħadra minn Chiquita. Din il-posta elettronika hija fformulata kif ġej:

“Huwa pprovat li, meta [Dole/Del Monte/Tuca] jilħqu prezz ta’ DEM 36.00, il-klijenti tagħhom (bejjiegħa bl-imnut) jirreżistu, għaliex f’dan il-livell ta’ offerta, il-prezz għall-konsumatur ikollu jaqbeż il-limitu ta’ DEM 3.00/kg. Ma hemmx dubju li dan il-‘fenomenu’ ser jaffettwana matul ċertu żmien. Dan ikun ifisser li l-offerta limitu tagħna ser tkun ta’ DEM 40.00 (offerta ħadra)”.

168    Il-kontenut espliċitu tal-posta elettronika msemmija iktar ’il fuq juri li, kuntrarjament għal dak li sostnew ir-rikorrenti, il-prezz għall-banana ħadra ta’ Chiquita kien sempliċi kunċett teoretiku intiż sabiex jiffaċilita, internament, il-paragun mal-offerti tal-kompetituri.

169    Id-dikjarazzjonijiet ta’ Dole jikkonfermaw il-fatt li Chiquita kellha offerta ħadra għall-banana tagħha.

170    Għalhekk huwa ppreċiżat fir-rikors li l-kumpannija Saba, is-sussidjarja Svediża ta’ Dole li ssajjar u tqassam il-frott, kienet tixtri l-banana ħadra mingħand diversi importaturi, fosthom Chiquita.

171    Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Dole kkritikat id-definizzjoni mill-Kummissjoni tas-sehem tagħha mis-suq minħabba l-fatt li ttieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ ta’ banana safra meta l-investigazzjoni kienet dwar l-importazzjoni ta’ banana ħadra. Dole żiedet li l-problema li jsir kont doppju ma kinitx limitata għas-sitwazzjoni tagħha u enfasizzat li “Chiquita kienet tbigħ il-banana ħadra lill-klijenti bl-imnut u bl-ingrossa tagħha kif ukoll kienet tbigħ banana safra mqassma min-netwerk ta’ kumpanniji tagħha responsabbli għas-sajran fil-Benelux, fil-Ġermanja u fl-Awstrija.”

172    Din id-dikjarazzjoni, fejn l-attività ta’ Chiquita tal-bejgħ tal-banana ħadra hija mqiegħda fuq l-istess livell bħal dak taċ-ċessjoni tal-banana safra, turi wkoll li d-distribuzzjoni tal-banana safra ta’ Chiquita ma tistax tiġi llimitata sempliċement għall-parteċipazzjoni ta’ Atlanta.

173    Għandu jiġi rrelevat, f’dan ir-rigward, li Chiquita kienet l-ikbar fornitur ta’ banana fl-Ewropa (premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-ammont totali tal-bejgħ tagħha ta’ banana friska, fl-2001, kien jitla’ għal EUR 347 631 700 (premessi 451 sa 453 tad-deċiżjoni kkontestata).

174    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li kwalunkwe approċċ għas-suq intiż li jirreduċi lil Dole u Chiquita għal monoattivita ta’ kummerċjalizzazzjoni, waħda ta’ banana ħadra, u l-oħra ta’ banana safra, b’relazzjoni esklużiva bejn Chiquita u Atlanta, huwa infondat.

175    Kemm Dole kif ukoll Chiquita kienu jbigħu, minn naħa, banana ħadra lil kumpanniji li jsajru u lil bejjiegħa bl-imnut li kienu huma stess responsabbli għas-sajran tal-frott u, min-naħa l-oħra, banana safra permezz ta’ sussidjarji u ta’ kumpannija relatata jew, fir-rigward ta’ Chiquita, billi jiġi organizzat is-sajran u billi jsir rikors, għal dan il-għan, għal kumpanniji li jsajru esterni.

176    Estratt mill-istudju ekonomiku tal-10 ta’ April 2007, ippreżentat minn Dole, jikkonferma l-varjabbiltà tal-arranġamenti kuntrattwali konklużi bejn id-diversi atturi tas-suq tal-“banana” billi ġie indikat li, “xi kultant, il-banana ħadra tinbigħ mill-importaturi direttament lis-supermarkets li mbgħad iħallsu lil kumpannija tas-sajran għas-servizz provdut”, li, “f’każijiet oħra, il-kumpanniji li jsajru jixtru l-banana ħadra mingħand l-importaturi tal-banana u jinnegozzjaw mad-distributuri huma stess”, u li, “għalkemm ċerti importaturi għandhom il-faċilitajiet għas-sajran tagħhom, oħrajn jużaw terzi sabiex isajru l-prodott tagħhom”. Chiquita ppreċiżat ukoll li, xi kultant l-importaturi kienu jsajru l-frott huma stess u “kienu jbigħu l-banana safra” u li ċerti bejjiegħa bl-imnut kellhom iċ-ċentri ta’ sajran tagħhom stess u “kienu jixtru l-banana ħadra”.

177    Għalhekk jidher, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, li r-riferiment tal-importatur għal prezz isfar jew aħdar jiddependi sempliċement mill-mod kif dan jorganizza l-bejgħ tal-banana: jekk ibigħha ħadra lill-kumpannija responsabbli għas-sajran jew lill-bejjiegħa bl-imnut responsabbli huma stess mis-sajran tal-frott, huwa jikkomunikalhom prezz ta’ referenza aħdar, jekk jorganizza hu stess is-sajran billi jirrikorri għal kumpannija esterna għas-sajran jew isajjar f’installazzjonijiet tas-sussidjarji tiegħu jew simili u wara jbigħhom imsajra lill-bejjiegħa bl-imnut, huwa juża prezz ta’ referenza isfar.

178    It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li l-attivitajiet kollha msemmija iktar ’il fuq jaqgħu taħt “skema” temporanja unika deskritta kważi fl-istess termini minn Dole u Chiquita fil-proċedura amministrattiva.

179    Dole u Chiquita jiddeskrivu kronoloġija ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-banana li tikkorrispondi għal ċiklu ta’ tliet ġimgħat kompost kif ġej:

–        nhar ta’ Ħamis filgħodu tal-ewwel ġimgħa: l-importaturi jistabbilixxu l-prezzijiet ta’ referenza tal-banana tagħhom u jħabbruhom lill-klijenti tagħhom;

–        nhar ta’ Ħamis wara nofsinhar tal-ewwel ġimgħa sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa, jew sat-Tnejn tat-tieni ġimgħa: l-importaturi jinnegozzjaw il-prezzjijiet ta’ tranżazzjoni max-xerrejja;

–        nhar ta’ Tnejn tat-tieni ġimgħa (xi kultant l-aħħar tal-ewwel ġimgħa): il-vapuri jaslu fil-portijiet Ewropej, il-banana tinħatt u tiġi ttrasportata f’ċentri ta’ sajran;

–        bidu tat-tielet ġimgħa (xi kultant l-aħħar tat-tieni ġimgħa): il-banana misjura titqiegħed fis-suq għall-konsum.

180    Dan il-kalendarju jikkorrispondi għall-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-banana kienet jew ikkunsinnata direttament lix-xerrejja (banana ħadra), jew meħuda għas-sajran, u wara kkunsinnata bejn wieħed u ieħor ġimgħa iktar tard (banana safra), li hija formulazzjoni li tissintesizza l-proċess ta’ distribuzzjoni u tenfasizza tul relattivament inkompressibbli ta’ sajran għall-banana kollha.

181    Billi rriproduċew fil-punt 34 tar-rikors, l-“iskema” temporali msemmija iktar ’il fuq, ir-rikorrenti indikaw li s-“suq tal-banana” kien isegwi tradizzjonalment kalendarju ta’ kull ġimgħa stabbilit minn qabel strett ħafna f’dak li jikkonċerna l-mod u l-mument meta n-negozjati bejn l-“importaturi u l-klijenti rispettivi tagħhom” kienu jsiru. Barra minn din l-indikazzjoni ta’ natura ġenerali li tikkonċerna l-funzjonament ta’ suq uniku u li jinkludi l-importaturi kollha, ir-rikorrenti ppreċiżaw ir-raġuni oġġettiva u vinkolanti li ddettat tali kalendarju, jiġifieri l-fatt li l-banana hija prodott li jitħassar faċilment, li jimplika ffissar b’mod rapidu tal-prezz ta’ tranżazzjoni għall-finijiet ta’ bejgħ effiċjenti tal-ħażna tal-kunsinni ta’ banana li jaslu kull ġimgħa.

182    Għandu jiġi enfasizzat li huwa fil-kuntest ta’ dan iċ-ċiklu ta’ tliet ġimgħat hekk deskritt li ssir il-kummerċjalizzazzjoni tal-banana safra tat-trade mark Dole u Chiquita permezz ta’ sussidjarji jew kumpannija relatata, li joperaw bħala kumpanniji responsabbli għas-sajran u bħala distributuri, permezz ta’ prezz ta’ referenza isfar imħabbar lill-bejjiegħa bl-imnut nhar ta’ Ħamis filgħodu tat-tieni ġimgħa.

183    Kif jirriżulta minn dikjarazzjoni ta’ Chiquita li tinsab fl-Anness C5 tar-replika, relatata ma’ tranżazzjonijiet li jsiru f’ċertu pajjiżi Nordiċi, u l-kontenut ta’ ittra mibgħuta, fit-2 ta’ Jannar 2003, minn impjegat ta’ Atlanta lil impjegat ta’ Chiquita, l-iffissar ta’ dan il-prezz ta’ referenza isfar kien isir filwaqt li l-banana kienet għadha qed issir, jiġifieri matul it-tieni ġimgħa, u dawn tal-aħħar kienu jiġu kkunsinnati sofor lill-bejjiegħa bl-imnut sa mill-ġimgħa ta’ wara, jew fil-bidu tat-tielet ġimgħa.

184    Skont id-dikjarazzjonijiet ta’ Dole, l-“iskema” temporali ta’ distribuzzjoni tal-banana safra minn Saba u VBH tikkorrispondi għal dik ta’ Atlanta, bil-komunikazzjoni lill-klijenti ta’ prezz isfar nhar ta’ Ħamis tat-tieni ġimgħa għall-frott li jkun qed jissajjar, mixtri aħdar il-ġimgħa ta’ qabel u b’kunsinna tal-banana safra lill-bejjiegħa bl-imnut fil-bidu tal-ġimgħa ta’ wara.

185    Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li konfigurazzjoni tas-suq ikkaratterizzat minn koeżistenza u konkomitanza tal-attivitajiet ta’ bejgħ tal-banana ħadra u safra eżerċitati minn Dole u minn Chiquita hija kompatibbli mal-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ ftehim illegali bejn dawn iż-żewġ impriżi.

186    Hemm lok, f’dan ir-rigward, li jiġu evalwati d-dikjarazzjonijiet ta’ Dole, ta’ Chiquita u l-provi dokumentarji relatati mal-attività ta’ dawn l-impriżi fid-dawl ta’ żewġ elementi.

187    L-ewwel nett, mill-proċess jirriżulta li Dole u Chiquita kienu jiddiskutu, matul il-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel bejniethom, il-kundizzjonijiet tal-offerta u tad-domanda jew, fi kliem ieħor, fatturi ta’ pprezzar, jiġifieri fatturi importanti għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara u kienu jiddiskuti jew jikxfu tendenzi ta’ prezzijiet u ta’ indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara qabel l-iffissar ta’ dawn il-prezzijiet ta’ referenza (premessi 148, 182 u 196 tad-deċiżjoni kkontestata).

188    Fid-dikjarazzjoni orali tagħha Nru 28, fejn tiddeskrivi l-komunikazzjoni tagħha ma’ Dole, Chiquita indikat li, “Chiquita u Dole kienu jirreferu għall-valur Ewropew, jiġifieri ‘prezz uffiċjali’ Ġermaniż għall-banana ħadra”. Għandu jitfakkar li dawn ir-rapporti interni dwar il-prezzijiet ta’ Chiquita jinkludu sistematikament id-daħla “Ġermanja (Euro) Safra” segwita minn prezz u wara, fuq l-istess linja, l-indikazzjoni ta’ prezz ieħor, ta’ EUR 2 inqas u li jikkorrispondi għall-valur Ewropew, jiġifieri għall-prezz aħdar ta’ Chiquita.

189    Chiquita żiedet li, meta hija kienet tkellem lil Dole dwar il-“prezz aħdar” Ġermaniż, “dan kien ikopri l-prezzijiet relattivi għall-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa ta’ Fuq”.

190    Il-Kummissjoni tenfasizza li d-dokumenti misjuba għand Dole matul l-ispezzjoni juru li hija kellha prezz “Ewropa ta’ Fuq tal-UE15”, deskritt minn din l-impriża bħala prezz Ġermaniż, li ma jikkontradiċix l-ispjegazzjoni mogħtija minn Chiquita (premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata). Dole indikat, f’risposta għal talba għal informazzjoni, li l-prezzijiet ta’ referenza [diskussi matul komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel] kienu jirreferu għas-swieq [informazzjoni mhux ippubblikata] tal-UE15” (premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata).

191    Mistoqsija fil-kuntest ta’ talba għal informazzjoni dwar il-prezzijiet li Dole u Chiquita kienu jiddiskutu jew li kienu jħabbru fil-“komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel”, Dole wieġbet li “l-prezzijiet ta’ referenza kienu jikkonċernaw is-swieq tal-Ewropa ta’ Fuq tal-UE 15”.

192    Għandu jitfakkar li Dole indikat, fil-paġna 130 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li “[H] spjega li hu u [B], setgħu xi kultant jgħidu li kienu jistennew li l-prezzijiet jitilgħu b’EUR 1 jew 50 ċenteżmu, iżda li qatt ma eżista ebda ftehim fuq żieda tal-prezz” u li “l-iktar l-iktar, l-irġiel kienu jiskambjaw l-opinjonijiet personali tagħhom dwar il-mod kif il-prezzijiet ta’ referenza ta’ Chiquita u ta’ Dole setgħu jevolvu” (premessa 158 u premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata, nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 217).

193    Fir-rigward tad-diskussjoni dwar il-prezzijiet ta’ referenza indikattivi jew tat-tendenzi tal-prezz, Dole stess tqis li dan “sar matul bejn wieħed u ieħor nofs id-diskussjonijiet tal-Erbgħa wara nofsinhar ma’ Chquita” (premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata).

194    Id-dikjarazzjonijiet ta’ Dole u ta’ Chiquita kif ukoll il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni juru s-sitwazzjoni ta’ żewġ impriżi li jikkomunikaw, fi ftehim reċiproku perfett, dwar il-prezz tal-banana ħadra għall-Ewropa ta’ Fuq.

195    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx ir-realtà tad-diskussjonijiet bilaterali kif ukoll il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, iżda jfittxu li jnaqqsu l-portata tal-komunikazzjoni inkriminata għal sempliċi taħdit dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq, fejn dawn tal-aħħar jaqgħu huma stess fil-kuntest ta’ skambju permanenti ta’ informazzjoni, ikkwalifikata komunement bħala “radju banana”, bejn atturi fuq l-istess suq.

196    Il-kontenut tal-komunikazzjoni bilaterali, kif deskritt minn Dole stess, ma huwiex, madankollu, kompatibbli ma’ dan l-approċċ tar-rikorrenti, u lanqas ma’ dak tas-suq tal-banana kkaratterizzat mill-kategorizzazzjoni u disinkronizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ Dole u ta’ Chiquita.

197    It-tieni nett, mill-proċess jirriżulta li l-prezz ta’ referenza tal-banana ħadra huwa determinanti għal dak tal-banana safra.

198    Kif jirriżulta mill-punti 157 sa 161 iktar ’il fuq, l-eżami tar-rapporti interni fuq il-prezzijiet ta’ Chiquita juri prezz isfar li jikkorrispondi għall-offerta ħadra b’żieda ta’ ħlas għas-sajran ta’ EUR 2.

199    Dole b’mod ċar ammettiet u spjegat ir-rabta bejn il-prezz tal-banana ħadra u dak tal-banana safra.

200    Qabel xejn, Dole, matul il-proċedura amministrattiva (Anness B 9), ippreċiżat li l-prezz ta’ xiri aħdar kien il-bażi tad-determinazzjoni tal-prezz tal-banana safra mibjugħa mill-kumpanniji Saba, Kempowski u s-sussidjarja tagħha Franċiża. Fil-kuntest tad-deskrizzjoni tal-attività ta’ din tal-aħħar, Dole spjegat ukoll li l-prezz ta’ xiri aħdar kien iservi sabiex jiġu ppreparati l-prezzijiet ta’ referenza sofor mibgħuta wara lill-klijenti b’ittri, faks jew ikkomunikati bit-telefon.

201    Dole spjegat li s-sussidjarja Belġjana tagħha VBH kienet tibgħat il-prezz ta’ kull ġimgħa tagħha lil ċerti klijenti (Metro, Delhaize, Carrefour) għall-banana kkunsinnata safra, prezz li kien ibbażat fuq il-prezz ta’ referenza aħdar mibgħut minn DFFE, miżjud bl-ammont speċifikat fil-kuntratt konkluż minn VBH mal-klijent tagħha. Dole indikat li “dan il-prezz isfar kien jinkludi s-sajran, il-provvista [u d-] distribuzzjoni, l-ippakkjar f’boroż u speċifikazzjonijiet oħra tal-prodott li kull klijent [seta’] jitlob” u li “l-prezz [kien] ivarja għalhekk skont il-prezz aħdar ta’ kull ġimgħa u żidiet”. Dole ippreċiżat ukoll li “l-kuntratti mal-bejjiegħa bl-imnut [...] [kienu] jinkludu formula ta’ kalkolu tal-prezz (jiġifieri prezz isfar = prezz aħdar mibgħut minn DFFE + żidiet dovuti għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott u għall-ispejjeż loġisitiċi – tnaqqis fil-prezz)”.

202    Wara li sostniet, fir-rikors, li s-sussidjarji ta’ Dole kienu jistabbilixxu l-prezz ta’ banana safra “mingħajr ma jirreferu għall-iċken offerta ħadra”, ir-rikorrenti sostnew, fir-replika (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 5), li, minkejja li huwa minnu li VBH kienet tiffissa l-prezzijiet tagħha għal tliet klijenti kif deskritt fil-punt preċedenti, hija kienet tagħmel dan biss “wara” t-tmiem tal-allegat ksur. VBH applikat dan il-mod ta’ ffissar tal-prezzijiet, b’mod partikolari, għal Delhaize u għal Carrefour fl-2004 u fl-2005, u għal Metro mill-2004 sal-2006. Huma sostnew li dawn il-kuntratti kienu msemmija fir-risposta għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar 2006 li kienet tkopri l-perijodu intitolat “Mill-2000 sal-lum”. Meta l-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-konstatazzjoni ta’ ksur għall-perijodu 2000-2002 fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma vverifikatx jekk l-informazzjoni pprovduta kinitx tikkonċerna dan il-perijodu.

203    Għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-annessi tar-risposta ma juri l-ebda indiċi li jiġġustifika l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tal-mod ta’ ffissar tal-prezzijiet inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jipprovdu l-ebda element konkret u oġġettiv ta’ natura li juri kemm huwa minnu dak li qalu huma u lanqas indikazzjonijiet dwar il-mod kif VBH iddeterminat il-prezzijiet tagħha għall-perijodu mill-2000 sal-2002. Huwa minnu li, fit-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar 2006, il-perijodu kkunsidrat kien jibda mill-1 ta’ Jannar 2000. Peress li r-risposta ta’ Dole ma kienet tipprovdi l-ebda preċiżazzjoni ta’ natura restrittiva fir-rigward tad-data tal-implementazzjoni tal-mod ta’ ffissar tal-prezzijiet inkwistjoni fil-kuntratti li jorbtu lil VBH mall-klijenti tagħha Metro, Delhaize u Carrefour, xejn ma jippermetti li jitwarrab il-fatt li din ir-risposta tista’ tkopri t-totalità tal-perijodu msemmi, inkluż dak bejn l-2000 u l-2002.

204    Fi kwalunkwe każ, indipendentement minn kull kwistjoni ta’ natura temporali, dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Dole magħmula matul il-proċedura amministrattiva jikkorraboraw dawk ta’ Chiquita u l-indikazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti stess fir-rikors dwar ir-rabta bejn il-prezzijiet tal-banana ħodor u sofor, fejn dawn l-aħħar kunċetti kienu magħrufa mis-suq qabel, matul u wara l-perijodu ta’ksur imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata.

205    Fil-fatt, ir-rikorrenti jispjegaw, fir-rikors (punt 41), li DFFE kienet tbigħ banana ħadra permezz ta’ ftehim innegozjati fuq bażi ta’ kull ġimgħa jew ftehim ta’ provvista fuq żmien twil li japplika formula ta’ prezz imsejħa “kuntratti Aldi plus”. Fir-rigward tal-imsemmija kuntratti, ir-rikorrenti jindikaw li, “minkejja li dawn il-ftehim jikkonċernaw il-bejgħ ta’ banana ħadra lil kumpanniji responsabbli għas-sajran u distributuri, il-prezzijiet kienu bbażati fuq il-prezz ta’ xiri stabbilit minn Aldi għall-banana safra mibdul fi prezz li jikkorrispondi għall-banana ħadra” u li “dan it-tibdil kien isir billi jitnaqqsu mill-prezz (isfar) ta’ Aldi l-ispejjeż ta’ trasport tal-banana (ħadra) mill-port saċ-ċentru ta’ sajran, l-ispejjeż tas-sajran, l-ispejjeż tal-ippakkjar u l-ispejjeż ta’ trasport miċ-ċentru ta’ sajran saċ-ċentru ta’ distribuzzjoni ta’ Aldi”.

206    F’dan ir-rigward, jaqbel li jiġi osservat li r-rikorrenti jsostnu li l-element determinanti tal-prezz reali tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq kien magħmul mill-offerta magħmula minn Aldi, bejjiegħ bl-imnut importanti ħafna fis-suq Ġermaniż, l-ikbar suq tal-Ewropa ta’ Fuq, li kien jixtri biss banana safra mingħajr trade mark. Ir-rikorrenti jsostnu, fil-punt 47 tar-rikors, li “l-‘prezz Aldi’ għall-banana safra kien iservi ta’ referenza għax-xerrejja kollha tal-banana, kemm ħadra jew safra, fl-Ewropa ta’ Fuq”. Għalhekk huma jsostnu li l-“prezz Aldi” isfar kien iservi ta’ referenza għall-bejgħ tal-banana ħadra.

207    Fl-aħħar nett huwa importanti li jiġi rrelevat li r-rikorrenti semmew, fil-kuntest tal-argument dwar id-distinzjoni neċessarja bejn il-banana ħadra u safra magħmula insostenn tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompatibbiltà tal-modi ta’ operat ta’ Dole u Chiquita mal-kollużjoni akkużata, ta’ awtonomija ta’ Saba, ta’ Kempowski, ta’ VBH u ta’ Dole France fid-determinazzjoni tal-politika ta’ prezz tagħhom.

208    Dan l-argument huwa irrelevanti fis-sens li l-Kummissjoni kkonstatat li l-ksur tal-Artikolu 81 KE mwettaq minn Dole, il-kumpannija ċentrali tal-grupp Dole, u li, għalkemm din l-impriża sostniet li ma hemm l-ebda aġir antikompetittiv, hija, min-naħa l-oħra, ma kkontestatx, fil-kuntest ta’ din l-istanza, ir-responsabbiltà tagħha bħala kumpannija parent tal-grupp Dole.

209    Barra minn hekk, ir-rikorrenti kkuntentaw ruħhom li jikkomunikaw dikjarazzjonijiet tad-diretturi tal-kumpanniji Kempowski u Saba biss (Anness A 15 u 16 tar-rikors), filwaqt li sostnew l-awtonomija ta’ dawn tal-aħħar filwaqt li rrikonoxxew il-kwalità tagħhom ta’ sussidjarja esklużiva ta’ Dole, mill-1 ta’ Jannar 2005 għat-tieni waħda.

210    Għandu jiġi enfasizzat li, waqt il-proċedura amministrattiva (Anness B 9), Dole indikat li l-bejgħ kollu ta’ Dole lil Saba kien amministrat mit-tim kummerċjali ta’ Dole għall-Ewropa ta’ Fuq, jiġifieri minn DFFE, b’mod indipendenti meta mqabbel mal-amministraturi ta’ Dole fi ħdan Saba. Dole ippreċiżat ukoll li VBH kienet tixtri l-banana mingħand DFFE u li, kull nhar ta’ Ħamis, DFFE kienet tikkomunika l-prezz aħdar tagħha (jew il-prezz ta’ referenza ta’ Dole) lil VBH għall-ġimgħa ta’ wara. Skont Dole, VBH ma kellha l-ebda rwol fl-iffissar jew it-tibdil tal-prezz aħdar, peress li hija ma kinitx taġixxi bħala importatur, iżda biss bħala kumpannija responsabbli għas-sajran u distributur (Anness B 9 tar-risposta).

211    Fi kwalunkwe każ, l-allegata awtonomija tas-sussidjarji ta’ Dole ma hijiex ta’ natura li tikkontradiċi l-fatt li l-prezz tal-banana ħadra kien jikkostitwixxi l-bażi tal-prezz tal-banana safra.

212    Sussegwentement, ir-rikorrenti indikaw, waqt is-seduta, li l-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole għall-banana ħadra, stabbiliti l-Ħamis tal-ewwel ġimgħa, kienu r-rifless tal-kundizzjonijiet antiċipati tas-suq tal-imnut tat-tielet ġimgħa, filwaqt li tfakkar li, wara s-sajran tal-frott matul it-tieni ġimgħa, il-banana safra kienet mibgħuta lill-bejjiegħa bl-imnut fil-bidu tat-tielet ġimgħa.

213    Fl-aħħar nett, din l-aħħar osservazzjoni għandha tingħaqad mal-portata tal-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel bejn Dole u Chiquita, kif irrapportata minn dawn l-impriżi.

214    Chiquita ppreċiżat, b’mod partikolari, li hija kienet tevalwa ma’ Dole “il-bejgħ u l-fatturi l-oħra ta’ prezz relevanti għad-determinazzjoni tal-prezz għall-ġimgħa ta’ wara”, fejn Chiquita u Dole kienu jinfurmaw “lil xulxin bil-kundizzjonijiet tal-bejgħ bl-imnut tagħhom rispettivi, jiġifieri l-bejgħ isfar” (premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata).

215    Dole kkonfermat li l-komunikazzjoni tagħha ma’ Chiquita kienet tikkonċerna l-“kundizzjonijiet tas-suq” u li l-evalwazzjonijiet tas-sitwazzjoni tas-suq kienu jinkludu, b’mod partikolari, il-“ħażniet sofor għand iċ-ċentri għas-sajran” (premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata).

216    Għandu jiġi rrelevat li, fir-rigward tal-komunikazzjoni tagħha ma’ Weichert, fejn ma huwiex allegat li hija kellha attività esklużiva ta’ bejgħ tal-banana safra, Dole indikat li, nhar ta’ Erbgħa wara nofsinhar, kien ikun hemm diskussjoni dwar il-mod kif Weichert u hi “kienu jaraw is-suq matul il-ġimgħa attwali u l-mod kif huma kienu jaħsbu li s-suq seta’ jiżviluppa matul il-ġimgħa ta’ wara”. Dole żiedet li “id-domanda tas-suq imnaqqsa kienet tiġi evalwata filwaqt li tiġi diskussa s-sitwazzjoni tas-suq ([jiġifieri l-kwistjoni] dwar jekk kinux jeżistu ħażniet antiċipati ta’ importazzjonijiet li jeċċedu l-livell tal-portijiet jew jekk il-ħażniet taċ-ċentri tas-sajran tal-banana safra kinux ordnati mis-supermarkets minħabba domanda iktar baxxa mill-konsumaturi)” (premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata u r-risposta ta’ Dole għat-talba għal informazzjoni tat-30 ta’ Marzu 2006).

217    Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti juru r-relevanza tal-konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ prattika miftiehma bejn Dole u Chiquita fid-dawl tal-iffissar, matul l-ewwel ġimgħa, tal-prezz tal-banana ħadra, li kien imħabbar lill-kumpanniji responsabbli għas-sajran u distributuri u lill-bejjiegħa bl-imnut li kienu jsajru huma stess il-frott u li kien jikkostitwixxi l-bażi tal-prezz tal-banana safra, imħabbar lill-bejjiegħa bl-imnut fl-ewwel jew fit-tieni ġimgħa skont il-metodi ta’ distribuzzjoni tal-frott, ikkunsinnat fil-bidu tat-tielet ġimgħa.

218    Fir-raba’ lok, huwa fil-kuntest tal-funzjonament tas-suq tal-banana, kif espost iktar ’il fuq, li jaqbel li jitqiegħdu u jiġu evalwati ż-żewġ dokumenti prinċipali invokati mir-rikorrenti insostenn tal-allegazzjoni skont liema Chiquita u Dole kienu jiffissaw il-prezzijiet ta’ referenza għal prodotti differenti, klijenti differenti u ġimgħat differenti taċ-ċiklu ta’ tliet ġimgħat tas-suq tal-banana.

219    Ir-rikorrenti jinvokaw, qabel xejn, dikjarazzjoni ta’ Chiquita annessa mar-replika, dwar il-politika ta’ pprezzar f’ċerti pajjiżi Nordiċi u jindikaw li, “bħala regola ġenerali, id-deċiżjonijiet ta’ ffissar tal-prezzijiet jittieħdu fil-ġimgħa A għall-ġimgħa B, jiġifieri l-frott mibjugħ nhar ta’ Ħamis jiġi kkunsinnat il-ġimgħa ta’ wara” u li “għalhekk il-frott ikun diġà qed jissajjar meta jsiru n-negozjati mal-klijenti”.

220    Ir-rikorrenti jirreferu, sussegwentement, għall-kontenut ta’ posta elettronika mibgħuta fit-2 ta’ Jannar 2003, minn impjegat ta’ Atlanta lil impjegat ta’ Chiquita u li hija fformulat kif ġej:

“Minkejja li nirrealizza li Chiquita dejjem segwiet il-prezz iffissat minn Dole matul l-aħħar ġimagħtejn (jiġifieri tnaqqis), f’dan il-każ, ir-rakkomandazzjoni ta’ Dole ma setgħetx u ma kellhiex tiġi segwita. Fil-fatt, il-prezz iffissat minn Chiquita huwa referenza safra li tapplika għall-kunsinni tat-Tnejn tal-ġimgħa ta’ wara. Il-prezz ta’ referenza ta’ Dole, li inizjalment żdied b’EUR 0.50 dalgħodu, huwa għall-kuntrarju referenza ħadra, li ssir safra biss wara ġimagħtejn u mhux qabel”.

221    L-eżami tal-portata integrali tal-messaġġ juri li dan tal-aħħar huwa relatat ma’ bdil fil-prezz ta’ referenza isfar tal-banana tat-trade mark Chiquita mqassma minn Atlanta, diġà kkomunikat lill-klijenti, wara żieda fil-prezz ta’ referenza tal-banana ħadra ta’ Dole li seħħet fl-istess għodwa ta’ meta ntbagħat l-imsemmi messaġġ, jiġifieri l-Ħamis it-2 ta’ Jannar 2003. Din id-data hija immedjatament wara l-perijodu ta’ ksur u l-imsemmi messaġġ, li jinvoka wkoll il-movimenti fil-prezzijiet tal-aħħar ġimagħtejn tal-2003, u għalhekk tibqa’ relevanti bħala element sabiex jinftiehem il-funzjonament tas-suq ikkonċernat.

222    Kif ġie espost fil-punti 182 sa 184 iktar ’il fuq, iż-żewġ dokumenti inkwistjoni jikkonċernaw waħda mill-varjanti tal-kummerċjalizzazzjoni tal-banana, f’dan il-każ inkwistjoni skont liema l-importatur ibiegħ il-banana ħadra tiegħu lil sussidjarja jew lil kumpannija relatata li topera bħala kumpannija responsabbli għas-sajran u distributur tal-frott, li wara tbigħ, skont il-prezz ta’ referenza isfar stabbilit il-Ħamis tat-tieni ġimgħa meta l-frott ikun għadu qed isir, din il-banana safra li tiġi kkunsinnata lill-bejjiegħa bl-imnut fil-bidu tat-tielet ġimgħa.

223    Kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, din is-sitwazzjoni ma twassalx għal dewmien sistematiku ta’ ġimgħa fil-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-banana ta’ Dole u ta’ Chiquita li jwassal għal nuqqas ta’ sinkronizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ dawn l-impriżi li hija inkompatibbli mal-koordinament illegali li dawn huma akkużati bih.

224    Fil-fatt, is-sitwazzjoni msemmija iktar ’il fuq taqa’ neċessarjament fl-“iskema” temporali unika deskritta mir-rikorrenti stess u li hija mfakkra fil-punt 1799 iktar ’il fuq.

225    L-ittra inkwistjoni tevoka moviment ta’ żieda fil-prezz ta’ referenza isfar tal-banana tat-trade mark Chiquita mqassma minn Atlanta, stabbilit u mħabbar il-Ħamis tat-tieni ġimgħa għall-frott li jkun qed isir, li jkun wasal aħdar it-Tnejn tat-tieni ġimgħa u li jkun irid jiġi kkunsinnat isfar fil-bidu tat-tielet ġimgħa, wara żieda fil-prezz ta’ referenza tal-banana ħadra ta’ Dole, iffissat u kkomunikat l-istess Ħamis tat-tieni ġimgħa għall-frott li jkun fit-trasport li jrid jasal aħdar it-Tnejn tat-tielet ġimgħa u kkunsinnat isfar ġimagħtejn iktar tard, fil-bidu tar-raba’ ġimgħa.

226    Din is-sitwazzjoni għandha tiġi evalwata mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest ta’ suq li jiffunzjona b’mod kontinwu fejn, kull bidu tal-ġimgħa, tasal banana ħadra fil-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq importata minn Chiquita u minn Dole, b’banana li wara tittieħed f’ċentri għas-sajran għal matul bejn wieħed u ieħor sebat’ijiem u li wara titqiegħed fis-suq tal-banana safra tat-trade marks Dole u Chiquita. Kemm il-banana tat-trade mark Dole kif ukoll dik tat-trade mark Chiquita l-ewwel kienet ħadra qabel ma saret safra, wara s-sajran, u qabel ma spiċċat fl-istess kuritur tas-supermarkets, jew għand bejjiegħa bl-imnut oħra, għall-konsumaturi finali matul is-sena kollha, u dan skont l-istess “skema” temporali.

227    Għalhekk, il-banana safra ta’ Chiquita msemmija fl-ittra tal-impjegat ta’ Atlanta kienet tagħmel parti minn kunsinna ta’ banana ħadra li waslet fil-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq fil-bidu tat-tieni ġimgħa u li għaliha kien ġie stabbilit prezz aħdar il-Ħamis tal-ewwel ġimgħa. Fl-istess ċirkustanzi ta’ żmien, waslet banana ħadra ta’ Dole u ġie ffissat prezz ta’ referenza għaliha.

228    Din il-banana kollha kienet intiża sabiex titqiegħed fis-suq għall-finijiet ta’ konsum fl-istess perijodu ta’ żmien, jiġifieri bejn wieħed u ieħor ġimgħa wara li tkun waslet u li tkun tqiegħdet fiċ-ċentri ta’ sajran, skont id-diversi metodi, u għalhekk fil-bidu tat-tielet ġimgħa.

229    Din l-aħħar konstatazzjoni għandha tintrabat ma’ osservazzjoni oħra tal-impjegat ta’ Atlanta.

230    Fl-ittra tiegħu tat-2 ta’ Jannar 2003, l-imsemmi impjegat jikkritika ż-żieda fil-prezz ta’ referenza isfar diġà kkomunikat lill-klijentela. Huwa jenfasizza li din id-deċiżjoni hija żball kummerċjali, għaliex “id-differenza tal-prezz fuq is-suq żdiedet” u li “se jkun iktar diffiċli li jinstabu u jinżammu klijenti għal Chiquita [fil-]ġimgħa ta’ wara”.

231    Din id-dikjarazzjoni turi, minbarra l-importanza tal-kwistjoni tad-differenzi fil-prezz bejn id-diversi banana bi trade mark, l-eżistenza ta’ offerta kompetitriċi għall-banana safra matul it-tielet ġimgħa. Issa, huwa fl-istess mument li titqiegħed fuq is-suq tal-bejgħ bl-imnut il-banana tat-trade mark Dole, li tkun waslet fil-portijiet fil-bidu tat-tieni ġimgħa u mqassma safra miċ-ċentri ta’ sajran, impriżi indipendenti jew sussidjarji ta’ Dole.

232    Ma’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, kronoloġiċi, li jirriżultaw mill-analiżi tad-dokument invokat mir-rikorrenti, jaqbel li jiżdied u jitfakkar li l-ewwel pass tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ kunsinna ta’ banana għal ġimgħa partikolari kien magħmul mill-istabbiliment ta’ prezz aħdar mill-importaturi fl-istess ġurnata, il-Ħamis, li kien jirrappreżenta, fl-istess ħin, l-offerta ħadra indirizzata lill-kumpanniji responsabbli għas-sajran u distributuri jew lill-bejjiegħa bl-imnut responsabbli għas-sajran tal-frott huma stess u l-bażi tal-prezz isfar imħabbar lill-klijentela ta’ bejjiegħa bl-imnut mill-importatur jew mill-kumpanniji responsabbli għas-sajran u distributuri.

233    Fl-aħħar jista’ jiġi osservat li l-ittra inkwistjoni tikkorrobora wkoll l-eżistenza ta’ diversi attivitajiet ta’ Chiquita u ta’ offerta ħadra ta’ din. Għalhekk, l-impjegat ta’ Atlanta jesponi li l-kritika magħmula f’każ ta’ żieda tal-prezz ta’ referenza ta’ Dole ma hemmx lok li tkun teżisti fl-ipoteżi ta’ tnaqqis tal-prezz. Huwa jirreleva li t-tnaqqis ta’ prezz huwa dejjem validu mhux biss għall-“ġimgħa ħadra li jmiss”, iżda wkoll għall-frott li jkun fiċ-ċentri ta’ sajran.

234    Fil-ħames lok, huwa importanti li jiġi enfasizzat li r-rikorrenti jsostnu l-fatt li l-prezzijiet ta’ referenza kienu ppubblikati fl-istampa professjonali, kif irrelevat il-Kummissjoni fil-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata. L-eżami ta’ eżemplari tar-rivista Sopisco News, li toħroġ kull nhar ta’ Sibt qabel il-konklużjoni tan-negozjati kummerċjali skont Dole, li tikkonċerna ġimagħtejn mis-sena 2002, turi l-eżistenza ta’ tabella intitolata “Prezz tal-bejgħ tal-banana f’euro fuq is-suq ta’ Hamburg għal kunsinni fil-ġimgħa ta’ wara”.

235    Din it-tabella tinkludi prezz ta’ referenza għal kull importatur u skala ta’ prezzijiet reali għal kull importatur, bl-eċċezzjoni ta’ Chiquita, fejn il-prezz reali massimu jikkorrispondi għall-indikazzjoni tal-prezz ta’ referenza. Ir-rivista Sopisco News għalhekk issemmi biss prezz ta’ referenza wieħed paragunabbli għall-importaturi kollha, inkluż Dole u Chiquita.

236    Matul is-seduta, ir-rikorrenti sostnew li l-prezz uffiċjali msemmi f’din il-pubblikazzjoni li jikkonċerna lil Chiquita kien prezz isfar u li ma kienx hemm indikazzjoni ta’ prezz reali ta’ din l-impriża peress li ma kienet ġiet indirizzata l-ebda data dwar bejgħ ta’ banana ħadra lil Sospico News.

237    Madankollu, għandu jiġi rrelevat li l-prezzijiet ta’ referenza għal Chiquita li jinsabu fiż-żewġ eżemplari ta’ Sospico News prodotti fid-dibattiti jikkorrispondu mal-prezzijiet ħodor ta’ din l-impriża, kif imsemmija, taħt l-espressjoni “ġimgħa attwali”, fir-rapporti interni fuq il-prezzijiet ta’ Chiquita li saru fis-27 ta’ Ġunju u t-18 ta’ Lulju 2002, peress li kienet teżisti korrispondenza wkoll mal-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole u ta’ Del Monte.

238    Is-sempliċi fatt li data dwar il-bejgħ aħdar ta’ Chiquita ma waslitx lil Sospico News ma jistax neċessarjament iwassal għall-konklużjoni tal-ineżistenza ta’ tali bejgħ.

239    Barra minn hekk, huwa paċifiku li t-tabella li tinsab fil-pubblikazzjoni Sospico News tikkonċerna biss l-attività tal-importaturi marbuta mal-port ta’ Hamburg (il-Ġermanja) filwaqt li dawn l-importaturi jużaw ukoll portijiet oħra u, b’mod partikolari, dak ta’ Antwerpen (il-Belġju), ta’ Göteborg (l-Isvezja), ta’ Bremerhaven (il-Ġermanja) fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat ta’ Atlanta, u ta’ Zeebrugge (il-Belġju). Huwa importanti li jiġi enfasizzat li ż-żewġ eżemplari ta’ Sospico News prodotti fid-dibattiti jinkludu wkoll tabelli informattivi dwar it-trasport u l-kunsinni ta’ banana, b’indikazzjoni tal-ismijiet tal-vapuri, tal-burdnara bil-volum ittrasportat u tal-portijiet ta’ destinazzjoni tal-merkanzija. Minn dan jirriżulta li huwa biss il-port ta’ Hamburg, bid-differenza ta’ dawk ta’ Göteborg u ta’ Bremerhaven, li ma kienx użat minn Chiquita bħala punt ta’ destinazzjoni u ta’ ħatt, fl-Ewropa ta’ Fuq, tal-vapuri mgħobbija bil-banana.

240    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ilment imqajjem mir-rikorrenti dwar l-impossibbiltà ta’ kull koordinazzjoni illeċita bejn Dole u Chiquita minħabba d-differenza fil-modi ta’ operat tagħhom huwa infondat.

241    F’dan ir-rigward hemm lok li jingħad ukoll li, bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti hija obbligata tqajjem ex officio, bħan-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija r-rikorrenti li għandha tqajjem il-motivi kontra din tal-aħħar u li tipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑389/10 P, Ġabra, p. I-13125, punt 131).

242    Din l-eżiġenza ta’ natura proċedurali ma tmurx kontra r-regola li tgħid li, fir-rigward tal-ksur tal-regoli tal-kompetizzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tagħti l-provi tal-ksur li tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi tagħha sabiex turi, skont il-liġi, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur. Dak li fil-fatt huwa mitlub minn rikorrenti fil-kuntest ta’ rikors ġuridiku, huwa li tidentifika l-elementi kkontestati fid-deċiżjoni kkontestata, tifformula lmenti f’dan ir-rigward u tipproduċi provi, li jistgħu jkunu magħmula minn indizji serji, intiżi sabiex juru li l-ilmenti tagħha huma fondati (sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni, punt 241 iktar ’il fuq, punt 132).

243    F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wriet skont il-liġi li, fil-kuntest tal-organizzazzjoni u tal-funzjonament tas-suq tal-banana meta ġraw il-fatti, l-importaturi-fornituri ta’ banana, li Dole u Chiquita kienu jagħmlu parti minnhom, setgħu, permezz tad-diskussjonijiet bilaterali tagħhom, jikkoordinaw b’mod illegali l-prezzijiet ta’ referenza għall-banana bi trade mark tagħhom għall-ġimgħa ta’ wara.

244    L-osservazzjonijiet bil-miktub u d-dokumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali mir-rikorrenti huma, għall-kuntrarju, insuffiċjenti sabiex juru li l-modi ta’ operat rispettivi ta’ Dole u ta’ Chiquita kienu inkompatibbli ma’ tali koordinazzjoni u, anki, għal uħud fosthom, ikkorroboraw il-kollużjoni li huma akkużati biha dawn iż-żewġ impriżi.

245    Matul is-seduta, ir-rikorrenti reġgħu sostnew li Chiquita kienet tbigħ l-iktar banana ħadra lis-sussidjarja tagħha Atlanta. Filwaqt li rreferew għall-fatt, paċifiku, li Chiquita kellha “kuntratti Dole plus”, huma sostnew in-natura limitata ħafna tal-bejgħ fil-ġimgħa tal-banana ħadra minn Chiquita. Huwa allegaw ukoll li l-prezz ta’ referenza ta’ Chiquita kien jibqa’ “isfar” għall-bejgħ tal-banana ħadra.

246    Għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dikjarazzjonijiet ma huma sostnuti mill-ebda prova konkreta u oġġettiva u li s-sempliċi konstatazzjoni tal-eżistenza reali ta’ “kuntratti Dole plus” ma tippermettix li jkunu fondati konklużjonijiet dwar il-volum ta’ tranżazzjoni tal-banana ħadra ta’ Chiquita.

247    Id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-bejgħ minn Chiquita ta’ banana ħadra skont ir-referenza safra jkomplu, barra minn hekk, jenfasizzaw ir-relatività tal-awtonomija kunċettwali tal-prezzijiet sofor u ħodor, li jibbażaw l-argumenti tagħhom ir-rikorrenti, diġà murija bin-natura konvertibbli tal-imsemmija prezzijiet.

248    Minn dan isegwi li l-ilment li l-modi ta’ operat rispettivi ta’ Dole u ta’ Chiquita kienu inkompatibbli ma’ koordinazzjoni tal-prezz ta’ referenza tagħhom, kif akkużati mill-Kummissjoni, għandu jiġi miċħud.

c)     Fuq il-koordinazzjoni illeċita tal-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole, ta’ Chiquita u ta’ Weichert

 Fuq l-identifikazzjoni tad-diskussjonijiet illeċiti

249    Ir-rikorrenti jindikaw li l-Kummissjoni ma identifikatx b’mod ċar u mhux ekwivoku d-diversi tipi ta’ informazzjoni skambjata li hija kkunsidrat bħala illeċita.

250    Mill-formulazzjoni tal-ilment jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż sabiex jikkritika l-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE.

251    Il-Kummissjoni tiddeskrivi l-kontenut tal-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel fil-punt 4.4.4 tad-deċiżjoni kkontestata. Wara li enfasizzat li l-komunikazzjoni bilaterali inkwistjoni saret bit-telefon u li l-impriżi kkonċernati informawha li ma kellhom la noti u lanqas minuti ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tippreċiża li hija bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet tal-imsemmija impriżi u fuq dokumenti li jmorru lura għaż-żmien ta’ meta ġraw il-fatti sabiex tiddeskrivi bi preċiżjoni biżżejjed il-kontenut tal-komunikazzjoni bilaterali inkwistjoni.

252    Hija ssostni li Dole u Chiquita, l-istess bħal Dole u Weichert, iddiskutew, matul il-komunikazzjoni tagħhom dwar ipprezzar minn qabel, kundizzjonijiet tal-offerta u tad-domanda jew, fi kliem ieħor, il-fatturi ta’ pprezzar, jiġifieri fatturi importanti għall-istabbiliment tal-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara u ddiskutew jew kixfu tendenzi ta’ prezz u indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara qabel l-istabbiliment ta’ dawn il-prezzijiet ta’ referenza (premessi 148, 182 u 196 tad-deċiżjoni kkontestata).

253    Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, il-Kummissjoni ssemmi d-dikjarazzjonijiet relevanti ta’ Dole u ta’ Chiquita, fil-premessi 149 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġej:

“(149) Meta Chiquita informat lill-Kummissjoni bil-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel li kellha ma’ Dole, hija indikat li t-temi ta’ diskussjoni tagħhom kienu l-kundizzjoni ta’ bejgħ u ta’ suq u l-fatturi ta’ prezz kif ukoll l-offerti ta’ prezz uffiċjali fir-rigward tal-banana. Fid-dikjarazzjonijiet ta’ impriża ulterjuri tagħha, Chiquita żviluppat id-dikjarazzjonijiet inizzjali tagħha. Hija indikat li tali komunikazzjoni tal-Erbgħa wara nofsinhar ‘kienet tkopri b’mod ġenerali s-sitwazzjoni tas-suq u fatturi oħra importanti tas-suq, kif ukoll l-intenzjoni ġenerali ta’ pprezzar [...] Skont Chiquita, matul il-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel, [B] (Chiquita) u [H] (Dole) ‘kienu jevalwaw il-bejgħ u l-fatturi l-oħra ta’ prezz relevanti għad-determinazzjoni tal-prezz għall-ġimgħa ta’ wara’. [...] ‘Barra minn hekk, Chiquita u Dole kienu jinfurmaw lil xulxin bil-kundizzjonijiet tal-bejgħ bl-imnut tagħhom rispettivi, jiġifieri l-bejgħ isfar (Abverkauf)’ […]

(150) Chiquita ssostni li Dole ‘kienet tindika ġeneralment jekk, meta mqabbla ma’ Chiquita, il-prezzijiet tagħha kienux 'se jiżdiedu' (gehen wir hoch), 'se jorħsu' (gehen wir runter) jew 'se jibqgħu l-istess' (bleiben wir beim Preis stehen) matul il-ġimgħa ta’ wara meta mqabbla mal-prezz tal-ġimgħa li tkun għaddejja. Ir-risposta ta’ Chiquita setgħet tkun dikjarazzjoni tat-tip 'dan jidher raġonevoli' jew 'issa nara x’ser nagħmlu'. Xi kultant Chiquita kienet iktar speċifika u kienet tippreċiża x’kellha l-intenzjoni li tagħhmel matul il-ġimgħa ta’ wara’. Skont Chiquita, matul il-komunikazzjoni kważi kollha, [B] u [H] kienu jiddiskutu l-intenzjonijiet dwar il-prezz.

(151) Chiquita tirrikonoxxi li: ‘[...] it-telefonati ta’ [B] ma’ [H] kellhom bħala tema finali l-evalwazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ żieda fil-prezzijiet matul il-ġimgħa ta’ wara, fi kliem ieħor li jiġi evalwat jekk dan kienx ukoll fl-intenzjoni tal-impriża l-oħra kkonċernata li żżid il-prezzijiet tagħha. Kien importanti li jsir magħruf jekk kienx għad hemm marġni ta’ manuvra għal żieda tal-prezz’. Chiquita tiddikjara li: ‘għalkemm l-informazzjoni dwar il-bdil fil-prezz tal-ġimgħa ta’ wara ma kinitx speċifika, kien ġeneralment aċċettat li l-prezz tal-mument jiżdied jew jitnaqqas b’50 ċenteżmu. Għalhekk, xi kultant, Dole u Chiquita kienu jiddiskutu wkoll b’liema ammont kellhom l-intenzjoni li jgħollu jew inaqqsu l-prezz tagħhon (per eżempju, ‘għandha nżidu b’EUR 1’)”.

(152) F’risposta għal talba għal informazzjoni, Dole ssostni li l-komunikazzjoni tagħha ma’ Chiquita kienet tikkonċerna ‘il-kundizzjonijiet tas-suq u, f’dan il-kuntest, xi kultant tendenzi indikattivi tal-prezz ta’ referenza’. Dole tippreċiża li: ‘[...] l-evalwazzjonijiet tas-sitwazzjoni tas-suq kienu jinkludu l-kundizzjonijiet atmosferiċi, il-ħażniet sofor għand iċ-ċentri ta’ sajran, il-ħażniet ħodor stmati fil-portijiet u fatturi oħra li jinkluwenzaw l-offerta meta mqabbla mad-domanda. Fir-rigward ta’ din id-diskussjoni dwar is-suq, il-prezzijiet ta’ referenza indikattivi setgħu wkoll jissemmew bħala riflessjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk is-suq kienx qed jiżdied jew jitnaqqas.

[…]

(154) Barra minn hekk, Dole indikat li Chiquita u kompetituri oħra kienu jċemplulha minn żmien għall-ieħor sabiex jivverifikaw dak li kienu jsostnu xi klijenti f’dak li jikkonċerna l-iżviluppi tas-suq. ‘Per eżempju, [...] jekk Dole kinitx verament ser torganizza promozzjoni f’pajjiż speċifiku’.

[…]

(158) Dole indikat, barra minn hekk, [fil-paġna 130 tar-] risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li [...] ‘[H] spjega li seta’ jiġri li jiftiehem ma’ [B], li kienu jistennew li l-prezzijiet jiżdiedu b’EUR 1 jew 50 ċenteżmu, iżda qatt ma eżista l-ebda ftehim dwar iż-żieda tal-prezz’ [...]

(159) Dole indikat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li la [B] u lanqas [H] ma kellhom l-awtorità assoluta ta’ pprezzar u li kull ma kienu jagħmlu kien, konsegwentement, li jiskambjaw l-opinjoni personali tagħhom [dwar il-mod kif il-prezzijiet ta’ referenza ta’ Chiquita u ta’ Dole setgħu jevolvu ...]”

254    Fir-rigward tal-komunikazzjoni bilaterali bejn Dole u Weicher, l-ewwel impriża ddikjarat, kif jirriżulta mill-premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata u mir-risposta ta’ Dole għat-talba għal informazzjoni tat-30 ta’ Marzu 2006, li din kienet tikkonċerna “diskussjoni ġenerali tal-kundizzjonijiet tas-suq (żviluppi attwali u mistennija) u l-volumi ġenerali tas-suq” u li, l-Erbgħa wara nofsinhar, kien hemm diskussjoni dwar il-mod kif hi u Weichert “kienu jaraw is-suq matul il-ġimgħa attwali u l-mod kien huma kienu jaħsbu li s-suq seta’ jiżviluppa matul il-ġimgħa ta’ wara”. Dole żiedet dan li ġej:

“Id-domanda tas-suq imnaqqsa kienet tiġi evalwata billi kienet tiġi diskussa s-sitwazzjoni tas-suq (bħal li jsir magħruf jekk kinux jeżistu ħażniet antiċipati ta’ importazzjoni eċċedentarja fil-livell tal-portijiet jew jekk il-ħażniet għand iċ-ċentri ta’ banana safra kinux ordnati mis-supermarkets minħabba domanda iktar baxxa tal-konsumaturi).”

255    Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għal dikjarazzjonijiet oħra relevanti ta’ Dole u għal dawk ta’ Weichert fil-premessi 184 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġej:

“(184) Dole tippreċiża li “abbażi tad-diskussjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tas-suq, huma kienu jiddiskutu wkoll il-probabbiltà ta’ żieda ġenerali fuq is-suq jew ta’ tnaqqis fil-prezz tal-banana jew tal-kwistjoni dwar jekk il-prezzijiet kinux jibqgħu b’mod ġenerali l-istess. Barra minn hekk, setgħu wkoll jiddiskutu l-opinjoni tagħhom dwar il-mod kif il-‘prezz Aldi’ seta’ jinbidel [...]”.

[…]

(186) Dole tiddikjara li l-kompetituri kienu jċemplulha minn żmien għal żmien sabiex jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet tal-klijenti f’dak li jikkonċerna l-iżviluppi tas-suq. ‘Per eżempju, [...] jekk Dole kinitx verament ser torganizza promozzjoni f’pajjiż speċifiku’.

(187) Dole tammetti fir-risposta tagħha għal talba għal informazzjoni, li f’ċerti okkażjonijiet hija kienet tikxef speċifikatament ma’ Weichert ‘it-tendenza possibbli tagħha fil-qasam tal-offerta’. Dole tiddikjara li meta [S] (Dole) kien jikkomunika mal-kuntatti tiegħu għand Weichert, ‘Weichert kienet titlob ukoll regolarment, minkejja li mhux kull ġimgħa, it-tendenza possibbli tal-offerta għall-ġimgħa ta’ wara. Jekk Dole kien ikollha diġà idea tat-tendenza tal-prezz ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara, Dole kienet tirrispondi’.

(188) Weichert issostni fir-risposta tagħha għal talba għal informazzjoni li l-komunikazzjoni bilaterali ma’ Dole ‘dwar il-kundizzjonijiet ġenerali prevalenti fuq is-suq’ kienet ‘konverżazzjoni ġenerali ħafna mingħajr aġenda organizzata jew stabbilita minn qabel li matulha d-diskussjonijiet setgħu jkunu dwar id-diversi temi segwenti’ u jelenka l-lista segwenti: perċezzjoni tas-suq, tendenzi tas-suq, kundizzjonijiet atmosferiċi fl-Ewropa, kundizzjonijiet atmosferiċi fil-pajjiżi produtturi tal-banana, importazzjoni tal-banana fiż-ŻEE, livell tad-domanda fuq is-suq, evoluzzjoni tad-domanda fuq is-suq, sitwazzjoni tal-bejgħ fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, sitwazzjoni tal-bejgħ għand il-kumpanniji responsabbli għas-sajran, kwistjonijiet regolamentari bħall-bidliet potenzjali tas-sistema tal-banana tal-Komunità jew diskors dwar l-industrija b’mod ġenerali (tluq ta’ impjegati jew impjegati ġodda, koimpriżi/akkwiżizzjonijiet imħabbra, eċċ.) [...]

(189) Weichert tiddikjara barra minn hekk li ‘[f’]xi okkażjonijiet, Dole kienet iċċempel lil Weichert sabiex tiskambja opinjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ġenerali prevalenti fis-suq [...] u, f’każijiet rari, ukoll dwar l-iżvilupp possibbli tal-prezzijiet uffiċjali qabel il-komunikazzjoni tal-prezzijiet uffiċjali bejn l-importaturi tal-banana nhar ta’ Ħamis’.

(190) […] Fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Dole sostniet li xi kultant Weichert ‘kienet titlob it-tendenzi ta’ offerta possibbli għall-ġimgħa ta’ wara bħala miżura ta’ referenza, li minnha [Weichert] setgħet tiddetermina l-preċiżazzjoni tal-istimi tagħha’.

[…]

(195) Dole tiddikjara, fir-risposta għal talba għal informazzjoni, li ‘l-kuntatt kellu l-għan li jsir skambju ta’ informazzjoni sabiex jippermetti lil kull importatur jevalwa aħjar il-kundizzjonijiet tas-suq. Billi tintuża l-informazzjoni ġenerali jew l-opinjonijiet ġenerali fuq is-suq miksuba mill-kuntatt, Dole kienet tistma d-domanda probabbli fuq is-suq, l-offerta probabbli disponibbli sabiex tirrispondi għad-domanda u l-konkordanza tal-idea inizzjali ta’ prezz ta’ Dole mal-kundizzjonijiet reali tas-suq’ [...]”

256    B’hekk jidher li, abbażi tad-dikjarazzjoni tal-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni kjarament identifikat u ddistingwiet żewġ tipi ta’ informazzjoni skambjata, jiġiferi minn naħa, il-fatturi ta’ pprezzar, jiġifieri fatturi importanti sabiex jiġu stabbiliti prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara, u, min-naħa l-oħra, it-tendenzi ta’ prezz u l-indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara qabel ma jiġu stabbiliti dawn il-prezzijiet ta’ referenza.

257    Il-Kummissjoni ġabret dawn l-iskambji ta’ żewġ tipi ta’ informazzjoni taħt il-kwalifika ġenerika ta’ komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel filwaqt li ppreċiżat li din tal-aħħar kienet, f’ċerti okkażjonijiet, dwar it-tendenzi ta’ prezz u l-indikazzjonijiet dwar il-prezz ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara (premessa 266 tad-deċiżjoni kkontestata). Komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel tikkorrispondi għalhekk għal skambju dwar tip jew ieħor ta’ informazzjoni inkwistjoni u, a fortiori, dwar wieħed u l-ieħor.

258    Fil-kritika tagħhom tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom sabiex jeċċepixxu, l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ preċiżjoni tan-numru ta’ komunikazzjonijiet dwar it-tendenzi tal-prezz u l-indikazzjonijiet dwar il-prezz ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara, li jwassal, minn naħa, sabiex jiġi ammess il-karattru biżżejjed espliċitu u ċar tad-deċiżjoni kkontestata fuq in-natura tal-informazzjoni inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, sabiex din it-tip ta’ informazzjoni tiġi iżolata b’mod artifiċjali u sabiex jitwarrbu kuntatti dwar il-fatturi ta’ pprezzar.

259    Minbarra li l-kwistjoni tal-frekwenza tal-komunikazzjonijiet dwar ipprezzar minn qabel hija espressament eżaminata fil-premessi 76 sa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa importanti li jiġi rrelevat li l-Kummissjoni tiddeskrivi l-frekwenza tal-każijiet fejn il-partijiet direttament ħabbru l-intenzjonijiet tagħhom dwar il-prezzijiet. Dole stess qieset li dan “sar matul bejn wieħed u ieħor nofs id-diskussjonijiet ta’ nhar ta’ Erbgħa wara nofsinhar ma’ Chiquita” (premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata) u, f’dak li jikkonċerna l-komunikazzjoni bejn Dole u Weichert, Dole tammetti li, fil-komunikazzjoni tagħhom “huma kienu jiddiskutu wkoll il-probabbiltà ta’ żieda ġenerali fuq is-suq jew ta’ tnaqqis fil-prezz tal-banana jew tal-kwistjoni dwar jekk il-prezzijiet kinux jibqgħu ġeneralment l-istess” (premessi 184 u 187 tad-deċiżjoni kkontestata) filwaqt li Weichert tiddikjara li d-diskussjonijiet “kienu, f’każijiet rari, wkoll dwar l-evoluzzjoni possibbli tal-prezzijiet uffiċjali”(premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata).

260    It-tieni nett, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma indikatx b’mod preċiż liema tipi ta’ “fatturi relevanti għall-istabbilment tal-prezz ta’ referenza” kien illeċitu li jiġu diskussi. Huma jenfasizzaw id-differenza bejn il-lista ta’ fatturi stabbilita minn Weichert, riprodotta fid-deċiżjoni kkontestata, u dik li tinsab fir-risposta kif ukoll il-fatt li l-imsemmija lista tinkludi, b’mod partikolari, l-“importazzjonijiet tal-banana fiż-“ŻEE”, filwaqt li l-Kummissjoni rtirat kull ilment relatat ma’ koordinazzjoni dwar il-volumi.

261    Kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, ma hijiex din tal-aħħar li għandha tistabbilixxi b’mod ġenerali, fid-deċiżjoni kkontestata, lista eżawrjenti ta’ fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati a priori bħala illeċiti fis-settur inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, hija għandha tikkwalifika b’mod ġuridiku bi preċiżjoni u ċarezza suffiċjenti l-aġir tal-impriżi kkonċernati fid-dawl tal-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 81 KE, dak li għamlet, fir-rigward tan-natura tal-informazzjoni skambjata, billi tirreferi għad-deskrizzjoni magħmula mill-impriżi stess tal-komunikazzjoni bilaterali.

262    Il-Kummissjoni, b’mod partikolari, enfasizzat id-dikjarazzjoni ta’ Dole li tgħid li “l-evalwazzjonijiet tas-sitwazzjoni tas-suq kienu jinkludu l-kundizzjonijiet atmosferiċi, il-ħażniet sofor għand iċ-ċentri ta’ sajran, il-ħażniet ħodor stmati fil-portijiet u fatturi oħra li jinfluwenzaw l-offerta meta mqabbla mad-domanda” (premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-komunikazzjoni ma’ Chiquita). Dole indikat ukoll li l-iskambji tagħha ma’ Weichert kienu dwar il-kundizzjonijiet tas-suq (żviluppi attwali u mistennija), li jippreċiżaw li “d-domanda tas-suq imnaqqsa kienet evalwata billi tiġi diskussa s-sitwazzjoni tas-suq ([jiġifieri il-kwistjoni li jsir] magħruf jekk kienux jeżistu ħażniet jew jekk il-ħażniet għand iċ-ċentri ta’ sajran tal-banana safra kienux ordnati mis-supermarkets minħabba domanda inqas tal-konsumaturi)” (premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-kwistjoni tal-iżvilupp tas-suq setgħet ukoll tfisser diskussjonijiet ta’ Dole ma’ Chiquita u Weichert dwar l-organizzazzjoni ta’ operazzjoni ta’ promozzjoni (premessa 154 u 186 tad-deċiżjoni kkontestata).

263    Il-Kummissjoni rreferiet ukoll għad-dikjarazzjoni ta’ Dole li tindika li, “abbażi tad-diskussjonijiet tagħhom dwar il-kundizzjonijiet tas-suq, [l-impjegati kkonċernati] kienu jiddiskutu wkoll il-probabbiltà ta’ żieda ġenerali fuq is-suq jew ta’ tnaqqis tal-prezz tal-banana jew tal-kwistjoni dwar jekk il-prezzijiet kinux jibqgħu b’mod ġenerali l-istess” u li, “barra minn hekk, setgħu wkoll jiddiskutu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-mod kif il-‘prezz Aldi’ seta’ jinbidel [...]” (premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata). Din id-dikjarazzjoni turi rabta bejn id-diskussjonijiet dwar il-fatturi dwar l-ipprezzar u dawk dwar l-evoluzzjoni tal-prezzijiet, li tippermetti lill-Kummissjoni tirreleva li l-parteċipanti għall-komunikazzjoni kollha kienu jafu li dawn setgħu jiftħu fuq diskussjonijiet jew divulgazzjonijiet ta’ din in-natura u li minkejja kollox aċċettaw li jieħdu parti fihom.

264    Għandu jitfakkar, kif ġie espost fil-punt 125 iktar ’il fuq, li l-eżiġenza ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-interess li d-destinatarji tal-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. F’dan il-każ, ma jistax jiġi allegat b’mod utli li nuqqas ta’ identifikazzjoni ċara u mhux ekwivoka mill-Kummissjoni tad-diversi tipi ta’ informazzjoni skambjata li kkunsidrat bħala illeċiti, u b’mod iktar partikolari tal-fatturi dwar ipprezzar filwaqt li din l-aħħar espressjoni tittraduċi d-dikjarazzjonijiet ta’ Dole, neqsin minn kull ambigwita, dwar l-eżistenza ta’ diskussjonijiet dwar fatturi “li jinfluwenzaw l-offerta meta mqabbla mad-domanda” (premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata).

265    Barra minn hekk, għandu jiġi rrelvat li l-Kummissjoni ppreċiżat b’mod ċar, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-volumi ta’ importazzjoni fil-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel.

266    Fil-fatt, mill-premessi 136, 149 u 185 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-data dwar il-volumi ta’ importazzjoni antiċipata fl-Ewropa ta’ Fuq kienet diġà skambjata qabel ma saret il-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel. Il-volum ta’ importazzjoni individwali tal-impriżi għalhekk ma kienx diskuss waqt l-imsemmija komunikazzjoni, sakemm ma kienx hemm varjazzjoni jew irregolarità sostanzjali fl-importazzjoni antiċipata, minħabba, b’mod partikolari, l-immobilizzazzjoni ta’ vapur. Din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

267    Mill-premessi kollha li jippreċedu jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ identifikazzjoni ċara u mhux ekwivoka mill-Kummissjoni tad-diversi tipi ta’ informazzjoni skambjata kkunsidrata bħala illeċita għandu jitwarrab.

 Fuq in-natura tal-informazzjoni skambjata

268    Ir-rikorrenti jsostnu li l-informazzjoni skambjata kienet taqa’ taħt il-qasam pubbliku jew kienet suxxettibbli li tinkiseb minn sorsi oħra bħall-pubblikazzjonijiet professjonali, li jinkludu anki informazzjoni iktar dettaljata f’dak li jikkonċerna l-prezzijiet previsti fis-settur inkwistjoni.

269    Insostenn tal-allegazjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu għal rivisti online li jikkomunikaw allegatament fi żmien effettiv dettalji kompleti dwar is-suq tal-banana. Huma stess jippreċiżaw li r-rivista Sopisco News kienet tindika kull nhar ta’ Sibt (jiġifieri jumejn qabel il-konklużjoni minn Dole tan-negozjati tagħha dwar l-iffissar tal-prezz it-Tnejn ta’ wara) l-iskala tal-prezzijiet reali tas-suq għal kull importatur għall-ġimgħa li tkun għaddejja.

270    Kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, din ir-rivista kienet tidher tal-inqas jumejn wara l-iffissar u t-tħabbir tal-prezz ta’ referenza, u mhux lejliet. F’dan il-mument, il-prezzijiet ta’ referenza kienu jkunu tħabbru u ġeneralment magħrufa fis-suq (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata), li jikkontradiċi l-allegazzjoni tar-rikorrenti ta’ komunikazzjoni“fi żmien effettiv”.

271    Fir-rigward tal-ittra ta’ informazzjoni taċ-Ċentru ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali tar-Riċerka Agronomika għall-Iżvilupp (CIRAD), hija kienet tirrapporta, skont ir-rikorrenti, kull nhar ta’ Ħamis, dak li jkun qed jingħad fis-suq dwar it-tendenza ta’ kull ġimgħa reali tal-prezzijiet fil-Ġermanja kif ukoll f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.

272    Din l-indikazzjoni temporali ma tippermettix li jkun magħruf jekk l-informazzjoni li tinsab f’din il-pubblikazzjoni kinitx magħrufa mill-impriżi qabel il-laqgħa tagħhom, fil-bidu tan-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu tal-Ħamis, bil-għan li jiġi ffissat il-prezz ta’ referenza tagħhom.

273    Matul is-seduta u f’kontradizzjoni man-noti bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti sostnew ukoll li l-pubblikazzjoni tal-ittra taċ-CIRAD kienet issir nhar ta’ Erbgħa, mingħajr, madankollu, ma jipprovdu l-ebda prova insostenn tal-allegazzjoni tagħhom.

274    Fi kwalunkwe każ, l-eżami tal-eżemplari ta’ din ir-rivista pprovduti mir-rikorrenti, li l-ebda wieħed minnhom ma jikkorrispondi għall-perijodu tal-ksur ikkontemplat fid-deċiżjoni kkontestata, juri data f’ċifri, taħt il-forma essenzjalment ta’ graffs, dwar il-volumi ta’ produzzjoni u l-prezzijiet reali kif ukoll kummenti ġeneriċi ħafna dwar is-swieq ġeografiċi kkonċernati u t-tendenzi fir-rigward tad-data miksuba.

275    Ir-rikorrenti ma jallegawx li hemm imsemmija prezzijiet ta’ referenza tal-importaturi għall-ġimgħa ta’ wara jew anki tendenzi indikattivi tal-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara. Ir-rivista taċ-CIRAD ma tinkludi l-ebda indikazzjoni f’ċifri individwali dwar l-importaturi tal-banana.

276    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkontestawx id-dikjarazzjonijiet tagħhom, irrepetuti mill-Kummissjoni bħala deskrizzjoni tal-kontenut tal-komunikazzjoni, li tikkonċerna diskussjonijiet ma’ Chiquita dwar “il-ħażniet sofor għand iċ-ċentri ta’ sajran, il-ħażniet ħodor stmati fil-portijiet” (premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata) u ma’ Weichert dwar l-eżistenza ta’ “ħażniet antiċipati ta’ importazzjoni żejda fil-livell tal-portijiet” jew dwar il-kwistjoni “jekk il-ħażniet taċ-ċentri tas-sajran kinux ordnati mis-supermarkets minħabba domanda inqas tal-konsumaturi” (premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti ma jistabbilixxux jekk tali skambji humiex dwar informazzjoni disponibbli fuq is-suq.

277    L-istess japplika għad-diskussjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ promozzjoni, l-inċidenti li jaffettwaw it-trasport tal-merkanzija b’destinazzjoni l-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq jew għall-bejgħ bl-imnut rispettiv ta’ Dole u ta’ Chiquita, jiġifieri l-bejgħ isfar.

278    B’risposta għall-osservazzjonijiet ta’ Dole u ta’ Weichert, il-Kummissjoni, ċertament, ammettiet hi stess li l-informazzjoni diskussa mill-partijiet “setgħet tinkiseb minn sorsi oħra” (premessi 160 u 189 tad-deċiżjoni kkontestata), li jista’ jikkonċerna l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi, invokati minn Dole u Weichert fil-kuntest tad-deskrizzjoni tal-komunikazzjoni bilaterali.

279    Xorta jibqa’ l-fatt li l-opinjoni ta’ Dole jew ta’ Weichert dwar tali informazzjoni importanti għall-kundizzjonijiet tal-offerta u tad-domanda suxxettibbli li tinkiseb mod ieħor permezz ta’ diskussjonijiet mal-impriżi kkonċernati, u tal-effett tagħha fuq l-iżvilupp tas-suq, ma tikkostitwixxix, b’definizzjoni, informazzjoni pubblika disponibbli.

280    Fi kwalunkwe każ, il-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 160 u 189 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex, waħidha, inkompatibbli mal-konklużjoni tagħha dwar l-għan antikompetittiv tal-prattika inkwistjoni, ibbażata fuq evalwazzjoni globali ta’ din tal-aħħar.

 Fuq il-parteċipanti għall-iskambji

281    Ir-rikorrenti jsostnu li d-diskussjonijiet inkriminati ma humiex limitati għat-tliet fornituri destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u li l-importaturi kienu jiskambjaw l-istess informazzjoni jew informazzjoni simili mal-klijenti tagħhom, fatt li l-Kummissjoni ma tikkontestax, iżda li minnu ma tiġbed l-ebda konsegwenza, jiġifieri l-prova ta’ nuqqas ta’ għan antikompetittiv ta’ dawn l-iskambji.

282    Fir-rigward tal-importaturi l-oħra, Fyffes ammettiet hi stess li kienet ħadet sehem f’komunikazzjoni assolutament identika mal-importaturi l-oħra, u l-importaturi kollha informaw lill-Kummissjoni li huma kellhom eżattament l-istess komunikazzjoni ma’ Leon Van Parys (Pacific).

283    Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, ir-rikorrenti jirreferu għall-paragrafi 128 u 129 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ifformulati kif ġej:

“(128) […] Dole tiddikjara li kellha komunikazzjoni bilaterali, li kienet seħħet qabel l-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza tal-banana, ma’ rispettivament, Fyffes, Weichert, Pacific, Del Monte u Chiquita. Del Monte tiddikjara li l-impjegat tagħha (id-direttur tal-bejgħ tal-banana) kellu minn nhar ta’ Tnejn sa nhar ta’ Erbgħa konverżazzjonijiet telefoniċi mal-impjegati ta’ importaturi oħra tal-banana, b’mod partikolari ma’ rispettivament Chiquita, Dole, Weichert/Fyffes u Pacific. Weichert tiddikjara li hija kellha komunikazzjoni bilaterali ma’, b’mod partikolari, rispettivament Chiquita, Del Monte, Fyffes u Pacific. Fyffes tiddikjara li hija kellha komunikazzjoni ma’ importaturi tal-banana, u hija ssemmi fost dawn l-importaturi Chiquita Nederland, Dole, Pacific, Del Monte/Weichert u Del Monte Holland.

(129) Pacific ma tirrikonoxxix li kellha tali komunikazzjoni mal-partijiet l-oħra qabel l-iffissar tal-prezz ta’ referenza. Chiquita, Dole, Del Monte, Weichert u Fyffes jiddikjaraw, madankollu, kollha, b’mod separat, li huma kellhom dan it-tip ta’ komunikazzjoni bilaterali ma’ Pacific. L-estratti telefoniċi prodotti juru barra minn hekk li Pacific kellha konverżazzjonijiet telefoniċi ma’ uħud mill-partijiet l-oħra minn nhar ta’ Tnejn sa nhar ta’ Erbgħa [...]”

284    Għandu jiġi kkonstatat li mill-punti msemmija iktar ’il fuq jista’ jirriżulta biss li Fyffes ammettiet l-eżistenza ta’ komunikazzjoni ma’ importaturi oħra, fosthom Pacific, u li Chiquita, Dole, Del Monte u Weichert iddikkjaraw li kellhom ukoll komunikazzjoni bilaterali ma’ Pacific, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra.

285    Għandu jiġi enfasizzat li, wara li bagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Fyffes u lil Leon Van Parys (Pacific), il-Kummissjoni ma kkunsidratx fid-deċiżjoni kkontestata li dawn iż-żewġ impriżi kienu involuti fi ksur, wara r-risposti ppreżentati minnha u fl-evalwazzjoni tagħha tal-provi li kellha fil-pussess tagħha.

286    Barra minn hekk, mill-premessi 21 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, minbarra Chiquita, Weichert, Dole, Del Monte (f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet tagħhom ta’ fornitur ta’ banana), Fyffes u Leon Van Parys, numru kbir ta’ impriżi oħra li jbigħu l-banana kienu attivi fl-Ewropa ta’ Fuq. La huwa allegat u lanqas a fortiori ma huwa muri li dawn l-impriżi kienu implikati fl-iskambji ta’ informazzjoni inkriminata fid-deċiżjoni kkontestata.

287    Fl-aħħar nett għandu jiġi rrelevat li r-rikorrenti ma jipproduċux il-prova tal-fatt li l-iskambji ta’ informazzjoni inkriminati jinvolvu wkoll lill-klijenti.

288    Ir-rikorrenti jipproduċu żewġ ittri ta’ klijenti ta’ Dole, ġejjin minn Van Wylick OHG u minn Metro Group Buying GmbH, fejn dawn iż-żewġ kumpanniji ma jsemmux il-parteċipazzjoni tagħhom għal diskussjonijiet mal-fornituri ta’ banana fuq fatturi importanti għall-istabbilment tal-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara jew dwar tendenzi ta’ prezz u indikazzjonijiet dwar il-prezz ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara qabel l-istabbilment ta’ dawn tal-aħħar, u lanqas il-konoxxenza tagħhom tal-eżistenza ta’ komunikazzjoni bilaterali bejn importaturi u inqas u inqas tal-portata eżatta ta’ dawn. Iż-żewġ klijenti ta’ Dole jenfasizzaw essenzjalment li din l-impriża kienet tħabbrilhom il-prezz ta’ referenza tagħha nhar ta’ Ħamis filgħodu permezz tat-telefon. Ir-rikorrenti jindikaw huma stess li l-element relevanti ta’ dawn l-ittri huwa li juru li, għall-klijenti, il-fattur deċiżiv kien il-“prezz Aldi” u mhux il-prezz ta’ referenza u li għalhekk “ma huwiex importanti jekk il-klijenti kinux jafu jew le d-dettalji tal-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel ikkonstatata mill-Kummissjoni”.

289    Barra minn hekk, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu, b’riferiment għall-premessa 325 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni ma tikkonstatax li s-suġġetti diskussi matul il-komunikazzjoni bilaterali kienu wkoll diskussi mal-klijenti.

290    Fil-premessa 325 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tfakkar l-argument ta’ Dole u ta’ Del Monte dwar il-kunċett ta’ “radju banana”, skont liema l-informazzjoni tas-suq tal-banana kienet tiġri malajr u li, skont huma, “kulħadd” kien jaf li l-kompetituri kienu jitkellmu ma’ “kulħadd”. B’risposta għal din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni tirreferi espressament għal premessi oħra fejn indikat, minn naħa, li l-provi mressqa jew l-argumenti ppreżentati mill-impriżi kkonċernati ma jurux li istituzzjonijiet pubbliċi, klijenti jew terzi persuni kienu jafu bil-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel u l-kontenut tagħha u, min-naħa l-oħra, li, fi kwalunkwe każ, dan l-argument ma jibdilx il-konklużjoni tagħha li d-diskussjonijiet bejn l-impriżi kkonċernati huma antikompetittivi.

291    F’dan ir-rigward, ġustament il-Kummissjoni tinvoka d-distinzjoni neċessarja bejn, minn naħa, il-kompetituri li jiġbru informazzjoni b’mod indipendenti jew jiddiskutu prezzijiet futuri ma’ klijenti u ma’ terzi u, min-naħa l-oħra, il-kompetituri li jiddiskutu fatturi ta’ pprezzar u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ma’ kompetituri oħra qabel ma jistabbilixxu l-prezzijiet ta’ referenza tagħhom (premessa 305 tad-deċiżjoni kkontestata).

292    Għalkemm l-ewwel aġir ma jqajjem l-ebda diffikultà fir-rigward ta’ eżerċizzju ta’ kompetizzjoni libera u mhux distorta, l-istess ma jgħoddx għat-tieni wieħed, li jikkontradiċi l-eżiġenza li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li għandu l-intenzjoni li jsegwi fuq is-suq komuni, peress li din l-awtonomija tipprekludi rigorożament kull tip ta’ kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi li jkollu l-għan jew l-effett jew li jinfluwenza l-aġir fuq is-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jikxef ma’ tali kompetitur l-aġir li jkun ġie deċiż jew li wieħed ikollu l-intenzjoni li jadotta hu stess fuq is-suq (sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punti 173 u 174, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, T‑61/99, Ġabra p. II‑5349, punt 89).

293    L-evalwazzjoni individwali minn importatur tal-banana ta’ avveniment klimatiku li jaffettwa reġjun ta’ produzzjoni, informazzjoni pubblika u disponibbli, ma għandhiex tiġi konfuża mal-evalwazzjoni komuni minn żewġ kompetituri tal-imsemmi avveniment, flimkien, jekk ikun il-każ, ma’ informazzjoni oħra dwar l-istat tas-suq, u tal-effett tagħha fuq l-evoluzzjoni tas-settur, ftit żmien qabel l-iffissar tal-prezz ta’ referenza tagħhom.

294    Għandu jitfakkar li Dole spjegat, fil-komunikazzjoni tagħha ma’ Chiquita, li “l-evalwazzjonijiet tas-sitwazzjoni tas-suq kienu jinkludu l-kundizzjonijiet atmosferiċi, il-ħażniet sofor għand iċ-ċentri ta’ sajran, il-ħażniet ħodor stmati fil-portijiet u fatturi oħra li jinfluwenzaw l-offerta meta mqabbla mad-domanda”.

295    Għalhekk kelha raġun il-Kummissjoni tindika, fil-premessi 160 u 189 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “anki jekk informazzjoni dwar diversi suġġetti diskussi setgħet tinkiseb minn sorsi oħra [...], l-opinjonijiet tal-kompetituri rigward dan is-suġġett, li kienu skambjati waqt diskussjonijiet bilaterali, ma setgħux”.

 Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tas-suq ikkonċernat

296    Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni prinċipalment li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tas-suq u għalhekk ma pprovdiet l-ebda motivazzjoni dwar dan il-punt jew, fi kliem ieħor, li ma spjegatx b’mod ċar u mhux ekwivoku l-mod kif ħadet inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tas-suq sabiex tikkonstata li l-iskambju ta’ informazzjoni kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE. B’mod ġenerali, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni wkoll li għamlet evalwazzjoni żbaljata tas-suq.

–       Fuq il-qafas leġiżlattiv

297    Ir-rikorrenti jsostnu li s-settur kien suġġett ta’ leġiżlazzjoni speċifika li kellha l-konsegwenza li l-provvista kienet determinata fil-kuntest ta’ sistema ta’ kwota tariffarji.

298    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni dwar dan il-punt, mill-premessi 36 sa 40, 129 sa 137, 278 u 279 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni u eżaminat, b’mod suffiċjenti u mhux ekwivoku, il-qafas leġiżlattiv tas-settur tal-banana meta ġraw il-fatti fl-evalwazzjoni tagħha tal-konformità tal-aġir ta’ Dole mal-Artikolu 81(1) KE jiġifieri r-Regolament Nru 404/93.

299    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tista’ tiġi akkużata bl-ebda ksur tal-Artikolu 253 KE fil-kuntest leġiżlattiv tal-iskambji ta’ informazzjoni kkonċernati.

300    Fit-tieni lok, fir-rigward tar-relevanza tal-analiżi tal-Kummissjoni, għandu jiġi enfasizzat li, waqt il-perijodu kkonċernat, l-importazzjoni ta’ banana fil-Komunità kienet koperta mis-sistema tal-liċenzji. Il-Kummissjoni rrelevat, fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fl-introduzzjoni tat-talbiet għal liċenzja, l-operaturi kienu suġġetti għall-konstituzzjoni ta’ garanzija u li l-parti l-kbira tal-kwantitajiet taħt liċenzja kienu jmorru għall-operaturi tradizzjonali, meta mqabbla mal-“operaturi l-ġodda” jew mal-“operaturi mhux tradizzjonali” (mill-1 ta’ Lulju 2001), li juri l-eżistenza ta’ ċerti barrieri għad-dħul fis-suq ikkonċernat.

301    Il-kwoti ta’ importazzjoni tal-banana kienu ffissati kull sena, allokati fuq bażi trimestrali b’ċerta flessibbiltà limitata bejn it-trimestri ta’ sena ċivili. Il-Kummissjoni tippreċiża li, fid-dawl tas-sistema ta’ kwoti, il-kwantità totali ta’ banana importata fil-Komunità kollha matul trimestru partikolari matul il-perijodu kkonċernat kienet għalhekk iddeterminata, b’riżerva għal ċertu flessibbiltà limitata bejn it-trimestri, peress li elementi importanti kienu jinkoraġġixxu lid-detenturi tal-liċenzji jiggarantixxu li dawn ser jintużaw matul it-trimestru kkonċernat (premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata).

302    Kif jindikaw ir-rikorrenti, il-fatt li l-provvista tal-banana li toriġina mill-Amerika Latina u minn pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) ġiet iffissata fil-fatt mir-Regolament Nru 404/93 matul il-perijodu kollu tal-allegat ksur jikkostitwixxi element ta’ importanza evidenti fid-determinazzjoni tal-prezzijiet.

303    L-importanza ta’ din il-leġiżlazzjoni fid-dawl tal-livell tal-offerta u l-fatt li tikkontribwixxi għal ċerta trasparenza fuq is-suq jippermettu li jiġi konkluż li l-formazzjoni tal-prezzijiet fuq is-suq tal-banana ma kinitx tissodisfa kompletament il-libertà tal-offerta u tad-domanda.

304    Din il-konstatazzjoni ma hijiex, madankollu, inkompatibbli mal-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-għan antikompetittiv tal-prattika inkwistjoni.

305    L-ewwel nett, il-Kummissjoni debitament ħadet inkunsiderazzjoni karatteristika essenzjali tas-settur tal-banana, jiġifieri l-organizzazzjoni tiegħu f’ċikli ta’ kull ġimgħa.

306    Il-Kummissjoni enfasizzat, ġustament, li l-organizzazzjoni komuni tas-swieq ma kinitx tiddetermina minn qabel in-numru ta’ banana importata u kkummerċjalizzata fi ħdan l-Unjoni u inqas u inqas fiż-żona ġeografika inkwistjoni matul ġimgħa partikolari.

307    F’suq organizzat f’ċikli ta’ kull ġimgħa, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata li l-kunsinni ta’ banana ħadra fil-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq kienu determinati, għal ġimgħa partikolari, skont deċiżjonijiet ta’ produzzjoni u ta’ kunsinna meħuda mill-produtturi u l-importaturi (premessi 131 sa 135 tad-deċiżjoni kkontestata), li għalhekk kellhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-volum disponibbli fuq is-suq.

308    It-tieni nett, il-Kummissjoni ħadet ukoll inkunsiderazzjoni sitwazzjoni speċifika f’dak li jikkonċerna l-kwantità ta’ banana disponibbli matul ġimgħa partikolari fl-Ewropa ta’ Fuq, imsemmija fil-premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata fit-termini segwenti:

“Diversi dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni juru li qabel ma jiffissaw il-prezzijiet ta’ referenza tagħhom ta’ kull ġimgħa, nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Erbgħa, il-partijiet kienu jiskambjaw informazzjoni dwar il-kunsinni ta’ banana fil-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq. Dawn l-iskambji kien jgħaddu d-data dwar il-volumi ta’ banana tal-partijiet li l-kunsinna tagħhom kienet ġeneralment prevista matul il-ġimgħa ta’ wara. Il-partijiet jammettu li seħħew tali skambji. B’mod addizzjonali jew alternattiv, l-importaturi jibbażaw ruħhom fuq l-informazzjoni dwar il-kunsinni ta’ banana li kienet disponibbli fi ħdan diversi sorsi pubbliċi u privati permezz ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet kummerċjali. Għalhekk, fil-mument meta l-partijiet kienu kkomunikaw dwar l-ipprezzar minn qabel, huma kienu normalment dejjem jafu bil-volumi ta’ banana tal-kompetituri li kienu ser jaslu iktar tard, fil-ġimgħa ta’ wara, fil-portijiet fl-Ewropa ta’ Fuq [...]”

309    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li, għalkemm l-impriżi kkonċernati ma kinux ikkontestaw il-konstatazzjoni magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet skont liema l-iskambji ta’ data dwar il-volumi kienu jsiru regolarment fil-bidu ta’ kull ġimgħa (nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Erbgħa filgħodu) (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 179 tad-deċiżjoni kkontestata), hija kienet qieset, fid-dawl tal-argumenti ppreżentati mill-partijiet bħala risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-provi fil-pussess tagħha ma kinux iwasslu għall-konklużjoni li l-iskambji ta’ informazzjoni dwar il-volumi inkwistjoni kellhom għan antikompetittiv jew li kienu jagħmlu parti integrali mill-ksur (premessa 272 tad-deċiżjoni kkontestata).

310    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrelevat li l-parteċipanti għall-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel kienu jikkomunikaw fid-dawl ta’ inċertezza minima fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-kompetituri tagħhom f’termini ta’ kunsinni u li, flimkien mat-trasparenza tas-suq iġġenerata mill-kuntest leġiżlattiv tagħha, dan kien iwassal għal livell ta’ inċertezza minima fl-industrija tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq, li kien irendi iktar importanti l-fatt li tiġi protetta l-inċertezza sottostanti rigward id-deċiżjonijiet futuri tal-kompetituri fil-qasam tal-prezz (premessa 272 tad-deċiżjoni kkontestata).

311    Għalkemm ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li għamlet evalwazzjoni żbaljata tal-kuntest tal-prattika inkwistjoni, huma ma jippreżentaw l-ebda argument speċifiku li jikkontradiċi l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-impriżi tal-banana fir-rigward tal-volum disponibbli fuq is-suq matul ġimgħa partikolari u għall-konoxxenza minn dawn l-impriżi tal-kunsinni ta’ banana li jkun għad iridu jaslu, qabel il-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel.

312    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrelevat li l-Kummissjoni ġustament ħadet inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha l-aġir ta’ Dole, ta’ livell ta’ inċertezza minima fl-industrija tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq u tan-neċessità korrelativa li tiġi protetta l-inċertezza sottostanti li tikkaratterizza d-deċiżjonijiet futuri tal-kompetituri fir-rigward tal-prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punti 1088 u 1856).

–       Fuq in-natura speċifika tal-prodott inkwistjoni

313    Minbarra n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar dan il-punt, ir-rikorrenti jinvokaw il-fatt li, peress li l-banana hija prodott li jmur u li għandu jinbigħ malajr, huwa utli, anzi indispensabbli, għall-importaturi, b’mod partikolari, li jkunu jafu b’eżattezza t-tendenzi tas-suq u x’jaħsbu l-kompetituri dwaru, li jispjega għalfejn teżisti tant komunikazzjoni bejn numru kbir ta’ importaturi tal-banana. Il-Kunsill tal-kompetizzjoni Franċiż fil-fatt irrikonoxxa dan u ħa inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-swieq tal-frott u tal-ħaxix f’evalwazzjoni ġenerali tal-effetti ta’ skambju ta’ informazzjoni.

314    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, mill-premessi 278, 279, 290, 300, 303, 341 sa 343 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat, b’mod suffiċjenti u mhux ekwivoku, l-argumenti tad-destinatarji tagħha, fosthom Dole, relatati man-natura speċifika tal-prodott inkwistjoni, jiġifieri tan-natura tiegħu li jitħassar estremament malajr.

315    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tista’ tiġi akkużata bl-ebda ksur tal-Artikolu 253 KE dwar in-natura speċifika tal-prodott inkwistjoni.

316    Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrelevat li l-argument tar-rikorrenti msemmi iktar ’il fuq huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-komunikazzjoni bejn importaturi kellha, fid-dawl tan-natura speċifika tal-prodott inkwistjoni, għan leġittimu, jiġifieri tisħiħ tal-effikaċja tas-suq.

317    Kif indikat, ġustament, il-Kummissjoni fil-premessa 303 tad-deċiżjoni kkontestata, billi jispjegaw li l-għan tal-komunikazzjoni kien użu tal-ħażna b’mod effikaċi fuq is-suq għal prodott li jmur estremament malajr bħall-banana jew l-iffissar tal-prezz tal-użu tal-ħażna tas-suq, l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata jirrikonoxxu b’dan il-fatt li l-komunikazzjoni tagħhom influwenzat id-deċiżjonijiet tagħhom dwar ipprezzar. Din l-aħħar konstatazzjoni tikkonferma l-għan antikompetittiv tal-prattika inkwistjoni.

318    Il-Kummissjoni żiedet fil-premessa 303 tad-deċiżjoni kkontestata dan li ġej:

“[...] ladarba jiġi stabbilit l-għan antikompetittiv tal-komunikazzjoni, il-partijiet ma jistgħux jiġġustifikawh billi jsostnu li din il-komunikazzjoni kienet intiża għal ‘effikaċja aħjar’. Sabiex prattika antikompetittiva mifthiema tkun eżenti mill-applikazzjoni tal-Artikolu 81[KE], huwa neċessarju li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 81(3) [KE] [...] Barra minn hekk, huwa insuffiċjenti li ma jkun hemm l-ebda ‘intenzjoni antikompetittiva’ fil-komunikazzjoni mal-kompetituri li matulha jinkixfu jew jiġu diskussi l-intenzjonijiet dwar prezzijiet u fatturi dwar ipprezzar [...]”

319    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE ma kinux sodisfatti (premessi 339 sa 343 tad-deċiżjoni kkontestata).

320    Id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, li jikkontestaw l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE dwar l-utilita għall-importaturi li jkunu jafu l-opinjonijiet tal-kompetituri dwar it-tendenzi fuq is-suq, fid-dawl taż-żmien ta’ bejgħ qasir ħafna ddettat min-neċessità li jbigħu fi ftit ġranet tagħbijiet sħaħ ta’ frott li jmur, ikomplu jikkorroboraw il-konstatazzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

321    Barra minn hekk, huma kompletament irrelevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża d-dikjarazzjonijiet ta’ natura ġenerali li jirriżultaw minn awtorità nazzjonali ta’ kompetizzjoni li għandha quddiemha talba għal opinjoni dwar l-organizzazzjoni ekonomika tas-settur tal-frott u tal-ħaxix fl-Istat Membru kkonċernat.

322    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex importanti li l-impriżi jkunu miftiehma għal raġunijiet li wħud minnhom kienu leġittimi. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ftehim jista’ jkun ikkunsidrat li għandu għan restrittiv anki jekk ma jkollux bħala uniku għan li jillimita l-kompetizzjoni, iżda jkollu għanijiet leġittimi oħra (setenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers, punt 68 iktar ’il fuq, punt 21).

323    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ppreżentaw l-ebda argument ta’ natura li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura speċifika tal-prodott inkwistjoni.

–       Fuq in-natura varjabbli tad-domanda

324    B’riferiment għall-premessi 35 u 130 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jsostnu li d-domanda tvarja ħafna fuq is-suq inkwistjoni u li kien impossibbli għall-importaturi li jipprevedu d-domanda b’mod affidabbli, bil-konsegwenza li l-prezzijiet kienu jvarjaw kull ġimgħa.

325    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti stess fin-noti tagħhom, il-Kummissjoni invokat espressament il-kwistjoni tad-domanda fuq is-suq ikkonċernat billi indikat li “[l-]banana hija kkunsidrata fil-kummerċ bħala prodott disponibbli matul is-sena kollha, li d-domanda għaliha hija ftit ikbar matul l-ewwel semestru tas-sena u ftit iżgħar matul it-tieni semestru, b’mod partikolari fis-sajf” (premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata), li jeskludi kull nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni dwar dan il-punt.

326    Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrelevat li l-konstatazzjoni ta’ din tal-aħħar, imsemmija fil-punt 325 iktar ’il fuq, ma tistax titqabbel, kif jagħmlu r-rikorrenti, mal-konstatazzjoni ta’ impossibbiltà għall-importaturi li jipprevedu b’mod affidabbli d-domanda. Din l-aħħar dikjarazzjoni li tinsab fil-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata tikkorrispondi, wara kollox, għad-dikjarazzjonijiet ta’ Del Monte biss.

327    Barra minn hekk, minn naħa, għandu jiġi rrelevat li l-Kummissjoni enfasizzat (premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata), mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, il-kapaċità deċiżjonali tal-importaturi fid-determinazzjoni ta’ kull ġimgħa tal-volumi ta’ kunsinni ta’ banana fil-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq u t-tqassim tagħha bejn id-diversi Stati Membri li jagħmlu l-Ewropa ta’ Fuq, l-Ewropa tal-Lvant u l-EFTA, sitwazzjoni li turi kapaċità ta’ adattament u flessibbiltà tas-suq f’dak li jikkonċerna l-offerta.

328    Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-varjabbiltà tad-domanda u l-konsegwenza allegata ta’ din, jiġifieri l-varjabbiltà ta’ kull ġimgħa tal-prezzijiet, huma kompatibbli mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ prattika miftiehma li għandha bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u jsostnu wkoll dawn il-konklużjonijiet.

329    Fir-rigward tal-portata tal-komunikazzjoni bilaterali, ġustament il-Kummissjoni enfasizzat li l-impriżi inkwistjoni ddiskutew il-kundizzjonijiet tal-offerta u tad-domanda jew, fi kliem ieħor, il-fatturi ta’ pprezzar, b’mod partikolari, b’evalwazzjoni komuni tal-livell tad-domanda. F’dan ir-rigward, jaqbel li jitfakkar li Dole ppreċiżat li, fil-kuntest tad-diskussjonijiet tagħha ma’ Weichert, “id-domanda ta’ suq antiċipata kienet tiġi evalwata billi kienet tiġi diskussa s-sitwazzjoni tas-suq ([jiġiferi l-kwistjoni ta’] jekk kinux jeżistu ħażniet antiċipati ta’ importazzjoni żejda fil-livell tal-portijiet jew jekk il-ħażniet taċ-ċentri ta’ sajran ta’ banana safra kinux ordnati mis-supermarkets minħabba domanda inqas tal-konsumaturi)” (premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata).

330    Fl-istudju ekonomiku tal-10 ta’ April 2007 ppreżentat minn Dole matul il-proċedura amministrattiva, huwa indikat li d-domanda tal-banana kienet tvarja minn ġimgħa għall-oħra skont numru kbir ta’ fatturi prevedibbli jew le u li, fid-dawl ta’ din l-inċertezza, DFFE kellha ssib prezz ideali li jippermettilha li tilħaq punt ta’ bilanċ bejn il-ħażna tagħha u d-domanda li tvarja, filwaqt li tikkunsidra r-riskji u l-ispejjeż marbuta mal-fatt li l-banana tibqa’ ssir. Huwa wkoll ippreċiżat li l-“fattur li jaffettwa l-volumi finali mixtrija mill-klijent huwa l-prezz, b’mod li d-domanda hija, kuntrarjament għall-offerta, elastika meta mqabbla mal-prezz”.

331    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ Dole fuq is-suq, fil-kuntest ta’ suq ikkaratterizzat ukoll minn sistema ta’ skambji ta’ informazzjoni bejn importaturi dwar il-volumi ta’ kunsinni ta’ kull ġimgħa ta’ banana fil-portijiet, huma ta’ natura li jiġġustifikaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-fatt li l-prezz kien strument fundamentali tal-kompetizzjoni fis-settur inkwistjoni (premessa 261 tad-deċiżjoni kkontestata) u n-neċessità vinkolanti li tkun protetta, fil-kuntest tas-suq tal-banana, l-inċertezza sottostanti fir-rigward tad-deċiżjonijiet futuri tal-kompetituri fil-qasam tal-prezz (premessa 272 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       Fuq l-istruttura tas-suq

332    Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-iskambju limitat ta’ informazzjoni sar fuq suq li ma huwiex ikkonċentrat ħafna u lanqas oligopolistiku. Wara li indikat il-kuntrarju fil-paragrafu 406 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat, mingħajr l-iċken spejgazzjoni, li dan il-fattur ma kienx relevanti (premessa 280 tad-deċiżjoni kkontestata), u ċaħdet, b’hekk, il-provi qawwija prodotti insostenn tan-natura antikompetittiva tas-suq ikkonċernat. Barra minn hekk, l-allegat ksur ikopri inqas minn nofs is-suq, jiġifieri 45 sa 50 % f’valur jew 40 sa 45 % f’volum (premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata) skont iċ-ċifri, eżaġerati, tal-Kummissjoni, li ma ppreċiżatx b’mod ċar il-kalkolu ta’ dan is-sehem tas-suq, fejn dan tal-aħħar huwa fir-realtà, inqas minn 25 % fil-Ġermanja, l-iktar suq importanti fl-Ewropa ta’ Fuq. Din id-dimensjoni tas-sehem tas-suq tneħħi naturalment kull bażi għas-suġġeriment li l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni jista’ jkun utli sabiex ikun hemm żieda fil-prezzijiet fil-livell tas-settur.

333    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni tal-istruttura tas-suq u tan-natura antikompetittiva tiegħu ġiet eżaminata mill-Kummissjoni, b’mod suffiċjenti u mhux ekwivoku, fil-premessi 25 sa 31, 280, 281 u 324 tad-deċiżjoni kkontestata.

334    Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li, fil-paragrafu 406 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet semmiet l-eżistenza ta’ suq oligopolistiku, indikazzjoni li ma tidhirx iktar fid-deċiżjoni kkontestata.

335    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-deċiżjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja eżatta tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 68). Fil-fatt, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni t-tweġibiet tal-impriżi kkonċernati għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’dan ir-rigward, hija għandha mhux biss tilqa’ jew tiċħad l-argumenti tal-impriżi kkonċernati, iżda għandha wkoll tanalizza l-fatti mressqa minnhom, jew sabiex tabbanduna tali lmenti li jirriżulta li huma infondati, jew sabiex temenda jew tikkompleta, kemm fil-fatt kif ukoll fil-liġi, l-argumenti tagħha insostenn tal-ilmenti li hija tressaq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 92; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punti 437 u 438).

336    Il-Kummissjoni għalhekk organizzat, kif kellha d-dritt li tagħmel u wara risposti tal-impriżi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-argument tagħha fid-deċiżjoni kkontestata, li prinċipalment jinsab fil-premessi 280 u 281. F’dawn il-premessi, il-Kummissjoni ssostni li:

–        l-istruttura tas-suq ma hijiex element relevanti sabiex jiġi stabbilit ksur f’dan il-każ, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni (T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 113), li, fil-każ ta’ akkordju fuq il-prezzijiet, ir-relevanza tal-istruttura tas-suq relatata mal-ksur hija differenti minn dik tal-każijiet ta’ qsim tas-swieq;

–        fi kwalunkwe każ, il-partijiet kellhom sehem sostanzjali tas-suq u kienu l-fornituri tal-ikbar tliet trade marks tal-banana;

–        il-partijiet ma jistgħux jiġġustifikaw l-involviment tagħhom f’arranġamenti ta’ ftehim billi jiddikjaraw li teżisti kompetizzjoni fuq is-suq u li ma huwiex neċessarju, sabiex ikun hemm ksur skont is-suġġett, li arranġamenti jeskludu kull kompetizzjoni bejn il-partijiet.

337    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma tista’ tiġi akkużata bl-ebda ksur tal-Artikolu 253 KE f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni tal-istruttura tas-suq inkwistjoni.

338    Fit-tieni lok, fir-rigward tar-relevanza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti josservaw ġustament li l-pożizzjoni li tgħid li l-istruttura tas-suq ma hijiex element relevanti sabiex jiġi stabbilit, f’dan il-każ, ksur, tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, punt 336 iktar ’il fuq, fis-sens li s-siltiet minn din is-sentenza fil-premessa 280 tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex relatati mal-istabbilment tal-ksur, iżda mal-ammont tal-multa imposta.

339    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li għandu l-intenzjoni jsegwi fuq is-suq komuni u li, għalkemm din l-eżiġenza ta’ awtonomija ma teskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jadattaw b’mod intelliġenti għall-aġir ikkonstatat jew antiċipat fuq il-kompetituri tagħhom, hija madankollu tipprekludi rigorożament kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi ta’ natura jew li jinfluwenza l-aġir fuq is-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jikxef lil tali kompetitur l-aġir li jkollha l-intenzjoni li tadotta fuq dan is-suq, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jwasslu għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, tal-importanza jew tan-numru ta’ impriżi u tal-volum tal-imsemmi suq (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 56 iktar ’il fuq, punti 32 u 33).

340    Jekk l-offerta fuq suq tkun ikkonċentrata ħafna, l-iskambju ta’ ċerta informazzjoni jista’ jkun, b’mod partikolari skont it-tip ta’ informazzjoni skambjata, ta’ natura li jippermetti lill-impriżi jkunu jafu l-pożizzjoni u l-istrateġija kummerċjali tal-kompetituri tagħhom fuq is-suq, fejn b’hekk tneħħi r-rivalità fuq dan is-suq u żżid il-probabbiltà ta’ kollużjoni, anzi tiffaċilitaha. Min-naħa l-oħra, jekk l-offerta tkun imnaqqsa, ix-xandir u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri jista’ jkun newtrali jew anki pożittiv, għan-natura kompetittiva tas-suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 58).

341    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni tista’ tikkostitwixxi ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni anki meta s-suq inkwistjoni ma huwiex suq oligopolistiku kkonċentrat ħafna (sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 86).

342    Għandu jiġi enfasizzat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li, minbarra Chiquita, Weichert u Dole, il-kumpanniji Del Monte (f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet tagħha ta’ fornitur ta’ banana), Fyffes u Leon Van Parys ibigħu ammont sostanzjali ta’ banana fl-Ewropa ta’ Fuq u li, minbarra dawn l-impriżi, numru kbir ta’ impriżi oħra li jbigħu l-banana huma attivi fl-Ewropa ta’ Fuq. Il-parti l-kbira fosthom kienu impriżi żgħar li kienu jiffokaw fuq żona ġeografika limitata (b’mod partikolari l-Ġermanja) (premessi 21 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata).

343    Madankollu, il-Kummissjoni tippreċiża li l-partijiet kellhom sehem sostanzjali tas-suq u kienu l-fornituri tal-ikbar tliet trade marks tal-banana.

344    Il-Kummissjoni tispjega, f’dan ir-rigward, il-mod kif iddeterminat il-preżenza kombinata tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata fil-ħażna tal-banana fil-premessi 25 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata.

345    Għalhekk, il-Kummissjoni stmat is-sehem tagħhom flimkien tal-bejgħ ta’ banana f’valur, abbażi tal-informazzjoni li l-imsemmija destinatarji u l-importaturi tal-banana Fyffes u LVP ipprovdew, li wassalha sabiex tikkonkludi li s-sehem tal-bejgħ f’valur ta’ Chiquita, Dole u Weichert kien jirrappreżenta fl-2002 madwar 45 sa 50 % tal-bejgħ tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq (premessi 26 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata).

346    Ir-rikorrenti jsostnu li ċ-ċifri pprovduti mill-Kummissjoni huma eżaġerati b’mod kunsiderevoli u ma jaqblux mal-investigazzjoni indipendenti magħmula mal-konsumaturi, li turi li s-sehem akkumulat ta’ Chiquita, ta’ Dole u tal-impriżi magħmula minn Del Monte u Weichert, mkejjel f’volum, kien ta’ inqas minn 25 % fuq is-suq l-iktar importanti, jiġifieri l-Ġermanja.

347    Dan l-argument diġà ġie espost minn Dole matul il-proċedura amministrattiva u ġustament twarrab mill-Kummissjoni, fil-premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġej:

“[…] L-ewwel nett, huwa importanti li jinftiehem sew li l-istima tas-sehem tas-suq tal-Ġermanja li ġiet esposta mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ u l-istimi ta’ bejgħ minn fornituri oħra ta’ banana, li ġew ikkomunikati mid-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll minn LVP u Fyffes. L-istima magħmula mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija bbażata fuq il-valur u mhux fuq il-volum. Anki jekk l-istima tal-uffiċju ta’ studju tas-suq indipendenti kienet korretta, parti kbira tad-differenza bejn din l-istima u dik tal-Kummissjoni tista’ tiġi spjegata bid-differenza ta’ prezz bejn il-banana bi trade mark u l-banana mingħajr trade mark. It-tieni nett, l-uffiċju ta’ studju tas-suq jgħodd il-banana kkonsmata fil-Ġermanja, filwaqt li l-istima tal-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-banana mibjugħa fil-Ġermanja. Issa, il-banana kollha li tiġi kkunsinnata fil-Ġermanja ma hijiex neċessarjament ikkonsmata f’dan il-pajjiż [...]”

348    Minn estratti tal-investigazzjoni inkwistjoni msemmija fil-paġna 42 tar-risposta ta’ Dole għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li d-data tirrigwarda l-2004, filwaqt li l-perijodu ta’ ksur intemm fl-aħħar tal-2002, u jikkonċerna biss il-Ġermanja, fejn il-Kummissjoni preċiżament ikkonstatat il-preżenza ta’ diversi operaturi żgħar. Għall-istess raġunijiet, lanqas tabella li turi l-ishma tas-suq ta’ Dole, ta’ Chiquita, ta’ Del Monte u ta’ fornituri oħra fuq is-suq Ġermaniż matul is-snin 2003 sa 2005 ma hija relevanti.

349    Għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ din l-istanza, ir-rikorrenti jikkuntentaw ruħhom li jirriproduċu l-istess argument, ibbażat fuq l-istess dokumenti, mingħajr ma jipprovdu kwalunkwe prova ta’ natura li tikkontradiċi r-risposta tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ relevanza tagħha. Huma ma jipproduċu l-ebda prova konkreta li tipprova l-allegazzjoni tagħhom ta’ suq kompetittiv ħafna fl-Ewropa ta’ Fuq.

350    Il-Kummissjoni evalwat ukoll, fid-deċiżjoni kkontestata, is-sehem tal-bejgħ f’volum tal-impriżi kkonċernati fl-Ewropa ta’ Fuq, abbażi ta’ data pprovduta minnhom, fid-dawl tal-konsum apparenti ta’ banana f’volum li jirriżulta mill-istatistika uffiċjali ppubblikata minn Eurostat (Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea) u waslet għall-konklużjoni li l-bejgħ ta’ banana friska fl-2002 minn Chiquita, Dole u Weichert, imkejjel f’volum, kien jirrappreżenta approssimativament 40 sa 45 % tal-konsum apparenti ta’ banana friska fl-Ewropa ta’ Fuq, fejn din l-istima hija ftit inqas mis-sehem f’valur ta’ dan il-bejgħ (premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata).

351    Ir-rikorrenti jallegaw li l-mod kif il-Kummissjoni kkalkolat l-ishma tas-suq ma huwiex ċar peress li jidher li tgħodd il-bejgħ tal-banana safra u ħadra bħala numeratur, iżda juża biss il-banana ħadra (jiġifieri d-dħul mill-bejgħ tal-importazzjonijiet ipprovduti minn Eurostat, li jista’ jikkonċerna biss il-banana ħadra) għad-denominatur, li jimplika li t-total akkumulat tal-ishma tas-suq għandu jkun ta’ iktar minn 100 %.

352    Dan l-argument għandu jitwarrab peress li huwa bbażat fuq premessa żbaljata, jiġifieri d-distinzjoni bejn banana safra u banana ħadra. Għandu jitfakkar li l-prodott inkwistjoni huwa magħmul mill-banana safra, peress li r-rikorrenti ma pprovdewx provi distinti ġejjin miż-żewġt iswieq differenti. Id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna l-banana kollha, kemm jekk tkun safra jew ħadra, u l-Kummissjoni stabbiliet b’mod ċar rapport bejn il-bejgħ tal-banana friska fl-2002 minn Chiquita, Dole u Weichert u l-konsum apparenti ta’ dan l-istess prodott.

353    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ġustament il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li Dole, Chiquita u Weichert kellhom sehem sostanzjali tas-suq, li, għalkemm ma jistax jiġi ddefinit bħala oligopolistiku, ma jistax ikun ikkaratterizzat minn offerta ta’ natura żgħira.

354    Minn dan isegwi li l-ilment dwar ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ evalwazzjoni żbaljata dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tas-suq għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-kalendarju u l-frekwenza tal-komunikazzjonijiet

355    Ir-rikorrenti jindikaw li, skont il-ġurisprudenza, il-perjodiċità ta’ skambju ta’ informazzjoni hija element relevanti għall-evalwazzjoni ta’ jekk tali skambju jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma evalwatx b’mod korrett dan l-element u lanqas ma wriet b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament li segwiet.

356    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-kalendarju u l-frekwenza tal-komunikazzjonijiet, mill-premessi 70 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel saret bejn Dole u Chiquita, b’mod ġenerali, nhar ta’ Erbgħa wara nofsinhar u, xi kultant, nhar ta’ Ħamis filgħodu u bejn Dole u Weichert nhar ta’ Erbgħa wara nofsinhar biss, jew ftit ħin wara l-iffissar minn dawn l-impriżi tal-prezz ta’ referenza tagħhom.

357    F’dak li jikkonċerna l-komunikazzjoni bejn Dole u Chiquita, din tal-aħħar indikat li din kienet issir kważi kull ġimgħa (bl-eċċezzjoni tal-perijodu ta’ vaganzi u ġimgħat oħra ta’ assenza). Il-minuti telefoniċi disponibbli tal-impjegat tagħha, B, juru, tal-inqas, 55 telefonata magħmula mgħoddija lil H (iżda l-ebda telefonata rċevuta) nhar ta’ Erbgħa u tal-anqas 53 telefonata magħmula nhar ta’ Ħamis filgħodu bejn l-2000 u l-2002, li fosthom 23 telefonata (f’19-il ġimgħa) saru qabel id-9:45, jew qabel it-8:30 (jiġifieri qabel il-laqgħa dwar ipprezzar ta’ Dole) għal 18 minnhom (fi 17-il ġimgħa) (premessi 76 sa 78 tad-deċiżjoni kkontestata), li jaqbel mad-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita skont liema hija kellha ma’ Dole komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel nhar ta’ Ħamis filgħodu.

358    Dole iddikjarat li, mill-2000 sa bejn wieħed u ieħor il-Ħarifa tal-2001, kien hemm kuntatti bejn l-impjegat tagħha H, u B (impjegat ta’ Chiquita). Barra minn hekk, Dole sostniet li, mill-Ħarifa 2001 sa bejn wieħed u ieħor l-2002-2003, kien hemm kuntatti bejn l-impjegat tagħha, G, u l-korrispondenti tiegħu għand Chiquita, bejn wieħed u ieħor xi għaxar darbiet. Skont Dole, jista’ jkun li bejn il-Ħarifa 2001 u Diċembru 2002 saru xi telefonati ta’ din in-natura bejn H u B, iżda li, madankollu, “H [...] ma jiftakarx li saru dawn it-telefonati matul dan il-perijodu” (premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata).

359    Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Dole, abbażi tal-minuti telefoniċi disponibbli, qieset li kienu 55 il-kuntatti ta’ nhar ta’ Erbgħa wara nofsinhar u 58 dawk ta’ nhar ta’ Ħamis filgħodu, indipendentement mit-tul tat-telefonata għal dawn tal-aħħar (premessa 77 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 92 tad-deċiżjoni kkontestata).

360    Huwa wkoll indikat fil-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata li Dole stess qieset li skambju dwar it-tendenzi indikativi tal-prezz ta’ referenza kien sar matul madwar nofs il-komunikazzjonijiet ma’ Chiquita.

361    Fir-rigward tal-komunikazzjoni bejn Dole u Weichert, li għaliha ma hemmx minuti disponibbli, Dole qabel xejn indikat, fir-risposta tagħha għat-talbiet għal informazzjoni, li kienet ikkomunikat ma’ Weichert “kważi kull ġimgħa”, jiġifieri bejn wieħed u ieħor erbgħin ġimgħa fis-sena, qabel ma sostniet, fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li “l-iskambju dwar il-kundizzjonijiet tas-suq kien sar qisu darba kull ġimgħatejn minħabba safar jew impenji oħra”, raġuni diġà mogħtija fir-risposta għat-talba għal informazzjoni sabiex jiġi ġġustifikat in-numru ta’ komunikazzjoni allegata (premessa 87 u 88 tad-deċiżjoni kkontestata).

362    Fir-risposta tagħha għal talba għal informazzjoni fil-15 ta’ Diċembru 2006, Weichert iddikjarat li l-komunikazzjoni ma’ Dole ma kinitx issir kull nhar ta’ Erbgħa, iżda darba jew darbtejn fix-xahar. Mistiedna mill-Kummissjoni, fil-5 ta’ Frar 2007, tippreċiża numru ta’ ġimgħat fis-sena, Weichert sostniet li l-impjegati tagħha kkomunikaw ma’ Dole madwar 20 sa 25 ġimgħa fis-sena (premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata).

363    Weichert sussegwentement sostniet, fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-kuntatti ma’ Dole kienu saru “bejn wieħed u ieħor mhux iktar minn darba jew darbtejn fix-xahar”, mingħajr ma reġgħet irreferiet b’mod espliċitu għall-istima ta’ kull ġimgħa inizjali, li wassal lill-Kummissjoni sabiex tibbaża ruħha fuq frekwenza ta’ bejn wieħed u ieħor 20 sa 25 ġimgħa fis-sena, kompatibbli mad-dikjarazzjonijiet ta’ Dole (premessi 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

364    Abbażi tal-provi hekk miġbura, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-komunikazzjoni kienet biżżejjed koerenti sabiex tifforma “skema” ta’ komunikazzjoni (premessi 86 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

365    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma tista’ tiġi akkużata bl-ebda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li jinsab fl-Artikolu 253 KE.

366    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti jeċċepixxu, l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ preċiżjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kontenut tal-komunikazzjoni inkriminata u b’mod iktar partikolari tal-kunċett ta’ “fatturi dwar ipprezzar”, sabiex jikkritikaw ir-relevanza tal-analiżi tal-Kummissjoni meta kkuntjat l-iskambji.

367    Huma jsostnu, qabel xejn, li l-ebda element tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermetti lil Dole tkun taf jekk diskussjoni unika dwar kwalunkwe mis-suġġetti kkunsidrati tikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan skont l-Artikolu 81 KE.

368    Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet fejn ftehim illegali jista’ jiġi kkaratterizzat fid-dawl tal-kwistjoni tan-numru u tar-regolarità tal-kuntatti bejn il-kompetituri, mill-ġurisprudenza jirriżulta li huma kemm l-għan tal-ftehim kif ukoll iċ-ċirkustanzi proprji tas-suq li jispjegaw il-frekwenza, l-intervalli u l-mod kif il-kompetituri jidħlu f’kuntatt wieħed mal-ieħor sabiex jikkonċentraw l-aġir tagħhom fuq is-suq. Fil-fatt, jekk l-impriżi kkonċernati jistabbilixxu akkordju b’sistema kumplessa ta’ ftehim fuq numru kbir ta’ aspetti tal-aġir tagħhom fis-suq, huma jista’ jkollhom bżonn ta’ kuntatti regolari fuq perijodu twil. Min-naħa l-oħra, jekk il-prattika miftiehma hija speċifika u intiża sabiex tarmonizza biss l-aġir fis-suq fir-rigward ta’ parametru iżolat tal-kompetizzjoni, kuntatt ta’ darba jista’ jkun biżżejjed sabiex l-għan antikompetittiv imfittex mill-impriżi kkonċernati jintlaħaq (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 56 iktar ’il fuq, punt 60).

369    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dak li huwa importanti ma huwiex in-numru ta’ laqgħat bejn l-impriżi kkonċernati iżda l-kwistjoni dwar jekk il-kuntatt jew kuntatti li seħħ jew seħħew offrewx lil dawn tal-aħħar il-possibbiltà li jikkunsidraw l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq inkwistjoni u biex jissostitwixxu intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għad-dannu tal-kompetizzjoni. Ladarba jista’ jiġi stabbilit li dawn l-impriżi waslu għal prattika miftiehma u baqgħu attivi fuq dan is-suq, huwa ġġustifikat li jkun hemm l-eżiġenza li dawn jipproduċu l-prova li dan il-ftehim ma kellux influwenza fuq l-aġir tagħhom fuq l-imsemmi suq (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 56 iktar ’il fuq, punt 61).

370    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta (ara, b’mod partikolari, il-premessi 262, 263, 265 u 269) li l-Kummissjoni evalwat prattika speċifika, jiġifieri komunikazzjonijiet bilaterali ta’ Dole ma Chiquita u Weichert qabel l-istabbilment tal-prezzijiet tagħhom ta’ referenza, fid-dawl tal-kontenut konkret, tal-portata, u tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku tagħha. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni analizzat il-perjodiċità tal-iskambji u kkonkludiet li l-komunikazzjoni kollha hija parti minn “skema” jew mekkaniżmu uniformi ta’ komunikazzjoni. Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni globali, il-Kummissjoni qieset li l-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel ta’ Dole maż-żewġ kompetituri tagħha tikkostitwixxi prattika miftiehma b’għan antikompetittiv.

371    B’risposta għal argumenti li l-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel kienet sporadika jew irregolari, il-Kummissjoni żiedet li l-fatt li din il-komunikazzjoni saret b’mod sistematiku jew fuq bażi regolari ma kienx, ċertament, determinanti sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ ksur, meta jiġi kkunsidrat li kull komunikazzjoni individwali ta’ din in-natura kellha għan antikompetittiv (premessa 270 tad-deċiżjoni kkontestata).

372    Għandu jiġi rrelevat li, fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni ssostni, diversi drabi u b’referenza għas-sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 56 iktar ’il fuq, li, anki jekk l-azzjoni miftiehma hija r-riżultat ta’ laqgħa waħda u unika li nżammet mill-impriżi parteċipanti, jista’ jkun hemm ksur u li l-evalwazzjoni tagħha fid-deċiżjoni kkontestata hija għalhekk konformi mal-kriterju stabbilit mill-ġurisprudenza.

373    Sakemm il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tindika li, anki fl-ipoteżi li l-konstatazzjonijiet tagħha dwar il-frekwenza tal-komunikazzjoni u l-konklużjoni tagħha fir-rigward ta’ “skema” koerenti ta’ komunikazzjoni ma tintlaqax, l-eżistenza ta’ komunikazzjoni waħda dwar ipprezzar minn qabel bejn Dole u l-kompetituri tagħha għal kull sena tal-perijodu bejn l-2000 sal-2002 huwa biżżejjed sabiex jikkaratterizza aġir kollużorju, din l-allegazzjoni għandha titwarrab fid-dawl tal-għan speċifiku tal-koordinazzjoni li hemm l-akkuża dwarha u tal-karatteristika ta’ suq organizzat f’ċikli ta’ kull ġimgħa. Madankollu, ma tistax, għall-kuntrarju, tiġi mitluba mill-Kummissjoni l-prova tal-eżistenza ta’ komunikazzjoni ta’ kull ġimgħa dwar ipprezzar minn qabel matul il-perijodu ta’ ksur kollu, peress li l-prova tar-realtà ta’ ċertu numru ta’ skambji, li jippermettu li tiġi kkaratterizzata sistema ta’ ċirkulazzjoni tal-informazzjoni, hija biżżejjed. Huwa importanti, f’dan ir-rigward, li jiġi enfasizzat li l-prezzijiet ta’ referenza tal-importaturi ma jinbidlux kull ġimgħa, kif jirriżulta mir-rapporti interni dwar il-prezzijiet ta’ Chiquita.

374    Ir-rikorrenti jindikaw, sussegwentement, li l-Kummissjoni qatt ma indikat b’mod ċar it-temi tal-komunikazzjoni li jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, meta din il-kwistjoni hija ta’ natura li tinfluwixxi fuq id-determinazzjoni tan-numru ta’ komunikazzjoni inkriminata. Huma jsostnu li ma jafux sewwa jekk il-kalkolu tal-komunikazzjoni allegatament skorretta tinkludix, bi żball, komunikazzjoni limitata għad-diskussjoni ta’ informazzjoni dwar il-volumi, u “diskors dwar l-industrija b’mod ġenerali (tluq ta’ impjegati jew impjegati ġoodda, koimpriżi [u] akkwisti mħabbra, eċċ.)” u jsostnu li, kieku s-suġġetti dwar il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi fl-Ewropa kellha tiġi eskluża, in-numru ta’ komunikazzjoni inkriminata kien ikun imnaqqas iktar.

375    Qabel xejn għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ informazzjoni skambjata, jiġifieri, minn naħa, il-fatturi ta’ pprezzar, jiġifieri fatturi importanti għall-istabbilment tal-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara, u, min-naħa l-oħra, it-tendenzi ta’ prezz jew indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara qabel l-istabbilment ta’ dawn il-prezzijiet ta’ referenza, peress li l-Kummissjoni tiġbor flimkien dawn l-iskambji ta’ informazzjoni taħt il-kwalifika ġenerika ta’ komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel.

376    Id-determinazzjoni tal-kontenut ta’ din il-komunikazzjoni sserraħ fuq id-dikjarazzjonijiet stess ta’ Dole, tal-kompetituri tagħha u tal-provi dokumentarji u mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar (premessi 136, 149 u 185) li, fir-rigward tat-temi msemmija mir-rikorrenti, huma biss l-iskambji dwar il-volumi ta’ importazzjonijiet li ma jagħmlux parti minnha.

377    Kif ġie espost fil-punt 264 iktar ’il fuq, l-espressjoni “fatturi ta’ pprezzar” sempliċement tispjega d-dikjarazzjonijiet stess ta’ Dole, mingħajr ambigwità, dwar l-eżistenza ta’ diskussjonijiet dwar fatturi “li jinfluwenzaw l-offerta meta mqabbla mad-domanda”. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet meteoroloġiċi, Dole ppreċiżat, fl-ittra tagħha mar-risposta tagħha għal talba għal informzzjoni, li “l-informazzjoni fundamentali sabiex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ referenza ta’ Dole” kienet tinkludi, b’mod partikolari, il-volumi tas-settur li jidħu fl-Unjoni u l-volumi taċ-ċentri ta’ sajran, kif ukoll il-kundizzjonijiet atmosferiċi.

378    Fl-istudju ekonomiku tal-10 ta’ April 2007 ppreżentat minn Dole matul il-proċedura amministrattiva, huwa indikat li d-domanda għall-banana kienet tvarja minn ġimgħa għall-oħra skont numru kbir ta’ fatturi prevedibbli jew le, fejn “it-temp” huwa speċifikament imsemmi bħala wieħed minn dawn il-fatturi.

379    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jammettu, fin-noti tagħhom, l-eżistenza ta’ komunikazzjoni bilaterali, bejn importaturi tal-banana, dwar “l-aħbarjiet ġenerali” jew “it-tendenzi possibbli” tas-suq, li nżammet qabel l-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza. Huma jindikaw, fir-rikors, li, matul il-perijodu tal-allegat ksur, DFFE kellha kull nhar ta’ Ħamis filgħodu laqgħa interna li matulha “l-informazzjoni kollha li l-kumpannija tkun ġabret” miġbura f’fajl speċifiku, kienet tiġi evalwata sabiex jipprovaw jiġu evalwati l-kundizzjonijiet tas-suq. DFFE mbagħad kienet tiffissa, abbażi ta’ din l-informazzjoni, prezz ta’ referenza ta’ kull ġimgħa. L-informazzjoni skambjata mal-kompetituri għalhekk kienet tagħmel parti minn fajl speċifiku li kien jippermetti li Dole tiddetermina l-politika ta’ prezz tagħha.

380    Fir-rigward tal-komunikazzjoni ma’ Weichert u b’risposta għal talba għal informazzjoni, Dole tindika li “l-kuntatti kellhom bħala għan l-iskambju ta’ informazzjoni li jippermetti lil kull importatur li jevalwa aħjar il-kundizzjonijiet tas-suq” u li, “billi tuża l-informazzjoni ġenerali jew l-opinjonijiet ġenerali fuq is-suq miksuba matul il-kuntatt, Dole kienet tistima d-domanda probabbli fuq is-suq, l-offerta probabbli disponibbli biex tirrispondi għad-domanda u l-qbil tal-idea inizjali ta’ prezz ta’ Dole mal-kundizzjonijiet reali tas-suq” (premessa 195 tad-deċiżjoni kkontestata).

381    Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (p. 215), Dole tippreċiża li hi “ma tinnegax li ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni miksuba mill-kompetituri tagħha, flimkien ma’ numru ta’ fatturi oħra, fl-istabbilment tal-prezzijiet ta’ referenza tagħha”, fejn din id-dikjarazzjoni ta’ Dole tikkonċerna kemm il-komunikazzjoni tagħha ma’ Chiquita kif ukoll ma’ Weichert (premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata).

382    Id-dikjarazzjonijiet kollha espliċiti msemmija iktar ’il fuq jeskludu l-ipoteżi ta’ diskussjoni bilaterali li tista’ tiġi limitata għal diskussjoni unika u sempliċi dwar is-settur b’mod ġenerali, anki jekk l-impjegati tal-impriżi kkonċernati setgħu jevokaw, f’ċerti okkażjonijiet, minbarra l-fatturi relevanti għall-istabbilment tal-prezzijiet ta’ referenza, tendenzi ta’ prezz jew indikazzjonijiet ta’ prezz, suġġett trivjali dwar il-profitti tal-impriżi attivi fuq is-suq.

383    Sussegwentement, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-frekwenza tal-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel ġiet stabbilita mill-Kummissjoni abbażi tal-minuti telefoniċi ta’ linja fissa ta’ impjegat ta’ Chiquita, li jikxfu biss telefonati magħmula lil Dole, iżda wkoll abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati.

384    F’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom Chiquita, Dole u Weichert twasslu sabiex jifformulaw evalwazzjoni tan-numru ta’ komunikazzjoni bilaterali, huwa paċifiku li, minbarra d-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita li jinsabu fit-talba ta’ immunità tagħha u d-dokumneti annessi, l-impriżi inkwistjoni rrispondew għat-talbiet għal informazzjoni kif ukoll għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni.

385    Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni speċifikament għamlet distinzjoni bejn il-komunikazzjoni dwar il-volumi u dik dwar “il-kundizzjonijiet tas-suq, it-tendenzi ta’ prezz u l-indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza”, fejn tal-ewwel seħħet qabel it-tieni. Ir-risposti pprovduti mill-impriżi destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għalhekk ingħataw fuq bażi mhux ekwivoka.

386    Is-sitwazzjoni hija partikolarment espliċita f’dak li jikkonċerna Dole u r-relazzjonijiet tagħha ma’ Chiquita, peress li l-ewwel waħda ppreżentat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-kalkolu tagħha tal-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel abbażi tal-minuti telefoniċi ta’ impjegat ta’ Chiquita u li l-Kummissjoni finalment ikkunsidrat in-numru rikonoxxut minn Dole ta’ 55 kuntatt nhar ta’ Erbgħa wara nofsinhar u 53 kuntatt nhar ta’ Ħamis filgħodu fuq total ta’ 58 li ammettiet Dole, u dan wara li twarrbet il-konverżazzjoni qasira (premessi 77 u 78 tad-deċiżjoni kkontestata).

387    F’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn Dole u Weichert, il-Kummissjoni kkonkludiet li saret komunikazzjoni bejn wieħed u ieħor f’20 sa 25 ġimgħa fis-sena, li jikkorrispondi għall-istima ta’ Weichert fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-5 ta’ Frar 2007 u kienet kompatibbli ma’ dik ta’ Dole, ipprovduta fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, skont liema “l-iskambju relatat mal-kundizzjonijiet tas-suq kien sar darba kull ġimgħatejn” (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

388    Għandu jiġi osservat, minn naħa, li fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-15 ta’ Diċembru 2006, Weichert tistabbilixxi hi stess distinzjoni ċara bejn il-komunikazzjoni dwar il-volumi u dik dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet uffiċjali, u, min-naħa l-oħra, li hija biss din l-aħħar diskussjoni li kienet speċifikament imsemmija mill-Kummissjoni fit-talba tagħha tal-5 ta’ Frar 2007 intiża sabiex tiġi ppreċiżata minn Weichert il-frekwenza ta’ dawn billi jiġi indikat numru ta’ ġimgħat kull sena.

389    It-tieni nett, ir-rikorrenti jallegaw li ċ-ċifri kkunsidrati mill-Kummissjoni ma jippermettux li jkun hemm regolarità ta’ komunikazzjoni, li kienet issir b’mod okkażjonali u li tibbaża l-konklużjoni sussegwenti ta’ koordinazzjoni illeċita tal-prezzijiet ta’ referenza.

390    Huma jsostnu, qabel xejn, li l-“bejn wieħed u ieħor 20” komunikazzjoni fis-sena ma’ Chiquita li ssemmi l-Kummissjoni tissuġġerixxi regolarità ikbar minn dak li kien il-każ, fejn eżami tan-numru eżatt tal-komunikazzjonijiet, imqassam fuq bażi annwali, juri li Dole u Chiquita kellhom biss 7 komunikazzjonijiet bilaterali nhar ta’ Erbgħa wara nofsinhar fl-2000.

391    Fid-dawl tar-risposta ta’ Dole għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jidher li din il-preżentazzjoni f’ċifri hija deliberatament parzjali, peress li ma tinkludix il-komunikazzjoni li saret nhar ta’ Ħamis filgħodu. F’din ir-risposta u abbażi tal-minuti telefoniċi disponibbli, Dole tippreċiża li kien hemm 7 komunikazzjonijiet l-Erbgħa wara nofsinhar u 10 il-Ħamis fl-2000, u 24 komunikazzjoni l-Erbgħa wara nofsinhar u 37 il-Ħamis fl-2001, u 24 komunikazzjoni l-Erbgħa wara nofsinhar u 11 il-Ħamis fl-2002, jiġifieri 55 kuntatt l-Erbgħa u 58 kuntatt il-Ħamis filgħodu (li l-Kummissjoni rranġat għal 53 wara li eskludiet il-konverżazzjoni telefonika qasira wisq).

392    Dole ma tikkontestax li l-minuti telefoniċi juru li, fuq dawn it-53 telefonata, 22 saru l-Ħamis qabel id-8:45am, anzi qabel it-8:30am għal 18 fosthom, wara li ġie osservat li l-laqgħat interni dwar l-ipprezzar ta’ Dole u ta’ Chiquita normalment kienu jibdew bħala regola, rispettivament, fit-8:30am u fid-8:45am jew fid-9am (premessi 78 u 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

393    Dole tirrikonoxxi wkoll li kien hemm 20 ġimgħa li matulhom hija kkomunikat ma’ Chiquita kemm l-Erbgħa kif ukoll il-Ħamis filgħodu, stima li l-Kummissjoni bidlet għal 17-il ġimgħa wara li eskludiet il-konverżazzjoni qasira (premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata).

394    Barra minn hekk, id-data f’ċifri msemmija iktar ’il fuq toriġina minn analiżi tal-minuti telefoniċi disponibbli ta’ Chiquita fil-fajl tal-Kummissjoni li juru biss it-telefonati li saru u mhux it-telefonati ta’ Dole lil Chiquita. Issa, Dole iddikjarat, fir-risposti tagħha għat-talbiet għal informazzjoni tat-30 ta’ Marzu 2006 u tas-27 ta’ Frar 2007, li f’ċerti okkażjonijiet, l-impjegati tagħha ċemplu lill-omologi tagħhom ta’ Chiquita.

395    Għalhekk, Dole indikat li “f’okkażjonijiet rari, jista’ jkun li [H] ikkuntattja lil B l-Erbgħa wara nofsinhar jekk Dole ma tkunx semgħet mingħandu l-Erbgħa wara nofsinhar u b’mod partikolari jekk ċirkustanza mhux normali tkun seħħet fl-iżviluppi tas-suq” u li “[G] kien jikkuntattja lil Chiquita biss jekk din tal-aħħar ma tkunx ċemplet” (premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata).

396    Il-formulazzjoni ta’ dawn ir-risposti turi inizjattiva fil-maġġoranza tad-drabi ta’ Chiquita fit-teħid ta’ kuntatt, iżda wkoll ċerta kontinwità fir-relazzjoni telefonika bejn impjegati tal-impriżi kkonċernati, fejn l-impjegati ta’ Dole kienu jissostitwixxu lill-korrispondenti tagħhom għand Chiquita fl-inizjattiva tal-kuntatt kollużorju fil-każ ta’ silenzju ta’ dawn tal-aħħar.

397    It-telefonati ta’ Dole lil Chiquita għandhom, għalhekk, jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-frekwenza tal-komunikazzjoni bilaterali, peress li ġie osservat li Dole ma pprovdietx, kif kienet mitluba tagħmel mill-Kummissjoni, minuti li jikkonċernaw il-linji telefoniċi fissi tal-impjegati tagħha involuti fil-komunikazzjoni bilaterali (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 64 tad-deċiżjoni kkontestata).

398    Ir-rikorrenti josservaw, sussegwentement, li nżammu 156 laqgħa ta’ kull ġimgħa dwar l-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza matul il-perijodu tal-allegat ksur u li għalhekk huwa diffiċli li wieħed jifhem kif l-iskambji ta’ informazzjoni, kif ikkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (55 komunikazzjoni bejn Dole u Chiquita u bejn 60 u 75 komunikazzjoni bejn Dole u l-impriża magħmula minn Del Monte u Weichert), seta’ jkollhom l-importanza li tagħtihom il-Kummissjoni peress li, kważi f’żewġ terzi tal-każijiet, il-prezzijiet ta’ referenza ta’ kull ġimgħa ġew iffissati mingħajr l-iċken komunikazzjoni ta’ dan it-tip.

399    Dan l-argument jirriżulta, mill-ġdid, minn preżentazzjoni parzjali tal-komunikazzjoni ma’ Chiquita, għall-istess raġunijiet bħal dawk indikati fil-punti 391 sa 397 iktar ’il fuq.

400    Barra minn hekk, l-approċċ purament aritmetiku ta’ Dole, ibbażat biss fuq it-tqabbil bejn in-numru totali ta’ laqgħat ta’ kull ġimgħa dwar l-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza u dak tal-komunikazzjoni bilaterali, ma huwiex ta’ natura li jikkontradiċi l-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-fatt li l-komunikazzjoni inkwistjoni kienet biżżejjed koerenti sabiex tikkostitwixxi mekkaniżmu stabbilit ta’ ċirkulazzjoni ta’ informazzjoni.

401    In-numru sinjifikattiv ta’ komunikazzjoni rrikonoxxut minn Dole, Chiquita u Weichert, il-kontenut probabbli tagħha, il-fatt li tinvolvi regolarment l-istess persuni b’modus operandi kważi identiku f’termini ta’ kalendarju u mezz ta’ komunikazzjoni, il-fatt li dawn tkomplew matul, tal-inqas, tliet snin, mingħajr ma ebda impriża ssemmi interruzzjoni tal-iskambju, id-dikjarazzjonijiet ta’ Dole dwar it-teħid ta’ kuntatt mal-impjegat ta’ Chiquita meta “ma tkunx semgħet mingħandu l-Erbgħa wara nofsinhar”, id-dikjarazzjonijiet ta’ Dole u ta’ Chiquita dwar l-importanza tal-informazzjoni skambjata għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza u l-posta elettronika interna ta’ Chiquita, tat-8 ta’ Awwissu 2002 (premessi 172 et seq tad-deċiżjoni kkontestata), li juri natura mhux abitwali ta’ deċiżjoni ta’ pprezzar ta’ Dole meħuda mingħajr konsultazzjoni preliminari ma’ Chiquita, jippermettu li jiġi konkluż li ġustament il-Kummissjoni qieset li kienet teżisti “skema” jew sistema ta’ komunikazzjoni li l-impriżi kkonċernati setgħu jirreferu għaliha skont il-bżonnijiet tagħhom.

402    Dan il-mekkaniżmu ppermetta li tinħoloq klima ta’ ċertezza reċiproka fir-rigward tal-politika ta’ prezz futura tagħhom (sentenza Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, punt 336 iktar ’il fuq, punt 60), imsaħħa ulterjorment mill-iskambji wara l-prezzijiet ta’ referenza, ladarba dawn ikunu ġew deċiżi nhar ta’ Ħamis filgħodu.

403    Għalkemm ċerta informazzjoni skambjata setgħet tinkiseb minn sorsi oħra, is-sistema ta’ skambju stabbilita ppermettiet lill-impriżi kkonċernati jkunu jafu b’din l-informazzjoni b’mod iktar sempliċi, rapidu u dirett (sentenza Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, punt 336 iktar ’il fuq, punt 60) u li jagħmlu evalwazzjoni komuni aġġornata.

404    Għandu jiġi kkunsidrat li d-data skambjata tippreżenta minnha nfisha interess strateġiku biżżejjed minħabba l-attwalità tagħha u l-frekwenza tal-komunikazzjonijiet fuq perijodu twil.

405    Peress li dan il-qsim regolari u viċin ta’ informazzjoni huwa relatat mal-prezzijiet ta’ referenza futuri, dan kellu l-effett li jżid, b’mod artifiċjali, it-trasparenza fuq suq fejn, kif ġie espost fil-punt 310 iktar ’il fuq, il-kompetizzjoni kienet diġà mnaqqsa fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv speċifiku u ta’ skambju ta’ informazzjoni preliminari dwar il-volum ta’ kunsinni ta’ banana fl-Ewropa ta’ Fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 281).

406    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li, kieku l-komunikazzjoni kellha l-għan li jiġu kkoordinati l-prezzijiet ta’ referenza ta’ kull ġimgħa tat-tliet importaturi, kien ikun neċessarju li l-istess komunikazzjoni ssir bejn l-istess importaturi matul l-istess ġimgħa.

407    Dan l-argument jidher irrelvanti fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni takkuża lil Dole li pparteċipat għal prattika miftiehma permezz ta’ komunikazzjoni bilaterali ma’ Chiquita, minn naħa, u Weichert, min-naħa l-oħra, li din il-komunikazzjoni kollha kienet dwar fatturi ta’ pprezzar, jiġifieri fatturi relevanti għall-istabbilment tal-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara, u/jew tat-tendenzi ta’ prezz u tal-indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara, u li l-komunikazzjoni kollha tikkaratterizza sistema ta’ ċirkulazzjoni ta’ informazzjoni li l-impriżi kienu jirreferu għaliha skont il-bżonnijiet tagħhom.

408    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ evalwazzjoni żbaljata tal-frekwenza tal-komunikazzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-finalità tal-komunikazzjoni bilaterali

409    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi kkonkludiet, abbażi tal-“intenzjoni suġġettiva” ta’ Chiquita, li l-komunikazzjoni bilaterali kellha l-għan li tikkoordina l-prezzijiet ta’ referenza. L-uniku dokument bid-data tal-perijodu tal-allegat ksur li tirreferi għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ posta elettronika interna ta’ Chiquita, huwa nieqes minn kull forza probatorja. B’riferiment għall-premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li esprimew opinjoni kuntrarja għal dik ta’ Chiquita f’dak li jikkonċerna l-għan tal-iskambju ta’ informazzjoni, u l-klijenti, iżda li jaċċettaw dawk ipprovduti mill-kumpannija li talbet klemenza, Chiquita, ma hijiex biżżejjed motivata.

410    Dan l-argument, żviluppat insostenn tal-allegazzjoni ta’ żball imwettaq mill-Kummissjoni u li huwa intiż sabiex jikkritika l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk il-legalità fil-mertu ta’ dan l-att, għandu jiġi miċħud.

411    Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq intenzjoni antikompetittiva ta’ Chiquita sabiex tikkonkludi li hemm ksur tal-Artikolu 81 KE minn dawn l-impriżi.

412    Il-Kummissjoni tqis, ġustament, li, ladarba ġie kkonstatat l-għan antikompetittiv tal-prattika inkwistjoni, hija ma kellhiex l-obbligu li tistabbilixxi l-intenzjoni suġġettiva tal-parteċipanti għall-iskambji ta’ informazzjoni inkwistjoni (premessa 235 tad-deċiżjoni kkontestata).

413    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju sabiex tiġi ddeterminata n-natura restrittiva ta’ prattika miftiehma, iżda li xejn ma jfixkel lill-Kummissjoni jew lill-qrati tal-Unjoni milli jieħduha inkunsiderazzjoni (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 56 iktar ’il fuq, punt 27).

414    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel kellha tagħmel parti mill-istess “skema” u kellha l-istess għan antikompetittiv, jiġifieri l-koordinazzjoni fl-istabbilment tal-prezzijiet ta’ referenza. Permezz tal-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel, Dole, Chiquita u Weichert kixfu l-linja ta’ kondotta li kellhom l-intenzjoni li jadottaw jew, tal-inqas, ippermettew lil kull waħda mill-parteċipanti li tevalwa l-aġir futur ta’ kompetituri u li tantiċipa fuq il-kondotta li kellhom l-intenzjoni li jsegwu f’dak li jikkonċerna l-prezzijiet ta’ referenza. Din il-komunikazzjoni għalhekk naqqset l-inċertezza rigward id-deċiżjonijiet futuri tal-kompetituri f’dak li għandu x’jaqsam mal-prezzijiet ta’ referenza, fejn għalhekk l-impriżi setgħu jikkoordinaw l-istabbilment tal-imsemmija prezzijiet u l-messaġġ intiż għas-suq minflok jiddeċiedu l-politika ta’ pprezzar tagħhom b’mod kompletament indipendenti (premessi 263 sa 272 tad-deċiżjoni kkontestata).

415    Il-Kummissjoni tikkonkludi li, mill-istess natura tagħhom, il-prattiki orizzontali relatati mal-prezzijiet għandhom l-għan li jillimitaw il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE (premessi 261 u 263 tad-deċiżjoni kkontestata).

416    Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni evalwat il-prattika inkwistjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni l-kontentut, il-frekwenza tal-komunikazzjoni bilaterali kif ukoll il-kuntest legali u ekonomiku li jaqgħu taħtu d-diskussjonijiet. Hija bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita, iżda wkoll fuq dawk ta’ Dole u ta’ Weichert, kif ukoll fuq provi dokumentali bħall-minuti telefoniċi u ittri elettroniċi.

417    L-ewwel nett, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati, huwa paċifiku li d-deskrizzjoni tal-kontenut tal-komunikazzjoni bilaterali dwar ipprezzar minn qabel, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, tirriżulta essenzjalment minn dawn id-dikjarazzjonijiet.

418    Għandu jiġi enfasizzat li Chiquita ddikjarat li “it-telefonati ta’ [B] ma’ [H] kellhom bħala tema finali l-evalwazzjoni tal-probabbiltajiet ta’ żieda fil-prezzijiet matul il-ġimgħa ta’ wara, fi kliem ieħor li jiġi evalwat jekk l-impriża l-oħra kkonċernata kellhiex ukoll l-intenzjoni li żżid il-prezzijiet tagħha”, li “kien importanti li jkun magħruf jekk kienx għad hemm marġni ta’ manuvra għal żieda fil-prezz” u li “dan l-iskambju ta’ intenzjonijiet ta’ pprezzar [...] kien iservi sabiex ineħħi l-inċertezza li kien hemm madwar l-ipprezzar” (premessi 151 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata).

419    Chiquita ppreċiżat ukoll li l-impjegat tagħha u dak ta’ Dole kienu jafu bil-fatt li l-intenzjonijiet ta’ pprezzar ikkomunikati kienu jagħmlu parti mill-proċess li jinftiehem is-suq li abbażi tiegħu kienu jittieħdu d-deċiżjonijiet ta’ pprezzar (premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata).

420    Dawn id-dikjarazzjonijiet fuq l-għan tal-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel huma kkorroborati minn dawk ta’ Dole, li hi stess ammettiet il-fatt li dawn il-komunikazzjonijiet kienu influwenzaw id-deċiżjonijiet tagħha fil-qasam tal-prezz.

421    Għandu jiġi rrelevat li Dole indikat:

–        fir-risposta tagħha għal talba għal informazzjoni, li kien ċar għaliha li l-prezz indikattiv tal-Erbgħa ta’ Chiquita kien jiġi kkonfermat il-Ħamis (premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        fl-ittra tagħha mar-risposta tagħha għal talba għal informazzjoni, li “l-informazzjoni fundamentali sabiex jiġi determinat il-prezz ta’ referenza ta’ Dole” kienet tinkludi, b’mod partikolari, il-volumi tas-settur li jidħlu fl-UE u l-volumi fiċ-ċentri ta’ sajran, kif ukoll il-kundizzjonijiet atmosferiċi;

–        fir-rigward tal-komunikazzjoni ma’ Weichert u b’risposta għal talba għal informazzjoni, li “l-kuntatti kellhom bħala għan l-iskambju ta’ informazzjoni sabiex kull importatur ikun jista’ jevalwa b’mod aħjar il-kundizzjonijiet tas-suq” u li, “billi użat l-informazzjoni ġenerali jew l-opinjonijiet ġenerali dwar is-suq miksuba matul il-kuntatt, Dole kienet tqis id-domanda probabbli fuq is-suq, l-offerta probabbli disponibbli sabiex tirrispondi għad-domanda u l-qbil tal-idea inizjali tal-prezz ta’ Dole mal-kundizzjonijiet reali tas-suq” (premessa 195 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (p. 130), li “[H, impjegat ta’ Dole,] spjega li hu u [B, impjegat ta’ Chiquita,] setgħu xi kultant jgħidu li kienu qed jistennew li l-prezzijiet jogħlew b’EUR 1 jew 50 ċenteżmu” (premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata, nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 217);

–        fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (p. 215), li hi “ma tinnegax li ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni miksuba mill-kompetituri tagħha, flimkien ma’ diversi fatturi oħra, fl-istabbilment tal-prezzijiet ta’ referenza tagħha”, fejn din id-dikjarazzjoni tikkonċerna kemm il-komunikazzjoni ma’ Chiquita kif ukoll ma’ Weichert (premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        matul is-seduta, li “l-għan tagħha kien li tuża l-iskambji bilaterali, kif ukoll informazzjoni oħra dwar is-suq, sabiex issib iktar malajr il-prezz ta’ bilanċ (jiġifieri tadotta l-kunsinna ta’ banana fissa ta’ kull ġimgħa għal domanda li tinbidel) li jippermetti lil Dole li teħles mill-ħażna tagħha ta’ banana b’mod effettiv bl-inqas tranżazzjonijiet possibbli”.

422    Barra minn hekk, kif ġie rrelevat fil-punt 379 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jammettu, fin-noti tagħhom, l-eżistenza ta’ komunikazzjoni bilaterali, bejn importaturi tal-banana, dwar it-“tendenzi possibbli” tas-suq u li kienet isseħħ qabel l-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza. Huma jindikaw li, matul il-perijodu tal-allegat ksur, DFFE kellha kull nhar ta’ Ħamis filgħodu laqgħa interna li matulha “l-informazzjoni kollha li l-kumpannija tkun ġabret”, miġbura f’fajl speċifiku, kienet tiġi evalwata sabiex isir tentattiv ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq. DFFE kienet tiffissa mbagħad, abbażi ta’ din l-informazzjoni kollha, prezz ta’ referenza ta’ kull ġimgħa. L-informazzjoni skambjata mar-rikorrenti kienet għalhekk tagħmel parti minn fajl speċifiku li kien jippermetti lil Dole tiddetermina l-politika ta’ prezz tagħha.

423    It-tieni nett, il-Kummissjoni tirreferi għal provi dokumentarji u, b’mod partikolari, għal posta elettronika interna ta’ Chiquita, tat-8 ta’ Awwissu 2002, indirizzata lil P (president eżekuttiv ta’ Chiquita), minn K, li tikxef ir-riflessjonijiet tiegħu wara żieda minn Dole tal-prezz ta’ referenza tagħha b’EUR 2 (premessi 111 u 172 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

424    L-impjegat ta’ Chiquita jindika dan li ġej:

“Għalfejn aħna ċaqlaqna l-prezz b’1.5 biss, filwaqt li Dole ċaqilqet bi 2.0?

Ilbieraħ aħna kellna l-impressjoni li s-suq kien qed jirreaġixxi ftit, iżda iktar viċin l-EUR 1.

Dalgħodu, Dole ma rrispondietx it-telefonata tiegħi u mingħajr ma kkonsultatna ħabbret 2.00 (permezz ta’ J, li kien jippermetti li jiġu evitati d-domandi). X’tista’ tkun ir-raġuni tagħhom?

1) […] il-promozzjoni Edeka: Edeka qegħda tagħmel promozzjoni ta’ ġimgħa fuq it-trade marks tat-tielet kategorija ‘taħt il-prezz Aldi’ (normalment l-għażla tagħhom hija magħmula minn 60 Dole, 30 CB, 20 DM kif ukoll xi ftit tat-tielet kategorija). Huma ġegħlu lill-fornituri tagħhom jgħinuhom, Edeka aċċettat ma’ Dole li tixtri 80K ta’ kaxxi bil-‘prezz Aldi’. Billi żiedu l-prezz tas-suq u ta’ dak ta’ Aldi, huma [Dole] kisbu qabel xejn prezz aħjar għat-80K [...] Peress li aħna nipparteċipaw b’50K CS, huwa possibbli li nieħdu xi benefiċċju.

2) Dole taf li aħna [Chiquita] għandna ħafna kummerċ Dole plus u tuża dan dejjem iktar sabiex timbotta l-prezzijiet reali tagħna ’l fuq, meta huma jibqgħu iktar baxxi.

Iktar tard, Dole ċemplitli, irrepetiet il-mossa tagħha u indikat: ‘u l-'prezz Aldi' se jevolvi ċertament ukoll bi 2’.

Grazzi għal Weichert, nafu li huma kienu jqisu li l-progress ta’ Dole kien ftit esaġerat.

Kollox iġiegħlni naħseb li Dole tkabbar is-sitwazzjoni u li għandha r-raġunijiet tagħha. Peress li ma għandhiex tingħata l-impressjoni li aħna ma aħniex kuntenti ħafna li nsegwu, iddeċidejna għal 1.50, b’hekk inħallu d-differenza għal 2 ma’ Dole u [għal] 4.50/5.00 mat-terzi.”

425    Ir-rikorrenti jsostnu li dan il-meassaġġ juri unikament li Chiquita ma segwietx il-mossa ta’ Dole u li għalhekk hi kienet taġixxi b’mod indipendenti. Din l-ittra ma tinkludi l-ebda prova li ssostni l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li r-referenza għal “dalgħodu” tfisser li ma kienx normali għal Dole li tħabbar prezz ta’ referenza mingħajr ma’ tikkonsulta lil Chiquita.

426    Kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni (premessi 173 u 174 tad-deċiżjoni kkontestata), dan il-messaġġ ma jurix sempliċement li K ma setax iċempel lil Dole dak inhar filgħodu, iżda li Dole kienet ħabbret il-prezz ta’ referenza tagħha “mingħajr ma kkonsultat” lil Chiquita u li din kienet sorpriża, peress li kienet tistenna li Dole tikkonsultaha qabel tieħu d-deċiżjoni tal-iffissar tal-prezz ta’ referenza. Barra minn hekk, id-dokument jindika li, wara li kienet inizjalment ikkomunikat ma’ impjegat ta’ livell baxx għand Chiquita sabiex tevita domandi, Dole effettivament ikkuntattjat lil Chiquita sabiex tinfurmaha b’din l-evoluzzjoni tal-prezzijiet, u tinkoraġġiha ssegwi l-mossa billi tindikalha li l-“prezz Aldi” kien “ċertament” se jiżdied b’EUR 2 ukoll. Il-fatt li Dole ċemplet lil Chiquita u pprovditilha spjegazzjonijiet jikkontradiċi l-allegazzjoni ta’ aġir awtonomu tal-impriżi.

427    It-tielet nett, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq ġurisprudenza stabbilita li tgħid li, mingħajr preġudizzju għal prova kuntrarja li huma l-operaturi interessati li għandhom jipproduċu, hemm lok li jiġi preżunt li l-impriżi li jipparteċipaw għall-ftehim u li għadhom attivi fuq is-suq jieħdu inkunsiderazzjoni informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fuq dan is-suq (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 56 iktar ’il fuq, punt 51, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Diċembru 2006, Westfalen Gassen Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑303/02, Ġabra p. II‑4567, punti 132 u 133). Fil-premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li din l-eżiġenza ta’ prova kuntrarja ma hijiex sodisfatta fl-dan il-każ. Mid-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ Dole, imfakkra fil-punti 418, 419 u 421 iktar ’il fuq, jirriżulta li dawn l-impriżi rrikonoxxew li ħadu inkunsiderazzjoni informazzjoni miksuba mill-kompetituri fl-istabbilment tal-prezzijiet ta’ referenza tagħhom, li l-Kummissjoni tenfasizza fil-premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata.

428    B’mod iktar ġenerali, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-impriżi destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma pproduċewx provi ta’ natura li jikkontestaw il-konstatazzjonijiet li huma bbażati fuqhom il-konklużjonijiet tagħha dwar in-natura antikompetittiva tal-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li hija ma tistax “taċċetta bħala prova suffiċjenti ittri ġejjin mill-pubbliku jew mill-klijenti, b’mod partikolari meta ma teżisti l-ebda indikazzjoni li dawn il-persuni kienu jafu bin-natura tal-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel” bejn l-impriżi kkonċernati.

429    L-indikazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din l-istanza ma jippermettux li jiġu mminati l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 427 iktar ’il fuq.

430    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment skont liema l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi kkonkludiet li l-komunikazzjoni bilaterali kellha għan antikompetittiv intiż għall-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-relevanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-settur tal-banana

431    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma spjegatx b’mod ċar u mhux ekwivoku il-mod kif l-iskambju ta’ diversi tipi ta’ informazzjoni huwa iktar importanti sabiex jiġu ffissati l-prezzijiet reali tal-banana ħadra.

432    Huma jsostnu li diskussjonijiet sporadiċi u okkażjonali fuq suġġetti differenti ħafna mill-prezzijiet reali ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jagħmlu biżżejjed dannu għall-kompetizzjoni sabiex jikkostitwixxu ksur minħabba l-għan. Huma jsostnu, f’dan ir-rigward, li l-prezzijiet ta’ referenza ma għandhom l-ebda relazzjoni mal-iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni fis-settur tal-banana, bid-differenza tal-prezz iffissat mill-bejjiegħ bl-imnut Aldi, li huwa l-ikbar xerrej ta’ banana fl-Ewropa ta’ Fuq, u li t-tħabbir tiegħu, nhar ta’ Ħamis wara nofsinhar, jindika l-punt ta’ tluq tan-negozjati kummerċjali. L-atturi kollha tas-suq jammettu li l-prezz iffissat minn Aldi għall-banana safra jikkostitwixxi r-referenza u l-element determinanti għan-negozjar tal-prezzijiet reali. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi hi stess li l-prezzijiet ta’ referenza ma humiex marbuta mill-viċin mal-prezzijiet reali (premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata).

433    Dole tallega li l-Kummissjoni ppreżentat b’mod totalment żbaljat il-pożizzjoni tagħha u li huwa ċar li hi, bħall-ekonomisti tagħha, l-importaturi l-oħra u l-klijenti tagħhom, dejjem sostnew li l-prezzijiet ta’ referenza kienu irrelevanti għan-negozjar tal-prezzijiet reali.

434    Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ddeskriviet biżżejjed skont il-liġi, fil-premessi 146 sa 196 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kontenut tal-komunikazzjoni bilaterali dwar ipprezzar minn qabel, li hija kollha dwar il-prezzijiet ta’ referenza.

435    Barra minn hekk, mill-premessi 102 sa 128 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat bi preċiżjoni u ċarezza biżżejjed, il-kwistjoni tal-istabbilment u tar-relevanza tal-prezz ta’ referenza fis-settur tal-banana.

436    Huwa paċifiku li Chiquita, Dole u Weichert jistabbilixxu l-prezzijiet ta’ referenza għat-trade mark tagħhom kull ġimgħa, f’dan il-każ nhar ta’ Ħamis filgħodu, u jħabbruh lill-klijenti tagħhom. L-importaturi indikaw li l-prezzijiet ta’ referenza jiċċirkolaw malajr ħafna fis-settur kollu u wara kienu jiġu kkomunikati lill-istampa professjonali (premessi 34, 104 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

437    Il-Kummissjoni tispjega li l-prezzijiet ta’ tranżazzjoni kienu jew innegozjati fuq bażi ta’ kull ġimgħa, jew iddeterminati abbażi ta’ formula ta’ pprezzar stabbilita minn qabel b’indikazzjoni ta’ prezz fiss jew bi klawżoli li jgħaqqdu l-prezz ma’ prezz ta’ referenza tal-bejjiegħ jew kompetitur jew indikatur ieħor bħall-“prezz Aldi”. Chiquita kellha b’mod partikolari kuntratti li kienu bbażati fuq il-“formula Dole plus” fejn il-prezz ta’ tranżazzjoni kien jiddependi fil-verità fuq il-prezz ta’ referenza ta’ kull ġimgħa ffissat minn Dole jew fuq il-prezzijiet ta’ referenza tagħha. Għall-klijenti kkonċernati, kienet teżisti rabta diretta bejn il-prezzijiet imħallsa u l-prezzijiet ta’ referenza (premessi 104 u 105 tad-deċiżjoni kkontestata).

438    Fil-premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata hija tkompli tippreċiża dan li ġej:

“[...] Il-fornituri ta’ banana li jbigħu lil Aldi jissottomettu b’mod regolari l-proposta tagħhom lil Aldi nhar ta’ Ħamis filgħodu. Għall-ħabta tas-14:00, b’mod ġenerali, kien jiġi ffissat il-‘prezz Aldi’. Il-‘prezz Aldi’ kien il-prezz imħallas minn Aldi lill-fornituri tal-banana tagħha. Aldi tispjega li kull nhar ta’ Ħamis, bejn il-11:00 u l-11:30, hija kienet tirċievi offerti mill-fornituri tagħha. Aldi tispjega li d-deċiżjoni tagħha dwar l-offerta ta’ kull ġimgħa tagħha lill-fornituri tagħha kienet ibbażata fuq l-offerti rċevuti, il-prezzijiet tal-ġimgħa ta’ qabel u l-prezz tal-istess ġimgħa fis-sena ta’ qabel. Madwar 30 minuta wara l-offerti tal-fornituri tagħha, Aldi kienet tibgħat kontro-offerta li tkun normalment l-istess għall-fornituri kollha. Aldi tiddikjara li ma tafx bl-eżistenza ta’ ‘prezz Aldi’ u li għalhekk ma hijiex f’pożizzjoni li tevalwa l-importanza tal-prezz tagħha għat-tranżazzjonijiet ta’ terzi. Mit-tieni semestru tal-2002, il-‘prezz Aldi’ beda jintuża iktar u iktar bħala indikatur tal-kalkolu tal-prezz tal-banana għal ċertu numru ta’ tranżazzjonijiet oħra, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-banana bi trade mark.”

439    Il-Kummissjoni tirreferi għall-provi dokumentali (premessi 107, 110 sa 113 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll għad-dikjarazzjonijiet ta’ Dole (premessi 114, 116, 117 u 122 tad-deċiżjoni kkontestata) u ta’ Del Monte (premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata) sabiex turi r-relevanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-settur inkwistjoni.

440    Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prezzijiet ta’ referenza servew tal-inqas bħala sinjal ta’ tendenzi jew ta’ indikazzjonijiet għas-suq f’dak li jikkonċerna l-iżvilupp intiż tal-prezzijiet tal-banana u li kienu importanti għall-bejgħ tal-banana u l-prezzijiet miksuba. Barra minn hekk, f’ċerti tranżazzjonijiet, il-prezzijiet reali kienu direttament marbuta mal-prezzijiet ta’ referenza. Il-Kummissjoni tqis li jeżisti numru biżżejjed ta’ raġunijiet sabiex jintlaħaq l-għan antikompetittiv (premessi 115 u 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

441    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni għandhom jiġu miċħuda.

442    Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġi rrelevat li Dole stess għamlet, matul il-proċedura amministrattiva, dikjarazzjonijiet li jispjegaw ir-relevanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-suq ikkonċernat. Madankollu, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ppreżentat b’mod żbaljat il-pożizzjoni tagħhom dwar ir-rwol tal-prezzijiet ta’ referenza minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-kuntest tal-imsemmija dikjarazzjonijiet.

443    Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ Dole kkunsidrati mill-Kummissjoni, l-ewwel nett, għandu jiġi rrelevat li Dole ammettiet b’mod ċar li l-prezzijiet ta’ referenza tagħha kienu mibgħuta lill-klijenti kollha tagħha (premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata, p. 4 tal-istudju ekonomiku tal-10 ta’ April 2007 ppreżentat minn Dole), li hija kkonfermat fir-rikors.

444    Dole indikat li “b’mod modest ħafna, [il-prezzijiet ta’ referenza] kienu jgħinu lill-importaturi u lill-klijenti jevalwaw l-istat attwali tas-suq u l-mod kif [seta’] jevolvi” u li “l-prezz ta’ referenza kien iservi sempliċement bħala indikatur tas-suq, li kellu l-għan li jmexxi n-negozjati lejn il-prezz reali” (premessi 116 u 117 tad-deċiżjoni kkontestata).

445    Dole ippreżentat diversi dikjarazzjonijiet espliċiti li juru li l-klijenti kienu jikkunsidraw li l-prezzijiet ta’ referenza kienu relevanti għan-negozjati kummerċjali. Dole iddikjarat li:

–        informazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ referenza tal-importaturi setgħet tinkiseb mingħand sorsi differenti u, b’mod partikolari, minn “klijenti li kienu jipprovaw jinnegozzjaw sabiex jiksbu l-aħjar offerta billi jqabblu pubblikament il-prezz tal-offerti kompetituri” (premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata, p. 222 tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet);

–        “[n]har ta’ Ħamis meta Dole kienet tikkomunika l-prezzijiet ta’ referenza tagħha lill-klijenti, dawn tal-aħħar kienu xi kultant igergru li l-prezzijiet ta’ Dole kienu wisq għoljin”, li “impjegat ta’ Dole [H], kien għalhekk jivverfika billi jikkuntattja lill-kompetitur ikkonċernat (li l-prezz ta’ Dole kien ikun tqabbel miegħu mill-klijent)” u li “din il-prattika kienet tippermetti li Dole tivverifika li l-klijenti importanti tagħha ma kienux qed iqarrqu biha”;

–        “is-suq huwa magħmul minn klijenti eżiġenti li għandhom setgħa ta’ nfiq kunsiderevoli, fejn ħafna minnhom huma bejjiegħa bl-imnut f’pożizzjoni dominanti li ma jaħsbuhiex darbtejn biex jibdlu l-fornituri” (paġna 38 tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet);

–        “il-klijenti (ċentri ta’ sajran tal-frott, bejjiegħa bl-ingrossa, bejjiegħa bl-imnut u oħrajn) ma jeżitawx biex ixandru l-offerti tad-diversi importaturi” (p. 39 tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet);

–        is-supermarkets klijenti ta’ Dole jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod apert l-“offerti tal-fornituri kompetituri bħala mezz biex jiksbu t-tranżazzjoni l-iktar interessanti” (p. 97 tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet).

446    B’hekk jidher li l-klijenti kienu jistennew li l-prezzijiet ta’ referenza iktar għoljin iwasslu għal prezzijiet ta’ tranżazzjoni iktar għoljin u li, minħabba l-pożizzjoni dominanti tagħhom fuq is-suq, huma kienu jinqdew bihom bħala strument ta’ negozjar għall-iffissar tal-prezzijiet reali, li juri l-interess ta’ ftehim bejn l-importaturi dwar il-prezzijiet ta’ referenza. Dawn id-dikjarazzjonijiet preċiżi, ripetuti u konkordanti ta’ Dole, ipprovduti bil-miktub, b’mod volontarju u wara riflessjoni fil-fond għandhom valur probatorju kbir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2011, Aragonesas Industrias y Energía vs Il-Kummissjoni, T‑348/08, Ġabra, p. II-7583, punt 104) f’dak li jikkonċerna r-rwol tal-prezzijiet ta’ referenza bħala l-ewwel talba ta’ prezz tal-importaturi u l-importanza tagħhom fin-negozjati kummerċjali.

447    Matul il-proċedura amministrattiva, Dole ipproduċiet studji ekonomiċi, li wieħed minnhom, tal-10 ta’ April 2007, jindika li ż-żewġ karatteristiċi essenzjali tas-suq huma magħmula mill-fatt li l-banana hija prodott li jmur malajr u li l-formazzjoni tal-prezzijiet timplika diskussjonijiet informali intensi bejn l-atturi tas-suq.

448    Dan l-istudju jipproponi spjegazzjoni ekonomika tal-proċess ta’ formazzjoni tal-prezzijiet billi jinvoka, qabel xejn, l-iskambji ta’ informazzjoni bejn ix-xerrejja fuq is-suq, minbarra d-diskussjonijiet bejn l-impriżi tal-banana.

449    Dan l-istudju jindika dan li ġej:

[Dawn l-iskambji] kienu jipprovaw itemmu l-inċertezza dwar il-prezz ta’ bilanċ matul il-ġranet qabel il-kunsinna ta’ banana mibgħuta ta’ kull ġimgħa lejn l-Ewropa ta’ Fuq [...] Il-volontà taċ-ċentri ta’ sajran li jaċċettaw il-kundizzjonijiet partikolari ta’ Aldi kienet tiddependi sa ċertu punt mill-prezz ta’ referenza inizjali li kienu jirċievu mill-importaturi u dawn kienu jiddependu min-naħa tagħhom mill-faċilità li biha l-importaturi kienu jaħsbu li setgħu joħorġu l-volum rċevut dik il-ġimgħa [... I]nformazzjoni aħjar dwar il-prezz ta’ bilanċ probabbli fost l-atturi tas-suq twassal għal tranżazzjonijiet effikaċi. [... I]n-negozjati bejn il-fornituri u l-klijenti kienu jdumu inqas [...] b’riskju minimu li l-banana tmur [...] Għalkemm il-partijiet kollha għandhom opinjonijiet inqas differenti fuq il-prezz ta’ bilanċ, huma jiftiehmu ħafna iktar faċilment fuq prezz li huma jkunu lesti jinnegozjaw [...] Min-naħa l-oħra, il-bejjiegħa jistgħu jbigħu bi żball ħafna banana għal prezz baxx wisq, mingħajr ma jkunu jafu li xerrej ieħor [...] seta’ kien dispost iħallas iktar.”

450    F’dak li jikkonċerna l-iskambji bejn impriżi tal-banana, l-istudju ekonomiku tal-10 ta’ April 2007 jindika li dawn l-iskambji “kienu mezz supplimentari ta’ kif jinġabru diversi sorsi ta’ informazzjoni tas-suq sabiex tinkiseb viżjoni komuni tal-prezz ta’ bilanċ” u li “l-iskambju ta’ informazzjoni kien ifisser li l-prezzijiet ta’ referenza tal-impriżi tal-banana kienu jirriflettu l-informazzjoni miġbura fuq l-offerta u d-domanda għal din il-ġimgħa u mhux biss l-informazzjoni individwali ta’ fornitur”.

451    Huwa indikat ukoll, fil-paġna 3 tal-istudju ekonomiku tal-10 ta’ April 2007, li “id-domanda ta’ kull ġimgħa ta’ banana ta’ DFFE hija inċerta” u li “DFFE għandha ‘tiskopri’ l-prezz li jibbilanċja l-offerta tagħha u din id-domanda varjabbli mal-prezz l-iktar favorevoli, fid-dawl tar-riskji u tal-ispejjeż ta’ sajran tal-banana”. Barra minn hekk, fil-paġna 5 tal-imsemmi studju huwa indikat li, “il-prezz ta’ referenza finali ta’ DFFE kien juri lill-klijenti tagħha l-opinjoni ta’ DFFE dwar l-impenettrabbiltà tas-suq u, għaldaqstant, dwar il-valur tal-banana tagħha fuq is-suq”.

452    Dawn id-diversi estratti tal-istudju ekonomiku tal-10 ta’ April 2007 juru r-relevanza tal-prezz ta’ referenza fis-settur tal-banana, filwaqt li huwa osservat li d-distinzjoni invokata fi ħdan il-ġabra magħmula mill-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-atturi tas-suq tal-banana hija purament teorika sa fejn kemm mill-istudju stess kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet ta’ Dole (p. 215 tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet) jirriżulta li l-informazzjoni miġbura mingħand impriżi tal-banana u mingħand atturi oħra kienu adatti u kienu jservu ta’ bażi għall-istabbilment tal-prezzijiet ta’ referenza ta’ din l-impriża.

453    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li Dole ammettiet li wħud mit-tranżazzjonijiet tagħha kienu direttament ibbażati fuq il-prezzijiet ta’ referenza tagħha.

454    Skont Dole, is-sussidjarja Belġjana tagħha, VBH, kienet tibgħat il-prezz ta’ kull ġimgħa tagħha lil ċerti klijenti (Metro, Delhaize, Carrefour) għall-banana kkunsinnata safra, prezz li kien ibbażat fuq il-prezz ta’ referenza aħdar mibgħut minn DFFE, miżjud bl-ammont speċifiku fil-kuntratt konkluż minn VBH mal-klijent tagħha.

455    Għalhekk Dole iddikjarat li “[d]an il-prezz isfar [kien] jinkludi s-sajran, il-provvista [u d-]distribuzzjoni, l-ippakkjar u l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott l-oħra li kull klijent seta’ jitlob”, li “l-prezz [kien] ivarja għalhekk skont il-prezz aħdar ta’ kull ġimgħa u ż-żiediet” u li “l-kuntratti mal-bejjiegħa bl-imnut [...] [kienu] jinkludu formula ta’ kalkolu ta’ prezz (jiġifieri prezz isfar = prezz aħdar ikkomunikat minn DFFE + żidiet dovuti għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott u għall-ispejjeż loġistiċi – annullamenti)”. Barra minn hekk, għandu jiġi rrelevat li huma biss iż-żidiet u l-annullamenti li kienu nnegozjati darba fis-sena fil-kuntest ta’ kunratt validu għal sena.

456    Kif ġie espost fil-punt 202 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jallegaw li dan il-mod ta’ iffissar tal-prezzijiet beda jintuża biss wara l-perijodu ta’ ksur u li l-Kummissjoni ma vverifikatx jekk l-informazzjoni dwar dawn il-kuntratti ta’ VBH, li kienu msemmija fir-risposta għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar 2006 li kienet tkopri l-perijodu intitolat “Mill-2000 sal-lum”, kinitx tikkonċerna dan il-perijodu limitat li jmur mill-2000 sal-2002, finalment ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata.

457    Għandu jitfakkar (ara l-punt 203 iktar ’il fuq) li l-eżami tal-annessi relevanti tar-risposta ma juri l-ebda indikazzjoni li tiġġustifika l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni ratione temporis tal-metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet inkwistjoni, li ma jipprovdu, fil-fatt, l-ebda prova konkreta u oġġettiva ta’ natura li turi l-veraċità ta’ dak li jgħidu u lanqas indikazzjonijiet dwar il-mod kif VBH iddeterminat il-prezzijiet tagħha għall-perijodu li jmur mill-2000 sal-2002. Kien ċar li, fit-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar 2006, il-perijodu kkonċernat kien jibda fl-1 ta’ Jannar 2000. Billi ma pprovdiet l-ebda preċiżazzjoni restrittiva dwar id-data tal-implementazzjoni tal-metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet inkwistjoni fil-kuntratti li jorbtu lil VBH mal-klijenti tagħha, Metro, Delhaize u Carrefour, ir-risposta ta’ Dole tkopri neċessarjament it-totalità tal-perijodu kkunsidrat, inkluż dak bejn l-2000 sal-2002. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet inkwistjoni għandu jiġi miċħud.

458    Ir-rikorrenti jindikaw ukoll li DFFE kienet tbigħ ukoll banana ħadra bit-trade mark Dole lil klijenti żgħar ħafna għall-istess prezz bħall-prezz ta’ referenza, jiġifieri lil żewġ klijenti fl-2002, li rrappreżentaw EUR 1 072 840 jew 1 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha, iżda ma ġiet prodotta l-ebda prova li tiġġustifika din id-data f’ċifri.

459    It-tieni nett, Dole issostni li ċ-ċitazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni tad-dikjarazzjonijiet inizjali tagħha huma maqtugħa mill-kuntest tagħhom “kif jispjega l-Anness C.7”.

460    Il-Kummissjoni titlob li tiġi ddikjarata l-inammissibbiltà tal-Anness C.7 tar-replika abbażi tal-ġurisprudenza dwar l-intepretazzjoni tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli ta’ Proċedura.

461    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk hemm bżonn mingħajr informazzjoni oħra ta’ sostenn (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑340/03, Ġabra p. II‑107, punt 166, ikkonfermata fuq appell f’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑202/07 P, Ġabra p. I‑2369).

462    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli, jeħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi f’dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa n-nuqqas tal-argumenti essenzjali ta’ liġi li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-52/90, Ġabra p. I-2187, punt 17; digrieti tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 1993, Koelman vs Il-Kummissjoni, T‑56/92, Ġabra p. II‑1267, punt 21, u tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 49). L-annessi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa fejn jissostanzjaw jew jikkompletaw il-motivi jew l-argumenti espressament invokati mir-rikorrenti fit-test proprju tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u sa fejn ikun possibbli li jiġi identifikat bi preċiżjoni liema huma l-elementi li dan l-anness jinkludi li jissostanzjaw jew jikkompletaw dawn il-motivi jew argumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 99).

463    Barra minn hekk, ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li fuqhom hija tista’ tikkunsidra li huwa bbażat ir-rikors, peress li l-funzjoni tal-annessi hija waħda purament probatorja u strumentali (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 1997, Cipeke vs Il-Kummissjoni, T-84/96, Ġabra p. II-2081, punt 34, u tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il‑Kummissjoni, T-231/99, Ġabra p. II-2085, punt 154). L-annessi għaldaqstant ma jistgħux iservu għall-iżvilupp ta’ motiv li kien ġie espost fir-rikors fil-qosor billi jressaq ilmenti jew argumenti li ma jkunux jinsabu fir-rikors (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 461 iktar ’il fuq, punt 167, ikkonfermata fuq appell fis-sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 461 iktar ’il fuq).

464    Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-motivi u l-ilmenti żviluppati fin-noti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il‑Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra p. II‑17, punt 68, u tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 461 iktar ’il fuq, punt 166, ikkonfermata fuq appell fis-sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 461 iktar ’il fuq).

465    F’dan il-każ, insostenn tal-ilment ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dikjarazzjonijiet ifformulati minn Dole matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti jsemmu, fir-replika, silta mir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija fformulata kif ġej:

“Huwa sempliċement assurd li wieħed jaħseb li l-iskambji ta’ prezz ta’ referenza kienu jippermettu lill-importaturi ta’ banana li jipprevedu, b’xi kwalunkwe mod, il-prezzijiet definittivi ffatturati lill-klijenti. Aldi tixtri banana mingħand iċ-ċentri ta’ sajran li huma fornuti mid-diversi importaturi tal-banana. Iċ-ċentri ta’ sajran jipproponu lil Aldi offerti ta’ prezz bil-kilogramma. Aldi mbgħad tqabbel l-offerti ta’ prezz proposti billi tieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tagħha għar-risposta tal-konsumatur fid-diversi ħwienet bl-imnut, u wara tiddeċiedi mingħand liema ċentri ta’ sajran tkun se tixtri. Il-prezzijiet proposti huma kunfidenzjali u ma għandhom l-ebda relazzjoni mal-prezzijiet ta’ referenza tal-importaturi tal-banana”.

466    Ir-rikorrenti jikkwotaw ukoll silta mill-analiżi ekonomika tal-20 ta’ Novembru 2007 fejn huwa indikat dan li ġej:

“Kuntrarjament għall-‘prezz Aldi’ [...] il-prezzijiet ta’ referenza inizjali tal-kumpannija bejjiegħa tal-banana ma kellhom l-ebda rwol dirett fid-determinazzjoni tal-prezzijiet reali li l-klijenti kienu jħallsu għall-banana.”

467    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pprovdew l-ebda spjegazzjoni rigward il-portata ta’ dawn iż-żewġ kwotazzjonijiet meta l-ewwel waħda tinvoka l-iskambji tal-prezzijiet ta’ referenza, effettivament ikkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, iżda li seħħew wara l-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel, u t-tieni waħda ssemmi nuqqas ta’ rwol “dirett” tal-prezzijiet ta’ referenza inizjali. Ir-rikorrenti lanqas ma għamlu xi paragun bejn il-kwotazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet ta’ Dole enfasizzati mill-Kummissjoni sabiex issostni l-konklużjoni tagħha dwar ir-relevanza tal-prezzijiet ta’ referenza.

468    F’dawn il-kundizzjonijiet, jidher li r-rikorrenti kkuntentaw ruħhom li jippreżentaw żewġ kwotazzjonijiet, meħuda mir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u minn studju ekonomiku, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra, kif ukoll riferiment globali għall-Anness C7 tar-risposta insostenn tal-ilment tagħhom ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-kuntest tad-dikjarazzjonijiet inizjali ta’ Dole. Formulazzjoni daqshekk konċiża tal-ilment ta’ tistax tippermetti lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn u jkun kuntrarju għall-funzjonament purament probatorju u strumentali tal-annessi li dawn jistgħu jservu sabiex juru b’mod dettaljat allegazzjoni magħmula b’mod mhux ċar u preċiż biżżejjed fir-rikors (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 461 iktar ’il fuq, punt 204).

469    Din il-konklużjoni tapplika iktar u iktar f’dan il-każ inkwistjoni peress li r-rikorrenti kkwalifikaw b’mod żbaljat bħala anness osservazzjonijiet bil-miktub supplimentari min-naħa tagħhom, li huma sempliċi prolongazzjoni tan-noti, li ma huwiex kompatibbli mal-karatteristika li tiddefinixxi anness, jiġifieri l-funzjoni tiegħu purament probatorja u strumentali.

470    Għalhekk, l-Anness C7 tar-replika u l-ilment li r-rikorrenti għandhom l-intenzjoni jibbażaw fuq it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, barra mill-kuntest tagħhom, tad-dikjarazzjonijiet ta’ Dole matul il-proċedura amministrattiva dwar ir-rwol tal-prezz ta’ referenza, għandhom jiġi miċħuda bħala inammissibbli.

471    Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ provi dokumentarji li jinsabu fil-proċess, għandu jiġi rrelevat li l-Kummissjoni tirreferi għal dokumenti differenti u, prinċipalment, għal ittri sabiex issostni l-konklużjoni tagħha dwar l-importanza tal-prezzijiet ta’ referenza għas-suq tal-banana.

472    L-ewwel nett, hija ssemmi posta elettronika li B bagħat lil P (żewġ diretturi ta’ Chiquita) fit-30 ta’ April 2001 (premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata) li hija fformulata kif ġej:

“Huwa pprovat li meta [Dole/Del Monte/Tuca] jilħqu prezz ta’ DEM 36.00, il-klijenti tagħhom jirreżistu, għaliex f’dan il-livell ta’ offerta, il-prezz għall-konsumatur għandu jaqbeż il-limitu ta’ DEM 3.00/kg. Ma hemmx dubju li dan il-‘fenomenu’ jaffettwana għal ċertu żmien. [Dan] ifisser li l-offerta limitu tagħhna hija ta’ DEM 40.00 (offerta ħadra).”

473    Kif tindika l-Kummissjoni ġustament, dan id-dokument juri li l-prezzijiet reali jiddependu mill-prezzijiet ta’ referenza u li l-klijenti kienu jsegwu l-iżvilupp tagħhom. Huwa juri li l-klijenti kienu jirreaġixxu meta l-prezzijiet ta’ referenza kienu jilħqu ċerti livelli, iżda wkoll li huma kienu fehmu li kienet teżisti rabta bejn dawn il-prezzijiet ta’ referenza u l-prezzijiet reali. Id-dokument jindika b’mod ċar li, jekk l-offerti ta’ Dole/Del Monte/Tuca kienu jilħqu livell ta’ “DEM 36.00”, “il-prezz għall-konsumatur [kellu] jaqbeż il-limitu ta’ DEM 3.00/kg”. Huwa juri wkoll l-eżistenza ta’ ċerta interdipendenza tal-prezzijiet ta’ referenza tal-banana bit-trade marks Chiquita, Dole u Del Monte u tal-limiti fid-differenzi li kienu aċċettabbli.

474    Huwa importanti li jiġi enfasizzat li Weichert stess irrimarkat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-ittra inkwistjoni kienet tipprova indirettament li l-bejjiegħa bl-imnut kienu sensibbli għall-prezzijiet ta’ referenza (premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata).

475    It-tieni nett, il-Kummissjoni ssemmi posta elettronika tad-direttur ġenerali għall-Ewropa ta’ Chiquita (premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata), bid-data tal-21 ta’ Ġunju 2000, mibgħuta lil diversi kollegi u li tikkummenta tnaqqis tal-prezz ta’ referenza ta’ Chiquita wara t-tnaqqis tal-prezz ta’ Dole b’DEM 2 li jindika li, “b’differenza ta’ prezz li laħqet DEM 9 meta mqabbel ma’ Dole, ma [kienx] hemm għażla oħra” u li “dan huwa xokk, peress li l-possibbiltajiet li jiżdiedu l-prezzijiet fis-Sajf f’kundizzjoniiet ta’ produzzjoni u ta’ suq ordinarji huma minimi, anzi ineżistenti”. Fl-istess posta elettronika, P jkompli jikteb li “din hija r-raġuni għalfejn [jitlobhom], għal darb’oħra, jeżaminaw il-possibbiltajiet kollha li jiżdiedu l-volumi” u li “iż-żieda fil-volumi ma tikkumpensax 100 % tat-tnaqqis tal-prezz”, iżda li “għandu bżonn ta’ kull kaxxa supplimentari, sakemm dan ma jkollux impatt negattiv [fuqhom] fuq żmien twil.”

476    Din il-posta elettronika tikkontradiċi manifestament l-affermazzjoni tar-rikorrenti li ma teżisti l-ebda rabta bejn il-prezzijiet ta’ referenza, jew, tal-inqas l-iżvilupp tagħhom, u l-iżvilupp tal-prezzijiet fuq is-suq. Kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, din l-ittra turi sa liema punt Chiquita kienet imħassba b’reviżjoni għat-tnaqqis tal-prezzijiet ta’ referenza, ikkwalifikata bħala [xokk], sa fejn kien hemm “ftit jew l-ebda possibbiltà li l-prezzijiet jiżdiedu matul is-Sajf” u bit-tiftix għal soluzzjoni sabiex tikkompensa għall-konsegwenzi negattivi ta’ din is-sitwazzjoni fuq il-livell tal-prezzijiet, f’dan il-każ billi tittieħed azzjoni fir-rigward tal-volumi. Huwa juri, mill-ġdid, l-importanza tal-kwistjoni tad-differenzi bejn il-prezzijiet ta’ referenza tal-importaturi u tal-limiti aċċettabbli jew sostenibbli f’dawn id-differenzi.

477    It-tielet nett, il-Kummissjoni tirreferi għal posta elettronika interna ta’ Chiquita, tat-8 ta’ Awwissu 2002 (premessi 111 u 172 et seq tad-deċiżjoni kkontestata), li l-kontenut tagħha ġie rrapportat fil-punt 424 iktar ’il fuq.

478    Il-posta elettronika tat-8 ta’ Awwissu 2002 tipprova l-importanza tal-prezz ta’ referenza ta’ Dole għas-suq, inkluż għall-prezzijiet reali miksuba minn Dole stess. Din tikkonferma li Chiquita kellha “kuntratti Dole plus”, jiġifieri arranġamenti kuntrattwali bi prezzijiet reali direttament marbuta mal-prezzijiet ta’ referenza ta’ kull ġimgħa ta’ Dole u turi b’mod ċar l-importanta tal-prezz ta’ referenza ta’ Dole għall-prezzijiet reali ta’ Chiquita. Barra minn hekk, il-prezz ta’ referenza ta’ Dole kien jinfluwenza f’dan il-każ il-prezz ta’ referenza ta’ Chiquita. Din l-ittra tindika li Chiquita kellha l-intenzjoni li tgħolli l-prezz b’EUR 1 il-ġurnata ta’ qabel, iżda f’dik il-ġurnata filgħodu ddeċidiet li tgħolli l-prezz ta’ referenza tagħha b’EUR 1.5. Fil-fatt, fid-dikjarazzjoni ta’ impriża tagħha Chiquita ssostni li, fid-dawl taż-żieda ta’ Dole tal-prezz ta’ referenza tagħha ta’ EUR 2, hija bidlet il-prezz ta’ referenza tagħha billi żiditu b’EUR 1.5 “minflok ma applikat biss iż-żieda ta’ EUR 1 li kienet ikkunsidrat il-ġurnata ta’ qabel” (premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata).

479    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ssemmi korrispondenza bejn Atlanta (kumpannijia responsabbli għas-sajran tal-frott u distributur) u Chiquita u ittri interni ta’ Chiquita, tat-2 u 6 ta’ Jannar 2003 (premessi 110 u 176 tad-deċiżjoni kkontestata).

480    Il-Ħamis it-2 ta’ Jannar 2003, impjegat ta’ Atlanta bagħat lil żewġ persuni responsabbli ta’ Chiquita, P u K, posta elettronika li kienet tirreferi għal deċiżjoni meħuda minn Chiquita li żżid il-prezz ta’ referenza tagħha, diġà kkomunikata lill-klijenti tagħha, ta’ EUR 0.50, u dan wara żieda tal-prezz ta’ referenza ta’ Dole li saret dakinhar filgħodu stess meta ntbagħat l-imsemmi messaġġ. F’din il-posta elettronika, l-impjegat ta’ Atlanta bagħat lill-amministraturi ta’ Chiquita “kumment kritiku ħafna” dwar tali deċiżjoni ta’ pprezzar. K irrisponda għall-ittra, fis-6 ta’ Jannar 2003, f’dawn it-termini: “Huwa t-tort tiegħi, kont sorpriż bil-bidla li saret għand Dole. Aħna naħsbu li dan itemm il-progress lejn iż-żieda jekk nibqgħu fl-istess livell u jimmina l-iżvilupp matul il-ġimgħat li ġejjin.” Fit-2 ta’ Jannar 2003, f’dak li jikkonċerna l-istess domanda, impjegat ta’ Chiquita kiteb lil K li huwa kellu problemi minħabba din ir-reviżjoni ta’ żieda meta l-prezz kien diġà tħabbar lill-klijenti. K irrisponda għal dan il-kumment, fis-6 ta’ Jannar:

“[P] ma riedx li Dole u Del Monte jkollhom l-impressjoni li aħna qed nitilquhom billi nżommu l-istatus quo. Jien nifhem”.

481    Ir-rikorrenti jsostnu, minn naħa, li l-fatt li l-amministratur ta’ Chiquita “[kien] sorpriż” bil-bidla li saret minn Dole jindika biss li din tal-aħħar kienet taġixxi mingħajr l-iċken informazzjoni min-naħa ta’ Chiquita u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma tistax tuża dawn id-dokumenti biex issostni t-teżi tagħha peress li huma posterjuri għall-perijodu tal-allegat ksur.

482    Ċertament, huwa paċifiku li d-dokumenti jmorru lura għal Jannar 2003 u huma eżatt wara l-perijodu ta’ ksur. Xorta jibqa’ l-fatt li, għalkemm dawn id-dokumenti ma humiex ta’ natura, waħidhom, li jistabbilixxu r-realtà tal-aġir antikompetittiv inkwistjoni, huma jikkostitwixxu indizju serju li jikkorrobora l-provi miġbura mill-Kummissjoni dwar l-għan tal-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel.

483    Għandu jiġi rrelevat, f’dan ir-rigward, li l-fatt stess li ssemmiet is-sorpriża ta’ Chiquita ma jippermettix li jiġi konkluż neċessarjament li teżisti l-awtonomija fl-aġir ta’ Dole, iżda jista’ jispjega ż-żmien li ħadet Chiquita biex fehmet il-pożizzjoni ta’ Dole matul diskussjoni bilaterali preliminari u l-mossa ta’ din tal-aħħar.

484    Barra minn hekk, anki jekk parteċipant għal prattika miftiehma jista’ jfittex li jużaha għall-finijiet tiegħu, jew anki biex iqarraq, dan ma jnaqqasx madankollu mir-responsabbiltà tal-parteċipazzjoni tiegħu f’dan l-aġir. Skont ġurisprudenza stabbilita, impriża li, minkejja akkordju mal-kompetituri tagħha, issegwi politika ftit jew wisq indipendenti fuq is-suq tista’ sempliċement tipprova tuża l-akkordju għall-benefiċju tagħha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, T‑308/94, Ġabra p. II‑925, punt 230; tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑3627, punt 189; ara, wkoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ international Belgium et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82 Ġabra p. 3369, punt 25).

485    Fir-rigward tal-kwistjoni tar-relevanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-settur tal-banana, il-messaġġi msemmija iktar ’il fuq juru li l-klijenti kienu jaħsbu b’mod ċar li l-bidla fil-prezz ta’ referenza kienet importanti għall-prezzijiet li setgħu jistennew li jħallsu jew jirċievu. Huma juru wkoll, kif titlob li jiġi osservat ġustament il-Kummissjoni, l-interess kbir tal-impriżi kkonċernati għall-koordinazzjoni tal-istabbilment tal-prezzijiet ta’ referenza u l-preokkupazzjoni reali ta’ Chiquita sabiex issostni ż-żidiet fil-prezzijiet ta’ referenza tal-kompetituri prinċipali tagħha, skont il-bżonn, billi tadotta l-metodu xejn normali li żżid il-prezz li kien diġà tħabbar minkejja d-diffikultajiet li dan il-metodu joħloq lill-klijentela, peress li kienet immotivata tagħmel dan mill-perspettiva li ma tikkompromettix żvilupp għat-tnaqqis tal-prezzijiet matul il-ġimgħat ta’ wara (premessi 177 sa 179 tad-deċiżjoni kkontestata).

486    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma għamlu l-ebda osservazzjoni fin-noti tagħhom dwar il-forza probatorja tal-ittri kollha msemmija iktar ’il fuq dwar il-kwistjoni tar-relevanza tal-prezzijiet ta’ referenza għas-suq ikkonċernat, minbarra f’dak li jikkonċerna l-posterjorità ta’ dawk li jmorru lura għal-Jannar 2003 f’relazzjoni mal-perijodu ta’ ksur.

487    Matul is-seduta, ir-rikorrenti kkuntentaw ruħhom li jenfasizzaw in-natura interna għal Chiquita tal-komunikazzjoni inkwistjoni u l-fatt li huma ma setgħux, għaldaqstant, jispjegaw il-pożizzjoni ta’ Dole fir-rigward tar-rwol tal-prezzijiet ta’ referenza fuq is-suq tal-banana.

488    Din l-allegazzjoni waħidha ma hijiex biżżejjed biex tikkontradiċi l-forza probatorja ta’ ittri mibgħuta minn operatur li jbigħ prodotti ġejjin minn kompetizzjoni ma’ dawk ta’ Dole fuq is-suq tal-banana, li tirreferi għal sitwazzjonijiet konkreti u preċiżi dwar il-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole u turi l-importanza ta’ dawn il-prezzijiet għall-importaturi u l-klijentela tagħha billi, b’mod partikolari, tenfasizza l-interdipendenza tal-prezzijiet ta’ referenza tal-banana bit-trade mark ta’ Chiquita, Dole u Del Monte.

489    Il-ħames nett, il-Kummissjoni tinvoka ittra li d-Deutscher Fruchthandelsverband eV (DFHV, federazzjoni tal-kummerċ Ġermaniża) bagħtet lil membru tal-Kummissjoni fil-21 ta’ Jannar 2005, li permezz tagħha hija tiddikjara, b’mod partikolari, li “dawn il-prezzijiet ‘uffiċjali’ huma biss rifless tal-pożizzjoni ta’ tluq tad-diversi operaturi għan-negozjati tagħhom ta’ kull ġimgħa” u li “huma sa 50 % iktar mill-prezzijiet realment miftiehma” (premessi 112 u 119 tad-deċiżjoni kkontestata).

490    Għalkemm dan id-dokument huwa posterjuri għall-iskadenza tal-perijodu ta’ ksur u ma huwiex biżżejjed, waħdu, biex jipprova l-ksur akkużat, huwa juri li, tliet snin wara l-ksur u filwaqt li l-ebda bidla tal-organizzazzjoni tas-suq tal-banana ma hi allegata jew ipprovata, il-prezzijiet ta’ referenza kienu kkunsidrati, b’mod ġenerali, bħala punt ta’ tluq għan-negozjati tal-prezzijiet ta’ kull ġimgħa.

491    Fl-aħħar nett huwa importanti li jiġi enfasizzat li r-rikorrenti għemżu għall-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom kopja tal-fajl tal-laqgħa dwar il-prezz tal-banana, laqgħa li kienet tinżamm kull nhar ta’ Ħamis filgħodu u li matulha l-informazzjoni li Dole tkun ġabret, miġbura fl-imsemmi fajl, kienet tiġi evalwata sabiex issir “evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq” u jiġi ffissat prezz ta’ referenza ta’ kull ġimgħa.

492    Skont ir-rikorrenti, dan il-fajl kien jinkludi, b’mod partikolari, graff intitolata “Prezz aħdar tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq” (Anness A 11 tar-rikors, p. 644) li janalizza, abbażi tas-sitt ġimgħat preċedenti, il-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole u dawk tal-kompetituri prinċipali tagħha, li juri b’mod ċar li l-prezzijiet ta’ referenza tal-kompetituri kienu informazzjoni importanti għall-istabbilment tal-prezzijiet ta’ Dole u, b’mod iktar ġenerali, ir-relevanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-settur tal-banana.

493    Fit-tielet lok, fir-rigward tar-rwol tal-“prezz Aldi” fis-settur tal-banana, għandu jiġi rrelevat li l-Kummissjoni tindika li l-imsemmi prezz kien inqas importanti matul il-perijodu ta’ ksur bejn l-2000 sal-2002 milli wara, li ir-rikorrenti jikkontestaw peress li jallegaw li l-“offerta Aldi” kienet tikkostitwixxi l-unika referenza relevanti għat-tranżazzjonijiet kollha fis-settur tal-banana, inkluż matul il-perijodu msemmi iktar ’il fuq.

494    L-ewwel nett, fir-rigward tal-mod ta’ distribuzzjoni tal-banana ta’ Dole, ir-rikorrenti jenfasizzaw l-importanza kwantitattiva tat-tranżazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-“ftehim Aldi plus”, ftehim ta’ forniment għal żmien twil li japplika formula ta’ prezz fiss ibbażat fuq il-prezz ta’ xiri ffissat minn Aldi għall-banana safra mibdul fi prezz li jikkorrispondi għall-banana ħadra.

495    Dole, fl-2000, wettqet bejn wieħed u ieħor 50 % tal-bejgħ tagħha ta’ banana ħadra fil-kuntest tal-“ftehim Aldi plus”, fejn din iċ-ċifra titla’ għal madwar 80 % fl-2005. Ir-rikorrenti jsemmu wkoll fil-kitbiet tagħhom ċifra ta’ 66 % ta’ bejgħ tal-banana bit-trade mark Dole fl-2002, filwaqt li jenfasizzaw li r-rapport ekonomiku li jinsab fl-Anness 3 tar-risposta ta’ Dole għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni (Anness A 5 tar-rikors) ikkonstata li l-bejgħ magħmul fil-kuntest tal-“ftehim Aldi plus” kien jirrappreżenta preċiżament 49 % tat-total tal-bejgħ ta’ Dole, fejn id-differenza setgħet tiġi spjegata mill-fatt li l-imsemmi rapport ikkalkola l-perċentwali abbażi ta’ ċifri li jikkonċernaw l-Unjoni, dak iż-żmien magħmula minn ħmistax-il membru, u mhux l-Ewropa ta’ Fuq biss.

496    Barra ċertu nuqqas ta’ qbil fil-preżentazzjoni f’ċifri tal-argument tar-rikorrenti, għandu jiġi osservat li l-eżami tar-rapport ekonomiku li jinsab fl-Anness 3 tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar is-sena 2000 u l-indikazzjonijiet segwenti għas-snin ulterjuri: 58 % fl-2001, 49 % fl-2002, 60 % fl-2003, 68 % fl-2004 u 79 % fl-2005, li jfisser importanza dejjem tiżdied tal-“kuntratti Aldi plus” mill-2003.

497    Barra minn hekk, Dole bagħtet lill-Kummissjoni, fit-2 ta’ Ottubru 2008, ittra fejn hija tindika li ċ-ċifri mibgħuta fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienu għolijin wisq u tipprovdi tabella li tinkludi d-data segwenti f’dak li jikkonċerna l-perċentwali tad-dħul mill-bejgħ ta’ Dole li jikkorrispondu unikament għall-bejgħ ta’ banana ħadra permezz tal-“kuntratti Aldi plus”: 50 % fl-2000, 48 % fl-2001, 38 % fl-2002, 51 % fl-2003, 61 % fl-2004.

498    Dole ippreċiżat, fl-ittra inkwistjoni, li ċ-ċifra tal-2000 hija “stima”, peress li r-rapport tal-ekonomisti ma jinkludix indikazzjoni għall-eżerċizzju inkwistjoni. Barra minn hekk, jaqbel li jiġi rrelevat li ċ-ċifra tal-2001 titla’ għal 48 %, tinżel għal 38 % fl-2002, qabel ma tiżdied mill-2003, li ma jfissirx progress kostanti. Kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, l-analiżi ta’ data dwar it-tranżazzjonijiet ta’ Dole tikkonferma l-konstatazzjoni li l-“prezz Aldi” kien inqas marbut mal-prezzijiet reali ta’ Dole matul il-perijodu bejn l-2000 sal-2002 milli wara.

499    It-tieni nett, insostenn tal-allegazzjoni li l-prezzijiet ta’ referenza ma kellhom l-ebda importanza għan-negozjati tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni, għall-kuntrarju tal-“prezz Aldi”, ir-rikorrenti jispjegaw li, meta Aldi kienet tħabbar il-prezz li kellha l-intenzjoni tħallas għall-banana safra lill-fornituri tagħha (jiġifieri lill-kumpanniji responsabbli għas-sajran tal-frott u distributuri), dawn kienu jgħarrfu lill-importaturi tal-banana.

500    Minbarra li din l-aħħar allegazzjoni ma hija sostnuta bl-ebda mod, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti indikaw li, matul il-perijodu inkwistjoni, jiġifieri mill-2000 sal-2002, Dole kienet tippubblika prezz ta’ referenza wieħed, li kien jitħabbar qabel ma Aldi tħabbar tagħha, u li din il-prattika nbidlet “bejn l-2002 u l-2008”, perijodu li matulu Dole kienet issegwi l-prezz ta’ referenza inizjali tagħha tal-Ħamis filgħodu bl-adozzjoni ta’ “prezz ta’ referenza definittiv” li hija kienet tikkomunika lill-klijenti tagħha wara t-tħabbir tal-“prezz Aldi” nhar ta’ Ħamis filgħodu.

501    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li Dole kienet spjegat, bħala risposta għal talba għal informazzjoni tal-15 ta’ Diċembru 2006, li “DFFE [...] [kienet] iddeċidiet li minn Diċembru 2002 il-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole se jkunu minn issa ’l quddiem riaġġustati [...] skont il-‘prezz Aldi’” (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 163 tad-deċiżjoni kkontestata) u li kienu saru xi aġġustamenti bejn Ottubru u Diċembru 2002 tal-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole u ta’ Weichert (premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata).

502    Għalhekk jidher li Dole, għall-bidu, iffissat prezz ta’ referenza wieħed, ikkomunikat lill-klijenti tagħha qabel it-tħabbir tal-“prezz Aldi” wara, imbagħad, qasmet dan il-prezz ta’ referenza uniku fi tnejn sabiex toħloq prezz ta’ referenza definittiv, wara t-tħabbir tal-“prezz Aldi” u tieħu inkunsiderazzjoni lilu.

503    Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti mhux biss jikkorroboraw l-indikazzjoni ta’ importanza dejjem tikber tal-“prezz Aldi”, iżda tikxef ukoll u fuq kollox li Dole ma neħħietx il-prezzijiet ta’ referenza meta mmodifikat il-proċess tagħha ta’ ffissar tal-prezzijiet u, għall-kuntrarju, żammithom, inkluż il-prezz ta’ referenza ta’ nhar ta’ Ħamis filgħodu, qabel l-“offerta Aldi”. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni tkompli ssaħħaħ ir-relevanza tal-prezz ta’ referenza uniku ta’ nhar ta’ Ħamis filgħodu, qabel l-“offerta Aldi”, qabel ma’ nqasam minn Dole. Huwa importanti li jiġi enfasizzat ukoll li Dole kompliet tistabbilixxi l-prezzijiet ta’ referenza filwaqt li hi kienet tirrevedihom wara t-tħabbir tal-“prezz Aldi”.

504    Fin-noti tagħhom, ir-rikorrenti ma pprovdew l-ebda spjegazzjoni plawżibbli fir-rigward taż-żamma tal-prezzijiet ta’ referenza li ma kellhom għaldaqstant, fil-fehma tagħhom, l-ebda importanza fis-settur tal-banana.

505    Fir-risposta, ir-rikorrenti jindikaw li “l-ebda importatur (inkluż Dole) ma juża l-prezz ta’ referenza attwalment”, li “Dole taħseb li l-użu ta’ dawn il-prezzijiet kien sempliċement prattika li baqgħet miż-żmien tal-bejgħ bl-irkant pubbliku ta’ banana li kien isir f’Hamburg diversi għexieren ta’ snin qabel” u li “il-fatt li Dole kompliet tippubblika prezzijiet ta’ referenza għalhekk jikkostitwixxi sempliċement prattika storika formali”.

506    Huwa partikolarment dubjuż li d-determinazzjoni tal-politika ta’ prezz ta’ operatur ekonomiku tista’ tikkorrispondi għal sempliċi osservazzjoni ta’ tradizzjoni storika li ma għadhiex tintuża u mhux għal kriterju oġġettiv ta’ utilità stretta, speċjalment fil-kuntest ta’ suq ikkaratterizzat, skont kif qalu r-rikorrenti stess, minn żmien ta’ kummerċjalizzazzjoni qasir ħafna, fid-dawl tal-fatt li l-prodott inkwistjoni jitħassar malajr, u tfittxija ta’ effettività kummerċjali massima.

507    Id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti intiżi sabiex l-istabbilment ta’ prezzijiet ta’ referenza u t-tħabbir tagħhom lill-klijenti kull nhar ta’ Ħamis filgħodu matul tliet snin jiġi ridott għal sempliċi “prattika storika formali” ma humiex kompatibbli mad-deskrizzjoni stess ta’ Dole tal-politika ta’ prezz tagħha u, b’mod iżjed partikolari, tal-investiment magħmul sabiex jiġu stabbiliti l-imsemmija prezzijiet kull ġimgħa.

508    Fl-istudju ekonomiku tal-20 ta’ Novembru 2007, prodott minn Dole, huwa ppreċiżat li “il-prezzijiet ta’ referenza [inizjali], li kienu jirriflettu sforzi kunsiderevoli ta’ ġbir ta’ informazzjoni, [...] kienu jipprovdu informazzjoni iktar preċiża u ta’ kwalità aħjar dwar is-sitwazzjoni tas-suq”. Fir-rikors, huwa msemmi li l-fajl tal-laqgħa interna ta’ nhar ta’ Ħamis filgħodu għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza “kien jinkludi informazzjoni ta’ kull tip dwar is-suq tal-banana, inkluż il-volum tal-banana ħadra mibgħuta matul dik il-ġimgħa, informazzjoni dwar il-volumi speċifiċi kkunsinnati lill-klijenti u lill-Istati Membri, informazzjoni storika u miġbura dwar il-volum, il-prezz applikat minn Dole għal klijenti speċifiċi u fuq livell ġeografiku ikbar, u t-tabella ta’ Dole intitolata, ‘Prezz aħdar tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq’”. Dan l-aħħar dokument jikkorrispondi għal graff li tanalizza, abbażi tal-għaxar ġimgħat preċedenti, il-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole u dawk tal-kompetituri prinċipali tagħha.

509    Matul is-seduta, ir-rikorrenti enfasizzaw in-neċessità li ssir distinzjoni bejn żewġ perijodi, il-perijodu ta’ ksur bejn l-2000 u l-2002 b’iffissar ta’ prezz ta’ referenza uniku mingħajr ebda relazzjoni reali bejn is-suq u dak ta’ wara l-2002 bi prezz ta’ referenza definittiv, iffissat wara li tħabbar il-“prezz Aldi”, li kien ukoll bażi ta’ negozjati, iżda iktar viċin din ir-realtà milli kien il-prezz ta’ referenza preċedenti li qatt ma kien ġie rivedut.

510    Permezz ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, ir-rikorrenti jesprimu s-sempliċi evoluzzjoni fiż-żmien ta’ strument kostanti tal-politika ta’ prezz tagħhom, sal-2008, li Dole qieset utli li kellu jinbidel biss f’Diċembru 2002, u dan sabiex jiġi adattat għall-importanza dejjem tikber tal-“prezz Aldi” u sabiex tiġi żgurata effettività aħjar. Il-fatt li l-prezz ta’ referenza rivedut nhar ta’ Ħamis wara nofsinhar wara t-tħabbir tal-“offerta Aldi” kellu jirrifletti b’mod iktar fidil ir-realtà tas-suq ma huwiex ta’ natura li jeskludi kwalunkwe utilità tal-prezz ta’ referenza stabbilit fl-għodwa tal-istess ġurnata għall-perijodu bejn l-2000 u l-2002, filwaqt li għandu jitfakkar li Dole żammet dan l-aħħar element billi kkwalifikatu bħala prezz ta’ referenza inizjali.

511    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jsostnu li l-prezzijiet ta’ referenza kienu ppubblikati fl-istampa professjonali. Mill-eżami tar-rivista Sopisco News, li kienet toħroġ kull nhar ta’ Sibt, qabel il-konklużjoni ta’ negozjati kummerċjali, jirriżulta li din tal-aħħar tinkludi referenza għall-prezzijiet ta’ referenza skont l-importatur u skala ta’ prezzijiet reali skont l-importatur għall-ġimgħa li tkun għaddejja, fejn il-prezz reali massimu jikkorrispondi għall-indikazzjoni tal-prezz ta’ referenza.

512    Ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni tal-fatt li l-impriżi kkonċernati kienu jiskambjaw il-prezzijiet ta’ referenza tagħhom, ladarba jkunu ġew iffissati, nhar ta’ Ħamis filgħodu, qabel it-tħabbir tal-“prezz Aldi”. Il-Kummissjoni tindika li l-iskambju tal-prezzijiet ta’ referenza kien jikkostitwixxi element tal-prattiki miftiehma tal-partijiet u ppermetta, b’mod partikolari, lill-partijiet jivverifikaw direttament bejniethom il-prezzijiet li l-parteċipanti l-oħra kienu ddeċidew u li jirrinforzaw ir-rabtiet ta’ kooperazzjoni li kienu ħolqu bejniethom fil-kuntest tal-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel (premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata).

513    Iż-żewġ konstatazzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jikkontradiċu evidentement l-allegazzjoni dwar in-nuqqas ta’ relevanza tal-prezzijiet ta’ referenza.

514    It-tielet nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-importaturi l-oħra kkonfermaw id-dikjarazzjonijiet ta’ Dole.

515    Huma jsemmu d-dikjarazzjonijiet segwenti ta’ Fyffes, magħmula matul is-seduti tal-4 u tas-6 ta’ Frar 2008, li jindikaw li:

–        il-prezzijiet ta’ referenza “huma inutli għan-negozjati tal-prezz reali” u li “l-iffissar tal-prezz permezz tal-‘koordinazzjoni’ tal-prezzijiet [ta’ referenza] uffiċjali huwa impossibbli”;

–        il-prezzijiet ta’ referenza “ma jikkostitwixxux punt ta’ referenza, lanqas punt ta’ tluq jew xi kwalunkwe punt ieħor relevanti;

–        il-prezzijiet reali tal-importaturi l-oħra “ma huma ffissati qatt b’riferiment għall-prezz [ta’ referenza] uffiċjali ta’ Fyffes” u li l-“fattur l-iktar importanti li jinfluwenza n-negozjati ta’ kull ġimgħa huwa l-‘prezz Aldi’, li jitħabbar kull nhar ta’ Ħamis f’nofsinhar”.

516    Huwa importanti li jiġi enfasizzat li la huwa allegat u wisq inqas muri li Fyffes ma kinitx tikkomunika lill-klijenti tagħha l-prezz ta’ referenza tagħha nhar ta’ Ħamis filgħodu u li d-dikjarazzjonijiet ta’ din l-impriża għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-kuntest tagħhom, jiġifieri dak ta’ impriża destinatarja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li tikkontesta l-aġir antikompetittiv akkużat.

517    Fir-rigward ta’ Chiquita, ir-rikorrenti jallegaw li din tal-aħħar irrikonoxxiet, fit-talba tagħha għal klemenza, li l-“prezz Aldi” kien ir-riferiment fil-qasam tal-ipprezzar tal-banana ħadra u safra mal-Ewropa kollha.

518    Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi rrilevat li r-rikorrenti jirreferu għal dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita dwar il-forniment minn Atlanta ta’ banana lil Aldi u għall-attività ta’ Atlanta fil-kummerċjalizzazzjoni tal-banana tat-tielet għażla.

519    Minbarra l-kuntest speċifiku tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, l-eżami tad-dokument ikkonċernat juri, fi kwalunkwe każ, li l-allegazzjoni tar-rikorrenti tirriżulta minn qari parzjali ta’ dan, fis-sens li Chiquita ddikjarat li l-“prezz Aldi” “sar” ir-riferiment għall-kummerċ tal-banana f’ħafna pajjiżi tal-Unjoni, formulazzjoni li tesprimi l-idea ta’ importanza dejjem tikber ikkunsidrata mill-Kummissjoni fil-premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata u invokata minn Chiquita fid-dikjarazzjoni tal-impriża Nru 13, imsemmija f’din il-premessa.

520    F’dak li jikkonċerna lil Weichert u Del Monte, il-Kummissjoni tirreleva, mingħajr ma ġiet kontradetta minn Dole, li, matul il-perijodu kkonċernat, il-prezzijiet ta’ referenza għal Dole u Del Monte (il-banana ta’ din tal-aħħar kienet ikkummerċjalizzata minn Weichert) kienu kważi identiċi. Sabiex tissostanzja din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni tfakkar, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 138 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“Weichert tispjega, b’risposta għal talba għal informazzjoni, li ‘għalkemm Del Monte uffiċjalment ma tagħthiex l-istruzzjoni li tadotta l-istess prezz uffiċjali bħal Dole, hija kienet tistenna li Weichert ikollha prezz uffiċjali tal-inqas daqs dak ta’ Dole’ (ara l-paġna 38 533 tal-proċess, risposta ta’ Weichert għat-talba għal informazzjoni tal-15 ta’ Diċembru 2006). Dole tiddikjara, b’risposta għal talba għal informazzjoni tal-15 ta’ Diċembru 2006, għall-perijodu bejn l-2000 sal-2002, li ‘[...] Del Monte qegħdet il-banana bi trade mark tagħha għal livell paragunabbli ma’ dak tal-banana bi trade mark Dole, u kien ġeneralment aċċettat fis-settur li Del Monte kienet tikkunsidra l-prezz ta’ referenza ta’ Dole bħala mezz sabiex tippromwovi dan ix-xebh mal-klijenti’ [...]”

521    Għalhekk jidher li l-prezz ta’ referenza ta’ Dole kien ikkunsidrat bħala strument kummerċjali li kien jippermetti lil Del Monte tikseb, għall-banana tagħha, l-istess pożizzjoni ta’ prezz bħal dik ta’ Dole.

522    Del Monte sostniet, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-prezzijiet ta’ referenza ma kellhom l-ebda influwenza fuq il-prezzijiet reali, iżda indikat ukoll li l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ referenza kien jirrappreżenta mod, għall-importaturi “li jiġbru l-informazzjoni relevanti dwar id-domanda, il-volumi ta’ kunsinni u l-ħażniet kollha f’‘messaġġ’ li jinftiehem għas-suq” (premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata) u li “l-importaturi setgħu, fl-agħar każ, jikkoordinaw sinjal ‘komuni’ sabiex jintbagħat lis-suq (taħt il-forma ta’ prezzijiet uffiċjali koordinati)” (premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata).

523    Provi dokmentarji juru li Del Monte kienet tagħti importanza kbira lill-prezzijiet ta’ referenza ta’ Weichert.

524    Weichert ikkomunikat lill-Kummissjoni r-rapporti ta’ kull ġimgħa dwar is-sitwazzjoni fuq is-suq tal-banana matul il-perijodu ta’ ksur mibgħuta lil Del Monte, fuq talba ta’ din tal-aħħar, fejn dawn ir-rapporti jsemmu prezzijiet uffiċjali, iżda wkoll stimi tal-prezzijiet reali għall-ġimgħa kkonċernata fil-forma, b’mod partikolari, ta’ skala għall-banana bi trade mark Del Monte (mibjugħha minn Weichert) u prodotti tal-kompetituri (premessa 392 tad-deċiżjoni kkontestata).

525    Il-Kummissjoni ssemmi faks tat-28 ta’ Jannar 2000, li permezz tiegħu J.-P. B., impjegat ta’ Del Monte, talab lil W. jipprovdilu spjegazzjoni dwar id-differenza bejn il-“prezz finali” u l-“prezz imnaqqas” f’dawn it-termini: “Sabiex l-affarijiet ikomplu jaggravaw, tkellimt darbtejn mal-persuna tal-impriża tiegħek li hija responsabbli għall-bejgħ tal-banana sabiex niddiskutu kundizzjonijiet u prezzijiet fuq is-suq ... Sirt naf li Interfrucht [Weichert] se żżomm il-prezzijiet tagħha ‘viċin ħafna l-prezz uffiċjali!!! (...)’.” Dan il-messaġġ juri b’mod ċar li Del Monte kienet tistenna li Weichert tikseb prezz finali viċin ħafna l-prezzijiet ta’ referenza jew prezzijiet uffiċjali (premessi 112, 126 u 389 tad-deċiżjoni kkontestata).

526    Dawn id-dokumenti, kontemporanji għall-perijodu ta’ ksur, juru l-importanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-settur tal-banana li Weichert kienet, flimkien ma’ Dole u Chiquita, waħda mill-atturi tiegħu. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-ksur huwa dwar prodott uniku, il-banana friska, li tinqasam fi tliet livelli ta’ kwalità b’differenzi ta’ prezz korrelativi, li jaqgħu taħt l-istess suq ikkaratterizzat minn proċess ta’ ffissar ta’ prezzijiet li jinkludi t-tħabbir kull nhar ta’ Ħamis filgħodu tal-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole, ta’ Chiquita u ta’ Weichert lill-klijentela tagħhom, bl-ewwel messaġġ destinat għas-suq fuq l-istennija tal-importaturi fil-qasam ta’ prezz. Għalkemm l-imsemmija prezzijiet ta’ referenza kienu jikkonċernaw biss il-banana tal-ewwel u tat-tieni kategorija mibjugħha minn dawn l-impriżi, kienet teżisti rabta bejn dawn il-prezzijiet u dawk tat-trade marks terzi jew dawk tal-banana mingħajr trade mark, sa fejn kien isir neċessarjament, kull ġimgħa, pożizzjonament ta’ prezz tal-kwalitajiet differenti ta’ banana meta mqabbla waħda mal-oħra. L-eżistenza ta’ ċerta interdipendenza tal-prezzijiet ta’ referenza tal-banana tat-trade marks Chiquita, Dole u Del Monte hija murija mill-posta elettronika interna ta’ Chiquita tat-30 ta’ April 2001 (premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata) u tat-8 ta’ Awwissu 2002 (premessi 111, 172 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

527    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jinvokaw id-dikjarazzjonijiet ta’ klijenti li jikkonfermaw il-pożizzjoni tagħhom li jindikaw:

“[I]l-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole relatati mal-banana ma tantx kellhom użu għan-negozjati tal-prezz reali u definittiv li kien jiġilna ffatturat [Van Wylick, OHG] […]

Il-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole huma l-ewwel offerta ta’ prezz li Dole tipproponilna, bħala xerrejja, iżda aħna ma naċċettawh kważi qatt. Bħala xerrejja tal-banana ta’ Dole, aħna nieħdu bħala punt ta’ referenza il-prezz tal-banana tat-tielet għażla u ninnegozjaw ma’ Dole abbażi ta’ dan il-prezz tal-banana ta’ din tal-aħħar għall-ġimgħa kkonċernata[Metro Group Buying GmbH].”

528    L-eżami ta’ dawn l-attestazzjonijiet, ta’ klijenti ta’ Dole, jikxfu li r-rikorrenti jikwotawhom b’mod parzjali.

529    Taħt l-espressjoni “prezz ta’ referenza ta’ Dole”, Van Wylick jinkludi u jsemmi espressament “dawk ta’ nhar ta’ Ħamis filgħodu” u “dawk eventwalment aġġustati wara l-iffissar tal-prezz fil-parti tal-iskont”, li tinvoka sitwazzjoni li tmur lura għall-aħħar tas-sena 2002 bl-introduzzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza inizjali u definittiv, epoka li minnha l-Kummissjoni tammetti li l-“prezz Aldi” beda jintuża iktar u iktar bħala indikatur tal-kalkolu tal-prezz tal-banana (prezz 104 tad-deċiżjoni kkontestata). L-attestazzjoni ta’ Van Wylick ma ssemmiex, fi kwalunkwe każ, nuqqas totali tal-imsemmija prezzijiet, kif isostnu r-rikorrenti.

530    Din ix-xhieda ta’ Van Wylick għandha wkoll tinqara flimien mad-dikjarazzjoni ta’ Metro li tikkonferma li l-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole kienu jikkostitwixxu l-ewwel offerta kummerjċali ta’ din l-impriża intiża għall-klijentela tagħha u li l-komunikazzjoni tagħhom kienet tindika l-bidu tan-negozjati kummerċjali. Metro tippreċiża li rreferiet għall-prezz tal-banana tat-tielet għażla sabiex tinnegozja ma’ Dole (li jikkorrispondi għall-proċedura klassika ta’ klijent li jibda negozjati ma’ bejjiegħ fejn il-punt ta’ tluq ikun magħmul mill-għan tal-prezz imħabbar) u li “ir-riżultat tan-negozjati jkun jinsab normalment bejn il-prezz ta’ referenza ta’ Dole u l-prezz tat-terzi”. Barra minn hekk, Metro tindika li hija ma kienet taċċetta “pratikament” qatt il-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole, li jfisser, a contrario, li dan seta’ kien xi kultant il-każ.

531    Kuntrarjament għal dak li sostnew ir-rikorrenti dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet ma jikkonfermawx l-allegazzjoni tagħhom ta’ nuqqas ta’ relevanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-settur tal-banana, iżda anzi juru l-kuntrarju fir-rigward tax-xhieda ta’ Metro. Filwaqt li r-rikorrenti jallegaw li l-ittri ta’ dawn iż-żewġ klijenti juru li l-fattur deċiżiv għan-negozjati kummerċjali kien il-“prezz Aldi”, id-dokumenti inkwistjoni la biss isemmu tali prezz u lanqas kwalunkwe rwol ta’ dan fin-negozjati.

532    Matul is-seduta, ir-rikorrenti sostnew li l-prezz ta’ referenza msemmi fix-xhieda ta’ Metro kien dak ikkwalifikat bħala definittiv, stabbilit wara t-tħabbir tal-“offerta Aldi”, li seta’ jservi ta’ punt ta’ tluq għan-negozjati. Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, ir-rikorrenti jinvokaw il-fatt li l-attestazzjoni ta’ Metro tmur lura għall-2008.

533    Minbarra r-rabta awtomatika bejn is-sena ta’ meta nkitbet id-dikjarazzjoni inkwistjoni u n-natura tal-prezz ta’ referenza invokat minnha, għandu jiġi kkonstatat li, kif juri t-titolu tal-Anness A 10 tar-rikors, l-ittra ta’ Metro ma hijiex datata. Fi kwalunkwe każ, il-formulazzjoni ta’ natura ġenerali tal-imsemmija ittra ma tippermettix l-interpretazzjoni li jagħtuha r-rikorrenti, għall-ewwel darba, matul is-seduta.

534    Ir-rikorrenti jsemmu wkoll ix-xhieda ta’ klijent ta’ Dole li tinsab f’messaġġ elettroniku mibgħut fit-13 ta’ Ġunju 2007 lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni, kif ukoll dik ta’ ex impjegat ta’ Atlanta li tinsab f’ittra mibgħuta lil Dole fid-19 ta’ Novembru 2007, li tissuġġerixxi l-eżistenza ta’ żewġ xhieda differenti.

535    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet ikkonċernati jirriżultaw mill-istess persuna, W, li kkonfermat, fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Novembru 2007, li bagħtet ittra lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni fit-13 ta’ Ġunju 2007.

536    Ċertament, ix-xhud ikkwalifika bħala “ridikolu” kull suġġeriment li l-fornituri tal-banana pparteċipaw fi ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet, iżda għal raġunijiet relatati mal-qafas leġiżlattiv tas-suq u tas-sistema ta’ liċenzji, li jiżguraw lill-imsemmi suq trasparenza ikbar. W indika wkoll li s-suq tal-banana kien iddominat minn diversi xerrejja b’saħħithom, u li “l-prezz ta’ referenza fuq is-suq Ewropew kollu tal-banana kien fl-aħħar mill-aħħar iffissat unilateralment minn Aldi”.

537    Din id-dikjarazzjoni perentorja u ġenerali ma hijiex ta’ natura, hi waħidha, li tikkontradiċi l-forza probatorja tad-diversi provi miġbura mill-Kummissjoni u li juru r-relevanza tal-prezzijiet ta’ referenza. Hemm lok ukoll, li jitfakkar li l-Kummissjoni effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-qafas leġiżlattiv speċifiku tas-suq ikkonċernat fl-analiżi globali tagħha tal-prattika miftiehma.

538    Min-naħa l-oħra, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Ġunju 2007 mibgħuta lill-Kummissjoni, W jindika li, “[g]ħalkemm, għall-klijent il-prezz ma kienx jidher li jikkorrispondi għas-suq, huwa informa lill-fornitur tiegħu bl-offerti kompetituri” u li “din hija proċedura li tirrepeti ruħha kull nhar ta’ Ħamis u li hija ftit jew wisq standard fis-settur”. Din id-dikjarazzjoni dwar fatt konkret u preċiż tikkonferma d-dikjarazzjonijiet ta’ Dole, magħmula matul il-proċedura amministrattiva, li tikxef il-fatt li l-klijenti kienu jużaw il-prezzijiet ta’ referenza bħala strumenti ta’ negozjar għall-iffissar tal-prezzijiet reali (ara l-punt 446 iktar ’il fuq).

539    Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsemmu analiżi ekonomika tat-tranżazzjonijiet magħmula minn Dole (rapporti tal-20 ta’ Novembru 2007 u tad-19 ta’ Diċembru 2008) kif ukoll dokument intern li jikxef li l-prezzijiet imħallsa mill-klijenti kienu ħafna iktar marbuta mal-“prezz Aldi” milli mal-prezz ta’ referenza ta’ Dole u li l-aġir inkriminat ma kellu l-ebda effett fuq il-prezzijiet reali. L-istess japplika għal Chiquita fir-rigward ta’ tabella prodotta minn Fyffes matul il-proċedura amministrattiva u ta’ dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita dwar il-fatt li l-prezzijiet ta’ referenza huma “’l bogħod ħafna mir-realtà” jew “ma għandhom l-ebda relazzjoni” mal-prezzijiet reali. Il-Kummissjoni finalment ammettiet din il-konstatazzjoni, kif tixhed id-daħla, fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, skont liema “il-Kummissjoni ma ssostnix li l-prezzijiet reali u l-prezzijiet ta’ referenza huma marbuta b’mod strett”.

540    Dan l-argument għandu jitwarrab, peress li huwa bbażat fuq kunċett żbaljat tal-eżiġenzi ta’ prova ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

541    Minn naħa, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-istess artikolu, il-kunċett ta’ prattika miftiehma jimplika, minbarra l-ftehim bejn l-impriżi kkonċernati, aġir fis-suq li jsegwi dan il-ftehim u rabta ta’ kawża u effett bejn dawn iż-żewġ elementi. Madankollu, sakemm ma tinġiebx prova kuntrarja li għandha titressaq mill-operaturi kkonċernati, hemm lok li jiġi preżunt li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom biex jiddeterminaw l-imġiba tagħhom fis-suq (sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 118; Hüls vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punt 161, u T‑Mobile Netherlands et, punt 56 iktar ’il fuq, punt 51).

542    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-impriżi li pparteċipaw għall-ftehim illegali baqgħu attivi fil-kummerċ tal-banana u li Dole irrikonoxxiet li ħadet inkunsiderazzjoni informazzjoni miksuba mingħand kompetituri fl-istabbilment tal-prezzijiet ta’ referenza tagħha.

543    Min-naħa l-oħra, għalkemm il-kunċett stess ta’ prattika miftiehma jippresupponi aġir fuq is-suq, dan ma jimplikax neċessarjament li dan l-aġir jipproduċi l-effett konkret ta’ restrizzjoni, prevenzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 55 iktar ’il fuq, punti 122 sa 124; Hüls vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punti 163 sa 165, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il-Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punti 123 sa 125).

544    Kif tfakkar iktar ’il fuq fil-punt 68 iktar ’il fuq, l-għan antikompetittiv u l-effett antikompetittiv ma humiex kundizzjonijiet kumulattivi, iżda alternattivi, għall-applikazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81 KE. Sabiex jiġi evalwat jekk prattika miftiehma hijiex ipprojbita mill-Artikolu 81(1) KE, ma hemmx bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tagħha fis-suq meta jkun jidher li din għandha l-għan li tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni.

545    Hemm lok li jitfakkar li, sabiex ikollha għan antikompetittiv, huwa biżżejjed li prattika miftiehma tkun suxxettibbli li tipproduċi effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri huwa suxxettibbli li jkun kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni meta jnaqqas jew iħassar il-grad ta’ inċertezza dwar il-funzjonament tas-suq inkwistjoni bil-konsegwenza li jkun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn impriżi. Barra minn hekk, l-Artikolu 81 KE jfittex, abbażi ta’ regoli oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-trattat, li jipproteġi mhux biss l-interessi diretti tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda l-istruttura tas-suq u, b’hekk, il-kompetizzjoni bħala tali (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 56 iktar ’il fuq, punti 31, 35 u 38).

546    B’mod partikolari, il-fatt li prattika miftiehma ma għandhiex effett dirett fuq il-livell tal-prezzijiet ma jfixkilx milli jiġi kkonstatat li tkun illimitat il-kompetizzjoni bejn l-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, T‑21/99, Ġabra p. II‑1681, punt 140).

547    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prezzijiet effettivament ipprattikati fuq is-suq huma suxxettibbli li jiġu influwenzati minn fatturi esterni, barra mill-kontroll tal-membri ta’ akkordju, bħall-iżvilupp tal-ekonomija b’mod ġenerali, l-iżvilupp tad-domanda f’dan is-settur partikolari jew is-setgħa ta’ negozjar tal-klijenti.

548    F’dan il-każ, mill-punti 443 sa 537 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni stabbiliet biżżejjed skont il-liġi r-relevanza tal-prezz ta’ referenza fil-kummerċ tal-banana, element li, flimkien ma’ ċirkustanzi oħra fil-każ inkwistjoni meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, jippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv.

549    Għaldaqstant, ma tantx jimporta li jsir magħruf jekk il-prezz ta’ referenza kienx il-fattur l-iktar determinanti tal-prezz reali ta’ Dole u ta’ Chiquita jew sa fejn il-prezzijiet ta’ referenza u l-prezzijiet reali ta’ dawn l-impriżi kienu marbuta, peress li huwa mfakkar li l-prezzijiet ta’ referenza huma prezzijiet imħabbra li ma ġiex sostnut li huma setgħu jinkisbu fil-kuntest tan-negozjati ta’ kull ġimgħa u lanqas ma setgħu jservu ta’ bażi għall-kalkolu tal-prezzijiet finali ffatturati.

550    Is-sempliċi fatt li l-prezzijiet reali u l-prezzijiet ta’ referenza ma humiex marbuta “strettament”, kif indikat fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkontestata l-forza probatorja tal-provi prodotti mill-Kummissjoni u li ppermettewlha li tikkonkludi li l-prezzijiet ta’ referenza kienu jservu tal-inqas bħala sinjali, ta’ tendenzi jew ta’ indikazzjonijiet għas-suq, f’dak li jikkonċerna l-iżvilupp ikkunsidrat tal-prezz tal-banana, u li kienu importanti għall-kummerċ tal-banana u l-prezzijiet miksuba.

551    Il-konstatazzjoni ta’ differenza bejn il-prezz ta’ referenza, suġġett tal-prattika illegali, u l-prezzijiet ta’ tranżazzjoni bl-ebda mod ma tfisser li tal-ewwel ma kinux suxxettibbli li jkollhom influwenza fuq il-livell tat-tieni. L-għan tal-prezzijiet ta’ referenza huwa li jtellgħu l-prezzijiet tas-suq ’il fuq, minkejja li dawn tal-aħħar jibqgħu, fl-aħħar mill-aħħar, inferjuri għall-prezzijiet imħabbra. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prezzijiet issuġġeriti ta’ impriża kienu superjuri għall-prezzijiet tas-suq sabiex tikkunsidra li s-sistema ta’ prezz ta’ din kellha l-għan li tgħolli l-prezzijiet fuq is-suq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, T‑213/95 u T‑18/96, Ġabra p. II‑1739, punt 163).

552    Barra minn hekk, huwa paċifiku li, f’ċerti tranżazzjonijiet, il-prezz kien direttament marbut mal-prezzijiet ta’ referenza permezz ta’ formoli ta’ pprezzar stabbiliti minn qabel.

553    Il-Kummissjoni għalhekk kellha d-dritt tikkonkludi li hija illegali l-komunikazzjoni bilaterali bejn l-impriżi kkonċernati, li kellha l-għan li twassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, peress li tippermetti li titnaqqas, għal kull wieħed mill-parteċipanti, l-inċertezza fir-rigward tal-aġir possibbli tal-kompetituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, 312 iktar ’il fuq, punt 1908).

554    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-analiżi u d-dokument imsemmija fil-punt 539 iktar ’il fuq jikkonċernaw biss il-prezzijiet iffatturati minn Dole jew Chiquita, filwaqt li l-aġir effettiv li allegatament tkun adottat impriża huwa irrelevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-impatt tal-akkordju fuq is-suq, peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-effetti tal-akkordju fl-intier tiegħu (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 55 iktar ’il fuq, punti 150 u 152).

555    Fir-rigward, l-ewwel nett, tat-tranżazzjonijiet ta’ Chiquita, it-tabella prodotta minn Fyffes matul il-proċedura amministrattiva tidher nieqsa minn forza probatorja reali sa fejn id-data miġbura tirreferi għal perijodu li jibda biss fit-tielet semestru tal-2002, mingħajr ma huwa wkoll possibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk l-imsemmija data tikkonċernax is-suq ġeografiku kollu inkwistjoni.

556    Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita dwar il-fatt li l-prezzijiet ta’ referenza huma “’il bogħod ħafna mir-realtà” jinsabu f’ittra tas-26 ta’ Ġunju 2004 u għalhekk wara l-perijodu ta’ ksur. Madankollu, jista’ jiġi rrelevat li, f’posta elettronika, impjegat ta’ Chiquita jirrispondi għad-domanda ta’ kollega li skanta bil-livell tal-prezz ta’ referenza tal-banana bit-trade mark Del Monte, iktar għoli minn dak ta’ Dole. L-awtur tal-posta elettronika jindika li, wara li Del Monte kienet saret responsabbli direttament għad-distribuzzjoni tal-banana tagħha, hija kellha strateġija fejn kienet tpoġġi lilha nfisha l-iktar qrib possibbli ta’ Chiquita u peress li l-persuna l-ġdida responsabbli ta’ Del Monte kienet ex impjegat ta’ Chiquita, hija kienet taf is-sigrieti tal-politika ta’ pprezzar ta’ din l-aħħar impriża u b’hekk id-differenza bejn il-prezzijiet ta’ referenza u l-prezzijiet reali.

557    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni qasira u vaga skont liema l-prezzijiet ta’ referenza “ma humiex relatati” mal-prezzijiet reali, din imkien ma hija sostnuta bi provi dokumentarji oġġettivi relatati mal-perijodu ta’ ksur bejn l-2000 u l-2002 u mas-suq ġeografiku kkonċernat. Fi kwalunkwe każ, hija ma tistax tinqara’ b’mod iżolat, indipendentement mid-dikjarazzjonijiet espliċiti ta’ Chiquita dwar l-għan tal-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel u tal-provi dokumentarji miġbura mill-Kummissjoni, b’mod partikolari posta elettronika mibgħuta minn Chiquita, li juru l-importanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-settur tal-banana.

558    Sussegwentement, għandu jiġi rrelevat li l-analiżi ekonomika u d-dokumenti msemmija fil-punt 539 iktar ’il fuq, dwar l-aġir fir-rigward tal-prezzijiet ta’ Dole, ma jippermettux li jiġi konkluż li hemm nuqqas ta’ rabta bejn il-prezzijiet reali u l-prezzijiet ta’ referenza, iżda li hemm rabta inqas għolja bejn dawn iż-żewġ prezzijiet minn dik li teżisti bejn il-prezzijiet reali u l-“prezz Aldi”. Barra minn hekk, il-graffs fl-Anness A 18 tar-rikors, sakemm jistgħu jiġu kkunsidrati li jirreferu għal data unikament dwar tranżazzjonijiet fil-Ġermanja, juru li r-rabta bejn il-“prezz Aldi” u l-prezz reali ta’ Dole kienet pjuttost superjuri fl-2006-2007 milli bejn l-2000 u l-2002, li jsostni l-idea ta’ importanza dejjem tikber tal-“prezz Aldi”.

559    Ir-rikorrenti jikkonċentraw ruħhom fuq ir-rabta bejn il-“prezz Aldi”, bejjiegħ bl-imnut li jixtri banana safra mingħand ċentri ta’ sajran, u l-prezz reali ta’ Dole meta r-relevanza ta’ din ir-rabta għandha tiġi relativizzata minħabba l-kronoloġija tal-bejgħ tal-banana, fil-kuntest ta’ proċess ta’ negozjati ta’ kull ġimgħa, fis-sens li huwa paċifiku li Chiquita, Dole u Weichert kienu jħabbru l-prezz ta’ referenza tagħhom lill-klijenti kollha tagħhom, ċentri ta’ sajran u bejjiegħa bl-imnut, nhar ta’ Ħamis kmieni filgħodu, qabel it-tħabbir tal-“offerta Aldi”, li juri li, minn perspettiva kronoloġika, it-tħabbir tal-prezzijiet ta’ referenza kien jindika l-punt ta’ tluq tan-negozjati kummerċjali. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Dole, ippreżentati matul il-proċedura amministrattiva, dwar l-aġir tal-klijenti dwar l-offerti magħmula mill-importaturi jikkonfermaw ir-realtà ta’ din l-osservazzjoni (ara l-punt 445 iktar ’il fuq).

560    Għalhekk jidher li l-importaturi kienu jiddefinixxu u jħabbru l-ewwel il-prezzijiet ta’ referenza tagħhom li juru l-iżvilupp previst tal-prezz tal-banana, wara ċ-ċentri ta’ sajran kienu jiffurmaw opinjoni dwar l-iżvilupp tas-suq u kienu jissottomettu l-offerti tagħhom lil Aldi u, f’dan il-mument kien jiġi ffissat il-“prezz Aldi”.

561    Ir-rikorrenti jsostnu li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-prezzijiet ta’ referenza setgħu jkunu relevanti peress li jista’ jkun li jkunu affettwaw b’xi mod il-“prezz Aldi” u jenfasizzaw, f’dan ir-rigward, li Aldi tixtri banana tat-tielet kategorija (u mhux banana mibjugħha taħt it-trade marks Chiquita, Dole u Del Monte) b’mod li l-prezzijiet ta’ referenza, li ma jikkonċernawx il-banana tat-tielet kategorija, ma għandhom l-ebda utilità għal Aldi.

562    Dan l-argument jikkontradiċi totalment id-dikjarazzjoni ta’ Dole li l-“prezz Aldi” stess kien relevanti għat-tranżazzjonijiet kollha (mingħajr distinzjoni skont it-trade mark, inkluż il-bejgħ tagħha ta’ banana bi trade mark). Għandu jingħad ukoll li l-prezzijiet ta’ referenza jagħmlu parti minn proċess ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ prodott, il-banana, li jinqasam fi tliet livelli ta’ kwalità, li jimplika pożizzjonament ta’ prezz tat-tliet tipi ta’ banana meta mqabbla ma’ xulxin u forma ta’ interdipendenza tal-prezz.

563    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-fornituri ta’ Aldi ma kinux jieħdu inkunsiderazzjoni l-prezzijiet ta’ referenza u jirreferu għall-ittra tal-klijent tagħhom, Van Wylick, u għal dikjarazzjoni ta’ Chiquita dwar il-kundizzjonijiet li fihom Atlanta kienet tagħmel l-offerti tagħha lil Aldi.

564    Fl-ittra tagħha, (ara l-punt 527 iktar ’il fuq), Van Wylick tindika li l-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole għall-banana kienu ta’ utilità minima għan-negozjati tal-prezz reali u definittiv “li kien jiġi ffatturat [lilha]”, fejn din l-aħħar daħla turi li l-awtur tal-ittra jirreferi għar-relazzjoni kummerċjali tagħha ma’ Dole u mhux ma’ Aldi.

565    Id-dikjarazzjoni ta’ Chiquita hija fformulata kif ġej:

“Kif diġà indikajna iktar ’il fuq, il-prezzijiet ta’ referenza mħabbra lil Atlanta nhar ta’ Ħamis kienu jikkonċernaw biss it-trade marks tal-ewwel għażla ta’ Chiquita, Dole u Del Monte. Konsegwentement, Atlanta ma kinitx tibbaża l-offerta tagħha lil Aldi fuq ‘prezz ta’ referenza tal-[banana bi] trade marks tat-tielet għażla’. Kif spjegajna iktar ’il fuq, dawn l-offerti kienu bbażati fuq l-informazzjoni miġbura minn [C] [u] [N] meta kienu jċemplu lill-fornituri tat-trade marks tat-tielet għażla qabel l-iffissar tal-prezzijiet, telefonati li huma kienu jagħmlu nhar ta’ Erbgħa ([N]) jew nhar ta’ Ħamis ([C)]. Matul dawn it-telefonati, il-fornituri tat-trade marks tat-tielet għażla kienu dejjem jipprovaw jikkonvinċu lil Atlanta bil-previżjonijiet tagħhom fil-qasam tal-prezz. Dawn il-previżjonijiet ma kienux identiċi, u spiss kienu jinkludu differenzi ta’ bejn wieħed u ieħor minn 50 ċenteżmu għal EUR 1 kull kaxxa.”

566    Din id-dikjarazzjoni li tikkonċerna l-aġir ta’ Atlanta tindika li, meta hija kienet tistabbilixxi l-offerta ta’ prezz tagħha intiża għal Aldi, Atlanta kienet tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni miġbura mingħand fornituri ta’ banana tat-tielet għażla, iżda li hi kienet taf, f’dan il-mument, l-istennija tal-importaturi fil-qasam ta’ prezz permezz tat-tħabbir preliminari tal-prezzijiet ta’ referenza kif juri l-bidu ta’ din id-dikjarazzjoni.

567    Peress li d-deċiżjonijiet dwar prezzijiet ta’ Atlanta għal tip ta’ banana, bħal dawk tal-operaturi l-oħra kollha, inkluż Aldi, kienu jsiru fuq is-suq, dawn kienu neċessarjament jittieħdu fil-kuntest ta’ suq li jkopri tliet livelli ta’ kwalità b’diversi korrelativi ta’ prezz.

568    Għandu jiġi enfasizzat li l-analiżi ekonomika tat-tranżazzjonijiet magħmula minn Dole (rapporti tal-20 ta’ Novembru 2007 u tad-19 ta’ Diċembru 2008, Annessi A 5 u A 19 tar-rikors) turi rabta medja għolja bejn il-“prezz Aldi” u l-prezzijiet ta’ referenza matul il-perijodu bejn l-2000 u l-2005, li jindika li l-iżvilupp tal-“prezz Aldi” kien effettivament marbut b’mod strett mal-iżvilupp tal-prezz ta’ referenza.

569    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat, fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjonijiet li ġejjin ta’ Dole:

“[...] il-prezzijiet ta’ referenza inizjali li ċerti kumpanniji juru fuq is-suq nhar ta’ Ħamis filgħodu wara l-laqgħat tagħhom dwar l-iffissar tal-prezzijiet, juru tendenza – il-fatt li huma kienu jistennew li s-suq jiżdied b’EUR 1, minn 50 ċenteżmu (dejjem kull kaxxa, kull kaxxa ta’ 18 kg) u [...] li ċ-ċentri ta’ sajran, li huma essenzjali għall-provvista ta’ banana safra, jagħtu l-prezzijiet tagħhom lil Aldi (l-ikbar xerrerj ta’ banana) nhar ta’ Ħamis filgħodu u li ċ-ċentri ta’ sajran jiffurmaw opinjoni dwar kif il-prezz tas-suq huwa suxxettibbli li jiżviluppa matul l-għodwa, f’xi ħin bejn it-09:00 u l-11:00, wara jibagħtu permezz ta’ faks l-offerta tagħhom lil Aldi u Aldi tirrispondi bejn wieħed u ieħor wara s-13:00; li jiġri spiss huwa li ċ-ċentri ta’ sajran jisperaw li l-prezz ta’ kaxxa banana jitla’ b’EUR 1, u Aldi terġa’ tiġi u tgħid 'Tajjeb, is-suq qiegħed imur aħjar, il-ħruġ mingħand il-bejjiegħa tagħna qiegħed jiżviluppa b’mod pożittiv, iżda aħna ma nistgħux naċċettaw żieda ta’ EUR 1, naċċettaw żieda ta’ 36 ċenteżmu' [...] Għalhekk [...] l-importaturi ma jarawx biss is-suq, huma jaraw tendenza tas-suq tiżviluppa u jaħsbu li l-prezz jista’ jiżdied sa EUR 1 (u jħabbru dan fuq is-suq), iżda fil-fatt, l-essenzjali huwa x’taħseb Aldi [...]”

570    Din l-aħħar evalwazzjoni ta’ Dole, impriża li dejjem ikkontestat li kisret l-Artikolu 81 KE, ma timminax ir-relevanza tad-deskrizzjoni tal-proċess li jikkaratterizza l-iżvilupp tal-ġurnata tal-Ħamis u tal-evidenzjar ta’ rabta bejn il-prezzijiet ta’ referenza u l-“offerta Aldi”.

571    Dole indikat ukoll, permezz ta’ studji ekonomiċi prodotti matul il-proċedura amministrattiva, li “il-prezzijiet ta’ referenza [inizjali] li kienu jirriflettu sforzi kunsiderevoli ta’ ġbir ta’ informazzjoni, [...] kienu jipprovdu informazzjoni iktar preċiża u ta’ kwalità aħjar dwar is-sitwazzjoni tas-suq milli n-nuqqas ta’ dawn l-iskambji” u li “dawn il-prezzijiet ta’ referenza inizjali kienu jafu bihom iċ-ċentri ta’ sajran meta kienu jagħmlu l-offerti tagħhom lil Aldi, b’mod li prezzijiet ta’ referenza inizjali aħjar kienu probabbilment iwasslu lil Aldi sabiex tiffissa prezzijiet li jirriflettu iktar l-istat tal-offerta u tad-domanda għall-ġimgħa ta’ wara” (p. 5 tal-istudju ekonomiku tal-20 ta’ Novembru 2007). Huwa wkoll ippreċiżat li “il-volontà taċ-ċentri ta’ sajran li jaċċettaw il-kundizzjonijiet partikolari ta’ Aldi kienet tiddependi, sa ċertu punt, mill-prezz ta’ referenza inizjali li kienu jirċievu mingħand l-importaturi (minkejja li dawn il-prezzijiet ma humiex vinkolanti)”, li “[dawn il-prezzijiet ta’ referenza] kienu jiddependu huma stess mill-faċilità li biha l-importatur kien jaħseb li se jbigħ il-volum ikkunsinnat dik il-ġimgħa” u li “l-iskambju kien ifisser li l-prezzijiet ta’ referenza tal-impriżi tal-banana kien jirrifletti l-informazzjoni kollha miġbura dwar l-offerta u d-domanda matul dik il-ġimgħa u mhux biss l-informazzjoni individwali ta’ fornitur” (p. 7 u 9 tal-istudju ekonomiku tal-10 ta’ April 2007).

572    Dawn id-dikjarazzjonijiet, partikolarment espliċiti fir-rigward tar-rabta bejn il-prezzijiet ta’ referenza u l-“offerta Aldi”, jaqblu mal-kontenut ta’ posta elettronika interna ta’ Chiquita, tat-8 ta’ Awwissu 2002, fejn impjegat ta’ din l-impriża juri l-ħsibijiet tiegħu wara żieda ta’ EUR 2 minn Dole tal-prezz ta’ referenza tagħha (premessi 111, 172 et seq tad-deċiżjoni kkontestata) (Anness A 6 tar-rikors) f’dawn it-termini: “Billi żiedu l-prezz tas-suq u dak ta’ Aldi, huma [Dole...] jiksbu [...] prezz aħjar [...]”

573    F’risposta għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, Aldi ppreċiżat li d-deċiżjoni tagħha dwar l-offerta ta’ kull ġimgħa tagħha lill-fornituri tagħha kienet ibbażata fuq l-offerti rċevuti, il-prezz tal-ġimgħa preċedenti u l-prezz tal-istess ġimgħa fis-sena ta’ qabel. Aldi żżid li “il-prezzijiet imsemmija mill-fornituri tal-banana fl-offerti inizjali tagħhom jikxfu tal-inqas tendenza fir-rigward tal-iżvilupp tal-prezzijiet, li, madankollu, il-formulazzjoni tal-kontro-offerta ma kellhiex dejjem tikkorrispondi għalihom” (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 150).

574    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li kellha raġun il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prezzijiet ta’ referenza huma relevanti fis-settur tal-banana, billi rrilevat, minn naħa, li kienu jservu tal-inqas bħala sinjali, tendenzi jew indikazzjonijiet għas-suq dwar l-iżvilupp previst tal-prezzijiet tal-banana u li kienu importanti għall-kummerċ tal-banana u l-prezzijiet miksuba u, min-naħa l-oħra, li, f’ċerti tranżazzjonijiet, il-prezzijiet reali kienu direttament marbuta mal-prezzijiet ta’ referenza.

575    Għandu jiġi enfasizzat ukoll, kif ġustament tagħmel il-Kummissjoni, li l-importanza allegata tal-prezz ta’ xiri ta’ Aldi ma teskludix ir-relevanza tal-prezzijiet ta’ referenza, kif stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata.

576    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżula li l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ relevanza tal-prezzijiet ta’ referenza fin-negozjar tal-prezzijiet reali fis-settur tal-banana għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-responsabbiltà tal-impjegati ta’ Dole involuti fil-komunikazzjoni bilaterali

577    Ir-rikorrenti jsostnu li, anki fl-ipoteżi li kienet eżistiet rabta stretta bejn il-prezzijiet ta’ referenza u l-prezzijiet reali, l-iskambju ta’ informazzjoni inkriminat lanqas biss kien jinkludi l-kxif tal-prezzijiet ta’ referenza reali, adottati fil-laqgħa ta’ nhar ta’ Ħamis, u juri, f’dan ir-rigward, li l-impjegat ta’ Dole involut fil-komunikazzjoni bilaterali inkwistjoni, H, ma kienx responsabbli għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza reali, peress li din id-deċiżjoni tittieħed mid-direttur ġenerali ta’ DFFE.

578    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni takkuża lil Dole li pparteċipat, fuq bażi bilaterali, għal komunikazzjoni ma’ Chiquita u Weichert dwar fatturi ta’ pprezzar, jiġifieri fatturi importanti għall-istabbilment tal-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara, u dwar tendenzi ta’ prezz u indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara qabel l-istabbilment ta’ dawn il-prezzijiet tal-referenza nhar ta’ Ħamis filgħodu.

579    Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li Dole skambjat bilateralment mal-impriżi msemmija iktar ’il fuq il-prezzijiet ta’ referenza, ladarba kienu ffissati, fejn l-imsemmi skambju ppermetta li jkunu sorveljati l-azzjonijiet li jittieħdu wara l-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-impriżi.

580    Il-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel kienet tinvolvi lil H u lil G, rispettivament direttur reġjonali u responsabbli tal-bejgħ ta’ Dole, li kienu jipparteċipaw għal-laqgħat interni dwar ipprezzar (premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti ma jikkontestawx dawn il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni.

581    Għandu jitfakkar, barra minn hekk, li, skont il-ġurisprudenza, l-akkuża ta’ impriża bi ksur tal-Artikolu 81 KE ma jfissirx azzjoni minn jew anki konoxxenza tal-imsieħba jew tal-amministraturi prinċipali tal-impriża kkonċernata minn dan il-ksur, iżda l-azzjoni ta’ persuna li hija awtorizzata taġixxi f’isem l-impriża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 97, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Brugg Rohrsysteme vs Il‑Kummissjoni, T‑15/99, Ġabra p. II‑1613, punt 58), kapaċità li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti f’dak li jikkonċerna l-impjegati tagħhom involuti fil-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel.

582    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti li l-impjegati involuti fil-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel ma kellhomx ir-responsabbiltà finali tal-istabbilment tal-prezzijiet ta’ referenza huwa irrelevanti u għandu jiġi miċħud.

583    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Kummissjoni stabbiliet skont il-liġi li Dole, Chiquita u Weichert kienu involuti, fuq bażi bilaterali, f’komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel li matulha huma kienu jiddiskutu fatturi ta’ pprezzar tal-banana, jiġifieri fatturi relatati mal-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara, jew kienu jiddiskutu jew jikxfu t-tendenzi tal-prezzijiet jew jagħtu indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara (premessi 148, 182 u 196 tad-deċiżjoni kkontestata).

584    Permezz tal-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel, Dole, Chiquita u Weichert ikkoordinaw l-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza tagħhom minflok ma ddeterminawhom b’mod indipendenti. Matul dawn id-diskussjonijiet bilaterali, l-impriżi kixfu l-linja ta’ kondotta li huma kellhom l-intenzjoni li jadottaw jew, tal-inqas, ippermettew lill-parteċipanti li jevalwaw l-aġir futur tal-kompetituri f’dak li jikkonċerna l-istabbilment tal-prezzijiet ta’ referenza u li jantiċipaw fuq il-linja ta’ kondotta dak li kellhom l-intenzjoni li jagħmlu. Għalhekk huma naqqsu l-inċertezza madwar id-deċiżjonijiet futuri tal-kompetituri f’dak li jikkonċerna l-prezzijiet ta’ referenza, bil-konsegwenza li llimitaw il-kompetizzjoni bejn l-impriżi (premessi 263 sa 272 tad-deċiżjoni kkontestata).

585    Għalhekk il-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi li l-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel, li saret bejn Dole u Chiquita u bejn Dole u Weichert, kienet dwar l-iffissar tal-prezzijiet u li wasslet għal prattika miftiehma bil-għan li tillimita l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

B –  Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

586    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, mit-tliet prattiki li jikkostitwixxu, skont id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sensiela ta’ prattiki miftiehma bilaterali strettament marbuta ma’ ksur minħabba l-għan tal-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni fl-aħħar warrbet tnejn minnhom, fosthom, dik dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-volumi, ikkunsidrata minn Chiquita bħala l-iktar gravi. Huma jirrelevaw ukoll li l-Kummissjoni ma ssanzjonatx lil Fyffes u Van Parys, ukoll involuti fl-istess komunikazzjonijiet bilaterali allegatament kollużorji.

587    B’hekk, il-Kummissjoni, skont ir-rikorrenti, bidlet radikalment it-teżi tagħha dwar il-ksur fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma tagħthom il-possibbiltà preliminari li jinstemgħu dwar dan il-bdil, u b’hekk kisret l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u d-drittijiet tagħhom ta’ difiża.

588    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-deċiżjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja eżatta tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, punt 335 iktar ’il fuq, punt 68). Fil-fatt, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni t-tweġibiet tal-impriżi kkonċernati għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’dan ir-rigward, hija għandha mhux biss tilqa’ jew tiċħad l-argumenti tal-impriżi kkonċernati, iżda wkoll tipproċedi għall-analiżi tagħha tal-fatti mressqa minnhom, jew sabiex tabbanduna tali lmenti li jirriżultaw li huma infondati, jew sabiex temenda jew tissupplimenta, kemm fil-fatt kif ukoll fil-liġi, l-argumenti tagħha insostenn tal-ilmenti li hija tressaq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, punt 335 iktar ’il fuq, punt 92; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punti 437 u 438). Barra minn hekk, huwa biss jekk id-deċiżjoni finali tallega li l-impriżi kkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew tieħu inkunsiderazzjoni fatti differenti li ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi kkonstatat (sentenza ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, punt 335 iktar ’il fuq, punt 94; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 1994, CB u Europay vs Il-Kummissjoni, T‑39/92 u T‑40/92, Ġabra p. II‑49, punti 49 sa 52).

589    Dan ma huwiex il-każ meta, bħal fil-każ inkwistjoni, l-allegati differenzi bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali jikkonċernaw biss dak l-aġir li fir-rigward tiegħu l-impriżi kkonċernati diġà kienu spjegaw irwieħhom u li, għalhekk, ma humiex relatati ma’ lment ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 103).

590    Fil-fatt, huwa paċifiku, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-paragrafu 60 tagħha kienet issemmi tliet prattiki kollużorji, jiġifieri:

–        l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-volumi ta’ kunsinni ta’ banana fl-Ewropa ta’ Fuq (skambju ta’ informazzjoni dwar il-volumi);

–        komunikazzjoni bilaterali dwar il-kundizzjonijiet tas-suq tal-banana, it-tendenzi tal-prezzijiet jew l-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza qabel ma dawn il-prezzijiet jiġu ffissati;

–        l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ referenza tal-banana (skambju tal-prezz ta’ referenza).

591    Fil-paragrafu 429 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni, b’mod mhux ekwivoku, ikkonkludiet li “kull serje ta’ arranġamenti bilaterali” u dawn l-arranġamenti kollha kienu jikkostitwixxu ksur li għandhu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni fil-Komunità u fiż-ŻEE fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

592    Din il-konklużjoni kienet issegwi eżami separat ta’ kull wieħed mill-aġiri inkriminati, b’mod partikolari, fil-paragrafi 404, 412 sa 416 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fejn il-Kummissjoni semmiet “diversi komunikazzjonijiet bilaterali dwar is-sitwazzjoni tas-suq tal-banana, it-tendenzi tal-prezzijiet jew tal-indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza qabel l-istabbilment tagħhom, li permezz tagħhom il-partijiet influwenzaw l-istabbilment tal-prezzijiet, li kien ekwivalenti fl-aħħar mill-aħħar għal iffissar tal-prezzijiet” u ddikjarat li “dawn l-arranġamenti kollużorji kellhom għan antikompetittiv”.

593    Kif tenfasizza l-Kummissjoni, ir-rikorrenti manifestament fehmu l-portata tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kif jirriżulta mir-risposta tal-21 ta’ Novembru 2007 għall-imsemmija dikjarazzjoni, fejn Dole tiddefendi ruħha speċifikament kontra l-allegazzjoni li l-komunikazzjonijiet bilaterali dwar il-kundizzjonijiet tas-suq kienu jikkostitwixxu ksur minħabba l-għan.

594    Essenzjalment, fil-kitbiet tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu għall-paragrafu 395 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jikkonċerna l-kunċett ta’ ksur kumpless uniku u kontinwu, fejn il-Kummissjoni kkunsidrat inizjalment, li t-tliet prattiċi antikompetittivi inkriminati kienu jwasslu għal ksur uniku u kontinwu usa’.

595    Fid-deċiżjoni kkontestata, wara analiżi tar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati fformulati meta nstemgħu, il-Kummissjoni finalment abbandunat, minn naħa, l-ilmenti tagħha marbuta mal-iskambji ta’ informazzjoni dwar il-volumi u dawk dwar l-iskambji tal-prezzijiet ta’ referenza sabiex iżżomm biss il-prattika miftiehma marbuta ma’ dik li hija sejħet il-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel, u, min-naħa l-oħra, l-ilmenti indirizzati lil Fyffes u Van Parys.

596    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux, b’mod utli jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża, kif rikonoxxuti mill-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003, indipendentement mill-perċezzjoni ta’ Chiquita tal-gravità tal-ilmenti msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kif allegat mir-rikorrenti.

597    Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni peress li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tippreċiża, b’mod ċar u mhux ekwivoku, liema huma l-komunikazzjonijiet dwar fatturi relevanti sabiex jiġu ffissati l-prezzijiet ta’ referenza li jista’ jew ma jistax ikun li seħħew bejn l-importaturi tal-banana fil-kuntest tal-Artikolu 81 KE.

598    Din l-allegazzjoni tar-rikorrenti diġà ġiet eżaminata u miċħuda għar-raġunijiet indikati fil-punti 261, 262 u 264 iktar ’il fuq.

599    Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tippreċiża iktar il-karatteristiċi tal-komunikazzjonijiet li kienu jinvolvu lil Fyffes u Van Parys li jispjega li l-imsemmija komunikazzjonijiet ma kinux ikkunsidrati li għandhom għan antikompetittiv.

600    Sa fejn Dole tallega li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni jew in-nuqqas ta’ ċarezza tagħha fir-rigward tat-trattament riżervat għal Fyffes u għal Van Parys, li ma kinux destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk ma ġewx sanzjonati, għandu jiġi rrilevat li Dole ma tistax tibbaża argument fuq tali fatt sabiex taħrab hi stess mis-sanzjoni imposta fuqha għal ksur tal-Artikolu 81 KE, filwaqt li l-qorti ma jkollhiex tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni taż-żewġ impriżi l-oħra (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

601    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE għandu jiġi miċħud.

III –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa

602    Ir-rikorrenti qajmu motiv uniku bbażat fuq in-natura mhux ġustifikata u sproporzjonata tal-multa, li fil-kuntest tagħha huma akkużaw lill-Kummissjoni li ddeterminat l-ammont bażiku tagħha billi ħadet inkunsiderazzjoni l-bejgħ ta’ prodotti li ma għandhom l-ebda rabta mal-ksur, billi kkunsidrat li l-aġir inkriminat kellu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet u billi rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tagħha.

A –  Osservazzjonijiet preliminari

603    Huwa paċifiku li, sabiex tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq Dole, il-Kummissjoni applikat il-linji gwida (premessa 446 tad-deċiżjoni kkontestata), li ddefinixxew metodu ta’ kalkolu li jinkludi żewġ passi.

604    Il-linji gwida jipprovdu, bħala l-ewwel pass ta’ kalkolu, id-determinazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ammont bażiku għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata u tinkludi, f’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet segwenti:

“12. L-ammont bażiku għandu jiġi ffissat b’riferiment għall-valur tal-bejgħ skont il-metodu li ġej:

[…]

13. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, mwettqa mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE. Il-Kummissjoni għandha tuża b’mod partikolari l-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur.

[…]

19. L-ammont bażiku tal-multa huwa relatat ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-grad tal-gravità tal-ksur, immoltiplikat bin-numru ta’ snin tal-ksur.

20. L-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi relevanti tal-każ inkwistjoni.

21. Bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jiġi ffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 %.

22. Sabiex jiġi deċiż jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun ’l isfel jew ’il fuq f’din l-iskala, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur, u l-implementazzjoni jew le tal-ksur.

23. Il-ftehim orizzontali dwar iffissar tal-prezz, it-tqassim tas-suq u l-limitazzjoni tal-produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, jgħoddu, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Skont il-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Konsegwentement, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal tali ksur għandu jiġi kkunsidrat li jinsab ’il fuq fl-iskala.

24. Sabiex tittieħed kompletament inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ kull impriża għall-ksur, l-ammont determinat skont il-valur tal-bejgħ (are l-punti 20 sa 23 iktar ’il fuq) għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni għall-ksur. Il-perijodi ta’ inqas minn semestru għandhom jingħaddu bħala nofs sena; il-perijodi ta’ iktar minn sitt xhur, iżda ta’ inqas minn sena għandhom jingħaddu bħala sena sħiħa.

25. Barra minn hekk, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża għall-ksur, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ kif iddefinit fit-Taqsima A iktar ’il fuq, sabiex tiddisswadi l-impriżi milli propju jipparteċipaw għall-ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tapplika tali ammont addizzjonali fil-każ ta’ ksur ieħor. Sabiex jiġi deċiż il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-punt 22.”

605    Skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 2 tal-linji gwida, l-espressjoni “ftehim orizzontali dwar l-iffissar tal-prezz”, li tinsab fil-paragrafu 23 tal-linji gwida, tinkludi l-prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

606    Il-linji gwida jipprovdu, bħala t-tieni pass tal-kalkolu, li l-Kummissjoni tista’ taġġusta l-ammont bażiku,’il fuq jew ’l isfel, abbażi ta’ evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha relevanti (punti 11 u 27).

607    Skont dawn iċ-ċirkustanzi, il-paragrafu 35 tal-linji gwida jsemmi l-kapaċità ta’ kontribuzzjoni ta’ impriża fit-termini segwenti:

“F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ kapaċità kontributtiva ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. L-ebda tnaqqis ta’ multa ma huwa ser jingħata mill-Kummissjoni fuq is-sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew problematika. Tnaqqis jista jingħata biss abbażi ta’ provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa, fil-kundizzjonijiet stabbilita minn dawn il-linji gwida, tpoġġi irrimedjabbilment f’perikolu l-vijabbiltà ekonomika tagħha u li twassal sabiex l-assi tagħha jsiru mingħajr valur.”

B –  Fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-ammont bażiku tal-multa sa fejn huwa bbażat fuq il-valur tal-bejgħ ta’ prodotti li ma għandhom l-ebda rabta mal-ksur u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

608    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-linji gwida meta kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa, peress li hija bbażat ruħha fuq il-valur tal-bejgħ ta’ prodotti li ma għandhom l-ebda rabta mal-allegat ksur, jiġifieri l-bejgħ ta’ banana ħadra li ma hijiex il-banana bit-trade mark Dole, il-bejgħ ta’ banana ħadra bit-trade mark Dole mibjugħha fil-kuntest ta’ ftehim kuntrattwali mhux ibbażati fuq il-prezzijiet ta’ referenza u l-bejgħ ta’ banana safra. Huma jinvokaw ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-inklużjoni tat-tranżazzjonijiet relatata ma’ din il-banana fil-bażi tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

609    Għandu jiġi rrelevat li r-rikorrenti jtennu l-kritika magħmula fil-kuntest tal-kontestazzjoni tal-eżistenza tal-ksur.

610    Fl-ewwel lok, dan japplika għad-distinzjoni magħmula mir-rikorrenti bejn il-banana ħadra u safra, ikkunsidrati bħala żewġ prodotti differenti li jagħmlu parti minn żewġt iswieq differenti, li jsostni l-argument li l-Kummissjoni ma tispjegax, fid-deċiżjoni kkontestata, kif l-allegata koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza tal-banana ħadra mibjugħha minn DFFE matul il-ġimgħa li tkun għaddejja tista’ tkun eżerċitat influwenza fuq l-iffissar tal-prezz ta’ banana safra mibjugħha minn Saba, Kempowski, VBH u Dole France, magħmul b’indipendenza kompleta u mingħajr referenza għal offerta ħadra.

611    L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-allegazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi rrilevat, kif ġie espost fil-punt 127 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni, fil-premessi 4, 5, 32, 34, 104, 141 sa 143, 182, 196 u 287 tad-deċiżjoni kkontestata, spjegat b’biżżejjed preċiżjoni u ċarezza l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tan-natura unika tal-prodott inkwistjoni, jiġifieri l-banana friska, l-ispeċifiċità tal-imsemmi prodott, frotta importata ħadra u offerta għall-konsum tal-pubbliku ladarba ssir safra, wara sajran, il-metodi ta’ organizzazzjoni tas-sajran u, sussegwentement, ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-banana, il-proċess ta’ negozjati kummerċjali bil-prezzijiet ta’ referenza u r-rabta li teżisti bejn il-prezzijiet ta’ referenza tal-banana ħadra u safra.

612    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-valur tal-bejgħ tal-banana friska magħmul minn Dole fl-2002 huwa stmat għal EUR 198 331 150, ċifra li tinkludi t-tranżazzjonijiet magħmula minn DFFE, is-sussidjarji VBH, Saba, Kempowski u Dole France fil-Belġju u fil-Lussemburgu, riveduta għal EUR 190 581 150 wara t-tnaqqis mill-ammont tal-banana mixtrija mingħand destinatarji oħra tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 451 sa 453 tad-deċiżjoni kkontestata).

613    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tista’ tiġi akkużata bl-ebda ksur tal-Artikolu 253 KE f’dak li jikkonċerna l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tranżazzjonijiet relatati mal-banana ħadra u safra.

614    It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-distinzjoni bejn il-banana safra u l-banana ħadra diġà tressaq insostenn tal-ilment li l-modi ta’ operat rispettivi ta’ Dole u ta’ Chiquita kienu inkompatibbli mal-koordinazzjoni illegali li huma akkużati biha dawn l-impriżi.

615    Dan l-ilment ġie miċħud bħala infondat (ara l-punt 248 iktar ’il fuq). Kellha raġun il-Kummissjoni tikkunsidra li l-banana ħadra u safra kienu l-istess prodott, li l-prezz ta’ referenza (kemm jekk isfar jew aħdar) kien jikkonċerna l-istess prodott, il-banana friska, u li l-prezzijiet ta’ referenza sofor kienu marbuta mal-prezzijiet ta’ referenza ħodor. Il-karatteristiċi speċifiċi tal-banana, frotta importata ħadra u offerta għall-konsum tal-pubbliku ladarba ssir safra, wara sajran, kif ukoll il-metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħha ma jistax ikollhom effett fuq in-natura unika tal-prodott inkwistjoni u jsostnu b’mod utli l-allegazzjoni tal-eżistenza taż-żewġ prodotti differenti li jaqgħu taħt żewġt iswieq differenti.

616    Minn dan isegwi li r-rikorrenti baqgħu ma wrew l-ebda applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida mill-Kummissjoni minħabba l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tat-tranżazzjonijiet dwar il-banana safra.

617    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, minbarra l-prodott stess, ir-rikorrenti jeċċepixxu l-fatt li l-banana safra kienet mibjugħha minn Saba, Kempowski, VBH u Dole France, li ma kinux destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas ma kienu involuti fl-aġir antikompetittiv inkwistjoni, fis-sens li huma ffissaw il-prezzijiet tagħhom b’mod indipendenti minn DFFE u mingħajr ma rreferew għall-prezz ta’ referenza tagħha.

618    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

619    Huwa paċifiku li, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ksur tal-Artikolu 81 KE twettaq minn Dole, kumpannija ċentrali tal-grupp Dole, li hija involuta fil-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni tal-banana fl-Ewropa permezz ta’ diversi sussidjarji.

620    Għalkemm Dole sostniet in-nuqqas ta’ kwalunkwe aġir antikompetittiv, hija, min-naħa l-oħra, ma kkontestatx, fil-kuntest ta’ din l-istanza, ir-responsabbiltà tagħha bħala kumpannija parent tal-grupp Dole, fejn tfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi b’mod ċar prattika antikompetittiva dwar il-banana friska, kemm jekk tkun ħadra jew safra.

621    L-allegazzjoni tal-awtonomija tas-sussidjarji ta’ Dole tapplika biss fl-argument dwar id-distinzjoni neċessarja bejn il-banana ħadra u safra insostenn tal-ilment ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tal-modi ta’ operat ta’ Dole u ta’ Chiquita bil-kollużjoni li saret l-akkuża dwarha u d-dikjarazzjoni ta’ tnaqqis tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat mill-Kummissjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa.

622    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ, beni jew servizzi “mwettqa mill-impriża” skont il-paragrafu 13 tal-linji gwida, f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, l-ammont tal-bejgħ ta’ banana safra mwettaq minn kumpanniji tal-grupp li tiegħu Dole hija l-kumpannija ċentrali.

623    Id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-allegata awtonomija ta’ Saba, ta’ Kempowski, ta’ VBH u ta’ Dole France huma, għaldaqstant, irrelevanti u huma, fi kwalunkwe każ, mhux ġustifikati, kif ġie espost fil-punti 209 u 210 iktar ’il fuq.

624    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu, b’mod iżjed speċifiku, li l-ammont tat-tranżazzjonijiet relatati mal-banana safra li Saba xtrat mingħand Chiquita u biegħet sussegwentement lanqas ma jista’ jintuża fil-kalkolu tal-ammont tal-multa. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni qieset li dawn it-tranżazzjonijiet kellhom jiġu kkunsidrati bħala dħul ta’ Dole, u mhux ta’ Chiquita, sabiex jiġi evitat kont doppju ta’ din il-banana (premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata), għan li seta’ jintlaħaq billi din il-banana tiġi inkluża fid-dħul ta’ Chiquita. Dan l-approċċ fil-fatt kien ikun l-iktar wieħed xieraq peress li l-prezz ta’ din il-banana speċifika kien ġie ddeterminat unikament minn Chiquita u minn azzjonist ieħor tal-kumpannija Saba.

625    Fil-premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tnaqqas, miċ-ċifri ta’ bejgħ tal-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tevita kont doppju, il-valur tal-banana friska mibjugħha lil destinatarji oħra, li kienet sussegwentement mibjugħha fl-Ewropa ta’ Fuq.

626    Huwa paċifiku li Saba hija sussidjarja ta’ Dole u li hija reġgħet biegħet banana safra mixtrija ħadra mingħand Chiquita għall-ammont ta’ EUR 18 168 309 skont il-premessa msemmija iktar ’il fuq, li jiġġustifika t-tnaqqis magħmul mill-Kummissjoni.

627    Għandu jiġi rrilevat li, skont il-kitbiet tar-rikorrenti, Dole ibbenefikat ukoll minn din il-volontà tal-Kummissjoni li tevita kont doppju, peress li l-Kummissjoni naqset ammont ta’ EUR 7 750 000 li jikkorrispondi għall-bejgħ tal-banana ta’ Dole li sar miċ-ċentru ta’ sajran u distributur Altlanta, marbuta ma’ Chiquita.

628    L-allegazzjoni li l-prezz tal-banana inkwistjoni kien iffissat minn Chiquita u minn azzjonist ieħor tal-imsemmija kumpannija ma huwa sostnut imkien u jikkontradiċi anki l-affermazzjoni preliminari tar-rikorrenti fir-rigward tal-awtonomija ta’ Saba fid-determinazzjoni tal-politika ta’ prezz tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jaqbel li jitwarrab l-argument tar-rikorrenti intiż għall-esklużjoni mill-valur tal-bejgħ it-tranżazzjonijiet relatati mal-banana mixtrija minn Saba mingħand Chiquita u mibjugħha mill-ġdid fl-Ewropa ta’ Fuq.

629    Ir-rikorrenti jsemmu wkoll kont doppju f’dak li jikkonċerna l-bejgħ minn DFFE ta’ banana ħadra lil Cobana, meħuda inkunsiderazzjoni fl-ammont tat-tranżazzjonijiet iddikjarati minn DFFE fl-2002, mixtrija sussegwentement minn Kempowski għall-ammont stmat ta’ EUR 2.6 miljun u mibjugħha mill-ġdid fil-forma ta’ banana safra għall-ammont dejjem stmat ta’ EUR 2.9 miljun.

630    Minbarra li l-ammonti indikati jirriżultaw minn sempliċi stima, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni tar-rikorrenti ma hija sostnuta mkien u li s-sitwazzjoni deskritta ma taqax taħt il-każ inkwistjoni deskritt fil-premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li Cobana ma tagħmilx parti mill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

631    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jtennu l-argument tagħhom dwar in-nuqqas ta’ importanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-settur tal-banana.

632    Huma jsostnu, minn naħa, li l-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole kienu jikkonċernaw biss il-banana ħadra tat-trade mark Dole u mhux il-banana ħadra tat-tielet għażla mibjugħha minn DFFE, peress li dawn tal-aħħar ma għandhom l-ebda relazzjoni mal-ksur, u, min-naħa l-oħra, li l-banana ħadra tat-trade mark Dole mibjugħha fil-kuntest ta’ ftehim kuntrattwali mhux ibbażati fuq il-prezzijiet ta’ referenza ma humiex prodotti marbuta mal-imsemmi ksur, f’dan il-każ il-banana ħadra mibjugħha fil-kuntest tal-“kuntratti annwali Aldi plus” u matul in-negozjati ta’ kull ġimgħa li matulhom il-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole ma kinux jikkostitwixxu l-punt ta’ tluq tan-negozjati kummerċjali.

633    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi rrelevat li, wara li indikat li l-prodott inkwistjoni kien magħmul mill-banana friska, il-Kummissjoni ppreċiżat it-tliet livelli ta’ trade mark ta’ banana msejħa “terzi”, li jeżistu fuq is-suq ikkonċernat, kif ukoll il-prezz differenti korrelativ (premessi 4 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

634    Skont il-Kummissjoni u kif intwera’ fil-punt 14 iktar ’il fuq, il-prezzijiet imħallsa mill-bejjiegħa bl-imnut u d-distributuri għall-banana (imsejħa “prezzijiet reali” jew prezzijiet ta’ tranżazzjoni) setgħu jirriżultaw jew minn negozjati li seħħew fuq bażi ta’ kull ġimgħa, f’dan il-każ nhar ta’ Ħamis wara nofsinhar u nhar ta’ Ġimgħa (jew iktar tard matul il-ġimgħa li tkun għaddejja jew fil-bidu tal-ġimgħa ta’ wara), jew mill-implementazzjoni ta’ kuntratti ta’ provvista b’formoli ta’ pprezzar stabbiliti minn qabel li jsemmu prezz fiss jew li jorbtu l-prezz ma’ prezz ta’ referenza tal-bejjiegħ jew ta’ kompetitur jew ma’ prezz ta’ referenza ieħor bħall-“prezz Aldi” (premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata).

635    Il-Kummissjoni eżaminat fil-premessi 102 sa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, bi preċiżjoni u ċarezza suffiċjenti, il-kwistjoni tal-istabbilment u tar-relevanza tal-prezz ta’ referenza fis-settur tal-banana, filwaqt li ppreċiżat il-kronoloġija tal-proċess ta’ ffissar tal-prezzijiet fid-dawl tat-tħabbir tal-“prezz Aldi” (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata).

636    Barra minn hekk, il-Kummissjoni żiedet, fil-premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata, li “minkejja li l-prezzijiet ta’ referenza [ġew] stabbiliti għal diversi trade marks tal-partijiet, kienet teżisti relazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ dawn it-trade marks u dawk tat-trade marks terzi jew dawk tal-banana mingħajr trade mark” u li “fil-verità, Dole u Weichert [kienu] it-tnejn li huma ddikjaraw li l-prezz imħallas minn Aldi (għal banana mingħajr trade mark) kien importanti fl-istabbilment tal-prezzijiet reali tal-banana bi trade mark”.

637    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tista’ tiġi akkużata bl-ebda ksur tal-Artikolu 253 KE f’dak li jikkonċerna l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tranżazzjonijiet tal-banana ħadra minbarra dik tat-trade mark Dole u tal-bejgħ ta’ banana ħadra tat-trade mark Dole magħmula fil-kuntest tal-“kuntratti Aldi plus” jew matul negozjati ta’ kull ġimgħa.

638    It-tieni nett, fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan l-ilment, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi li l-prezzijiet ta’ referenza huma relevanti fis-settur tal-banana, billi rrelevat, minn naħa, li kienu jservu tal-inqas bħala sinjali, tendenzi jew indikazzjonijiet għas-suq dwar l-iżvilupp previst tal-prezzijiet tal-banana u li kienu importanti għall-kummerċ tal-banana u l-prezzijiet miksuba u, min-naħa l-oħra, li, f’ċerti tranżazzjonijiet, il-prezzijiet reali kienu direttament marbuta mal-prezzijiet ta’ referenza.

639    Għandu jiġi enfasizzat, kif ġie rrelevat fil-punt 526 iktar ’il fuq, li l-ksur huwa dwar prodott uniku, il-banana friska, li tinqasam fi tliet livelli ta’ kwalità b’differenzi ta’ prezz korrelativi, li jaqgħu taħt l-istess suq ikkaratterizzat minn proċess ta’ ffissar ta’ prezzijiet li jinkludi t-tħabbir kull nhar ta’ Ħamis filgħodu tal-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole, ta’ Chiquita u ta’ Weichert lill-klijentela tagħhom, bl-ewwel messaġġ destinat għas-suq fuq l-istennija tal-importaturi fil-qasam ta’ prezz. Għalkemm l-imsemmija prezzijiet ta’ referenza jikkonċernaw biss il-banana tal-ewwel u tat-tieni kategorija mibjugħha minn dawn l-impriżi, teżisti rabta bejn dawn il-prezzijiet u dawk tat-trade marks terzi jew dawk tal-banana mingħajr trade mark, sa fejn kien isir neċessarjament, kull ġimgħa, pożizzjonament ta’ prezz tal-kwalitajiet differenti ta’ banana meta mqabbla waħda mal-oħra. L-eżistenza ta’ ċerta interdipendenza tal-prezzijiet ta’ referenza tal-banana tat-trade marks Chiquita, Dole u Del Monte hija murija mill-posta elettronika interna ta’ Chiquita tat-30 ta’ April 2001 (premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata) u tat-8 ta’ Awwissu 2002 (premessi 111, 172 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

640    Kif tirreleva ġustament il-Kummissjoni, ir-rikorrenti jsostnu huma stess li l-“prezz Aldi”, relatat max-xiri ta’ banana terzi, kien relevanti għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni tal-banana kollha, inkluż il-banana tat-trade mark Dole, Chiquita u Del Monte.

641    Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-“kuntratti Aldi plus”, bi prezz reali ffissat b’riferiment għall-“prezz Aldi”, l-influwenza indiretta tal-prezzijiet ta’ referenza fuq il-“prezz Aldi” intweriet fil-punti 559 sa 573 iktar ’il fuq.

642    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti baqgħu ma wrew l-ebda applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida mill-Kummissjoni meta inkludiet fil-valur tal-bejgħ tranżazzjonijiet dwar il-banana ħadra minbarra dik tat-trade mark Dole u dwar il-bejgħ tal-banana ħadra tat-trade mark Dole magħmula fil-kuntest tal-“kuntratti Aldi plus” jew matul in-negozjati ta’ kull ġimgħa, fejn tfakkar li l-paragrafu 13 tal-linji gwida jsemmi teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku, tal-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, imwettqa mill-impriża, li għandu x’jaqsam direttament jew indirettament mal-ksur.

643    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li twettaq żball matul il-proċedura amministrattiva f’dak li jikkonċerna ċ-ċifra tal-ammont totali nett tal-bejgħ minn DFFE ta’ banana ħadra fl-2002 (barra mill-bejgħ interna lil Saba u lil VBH), li kien jitla’ fil-fatt għal EUR 98 997 693, ma hija sostnuta mkien u li l-ebda allegazzjoni intiża għat-tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa kkunsidrat mill-Kummissjoni ma hija speċifikament ibbażata fuq l-imsemmija allegazzjoni.

644    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-ammont bażiku tal-multa sa fejn huwa bbażat fuq il-valur tal-bejgħ ta’ prodotti peress li ma għandu l-ebda rabta mal-ksur għandu jiġi miċħud.

C –  Fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-ammont bażiku tal-multa sa fejn hija bbażata fuq il-konklużjoni żbaljata li l-aġir “kien relatat mal-iffissar tal-prezzijiet” u l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

645    Ir-rikorrenti jsostnu li l-konklużjoni li l-aġir inkriminat “kien relatat mal-iffissar tal-prezzijiet”, li tinsab fil-premessa 456 tad-deċiżjoni kkontestata, hija inkompatibbli mal-konstatazzjonijiet preliminari tal-Kummissjoni li “l-partijiet ma qablux jew ma ftehmux dwar il-prezzijiet reali” (premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-fatt li din il-kawża tikkonċerna sempliċi skambju ta’ informazzjoni li ma jagħmilx parti minn ftehim usa’ dwar iffissar tal-prezzijiet. Dan l-iżball tal-Kummissjoni wassalha sabiex tikkunsidra, skont il-paragrafu 19 tal-linji gwida, proporzjon kbir tal-bejgħ (jiġifieri 15 %) għall-iffissar tal-ammont bażiku, u sabiex jiżdied dan l-ammont, skont il-paragrafu 25 tal-linji gwida, bi “ħlas” supplimentari ta’ 15 % billi jiġu invokati biss il-“kundizzjonijiet speċifiċi tal-każ”, motivazzjoni manifestament insuffiċjenti u, fi kwalunkwe każ, żbaljata, sa fejn l-imsemmija daħla tfisser li din il-kawża hija dwar “iffissar tal-prezzijiet”.

646    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-applikazzjoni, skont il-paragrafu 19 tal-linji gwida, ta’ perċentwali daqshekk għoli bħal dak ta’ 15 % huwa manifestament sproporzjonat fid-dawl tal-perċentwali kkunsidrat, f’dan il-każ 18 %, fiż-żewġ deċiżjonijiet skont l-Artikolu 81 KE tas-27 u tat-28 ta’ Novembru 2007, dwar ftehim ta’ ffissar tal-prezzijiet reali li jkopru ż-ŻEE u konklużi minn impriżi li għandhom sehem mis-suq akkumulat ta’ iktar minn 85 %, fl-ewwel kawża, u ta’ 80 % fit-tieni waħda.

647    Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minbarra l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 125 u 126 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-iffissar tal-multi skont il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha li tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq, mingħajr ma għandha għalfejn tinkludi spjegazzjoni iktar dettaljata jew il-provi f’ċifri relatati mal-mod ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punti 38 sa 47, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 1532).

648    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, skont il-paragrafi 20 u 22 tal-linji gwida, eżaminat u ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ, skont il-grad ta’ gravità tal-ksur, diversi fatturi relatati man-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-impriżi kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni tal-ksur, kif jirriżulta mill-premessi 454 sa 459 tad-deċiżjoni kkontestata. Sabiex tiddetermina l-ammont addizzjonali previst mill-paragrafu 25 tal-linji gwida, il-Kummissjoni rreferiet, permezz ta’ riferiment espliċitu għall-punt 8.3.1.1 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-evalwazzjoni tagħha tal-imsemmija fatturi, kif turi l-premessa 464 tad-deċiżjoni kkontestata.

649    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-paragrafu 25 tal-linji gwida jipprovdi li, sabiex jiġi ddeterminat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, fosthom, b’mod partikolari, dawk imsemmija fil-paragrafu 22 tal-linji gwida.

650    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jista’ jiġi allegat l-ebda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ammont ta’ 15 % applikat skont il-paragrafu 25 tal-linji gwida.

651    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fondatezza tal-ilment dwar in-natura sproporzjonata tal-ammont bażiku tal-multa u b’mod iktar partikolari tal-perċentwali tal-valur tal-bejgħ applikati skont il-paragrafi 19 u 25 tal-linji gwida, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-argument żviluppat mir-rikorrenti, f’dan is-sens, huwa, għall-parti l-kbira, identiku għal dak sosnut fil-kuntest tal-kontestazzjoni tal-eżistenza tal-ksur, li kien twarrab iktar qabel.

652    Dan l-argument jinterpreta b’mod parzjali u mhux oġġettiv id-deċiżjoni kkontestata, fejn huwa ppreċiżat b’mod ċar li l-ksur inkwistjoni ma huwiex dwar il-koordinazzjoni tal-prezzijiet reali, iżda dwar dik tal-prezzijiet ta’ referenza (ara, b’mod partikolari, il-premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata), li kienu prezzijiet imħabbra lill-klijentela minn Dole, Chiquita u Weichert.

653    Kif ġie espost fil-punti 59 sa 62 iktar ’il fuq, ma huwiex neċessarju li skambju ta’ informazzjoni jkun il-bażi ta’ jew ikun jagħmel parti minn akkordju usa’ sabiex ikun jista’ jiġi inkriminat. Jista’ jiġi analizzat, b’mod awtonomu, bħala prattika miftiehma b’għan antikompetittiv jekk din tkun tikkonsisti fl-iffissar b’mod dirett jew anki “indirett” tal-prezzijiet ta’ xiri jew ta’ bejgħ jew kundizzjonijiet oħra ta’ tranżazzjoni kif jipprovdi l-Artikolu 81(1)(a) KE.

654    F’dan il-każ, il-Kummissjoni, setgħet, ġustament, tikkonkludi li l-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel, li saret bejn Dole u Chiquita u bejn Dole u Weichert, kienet dwar l-iffissar tal-prezzijiet u li din tat lok għal prattika miftiehma bl-għan li tillimita l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE (ara l-punt 585 iktar ’il fuq).

655    Għandu jiġi rrelevat li l-paragrafu 23 tal-linji gwida, skont liema “ftehim orizzontali ta’ ffissar tal-prezz, ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni” jgħoddu, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni l-iktar gravi, jirrinvija għan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 2, li tippreċiża li l-kunċett ta’ ftehim jinkludi l-“prattiki miftiehma” fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

656    Bl-istess mod, il-paragrafu 25 tal-linji gwida jipprovdi li l-ammont bażiku għandu jinkludi somma bejn 15 u 25 % tal-valur tal-bejgħ sabiex jiskoraġġa lill-impriżi milli jipparteċipaw għal “ftehim orizzontali ta’ ffissar tal-prezz, ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni”, espressjoni identika għal dik li tinsab fil-paragrafu 23 li jirrinvija għan-nota ta’ qiegħ il-paġna msemmija iktar ’il fuq. Interpretazzjoni sistematika u koerenti tal-linji gwida tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-preċiżazzjoni tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 2 tikkonċerna l-istess kunċett ta’ “ftehim” użat fil-paragrafu 25 tal-linji gwida.

657    It-tieni nett, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, billi kkunsidrat ammont ta’ 15 % tal-valur tal-bejgħ ta’ Dole, il-Kummissjoni applikat proporzjon inferjuri ta’ nofs dak li normalment jista’ ġeneralment jiġi deċiż fi ftehim orizzontali jew prattiki miftiehma ta’ ffissar tal-prezzijiet, li jgħoddu, minħabba n-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni l-iktar gravi u għandhom jiġu “ssanzjonati b’mod sever”, skont il-paragrafi 21 u 23 tal-linji gwida. Il-paragrafu 23 tal-linji gwida jindika b’mod ċar li l-proporzjon li għandu jiġi kkunsidrat għall-ftehim orizzontali jew prattiki miftiehma ta’ ffissar ta’ prezz jaqa’ b’mod ġenerali “fl-għoli tal-iskala”, peress li r-rata ta’ 15 % applikata mill-Kummissjoni tinsab fil-parti inferjuri tal-“għoli tal-iskala”.

658    Fir-rigward tal-ammont addizjonali previst fil-paragrafu 25 tal-linji gwida, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni applikat ir-rata minima ta’ 15 % li hija msemmija hemmhekk.

659    In-natura proprja tal-ksur, l-implementazzjoni tal-prattika miftiehma inkwistjoni u l-fatt li din tal-aħħar kienet tikkonċerna tmien Stati Membri, jiġifieri parti sinjifikattiva tal-Unjoni komposta minn ħmistax-il Stat Membru fl-epoka tal-fatti, fosthom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tikkostitwixxi, skont id-dikjarazzjonijiet stess ta’ Dole, l-ikbar suq tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq, jikkostitwixxu elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u li jiġġustifikaw l-ammont intermedjarju ta’ 15 % tal-valur tal-bejgħ ta’ Dole applikat skont il-paragrafu 21 u 25 tal-linji gwida.

660    It-tielet nett, jaqbel li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra jistgħu jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni (ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 Ġabra p. I-8935, punt 205). Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw il-politika deċiżjonali tal-Kummissjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 123).

661    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kkunsidrat parti mill-bejgħ, bħala kunsiderazzjoni tal-grad ta’ gravità tal-ksur, inferjuri għal dik applikata fiż-żewġ deċiżjonijiet li jirreferu għalihom ir-rikorrenti, relatati ma’ prodotti differenti, li juri trattament differenti mill-kawżi inkwistjoni.

662    Anki fl-ipoteżi li l-ammont ta’ 15 % applikat fid-deċiżjoni kkontestata jista’ jikkaratterizza żieda tal-parti tal-bejgħ meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni skont l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi fis-sens tal-osservanza tal-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑229/94, Ġabra p. II‑1689, punt 127). Il-fatt li fil-passat il-Kummissjoni applikat multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jfissirx li hija ma tistax iżżid, f’kull waqt, dan il-livell sabiex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika Ewropea tal-kompetizzjoni (sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 581 iktar ’il fuq, punt 109).

663    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li ma ntweriex li Dole ġiet ittrattata b’mod sporporzjonat jew diskriminatorju.

D –  Fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-ammont tal-multa peress li l-Kummissjoni b’mod żbaljat warrbet l-argument ta’ Dole li hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tagħha

664    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja ta’ Dole sempliċement minħabba l-fatt li dan it-teħid inkunsiderazzjoni kien iwassal sabiex jagħtiha “vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat” (premessa 491 tad-deċiżjoni kkontestata). Din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kienet tneħħi kull effettività tal-paragrafu 35 tal-linji gwida u sserraħ fuq kontradizzjoni fundamentali, fir-rigward tal-abbandun inspjegabbli mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe azzjoni kontra Fyffes u Van Parys.

665    Huma jsostnu wkoll li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija insuffiċjenti u li, fir-risposta din tal-aħħar tressaq motiv ġdid sabiex tispjega ċ-ċaħda tagħha tal-ksur tal-Artikolu 253 KE. Matul is-seduta, r-rikorrenti ppreċiżaw li huma kienu qed jinvokaw ukoll, fil-kitbiet tagħhom, nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

666    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li, wara li ċċitat il-paragrafu 35 kollu tal-linji gwida (premessa 489 tad-deċiżjoni kkontestata), fakkret l-iskambji li kienu saru bejn Dole fid-dawl tad-determinazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha (premessa 490 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kkonkludiet kif ġej fil-premessa 491 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Wara li ġiet eżaminata s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Dole abbażi tad-data prodotta, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma huwiex xieraq li jiġi aġġustat l-ammont tal-multa fil-każ ta’ Dole. Minkejja li l-informazzjoni finanzjarja prodotta minn Dole turi li din tal-aħħar għaddejja minn problemi finanzjarji serji, it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja negattiva ta’ impriża jwassal biex jingħata vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat lill-impriżi l-inqas adatti għall-kundizzjonijiet tas-suq”.

667    Għalhekk jidher li l-Kummissjoni applikat il-metodu stabbilit fil-linji gwida u esprimiet ir-rifjut tagħha li tnaqqas l-ammont tal-multa skont iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali bbażati fuq in-nuqqas ta’ kapaċità kontributtiva fid-dawl ta’ eżami li wassal għas-sempliċi konstatazzjoni li jeżistu “problemi finanzjarji serji” jew ta’ “sitwazzjoni finanzjarja negattiva”.

668    Dawn il-motivi għandhom jinqraw flimkien mat-termini tal-paragrafu 35 tal-linji gwida, mfakkra fil-premessa 489 tad-deċiżjoni kkontestata, u li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa skont iċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq.

669    Mill-paragrafu 35 tal-linji gwida jirriżulta li, sabiex tibbenefika minn tali tnaqqis, l-impriża kkonċernata għandha tistabbilixxi li l-impożizzjoni tal-multa “tpoġġi irrimedjabbilment f’perikolu l-vijabbiltà ekonomika tagħha” u “twassal sabiex l-assi tagħha jsiru mingħajr valur”, u li ma jsir l-ebda tnaqqis tal-multa “fuq is-sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew problematika” fejn din l-aħħar daħla tikkorrispondi għall-motivazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fil-konfronti ta’ Dole.

670    Ir-rikorrenti jallegaw li, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tagħti raġuni oħra sabiex tispjega ċ-ċaħda tagħha tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja billi tiddikjara li hija aġixxiet b’dan il-mod wara “analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni ta’ Dole, ibbażata fuq l-informazzjoni miġbura”, peress li din l-aħħar raġuni ma hijiex ammissibbli.

671    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din l-ispjegazzjoni diġà tinsab fil-premessa 491 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Kummissjoni sempliċement tfakkar, fir-risposta tagħha, li hija analizzat is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Dole abbażi ta’ informazzjoni miġbura u kkonkludiet li l-kundizzjonijiet ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa ma kinux sodisfatti.

672    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tista’ tiġi akkużata bl-ebda ksur tal-Artikolu 253 KE, kemm fir-rigward ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni jew ta’ kontradizzjoni tar-raġuni tad-deċiżjoni kkontestata.

673    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, tikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ta’ impriża kkonċernata, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq, (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 370, u l-ġurisprudenza ċċitata).

674    Il-formulazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida jirrifletti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza mill-Kummissjoni fid-definizzjoni tal-metodu tal-kalkolu tal-multi.

675    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti la jallegaw u wisq inqas jiġġustifikaw il-fatt li l-impożizzjoni tal-multa kienet ta’ natura li tpoġġi irrimedjabbilment f’perikolu l-vijabbiltà ekonomika tagħhom u li twassal sabiex l-assi tagħhom isiru mingħajr valur.

676    Għalhekk jidher li l-Kummissjoni applikat il-metodu stabbilit fil-linji gwida u li r-rifjut tagħha li tnaqqas l-ammont tal-multa fid-dawl tas-sempliċi konstatazzjoni ta’ “sitwazzjoni finanzjarja negattiva” huwa konformi mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 673 iktar ’il fuq.

677    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti ta’ “kontradizzjoni fundamentali” fil-kondotta tal-Kummissjoni, minħabba t-trattament irriżervat għal Fyffes u għal Van Parys, benefiċjarji ta’ vantaġġ ta’ kompetizzjoni li joriġina mill-abbandun “inspjegabbli” ta’ kwalunkwe azzjoni fil-konfronti tagħhom, għandu jġi rrelevat li l-analiżi komparattiva tar-rikorrenti hija nieqsa minn kull rilevanza.

678    Għandu jitfakkar li, peress li impriża, bl-aġir tagħha kisret l-Artikolu 81 KE, hija ma tistax taħrab minn kwalunkwe sanzjoni minħabba li żewġ operaturi ekonomiċi oħra ma ngħatawx multa, meta l-Qorti Ġenerali ma jkollhiex tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni tal-imsemmija operaturi (sentenza Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 197).

679    Fi kwalunkwe każ, kif ġie espost, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni tagħha, ir-risposti tal-impriżi kkonċernati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għandha tkun tista’ mhux biss taċċetta jew tiċħad l-argumenti tal-impriżi kkonċernati, iżda wkoll tagħmel l-analiżi tagħha tal-fatti mressqa minnha, jew tabbanduna lmenti li fl-aħħar mill-aħħar kienu infondati, jew tagħmel, jew tikkompleta, kemm fil-fatt kif ukoll fil-liġi, l-argument tagħha insostenn tal-ilmenti li ressqet. Il-Kummissjoni, f’dan il-każ, abbandunat l-ilmenti inizjalment magħmula kontra Fyffes u Van Parys, peress li qieset li l-provi li jikkonċernawhom ma kinux suffiċjenti.

680    Din is-sitwazzjoni ma hija bl-ebda mod paragunabbli ma’ dik ta’ Dole, destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata u li l-Kummissjoni rrifjutatat li tnaqqsilha l-ammont tal-multa fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, u għalhekk ma turi l-ebda kontradizzjoni jew diskriminazzjoni għad-danni ta’ Dole.

681    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni li l-Kummissjoni warrbet, b’mod żbaljat it-talba ta’ Dole li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tagħha għandha tiġi miċħuda.

682    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talba tar-rikorrenti għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa għandha tiġi miċħuda.

683    Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

684    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Dole Food Company, Inc. u Dole Germany OHG huma kkundannati għall-ispejjeż.

Truchot

Martins Ribeiro

Kanninen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Marzu 2013.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà tad-dokument prodott mir-rikorrenti matul is-seduta

II –  Fuq il-kundizzjonijiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

A –  Fuq il-ksur tal-Artikoli 81 KE u 253 KE

1.  Fuq il-possibbiltà li skambju ta’ informazzjoni jiġi kkwalifikat bħala prattika miftiehma b’għan antikompetittiv

2.  Fuq l-eżistenza ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv

a)  Fuq in-nuqqas ta’ kredibbiltà ta’ Chiquita

b)  Fuq in-nuqqas ta’ inkompatibbilta tal-modi ta’ operat minn Dole u Chiquita mal-kollużjoni akkużati biha

Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 253 KE

Fuq il-mertu

c)  Fuq il-koordinazzjoni illeċita tal-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole, ta’ Chiquita u ta’ Weichert

Fuq l-identifikazzjoni tad-diskussjonijiet illeċiti

Fuq in-natura tal-informazzjoni skambjata

Fuq il-parteċipanti għall-iskambji

Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tas-suq ikkonċernat

–  Fuq il-qafas leġiżlattiv

–  Fuq in-natura speċifika tal-prodott inkwistjoni

–  Fuq in-natura varjabbli tad-domanda

–  Fuq l-istruttura tas-suq

Fuq il-kalendarju u l-frekwenza tal-komunikazzjonijiet

Fuq il-finalità tal-komunikazzjoni bilaterali

Fuq ir-relevanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-settur tal-banana

Fuq ir-responsabbiltà tal-impjegati ta’ Dole involuti fil-komunikazzjoni bilaterali

B –  Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

III –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa

A –  Osservazzjonijiet preliminari

B –  Fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-ammont bażiku tal-multa sa fejn huwa bbażat fuq il-valur tal-bejgħ ta’ prodotti li ma għandhom l-ebda rabta mal-ksur u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

C –  Fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-ammont bażiku tal-multa sa fejn hija bbażata fuq il-konklużjoni żbaljata li l-aġir “kien relatat mal-iffissar tal-prezzijiet” u l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

D –  Fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-ammont tal-multa peress li l-Kummissjoni b’mod żbaljat warrbet l-argument ta’ Dole li hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tagħha

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.