Language of document : ECLI:EU:T:2013:129

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

14 ta’ Marzu 2013 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-banana – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni – Kunċett ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv – Rabta kawżali bejn il-ftehim u l-aġir tal-impriżi fis-suq – Ksur wieħed – Imputazzjoni tal-ksur – Drittijiet tad-difiża – Multi – Gravità tal-ksur – Kooperazzjoni – Ċirkustanzi attenwanti”

Fil-Kawża T‑587/08,

Fresh Del Monte Produce, Inc., stabbilita f’George Town, Cayman Islands (ir-Renju Unit), inizjalment irrappreżentata minn B. Meyring, avukat, u E. Verghese, solicitor, sussegwentement minn B. Meyring,

rikorrenti,

sostnuta minn

Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert GmbH & Co. KG, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Rinne, avukat, C. Humpe u S. Kon, solicitors, u C. Vajda, QC,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn M. Kellerbauer, A. Biolan u X. Lewis, sussegwentement minn M. Kellerbauer, A. Biolan, u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5955, tal-15 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedimenti skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/39188 – Banana), u, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot, President, M. E. Martins Ribeiro (Relatur) u H. Kanninen, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Frar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-grupp Fresh Del Monte Produce (iktar ’il quddiem il-“grupp Del Monte”) huwa wieħed mill-ikbar produtturi, negozjanti u distributuri vertikalment integrati ta’ frott u ħaxix frisk u maqtugħ frisk fid-dinja, kif ukoll wieħed mill-produtturi u distributuri prinċipali ta’ frott u ħaxix ippreparat, ta’ meraq, ta’ xarbiet, ta’ snacks u ta’ deżerta fl-Ewropa, fl-Istati Uniti, fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika. Huwa jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu, b’mod partikolari l-banana, fid-dinja kollha taħt it-trade mark Del Monte.

2        Fresh Del Monte Produce, Inc. (iktar ’il quddiem “Del Monte” jew ir-“rikorrenti”) hija l-kumpannija holding u ta’ parteċipazzjoni finanzjarja tal-grupp Del Monte. Din tal-aħħar hija attiva fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ banana fl-Ewropa permezz ta’ bosta sussidjarji proprjetà tagħha, b’mod partikolari Del Monte Fresh Produce International Inc. (iktar ’il quddiem “DMFPI”), Del Monte (Germany) GmbH u Del Monte (Holland) BV.

3        Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Weichert” jew “Interfrucht” jew l-“intenvenjenti”) kienet, fi żmien il-fatti, kumpannija in akkomandita rregolata mid-dritt Ġermaniż, prinċipalment involuta fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ banana, ta’ ananas u ta’ frott eżotiku ieħor fl-Ewropa ta’ Fuq. Mill-24 ta’ Ġunju 1994 sal‑31 ta’ Diċembru 2002, Del Monte kellha, indirettament, sehem ta’ 80 % f’Weichert, f’dan il-każ permezz tas-sussidjarja 100 % proprjetà tagħha Westeuropa-Amerika-Linie GmbH (iktar ’il quddiem “WAL”), akkwistata fl-1994 permezz tas-sussidjarja tagħha Global Reefer Carriers Ltd. Weichert kienet id-distributur esklużiv għall-Ewropa ta’ Fuq, sal‑31 ta’ Diċembru 2002, tal-banana bit-trade mark Del Monte.

4        Fit-8 ta’ April 2005, Chiquita Brands International, Inc. (iktar ’il quddiem “Chiquita”) ressqet talba ta’ immunità skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2002, C 45, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”).

5        Fit-3 ta’ Mejju 2005, wara l-produzzjoni minn Chiquita ta’ dikjarazzjonijiet ġodda u ta’ dokumenti supplimentari, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tatha immunità kundizzjonali mill-multa skont il-pragrafu 8(a) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

6        Wara li fit-2 u fit-3 ta’ Ġunju 2005, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), wettqet spezzjonijiet fil-bini ta’ diversi impriżi u, b’mod partikolari ta’ DFFE u bagħtet, bejn Frar 2006 u Mejju 2007, diversi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni bagħtet, fl‑20 ta’ Lulju 2007, dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Chiquita, Chiquita International Ltd, Chiquita International Services Group NV, Chiquita Banana Company BV, Dole Food Company Inc. (iktar ’il quddiem “Dole”) u Dole Fresh Fruit Europe OHG, Del Monte, DMFPI, Del Monte (Germany), Del Monte (Holland), Fyffes plc (iktar ’il quddiem “Fyffes”), Fyffes International, Fyffes Group Limited, Fyffes BV, FSL Holdings NV, Firma Leon Van Parys NV (iktar ’il quddiem “Van Parys”) u Weichert.

7        L-impriżi msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq kisbu aċċess għall-fajl ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-forma ta’ kopja fuq DVD, bl-eċċezzjoni tar-reġistrazzjonijiet u tat-traskrizzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet tal-impriża magħmula oralment mill-applikant għal immunità u dokumenti relatati, li saru aċċessibbli fil-bini tal-Kummissjoni.

8        Wara li nstemgħu l-impriżi kkonċernati fl‑4 sas‑6 ta’ Frar 2008, Weichert bagħtet lill-Kummissjoni, fit-28 ta’ Frar 2008, ittra li tinkludi kummentarji u annessi.

9        Fil-15 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni C (2008) 5955 finali dwar proċedimenti skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/39 188  − Banana) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li ġiet innotifikata lil Del Monte fit-22 ta’ Ottubru 2008.

 Id-deċiżjoni kkontestata

10      Il-Kummissjoni indikat li l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata pparteċipaw għal prattika miftiehma li tikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza tagħhom tal-banana kummerċjalizzata fl-Ewropa ta’ Fuq, jiġifieri fl-Awstrija, fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Finlandja, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu, fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fl-Isvezja, u dan mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002 (l-1 ta’ Diċembru 2002 għal Chiquita) (premessi 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fiż-żmien meta ġraw il-fatti, l-importazzjoni tal-banana fil-Komunità Ewropea kienet irregolata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93, tat-13 ta’ Frar 1993, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 388), li kien jipprovdi għal sistema bbażata fuq kwoti ta’ importazzjoni u ta’ tariffi. Il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm il-kwoti ta’ importazzjoni tal-banana kienu stabbiliti annwalment u allokati fuq bażi trimestrali b’ċerta flessibbiltà limitata bejn it-trimestri ta’ sena ċivili, il-kunsinni ta’ banana lejn il-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq u l-kwantitajiet mibjugħha f’dan ir-reġjun kienu determinati, kull sena, mid-deċiżjonijiet ta’ produzzjoni, ta’ kunsinna u ta’ bejgħ meħuda mill-produtturi, l-importaturi u l-kummerċjanti (premessi 36, 131, 135 u 137 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      L-attività tal-banana kienet tiddistingwi tliet livelli ta’ trade mark ta’ banana msejħa “terzi”: il-banana tat-trade mark Chiquita tal-iprem għażla, il-banana tat-tieni livell (tat-trade marks Dole u Del Monte) u l-banana tat-tielet għażla (ukoll imsejħa “t-tielet”), li jinkludu diversi trade marks oħra ta’ banana. Din id-diviżjoni skont it-trade marks kienet riflessa fit-tariffi tal-banana (premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Matul il-perijodu kkonċernat, is-settur tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq kien organizzat f’ċikli ta’ kull ġimgħa. It-trasport bil-vapur ta’ banana mill-portijiet tal-Amerika Latina lejn l-Ewropa kien idum madwar ġimagħtejn. Il-banana kienet tasal fil-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq ġeneralment kull ġimgħa skont kalendarju ta’ kunsinna regolari (premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Il-banana kienet tintbagħat ħadra u kienet tasal ħadra fil-portijiet. Sussegwentement hija kienet jew tiġi kkunsinnata direttament lix-xerreja (banana ħadra), jew inkella titħalla ssir u tiġi kkunsinnata ġimgħa wara (banana safra). Is-sajran seta’ jsir mill-importatur jew f’ismu, jew organizzat mix-xerrej. Il-klijenti tal-importaturi kienu ġeneralment kumpanniji responsabbli mis-sajran tal-frott jew kumpanniji bl-imnut (premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Chiquita, Dole u Weichert kienu jistabbilixxu l-prezz ta’ referenza tagħhom għat-trade mark tagħom kull ġimgħa, f’dan il-każ il-Ħamis filgħodu, u kienu jħabbruh lill-klijenti tagħhom. L-espressjoni “prezz ta’ referenza” kienet tikkorrispondi ġeneralment għall-prezzijiet ta’ referenza għall-banana ħadra, peress li l-prezzijiet ta’ referenza għall-banana safra kienu magħmula normalment mill-offerta għall-banana ħadra biż-żieda ta’ ħlas għas-sajran (premessi 104 u 107 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Il-prezzijiet imħallsa mill-bejjiegħa bl-imnut u d-distributuri għall-banana (imsejħa “prezz reali” jew “prezz ta’ tranżazzjoni”) setgħu jirriżultaw jew minn negozjati li kienu jsiru darba fil-ġimgħa, f’dan il-każ il-Ħamis wara nofsinhar u l-Ġimgħa (jew iktar tard matul il-ġimgħa li tkun għaddejja jew fil-bidu tal-ġimgħa segwenti), jew mill-implementazzjoni ta’ kuntratti ta’ provvista b’formoli ta’ tariffi prestabbiliti li jsemmu prezz fiss jew li jorbtu l-prezz għal prezz ta’ referenza tal-bejjiegħ jew ta’ kompetitur, jew għal prezz ta’ referenza ieħor bħall-“prezz Aldi”. Il-Kummissjoni tippreċiża li l-katina ta’ bejgħ bl-imnut Aldi kienet tirċievi kull nhar ta’ Ħamis, bejn il-11 u l-11:30 ta’ filgħodu, offerti mill-fornituri tagħha u wara kienet tagħmel kontro-proposta, peress li l-“prezz Aldi”, dak imħallas lill-fornituri, kien ġeneralment jiġi stabbilit fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar. Mit-tieni semestru tas-sena 2002, il-“prezz Aldi” beda jintuża iktar u iktar bħala indikatur tal-kalkolu tal-prezz tal-banana għal ċertu numru ta’ tranżazzjonijiet oħra, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-banana tal-marka (premessi 34 u 104 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Il-Kummissjoni tispjega li l-impriżi kkonċernati ntrabtu f’komunikazzjoni bilaterali dwar ipprezzar minn qabel li matulha ddiskutew fatturi ta’ pprezzar tal-banana, jiġifieri fatturi relatati mal-prezz ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara, jew iddiskutew jew kixfu t-tendenzi segwiti mill-prezzijiet fil-ġimgħa ta’ wara. Din il-komunikazzjoni saret qabel ma l-impriżi kkonċernati kienu jistabbilixxu l-prezz ta’ referenza tagħhom, ġeneralment l-Erbgħa, u kienu kollha relatati mal-prezzijiet ta’ referenza futuri (premessi 51 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

18      B’hekk, Dole kkomunikat b’mod bilaterali kemm ma’ Chiquita kif ukoll ma’ Weichert. Chiquita kienet taf bil-komunikazzjonijiet dwar ipprezzar minn qabel jew tal-inqas kienet tistenna l-eżistenza ta’ tali komunikazzjonijiet bejn Dole u Weichert (premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Din il-komunikazzjoni bilaterali ta’ pprezzar minn qabel kienet intiża sabiex titnaqqas l-inċertezza marbuta mal-aġir tal-partijiet f’dak li jikkonċerna l-prezzijiet ta’ referenza li huma kellhom jistabbilixxu l-Ħamis filgħodu (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Il-Kummissjoni tindika li, wara l-istabbiliment tal-prezzijiet ta’ referenza tagħhom il-Ħamis filgħodu, l-impriżi kkonċernati kienu jiskambjaw il-prezzijiet ta’ referenza tagħhom b’mod bilaterali. Dan l-iskambju iktar tard kien jippermettilhom li jikkontrollaw id-deċiżjonijiet ta’ pprezzar individwali fid-dawl tal-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel li kienu jsiru minn qabel u saħħaħ ir-rabta ta’ kooperazzjoni tagħhom (premessi 198 sa 208, 227, 247, 273 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Skont il-Kummissjoni l-prezzijiet ta’ referenza kienu jservu, tal-anqas, bħala sinjal, tat-tendenzi u/jew ta’ indikazzjonijiet għas-suq fir-rigward tal-iżvilupp maħsub tal-prezz tal-banana u kienu importanti għall-kummerċ tal-banana u l-prezzijiet miksuba. Barra minn hekk, f’ċerti tranżazzjonijiet, il-prezz kien direttament marbut mal-prezzijiet ta’ referenza skont formuli bbażati fuq il-prezzijiet ta’ referenza (premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Il-Kummissjoni tqis li l-impriżi kkonċernati, li pparteċipaw għall-prattiki miftiehma u li baqgħu attivi fil-kummerċ tal-banana, kellhom neċessarjament jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rċevuta mill-kompetituri fid-definizzjoni tal-aġir tagħhom fis-suq, Chiquita u Dole ammettew dan espressament (premessi 228 u 229 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-komunikazzjoni ta’ pprezzar minn qabel, li saret bejn Dole u Chiquita u bejn Dole u Weichert, kienet suxxettibbli li tinfluwenza l-prezzijiet prattikati mill-operaturi u kienet relatata mal-iffissar tal-prezzijiet u li din wasslet għal prattika miftiehma bil-għan li tillimita l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE (premessi 54 u 271 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Il-Kummissjoni tqis li l-ftehim kollużorju kollu deskritt fid-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu li għandu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni fi ħdan il-Komunità fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Chiquita u Dole nżammu responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu, fit-totalità tiegħu, filwaqt li Weichert inżammet responsabbli biss għall-parti tal-ksur li pparteċipat għaliha hi, jiġifieri l-parti tal-ksur li tikkonċerna l-ftehim kollużorju ma’ Dole (premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Fid-dawl tal-fatt li s-suq tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq huwa kkaratterizzat mill-volum kummerċjali sostanzjali bejn l-Istati Membri u li l-prattiki miftiehma kienu jkopru parti importanti tal-Komunità, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-imsemmija ftehim kellhom effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (premessi 333 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Il-Kummissjoni tindika li ma setgħet tingħata l-ebda eċċezzjoni skont l-Artikolu 81(3) KE fin-nuqqas ta’ xi notifika ta’ ftehim jew ta’ prattika mill-impriżi, kundizzjoni preliminari għall-applikazzjoni tal-artikolu ċċitat iktar ’il fuq skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), u anki elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet tal-benefiċċju ta’ eżenzjoni kienu sodisfatti f’dan il-każ (premessi 339 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Il-Kummissjoni tippreċiża li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 26, tal‑4 ta’ April 1962, li japplika ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 6), fis-seħħ fl-epoka tal-fatti u li kien jipprovdi li l-Artikolu 81 KE japplika għall-ftehim, deċiżjonijiet u prattiki kollha marbuta mal-produzzjoni jew mal-kummerċ ta’ diversi prodotti inkluż il-frott, kien jipprovdi, fl-Artikolu 2 tiegħu, eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE. Peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet ma kinux sodisfatti f’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prattika miftiehma deskritta fid-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tiġi eżentata skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 26 (premessi 344 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Peress li kkonstatat li Del Monte kellha, flimkien mas-soċji akkomandanti ta’ Weichert, il-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti fuq il-mod li bih Weichert kienet tamministra n-negozju tagħha u kienet fil-fatt eżerċitat tali influwenza matul il-perijodu li jikkostitwixxi ksur, il-Kummissjoni tqis li Del Monte u Weichert jikkostitwixxu unità ekonomika, fejn din l-aħħar impriża ma ddeterminatx il-pożizzjoni tagħha fis-suq b’mod indipendenti. Konsegwentement, Del Monte u Weichert ġew iddikjarati responsabbli “in solidum” għall-ksur tal-Artikolu 81 KE kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 384, 432 sa 434 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) u tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

30      Il-Kummissjoni ddeterminat ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, li jikkorrispondi għal ammont bejn 0 u 30 % tal-valur tal-bejgħ ikkonċernat tal-impriża skont il-grad tal-gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru ta’ snin tal-parteċipazzjoni tal-impriża għall-ksur, u ta’ ammont addizzjonali inkluż bejn 15 u 25 % tal-valur tal-bejgħ bl-intenzjoni li jiddiswadi l-impriżi milli jaġixxu b’mod illegali (premessa 448 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Dawn il-kalkoli wasslu għal ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta ta’:

–        EUR 208 000 000 għal Chiquita;

–        EUR 114 000 000 għal Dole;

–        EUR 49 000 000 għal Del Monte u Weichert.

32      L-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta tnaqqas b’60 % għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tas-sistema leġiżlattiva partikolari tas-settur tal-banana u minħabba l-fatt li l-koordinazzjoni kienet dwar il-prezz ta’ referenza (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata). Ingħata tnaqqis ta’ 10 % lil Weichert, li ma kinitx informata bil-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel bejn Dole u Chiquita (premessa 476 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Wara li ġew aġġustati, l-ammonti bażiċi kienu stabbiliti kif ġej:

–        EUR 83 200 000 għal Chiquita;

–        EUR 45 600 000 għal Dole;

–        EUR 14 700 000 għal Del Monte u Weichert.

34      Chiquita bbenefikat mill-immunità minn multi skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessi 483 sa 488 tad-deċiżjoni kkontestata). Ma sar l-ebda aġġustament ieħor għal Dole u lanqas għal Del Monte u Weichert, u l-ammont finali tal-multa li tikkonċernahom tikkorrispondi għall-ammonti bażiċi tal-multi li kellhom jiġu imposti msemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq.

35      Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi b’mod partikolari dawn id-dispożizzjonijiet:

“Artikolu 1

Billi pparteċipaw għal prattika miftiehma li tikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza għall-banana l-impriżi li ġejjin kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 [KE]:

–        [Chiquita], mill‑1 ta’ Jannar 2000 sal‑1 ta’ Diċembru 2002;

–        Chiquita International Ltd, mill‑1 ta’ Jannar 2000 sal‑1 ta’ Diċembru 2002;

–        Chiquita International Services Group NV, mill‑1 ta’ Jannar 2000 sal‑1 ta’ Diċembru 2002;

–        Chiquita Banana Company BV, mill‑1 ta’ Jannar 2000 sal‑1 ta’ Diċembru 2002;

–        [Dole], mill‑1 ta’ Jannar 2000 sal‑31 ta’ Diċembru 2002;

–        Dole Fresh Fruit Europe OHG, mill-1 ta’ Jannar 2000 sal‑31 ta’ Diċembru 2002;

–        [Weichert], mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002;

–        [Del Monte], mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-1 ta’ Diċembru 2002.

–        [Del Monte], mill‑1 ta’ Jannar 2000 sal‑31 ta’ Diċembru 2002.

Il-ksur kien ikopri l-Istati Membri li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja.

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 huma impost s-segwenti multi:

–        a) [Chiquita], Chiquita International Ltd, Chiquita International Services Group NV u Chiquita Banana Company BV, flimkien u in solidum: EUR 0;

–        b) [Dole] u Dole Fresh Fruit Europe OHG, flimkien u in solidum: EUR 45 600 000;

–        c) [Weichert] u [Del Monte], flimkien u in solidum: EUR 14 700 000;

[...]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

36      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Diċembru 2008, ir‑rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

37      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ April 2009, Weichert talbet li tintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

38      Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar din it-talba għal intervent permezz ta’ atti ddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fit‑18 u fit‑28 ta’ Mejju 2009.

39      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni talbet it-trattament kunfidenzjali fil-konfront ta’ Weichert ta’ ċerti punti li jinsabu fir-risposta u fl-annessi tagħha.

40      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Mejju 2009, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ Weichert ta’ ċerti punti li jinsabu fir-rikors u fl-annessi tiegħu.

41      Permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Frar 2010, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba għal intervent ta’ Weichert u ordnat li jiġi kkomunikat lilha kopja tal-atti proċedurali kollha f’verżjoni mhux kunfidenzjali.

42      L-intervenjenti ppreżentat in-nota tagħha u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ din in-nota fit-termini mogħtija.

43      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura pprovduti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet domanda lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni, fejn stednithom jirrisponduha bil-miktub.

44      Del Monte, Weichert u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, b’risposta għad-domanda tal-Qorti Ġenerali, fl‑4 ta’ Jannar 2012 għall‑ewwel domanda u fis‑6 ta’ Jannar 2012 għall-aħħar tnejn.

45      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tal-1 ta’ Frar 2012.

46      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jirrigwardaw lilha;

–        sussidjarjament, tnaqqas b’mod kunsiderevoli l-ammont tal-multa imposta skont l-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

47      Il‑Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

48      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti tqajjem sitt motivi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, fejn l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, minħabba r-responsabbiltà in solidum ma’ Weichert ikkonstatata mill-Kummissjoni, it-tieni wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma spjegatx kif setgħet kellha, u teżerċita b’mod effettiv, influwenza determinanti fuq Weichert, it-tielet wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, minħabba r-rifjut mill-Kummissjoni li tiżvela provi relevanti, ir-raba’ wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, minħabba l-konklużjoni, żbaljata, fir-rigward tal-eżistenza ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv, il-ħames wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ u, is-sitt wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 253 KE, minħabba n-natura żbaljata tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

49      Il-Qorti Ġenerali tqis li dawn il-motivi kollha għandhom jitqiesu li huma bbażati, minn naħa, fuq ksur tal-Artikoli 81 KE u 253 KE u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża.

1.     Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 81 KE u 253 KE

 Fuq l-imputazzjoni tal-ksur lil Del Monte

 Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

50      Fir-rigward tar-responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarja tagħha, għandu jitfakkar li l-fatt li sussidjarja għandha personalità ġuridika distinta ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi mwarrba l-possibbiltà li l-aġir tagħha jiġi imputat lill-kumpannija parent (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 132).

51      Fil-fatt, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea jinkludi l-attivitajiet tal-impriżi u l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u tal-metodu ta’ finanzjament tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punti 54 u 55, u tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra, p. I-8947, punt 53).

52      Il-Qorti tal-Unjoni Ewropea speċifikat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, Ġabra p. I-11987, punt 40, u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 53). Hija b’hekk enfasizzat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, is-separazzjoni formali bejn żewġ kumpanniji, li tirriżulta mill-personalità ġuridika distinta tagħhom, ma hijiex determinanti, peress li dak li hu deċiżiv huwa l-unità jew le, tal-aġir tagħhom fis-suq. Għalhekk jista’ jkun neċessarju li jiġi stabbilit jekk żewġ kumpanniji li għandhom personalitajiet ġuridiċi distinti jiffurmawx jew jaqgħux taħt l-istess impriża jew entità ekonomika waħda li għandha aġir uniku fis-suq (sentenza Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 140, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il‑Kummissjoni, T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punt 85).

53      Meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara s-sentenzi Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 56, u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      B’hekk, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä‑Serla et vs Il‑Kummissjoni, C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punt 27; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 117, u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 54).

55      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jiffurmaw impriża waħda fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, ma hijiex ir-relazzjoni ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha, u lanqas ma huwa, iktar u iktar, l-involviment tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tindirizza deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent (sentenzi Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 59, u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 55).

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni ma tistax tikkuntenta ruħha li tikkonstata li impriża setgħet teżerċita influwenza determinanti fuq impriża oħra, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tivverifika jekk din l-influwenza ġietx effettivament eżerċitata. Bil-kontra, bħala prinċipju, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li turi tali influwenza determinanti abbażi ta’ numru ta’ elementi fattwali, fosthom, b’mod partikolari, is-setgħa ta’ direzzjoni eventwali ta’ waħda minn dawn l-impriżi fir-rigward tal-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il‑Kummissjoni, C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005, punti 96 sa 99; Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punti 118 sa 122, u tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 136).

57      Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 60, u s-sentenza Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 56).

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex wieħed jippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tressaqx provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il‑Kummissjoni, C‑90/09 P, Ġabra, p. I-1, punt 40 u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 57).

59      Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra iktar ’il fuq li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-fatt li, minn naħa, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 253 KE billi ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-imputazzjoni tal-ksur imwettaq minn Weichert u li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE billi imputatilha l-istess ksur.

 Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

60      Ir-rikorrenti, kumpannija holding tal-grupp Del Monte, issostni li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni inkwantu hija ma spjegatilhiex kif setgħet kellha, u teżerċita b’mod effettiv, influwenza determinanti fuq Weichert. It-teżi tal-Kummissjoni dwar ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent tistrieħ fuq l-eżistenza ta’ żewġ rabtiet bejn Weichert u l-imsemmi grupp, jiġifieri l-parteċipazzjoni ta’ WAL bħala sieħeb inakkomandita fil-kapital ta’ Weichert u l-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż bejn Weichert u DMFPI. Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix l-iċken sentenza li tispjega b’liema mod Del Monte nnifisha kellha influwenza determinanti fuq Weichert kif ukoll ir-rabtiet eżistenti bejn WAL, DMFPI u Del Monte.

61      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtur tal-att, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt relevanti, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizza tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il‑Kummissjoni, T-304/02, Ġabra p. II-1887, punt 58).

62      Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni kkonċernati, iżda huwa suffiċjenti li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi ta’ importanza essenzjali fl-iskema ġenerali tad-deċiżjoni. B’mod partikolari, hija ma għandhiex l-obbligu li tieħu pożizzjoni fuq elementi li huma manifestament barra mill-kuntest, neqsin minn sinjifikat jew kjarament sekondarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 61 iktar ’il fuq, punt 64; tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punt 64, u tas‑16 ta’ Ġunju 2011, L’Air liquide vs Il‑Kummissjoni, T‑185/06, Ġabra, p. II-2809, punt 64).

63      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, meta deċiżjoni skont l-Artikolu 81 KE tkun tirrigwarda għadd ta’ destinatarji u tkun toħloq problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, din għandha tinkludi motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji, b’mod partikolari dawk li, skont dik id-deċiżjoni, iridu jerfgħu l-piż ta’ dan il-ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1994, AWS Benelux vs Il‑Kummissjoni, T‑38/92, Ġabra p. II‑211, punt 26, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel vs Il-Kummissjoni, T‑330/01, Ġabra p. II‑3389, punt 93). B’hekk fir-rigward ta’ kumpannija parent marbuta responsabbli in solidum għall-ksur, tali deċiżjoni għandha tinkludi espożizzjoni ddettaljata tal-motivi tali li tiġġustifika l-imputabbiltà tal-ksur lil din il-kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punti 78 sa 80, u tas‑16 ta’ Ġunju 2011, FMC vs Il‑Kummissjoni, T‑197/06, Ġabra, p. II-3179, punt 45).

64      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ddeskriviet b’mod ċar, fid-deċiżjoni kkontestata, l-istruttura tal-grupp Del Monte.

65      Fil-fatt, il-Kummissjoni speċifikat li Del Monte kienet il-kumpannija holding u ta’ parteċipazzjoni finanzjarja tal-grupp Del Monte, fejn dan tal-aħħar kien attiv fil-kummerċjalizzazzjoni tal-banana fl-Ewropa permezz ta’ numru ta’ sussidjarji “100 % proprjetà tagħha” b’mod partikolari DMFPI (premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata).

66      Il-Kummissjoni indikat ukoll li, mill-24 ta’ Ġunju 1994 sal‑31 ta’ Diċembru 2002, Del Monte kellha fil-pussess tagħha, indirettament, 80 % tal-kapital azzjonarju ta’ Weichert, permezz tas-sussidjarja 100 % proprjetà tagħha WAL, mixtrija fl-1994 permezz tas-sussidjarja tagħha Global Reefer Carriers, fejn il-bqija tal-kapital azzjonarju ta’ Weichert li, minn Marzu 1999, kien miżmum minn persuni fiżiċi, jiġifieri D. W. u ż-żewġ uliedu A. W u H. W (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“familja W.”), fil-kapaċijiet tagħhom ta’ soċji akkomandanti, u kumpannija b’responsabbiltà limitata, Interfrucht Beteiligungsgesellschaft mbH (premessi 15 u 381 tad-deċiżjoni kkontestata).

67      Il-Kummissjoni esponiet il-prinċipji li hija kellha l-intenzjoni li tapplika sabiex tiddefinixxi d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata billi tirreferi għall-ġurisprudenza relevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali dwar il-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE (premessi 360 sa 366 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, hija fakkret li setgħet tassumi li kumpannija parent kienet effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja 100 % proprjetà tagħha, fejn il-kumpannija parent għandha, madankollu, il-possibbiltà li taqleb din il-preżunzjoni billi tipproduċi biżżejjed provi fattwali li s-sussidjarja kienet iddeterminat b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq (premessa 364 tad-deċiżjoni kkontestata).

68      Il-punti kollha msemmija fil-punti 65 sa 67 iktar ’il fuq diġà jissemmew fil-punti 17, 27, 441 u 475 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lir-rikorrenti u l-espożizzjoni tagħhom kienet tippermetti li din tal-aħħar issir taf ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kienet tqis li, fi ħdan il-grupp Del Monte, hija kienet teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq WAL u DMFPI.

69      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li din tal-aħħar ma pprovatx, matul il-proċedura amministrattiva, taqleb il-preżunzjoni dwar iż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarji tagħha WAL u DMFPI u sostniet, ġustament, li għaldaqstant hija lanqas ma kellha l-obbligu li tispjega l-mod li bih hija kienet teżerċita l-influwenza tagħha fuq dawn l-impriżi.

70      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għaldaqstant eżaminat il-kwistjoni dwar jekk Del Monte kinitx f’pożizzjoni li teżerċita u jekk eżerċitatx effettivament influwenza determinanti fuq Weichert u, billi kkonstatat li Del Monte kellha biss, indirettament, 80 % mill-kapital azzjonarju ta’ Weichert, hija qieset li l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata minn kumpannija parent fuq is-sussidjarja 100 % proprjetà tagħha ma kinitx applikabbli fir-rigward ta’ Del Monte (premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata).

71      Bil-kontra ta’ dak li tagħti x’tifhem ir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-kunsiderazzjoni li “l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti […] ma tapplikax għal dak li jikkonċerna [lilha]” ma tistax tirreferi għar-relazzjonijiet bejnha u s-sussidjarji tagħha WAL u DMFPI.

72      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni indikat li, pjuttost milli sussidjarja ta’ Del Monte, Weichert kienet sħubija bejn Del Monte, soċju solidali, u, inizjalment, D. W., u sussegwentement, minn Marzu 1999, il-familja W. fil-kapaċità tagħhom ta’ soċji akkomandanti. Ir-relazzjoni kummerċjali bejn l-assoċjati f’din l-impriża konġunta ġiet stabbilita permezz tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, intiża sabiex tiddefinixxi l-istatuti tal-kumpannija inakkomandita u b’mod iktar partikolari l-mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ tmexxija, u permezz ta’ ftehim esklużiv ta’ distribuzzjoni li jikkonċerna l-banana pprovduta minn Del Monte bil-għan tal-importazzjoni tagħha fil-Komunità (premessi 382 u 383 tad-deċiżjoni kkontestata).

73      Abbażi tad-dokumenti li jinsabu fl-atti u tad-dikjarazzjonijiet ta’ Weichert, il-Kummissjoni kkunsidrat li “Del Monte kellha (flimkien mal-familja W., fil-kapaċità [tagħha] bħala soċju akkomandanti), il-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti fuq il-mod li bih Weichert kienet qed tmexxi n-negozju tagħha u effettivament kienet teżerċita tali influwenza matul il-perijodu inkwistjoni” (premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija indikat ukoll li, “[m]atul il-perijodu ta’ ksur [mill-200 sa 2002], Weichert [kienet] ġarrbet l-influwenza determinanti tas-soċji li [kienu] stabbilixxew lil din l-impriża flimkien, taħt forma ta’ KG fil-kuntest ta’ ftehim komuni” (premessa 385 tad-deċiżjoni kkontestata).

74      Fil-premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li, “[s]a tmiem Diċembru 2002, Del Monte kienet teżerċita flimkien mal-[familja W., fil-kapaċità tagħha bħala soċju akkomandanti,] funzjoni ta’ superviżjoni u ta’ tmexxija fuq Weichert” u semmiet, bħala ġustifikazzjoni għal din il-konklużjoni, fatti differenti miġbura taħt tliet sezzjonijiet, jiġifieri s-sezzjoni intitolata “Deċiżjonijiet strateġiċi importanti fi ħdan Weichert li jeħtieġu l-kunsens tas-soċji kollha” (premessa 387 tad-deċiżjoni kkontestata), is-sezzjoni intitolata “Del Monte kienet f’pożizzjoni li tinfluwenza lil Weichert fit-tmexxija u l-kwistjonijiet ta’ pprezzar u ta’ kkumerċjalizzar juru li hija effetticament eżerċitat din l-influwenza” (premessi 388 sa 391 tad-deċiżjoni kkontestata) u s-sezzjoni intitolata “Del Monte kienet f’pożizzjoni li tirċievi regolarment prezzijiet u informazzjoni fis-suq min-naħa ta’ Weichert u effettivament kienet tirċevihom” (premessi 392 sa 393 tad-deċiżjoni kkontestata).

75      Wara li eżaminat u ċaħdet l-argumenti ta’ Del Monte intiżi sabiex jikkontestaw kull possibbiltà ta’ eżerċizzju effettiv min-naħa tagħha ta’ influwenza determinanti fuq Weichert (premessi 394 sa 433 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kkonkludiet li Weichert kienet tikkostitwixxi unità ekonomika ma’ Del Monte, inkwantu Weichert ma kinitx tiddetermina l-attitudni tagħħha nnifisha fis-suq b’mod indipendenti (premessa 432 tad-deċiżjoni kkontestata).

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tista’ tiġi akkużata b’ebda ksur tal-Artikolu 253 KE.

 Fuq il-kriterju ta’ imputabbiltà implementat fid-deċiżjoni kkontestata

77      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ddikjaratha responsabbli “in solidum” għall-aġir ta’ Weichert “biss” abbażi ta’ allegat kontroll konġunt, li ma jista’ qatt ikun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita tali responsabbiltà. Hija tfakkar li l-Artikolu 81 KE japplika għall-“impriżi”, u mhux għall-entitajiet ġuridiċi, u li, konsegwentement, numru ta’ entitajiet ġuridiċi jistgħu jkunu responsabbli minn ksur jekk jagħmlu parti mill-istess impriża. Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni ssostni, b’kontradizzjoni mal-ġurisprudenza u l-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha sal-2007, li l-fatt li entità ġuridika teżerċita kontroll konġunt fuq entità ġuridika oħra huwa suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li jagħmlu parti minn impriża waħda.

78      Dan l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessa żbaljata u għalhekk għandu jiġi miċħud.

79      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni esponiet il-prinċipji li hija kellha l-intenzjoni li tapplika sabiex tiddefinixxi d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata billi tirreferi għall-ġurisprudenza relevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali dwar il-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE (premessi 360 sa 366 tad-deċiżjoni kkontestata). Billi kkonstatat li l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti marbuta maż-żamma tal-kapital azzjonarju kollu ma kienx applikabbli fir-rigward ta’ Del Monte fir-rigward tar-relazzjoni tagħha ma’ Weichert, il-Kummissjoni indikat li hija “għalhekk, ibbażat ruħha fuq il-kwistjoni dwar jekk Del Monte kinitx f’pożizzjoni li teżerċita u kienet effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq Weichert” (premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata).

80      Minn interpretazzjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għalkemm il-Kummissjoni effettivament ikkunsidrat, prinċipalment fir-rigward tar-rabtiet ta’ natura kapitalistika u tal-portata tal-ftehim ta’ sħubija bejn Weichert u WAL, li Del Monte kienet eżerċitat, flimkien mas-soċji akkomandanti, kontroll konġunt fuq Weichert, hija ma llimitatx ruħha għal din il-konstatazzjoni dwar il-kapaċità li teżerċita influwenza determinanti, iżda hija eżaminat u vverifikat jekk Del Monte kinitx konkretament eżerċitat tali influwenza fuq Weichert.

81      Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tirreferi għall-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata li fir-replika hija tiċċita b’mod mhux eżatt billi tindika b’mod żbaljat li l-Kummissjoni sostniet li, mill-fatt li “Del Monte kellha (konġuntament mal-imsieħba in akkomandita [...]), il-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti fuq il-mod li bih Weichert kienet tmexxi n-negozju tagħha, fejn Del Monte u Weichert kienu jikkostitwixxu impriża waħda”, fejn dan l-aħħar riferiment ma jirriżultax fl-imsemmija premessa.

82      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda riferiment dwar il-fatt li Del Monte u Weichert kienu jikkostitwixxu unità ekonomika minħabba s-sempliċi fatt li l-ewwel waħda kienet teżerċita, konġuntament mas-soċji akkomandanti, kontroll fuq it-tieni waħda.

83      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li huwa impossibbli li jiġi rrikonċiljat il-kriterju dwar il-ħtieġa li jiġi pprovat li s-sussidjarja essenzjalment kienet tapplika l-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent mal-kunċett ta’ kontroll konġunt, peress li “kumpannija parent li teżerċita kontroll konġunt jista’ jkollha biss drittijiet ta’ vetu”. Hija qalet ukoll li l-prinċipju nnifsu ta’ responsabbiltà personali jitqiegħed inkwistjoni jekk entità, li għandha biss drittijiet ta’ vetu limitati fuq ċerti elementi tal-aġir ta’ kumpannija, tista’ titqies li hija responsabbli mill-aġir ta’ din il-kumpannija, li huwa lil hinn mill-kontroll tagħha.

84      Dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali lanqas ma jippermettu li jiġi kkaratterizzat ksur, f’dan il-każ, tal-Artikolu 81 KE minħabba l-imputazzjoni tal-ksur imwettaq minn Weichert lil Del Monte.

85      Hekk kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, l-imputazzjoni tal-ksur imwettaq minn Weichert ma tistrieħx biss fuq is-setgħat mogħtija lil Del Monte mill-Artikolu 7(2) u (3) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, f’dan il-każ drittijiet ta’ vetu fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-funzjonament tal-impriża, iżda fuq numru iktar wiesa’ ta’ elementi li jikkonċernaw ir-rabtiet legali, organizzattivi u ekonomiċi li jgħaqqdu lil Del Monte u lil Weichert, u li jikkaratterizzaw, skont il-Kummissjoni, influwenza golbali tal-ewwel waħda fuq it-tieni.

86      Sa fejn l-argument tar-rikorrenti jista’ jinftiehem fis-sens li huwa biss kontroll esklużiv tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja li jista’ jippermetti li jiġi kkonstatat li dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi jikkostitwixxu impriża u li l-ewwel waħda tiġi imputata bl-aġir li jikkostitwixxi ksur tat-tieni waħda, dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll.

87      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eżerċizzju ta’ kontroll konġunt, minn żewġ kumpanniji parent indipendenti waħda mill-oħra fuq is-sussidjarja tagħhom ma jipprekludix, bħala regola ġenerali, il-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn waħda minn dawn il-kumpanniji parent u s-sussidjarja inkwistjoni u li dan jgħodd anki jekk din il-kumpannija parent għandha sehem mill-kapital fis-sussidjarja l-inqas importanti li huwa inqas minn dak tal-kumpannija parent l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, Ġabra p. I‑13355, punt 64).

88      Fis-sentenza Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-fondatezza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timputa lil żewġ kumpanniji, kull waħda minnhom b’sehem ta’ 50 % f’kumpannija u b’setgħa ta’ tmexxija konġunta fir-rigward tal-amministrazzjoni kummerċjali ta’ din tal-aħħar, ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-imsemmija sussidjarja. Il-Qorti Ġenerali osservat, f’din il-kawża, li ż-żewġ soċji b’50 % tal-impriża komuni inkwistjoni, setgħu biss jaġixxu u jiffirmaw b’mod konġunt f’isem l-impriża komuni, sabiex jivvinkolawha f’obbligi lejn partijiet terzi u sabiex jivvinkolaw terzi fil-konfront tagħha u sabiex jirċievu u jonfqu fondi f’isimha. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni ta’ kuljum kienet ir-responsabbiltà ta’ żewġ diretturi, maħtura rispettivament mill-kumpanniji parent. Fl-aħħar nett, dawn tal-aħħar assumew l-impenji tal-impriża b’mod illimitat u in solidum.

89      Id-differenzi enfasizzati mir-rikorrenti bejn il-kawża li tat lok għas-sentenza Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, u din il-kawża ma jqegħdux inkwistjoni s-soluzzjoni ta’ prinċipju kkunsidrata f’din is-sentenza.

90      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni interpretat korrettament l-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-kwistjoni tal-imputabbiltà ta’ ksur, sal-2007, u li t-teżi kontrarja, li hija attwalment tiddefendi, li l-kontroll konġunt jiġġustifika r-responsabbiltà ta’ kumpannija parent hija żbaljata.

91      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra jistgħu jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, C-167/04, Ġabra p. I‑8935, punt 205). Għalhekk ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-politika deċiżjonali tal-Kummissjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 123).

 Fuq l-eżistenza ta’ unità ekonomika kkostitwita minn Del Monte u minn Weichert

–       Fuq il-ftehim ta’ assoċjazzjoni

92      Għandu jiġi osservat li, matul il-perijodu kollu li jikkostitwixxi ksur, Weichert kienet kumpannija inakkomandita rregolata mid-dritt Ġermaniż, li tiddistingwi bejn żewġ tipi ta’ msieħba fi ħdan tali persuna ġuridika, jiġifieri s-soċji akkomandanti u s-soċji solidali.

93      Huwa kjarament speċifikat fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 399 u 400) li, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-Handelsgesetzbuch (Kodiċi Kummerċjali Ġermaniż, iktar ’il quddiem il-“HGB”), is-soċji solidali huma normalment esklużi mill-amministrazzjoni tan-negozju ta’ kumpannija in akkomandita u ma jistgħux jopponu azzjonijiet meħuda mis-soċju akkomandanti, ħlief fir-rigward ta’ miżuri li ma jidħlux fil-proċess ordinarju tan-negozju.

94      L-amministrazzjoni tan-negozju ta’ kuljum huwa għaldaqstant normalment fdat f’idejn soċju akkomandanti, li huwa responsabbli, personalment u mingħajr limitazzjonijiet, mid-dejn tal-kumpannija, b’differenza tas-soċju solidali, li r-responsabbiltà tiegħu huwa limitat għall-kontribut tiegħu. Il-Kummissjoni għalhekk tispeċifika, fil-premessa 382 tad-deċiżjoni kkontestata, li, filwaqt li r-rappreżentanti tal-familja W. kienu l-assoċjati amministraturi ġenerali, b’responsabbiltà personali u mingħajr limitazzjonijiet għal Weichert, Del Monte kellha r-rwol ta’ msieħba, fejn kienet tipprovdi r-riżorsi finanzjarji prinċipali jew kellha l-interessi finanzjarji prinċipali mogħnija b’responsabbiltà limitata.

95      Il-Kummissjoni enfasizzat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li legalment wieħed seta’ jidderoga mid-dispożizzjonijiet tal‑HGB dwar il-funzjonament tal-kumpannija in akkomandita permezz ta’ ftehim bejn is-soċji, liema fatt seħħ, f’dan il-każ, permezz tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni tat‑12 ta’ Marzu 1992, emendat fit‑28 ta’ Marzu 1996 u fl-1 ta’ Ġunju 1999 (premessi 381, 399 u 401 tad-deċiżjoni kkontestata).

96      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u r-rikorrenti ma jaqblux dwar il-portata tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni.

97      Ir-rikorrenti tallega li l-ftehim ta’ assoċjazzjoni ma biddlitx, iżda pjuttost saħħet, it-tqassim tas-setgħat bejn soċji, hekk kif iddefinit mill-HGB, permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi li jsaħħu l-pożizzjoni ta’ kontroll tas-soċji akkomandanti. Hija kellha biss drittijiet ta’ vetu limitati li jippermettu biss il-waqfien milli jsiru ċerti atti speċifiċi li ma jikkonċernawx il-ġestjoni u l-attivitajiet ta’ kuljum ta’ Weichert, liema fatt jikkorrispondi għall-prinċipji ġenerali msemmija mill-Artikolu 164 tal-HGB, li “[i]s-soċji solidali huma esklużi mill-ġestjoni tal-impriża; huma ma jistgħux jopponu att deċiż mis-soċji akkomandanti sakemm dan l-att ma jmurx lilhinn mill-iżvolġiment normali tal-attivitajiet tal-kumpannija”. Hija ssostni li l-Kummissjoni lanqas ma pprovat li hija kellha biss l-okkażjoni li teżerċita dawn id-drittijiet ta’ vetu, li, effettivament, qatt ma ntużaw.

98      Għalkemm, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva effettivament li, skont l-Artikolu 7(1) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, “is-soċju li għandu responsabbiltà personali, D. W., għandu l-permess u l-obbligu li jirrappreżenta u li jġestixxi l-kumpannija”, hija tirreferi għal dispożizzjonijiet oħra mill-imsemmi ftehim sabiex issostni li dan tal-aħħar kien jipprovdi kjarament lis-soċju solidali, jiġifieri Del Monte permezz tas-sussidjarja tagħha WAL, id-drittijiet legali u l-mezzi neċessarji sabiex jiġi influwenzat l-iżvolġiment tan-negozju ta’ Weichert.

99      Fil-fatt, il-Kummissjoni ssemmi, fil-premessa 387 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 7(2) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, li kienet tirrikjedi l-unanimità tal-voti tas-soċji għall-adozzjoni tal-proposti annwali bil-miktub tas-soċji akkomandanti dwar il-baġit kif ukoll il-pjanijiet ta’ investiment u ta’ persunal disponibbli. Għaldaqstant il-miżuri proposti mis-soċji akkomandanti ma setgħux jiġu implementati fin-nuqqas ta’ ftehim unanimu u kienu jivvinkolaw lis-soċji solidali fil-każ ta’ adozzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti nnifisha tindika li l-Artikolu 7(2) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni kien jipprovdi “tliet drittijiet ta’ vetu ta’ livell għoli”.

100    Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat li l-Artikolu 7(3) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni kien jipprovdi li s-soċji akkomandanti kellhom jitolbu l-kunsens minn qabel bil-miktub tas-soċji kollha għal ċertu numru ta’ atti (premessa 387 tad-deċiżjoni kkontestata). Mill-ftehim ta’ assoċjazzjoni jirriżulta li dawn l-atti kienu kkostitwiti permezz tax-xiri u l-bejgħ ta’ kull tip ta’ beni immobbli u ta’ kull sehem fil-kapital jew azzjoni oħra f’impriżi oħra, tal-investimenti ta’ iktar minn DEM 100 000, tas-self lill-impjegati ta’ ammont ogħla minn DEM 10 000, tas-self favur Weichert li ma jaqax taħt l-iżvolġiment ordinarju tan-negozju, tal-ħruġ ta’ garanziji minn din l-aħħar kumpannija, tar-remunerazzjonijiet ta’ kull tip lis-soċju amministratur u ta’ kull ftehim konkluż mis-soċju jew mis-soċji amministraturi li jistabbilixxi obbligi regolari ta’ ħlas ta’ Weichert għal ammont ogħla minn DEM 10 000 fix-xahar, ħlief għal kuntratti ta’ xogħol, mill-inqas sakemm jipprovdu remunerazzjoni annwali ta’ inqas minn DE 60 000.

101    B’hekk jidher li numru ta’ atti importanti, li neċessarjament ikollhom impatt, anki indirett, fuq il-ġestjoni ta’ Weichert, ma setgħux jiġu adottati mingħajr il-kunsens tas-soċju solidali.

102    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ implementazzjoni tad-“drittijiet ta’ vetu” tas-soċju solidali, għandu jiġi osservat li tali sitwazzjoni hija sempliċement ta’ natura li tikkaratterizza funzjonament normali ta’ Weichert matul il-proċedura li tikkostitwixxi ksur u l-effikaċja tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, ħlief sa fejn ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni ssostni li s-soċji akkomandanti aġixxew mingħajr ma osservaw it-termini tal-imsemmi ftehim, u b’mod iktar partikolari dawk tal-Artikolu 7(2) u (3) u li dan tal-aħħar kien, fil-verità, nieqes minn kull effettività.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx ipproduċiet l-inqas prova li turi li l-baġit jew il-pjanijiet ta’ investiment jew ta’ persunal disponibbli qatt ma ġew sottomessi lilha għal approvazzjoni u li s-soċju akkomandanti, min-naħa l-oħra, wettaq investimenti li kienu jirrikjedu l-kunsens tagħha skont l-Artikolu 7(3) mingħajr lanqas biss ma informaha dwar dan u wisq inqas ma talab il-kunsens tagħha għal dan.

104    F’dan l-istadju, għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-parti jew l-awtorità li tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandha tipproduċi l-prova ta’ dan u li hija l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tinvoka l-benefiċċju ta’ difiża kontra konstatazzjoni ta’ ksur li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-difiża huma sodisfatti, b’mod li l-imsemmija awtorità għandha għalhekk tirrikorri għal provi oħra. Għalhekk, minkejja li l-oneru legali tal-prova jaqa’, skont dawn il-prinċipji, jew fuq il-Kummissjoni jew fuq l-impriża jew assoċjazzjoni kkonċernata, il-fatti li parti tinvoka jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan ikun permess li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova jkun ġie sodisfatt (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6371, punt 80).

105    F’dan il-każ, insostenn tal-konklużjonijiet tagħha li Del Monte kienet f’pożizzjoni li teżerċita u effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq Weichert, il-Kummissjoni straħet b’mod partikolari fuq il-ftehim ta’ assoċjazzjoni, fejn ma hemmx kontenzjuż bejn il-partijiet dwar il-portata u l-effetti ġuridiċi tagħha fir-rigward tas-soċji.

106    Għaldaqstant hija r-rikorrenti, li tinvoka n-nuqqas ta’ effettività ta’ ċerti klawżoli tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, li għandha tipproduċi l-prova dwar dan u għandu jiġi kkonstatat li, f’dan ir-rigward hija ssemmi biss deċiżjoni waħda ta’ investiment li dwarha hija ma ġietx informata, jiġifieri installazzjoni ġdida f’Hamburg (il-Ġermanja), li tinkludi ċentru ta’ distribuzzjoni, li nfetħet fl-1997 u li swiet bosta miljuni ta’ DEM. Minbarra l-fatt li l-proġett inkwistjoni ġie konkluż fl-1997, jiġifieri qabel il-perijodu li jikkostitwixxi ksur, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jipprovdi ebda prova ta’ natura li turi li f’din l-okkażjoni s-soċju akkomandanti mar kontra t-termini tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, meta l-ispiża u ż-żmien meħtieġ għat-twettieq ta’ tali investiment jeskludu kull possibbiltà ta’ ħabi. Fir-rigward tal-messaġġi differenti indirizzati mir-rikorrenti lil Weichert sabiex tesprimi d-diżappunt tagħha fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet dwar ipprezzar, huwa ftit plawżibbli li hija setgħet ammettiet, mingħajr ebda reazzjoni, ksur serju tal-Artikolu 7(3) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni.

107    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi wkoll l-Artikolu 7(4) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, li kien jipprovdi li “is-soċju b’responsabbiltà personali huwa obbligat jipprovdi lir-rappreżentant awtorizzat tas-soċji b’responsabbiltà limitata, fuq talba tagħhom, informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-impriża b’mod ġenerali, dwar miżuri speċifiċi ta’ ġestjoni, kif ukoll mill-perspettiva ta’ ġestjoni kif ukoll li jawtorizzaha teżamina l-fajls tal-kumpannija” (premessa 387 tad-deċiżjoni kkontestata).

108    L-Artikolu 7(4) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, li manifestament jikkompleta l-attribuzzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 2 u 3 ta’ dan il-ftehim, jistabbilixxi rabta diretta bejn id-drittijiet mogħtija lis-soċju solidali u l-ġestjoni ta’ Weichert. Barra minn hekk minn dan jirriżulta li d-drittijiet ta’ informazzjoni u ta’ aċċess għad-dokumenti tal-impriża, li jippermettu l-verifika mis-soċju solidali tal-informazzjoni rċevuta, setgħu jiġu eżerċitati f’kull mument u ma kinux limitati, bil-kontra tal-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, għal informazzjoni purament storika.

109    Ulterjorment il-Kummissjoni osservat li l-ftehim ta’ assoċjazzjoni ma kienx jippermetti li jiġi konkluż li s-soċju jew soċji akkomandanti kellhom waħedhom id-dritt ta’ inizjattiva sabiex jipproponu d-deċiżjonijiet intiżi sabiex jiġu adottati mis-soċji, sew għal kwistjonijiet ordinarji kif ukoll għal kwistjonijiet straordinarji li jmorru lil hinn mill-ġestjoni kurrenti tan-negozju. L-Artikolu 8(2) ta’ dan il-ftehim kien jindika li s-soċji akkomandanti kellhom iżommu laqgħa straordinarja tas-soċji jekk soċju solidali, b’ċertu perċentwali ta’ kapital azzjonarju, kien jitlob dan bil-miktub billi jispeċifika l-kwistjonijiet li għandhom jiġu diskussi fl-aġenda. Del Monte, li tinsab fil-pussess ta’ 80 % tal-kapital azzjonarju ta’ Weichert permezz tas-sussidjarja tagħha WAL, kienet f’pożizzjoni li tirrikjedi, f’kull mument, iż-żamma ta’ laqgħa straordinarja tas-soċji, indipendentement minn kull riferiment speċifiku għall-“interess tal-impriża”, bil-kontra tas-soċji akkomandanti (premessa 408 tad-deċiżjoni kkontestata), dwar kull kwistjoni utli għall-ħidma t-tajba tal-impriża. Ir-rikorrenti ma fformulat ebda osservazzjoni fir-rigward ta’ din il-klawżola tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni.

110    Ir-rikorrenti tispeċifika provvedimenti oħra tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni tali li jsostnu s-setgħa ta’ ġestjoni mogħtija lis-soċju akkomandanti mill-Artikolu 7(1) tal-imsemmi ftehim.

111    Qabel kollox, ir-rikorrenti tirreferi għall-Artikolu 9(2) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, li minnu jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-laqgħa ġenerali tas-soċji għandhom jittieħdu bil-maġġoranza tal-voti sabiex ikunu effettivi u dejjem bl-approvazzjoni tas-soċju akkomandanti.

112    Il-Kummissjoni tammetti li dan il-provvediment huwa ekwivalenti għal “dritt ta’ vetu tas-soċji akkomandanti” filwaqt li tenfasizza li hija ma kinitx teskludi lis-soċju solidali milli jinfluwenza d-deċiżjonijiet inkwistjoni. Skont l-Artikolu 9(1) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, kull assoċjat kellu numru ta’ voti li jikkorrispondu għall-kontribut tagħha f’kapital, jiġifieri kontribuzzjoni ta’ DEM 1 000. Skont il-ftehim ta’ assoċjazzjoni, il-kontribuzzjonijiet rispettivi tal-assoċjati fil-kapital ta’ Weichert kienu jammontaw kif ġej: DEM 6.5 miljun għal WAL, DEM 1 000 għal Interfrucht Beteiligungsgesellschaft u DEM 1.5 miljun għal D. W., fejn ġie osservat li, f’Marzu 1999, dan tal-aħħar alloka lil kull wieħed minn uliedu, A. W. u H. W., 25 % tal-ishma tiegħu f’Weichert. Dan kien ifisser fil-prattika li d-deċiżjonijiet meħuda mill-assoċjati kollha wkoll kienu jirrikjedu dejjem l-approvazzjoni tas-soċju akkomandanti (noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 407, 411 u 439 tad-deċiżjoni kkontestata).

113    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva, ġustament, li l-laqgħa tas-soċji kellha, skont l-Artikolu 9(3) u (4) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, kompetenzi speċifiċi, jiġifieri, minn naħa, fir-rigward tal-emendi, obbligatorjament unanimi, tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-approvazzjoni tal-kontijiet finanzjarji, it-tneħħija tas-soċju akkomandanti minħabba l-ġestjoni tiegħu u l-ħatra ta’ verifikatur tal-kontijiet, liema sitwazzjoni ma kinitx tali li teskludi kull possibbiltà għal Del Monte li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Weichert fis-suq inkwistjoni.

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li s-soċju akkomandanti kellu, skont ir-rikorrenti, dritt ta’ vetu fuq id-deċiżjonijiet “kollha” tal-kumpannija ma jirriżultax mill-provvedimenti tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni.

115    Sussegwentement, ir-rikorrenti jsemmi l-Artikolu 9(5) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, li kien jipprovdi mekkaniżmu ta’ arbitraġġ speċifiku. Jekk, waqt żewġ laqgħat suċċessivi, talba proposta minn soċju ma ġietx approvata, dan is-soċju kellu d-dritt li jiġi stabbilit bord ta’ arbitraġġ bil-għan li jesprimi ruħu esklużivament minflok is-soċji dwar id-deċiżjoni li għandha tittieħed dwar din it-talba. Kull soċju għalhekk kellu jaħtar membru tal-bord ta’ arbitraġġ, li, min-naħa tiegħu, kien jaħtar arbitru. Jekk soċju ma kienx jasal jaħtar membru tal-bord jew jekk il-membri ma setgħux jiftehmu dwar arbitru, dan il-membru jew l-arbitru kellu jinħatar minn parti indipendenti, jiġifieri l-President tal-Kamra ta’ Kummerċ ta’ Hamburg (premessa 409 tad-deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 442).

116    Għalkemm ir-rikorrenti tosserva ġustament li, fid-dawl tan-numru u tal-identità tas-soċji ta’ Weichert, minn naħa, u tar-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-bord ta’ arbitraġġ, min-naħa l-oħra, il-familja W. kienet ċerta li ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni ta’ minoranza, l-allegazzjoni ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet b’maġġoranza sempliċi fi ħdan l-imsemmi bord, u għaldaqstant ta’ deċiżjonijiet ta’ bilfors favorevoli għal din il-familja, ma hijiex issostanzjata. Fi kwalunkwe każ, il-portata tal-vantaġġ inkwistjoni għandha tiġi rrelativizzata fir-rigward tal-kompetenzi speċifiċi tal-laqgħa ġenerali tas-soċji.

117    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssemmi l-Artikolu 9(3) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni sabiex tissostanzja l-affermazzjoni tagħha li WAL ma kellhiex is-setgħat neċessarji sabiex taħtar, tissostitwixxi jew saħansitra tuża l-vetu tagħha sabiex tikkontesta l-ħatra tal-mexxejja tal-kumpannija. Madankollu, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li l-provvediment inkwistjoni kien jirrikjedi l-unanimità tas-soċji għal kull emenda tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, inkluż l-Artikolu 7(1) li jagħti lil D. W., ir-responsabbiltà li jmexxi u jirrappreżenta l-kumpannija.

118    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ftehim ta’ assoċjazzjoni jfisser, skont l-espressjoni użata mir-rikorrenti nnifisha fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, “ekwilibriju ta’ setgħat” bejn soċji akkomandanti u soċji solidali u li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, ġustament, li Weichert kienet sħubija bejn il-familja W. u Del Monte, soċju akkomandanti u soċju solidali li jeżerċitaw kontroll konġunt fuq l-impriża komuni. Tali sitwazzjoni kienet tikkostitwixxi indikazzjoni tal-kapaċità ta’ Del Monte li jeżerċita influwenza determinanti fuq Weichert.

119    Għandu jiġi enfasizzat ulterjorment li r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 253 KE billi ma indikatx ir-raġunijiet wara s-suppożizzjoni tagħha li d-drittijiet ta’ vetu passivi kienu jagħtu lil WAL influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Weichert fis-suq inkwistjoni.

120    Dan l-argument tar-rikorrenti ma jistax jiġi milqugħ.

121    F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li dan l-ilment huwa bbażat fuq premessa żbaljata fis-sens li l-analiżi tal-kliem tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni ppermetta lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi biss li Weichert kellha d-“drittijiet legali u l-mezzi neċessarji sabiex tinfluwenza l-iżvolġiment tan-negozju ta’ Weichert” (premessa 387 tad-deċiżjoni kkontestata). Din l-aħħar konklużjoni tistrieħ fuq analiżi ċara u suffiċjenti tal-provvedimenti tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni li tinsab fil-premessi 387, 399 sa 403, 407 sa 410 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-fatt li l-portata tal-imsemmi ftehim hija biss wieħed mill-punti meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex timputa l-ksur imwettaq minn Weichert lil Del Monte.

–       Fuq ir-rabtiet ta’ natura kapitalistika li jgħaqqdu lil Del Monte ma’ Weichert

122    Għandu jiġi osservat li Del Monte kellha fil-pussess tagħha 80 % tal-kapital azzjonarju ta’ Weichert u li, skont l-Artikolu 11(4) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, it-telf u l-profitti kienu mqassma bejn is-soċji abbażi tal-kontribut finanzjarju rispettiv tagħhom (premessa 387 tad-deċiżjoni kkontestata), liema fatt kien ifisser li 80 % tat-telf jew profitti kienu imputati lil Del Monte.

123    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma spjegatx kif is-sehem tagħha f’Weichert u fil-profitti u fit-telf ta’ din tal-aħħar seta’ eventwalment jikkostitwixxi influwenza determinanti min-naħa tagħha fuq din l-impriża.

124    Madankollu għandu jiġi osservat li, fil-premessa 404 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika b’mod ċar li hija ma kinitx tqis li “80 % tal-ishma kienu fihom infushom biżżejjed sabiex tiġi imputata r-responsabbiltà għall-aġir ta’ Weichert lil Del Monte”, iżda li “d-daqs tas-sehem jipprovdi indikazzjoni tal-interess ta’ impriża sabiex teżerċita influwenza determinanti kif ukoll il-kapaċità tagħha li tiżgura l-mezzi sabiex teżerċita tali influwenza”. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li “huwa improbabbli li multinazzjonali kbira tirrinunzja milli teżerċita influwenza fuq [impriża li tirrappreżenta] impenn finanzjarju li jista’ jiġġenera profitt ta’ 80 %”.

125    B’hekk jidher li l-Kummissjoni enfasizzat ġustament li l-interess finanzjarju ta’ Del Monte fl-attivitajiet ta’ Weichert kien jikkostitwixxi motivazzjoni evidenti, għal tal-ewwel, sabiex teżerċita influwenza fuq it-tieni waħda u li l-ammont tas-sehem tagħha fil-kapital kien ifisser ċerta qawwa ekonomika u, fl-istess waqt, kapaċità li teżerċita influwenza. Huwa fid-dawl ta’ dan l-interess u ta’ din il-qawwa li għandhom jiġu evalwati l-mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ informazzjoni deskritti preċedentement kif ukoll l-aġir tar-rikorrenti fir-rigward ta’ Weichert, matul il-perijodu li matulu ġie kkostitwit il-ksur.

126    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-osservazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 404 tad-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata inkwantu, anki jekk soċju solidali jkollu biss sehem simboliku tal-kapital, jew assolutament ebda sehem u li l-kapital kollu jinżamm minn soċju akkomandanti, l-istruttura nnifisha tal-kumpannija in akkomandita tikkostitwixxi indikazzjoni tal-kontroll esklużiv mis-soċju jew mis-soċji solidali fin-nuqqas ta’ kontroll min-naħa tas-soċju akkomandanti, liema fatt il-Kummissjoni nnifisha tammetti fil-Komunikazzjoni ġurisdizzjonali konsolidata tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, C 95, p. 1).

127    Minbarra l-għan speċifiku tal-problematika tal-imputazzjoni ta’ ksur imwettaq minn impriża lil oħra, separat minn dak tal-komunikazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi osservat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq is-sempliċi struttura legali tal-kumpannija in akkomandita u għaldaqstant jinjora totalment il-ftehim ta’ assoċjazzjoni li jorganizza t-tqassim tas-setgħat bejnha u l-familja W.

128    Dan l-argument ma huwiex tali li jmur kontra l-premessa 404 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-inċentiv ta’ Del Monte li teżerċita influwenza fuq Weichert, fid-dawl tal-interess finanzjarju tagħha fl-attivitajiet ta’ din l-aħħar impriża u tal-kapaċità tagħha li teżerċitah.

129    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tindika li s-soċji solidali biss għandhom responsabbiltà personali illimitata, liema fatt ma jistax legalment jiġi emendat fil-ftehim ta’ assoċjazzjoni, filwaqt li s-sehem ta’ WAL f’telf eventwali kien limitat għas-sehem tagħha fil-kapital.

130    Għandu jitfakkar li s-sehem ta’ 80 % fil-kapital ta’ Weichert kien jirrappreżenta, skont il-ftehim ta’ assoċjazzjoni, is-somma ta’ DEM 6.5 miljun, u l-ishma tal-familja W. u dawk ta’ Interfrucht Beteiligungsgesellschaft kienu jammontaw rispettivament għal DEM 1.5 miljun u DEM 1 000, u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-biża’ li jintilef il-kontribut tagħha ta’ soċju akkomandanti u anki dik tan-nuqqas ta’ kull benefiċċju minkejja dan l-investiment kienu jikkostitwixxu motivazzjoni suffiċjenti sabiex attur importanti fis-suq bħal Del Monte jiġi inċentivat jiddefendi l-interessi tiegħu, indipendentement mill-eżistenza ta’ responsabbiltà personali illimitata tas-soċji solidali.

131    Fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-rikorrenti għas-sentenza Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, u għall-kliem “is-soċji għandhom kull interess li jevitaw li s-sussidjarja tagħhom taġixxi indipendentement mill-istruzzjonijiet tagħhom, minħabba r-riskju li jsibu ruħhom esposti, f’każ ta’ mġiba illegali min-naħa tas-sussidjarja tagħhom, għal proċeduri jew għal azzjonijiet għal kumpens ta’ terzi”, għandu jiġi osservat li din l-aħħar kunsiderazzjoni ma hijiex relevanti biss għal soċji li għandhom responsabbiltà personali illimitata għad-dejn tal-kumpannija tagħhom.

–       Fuq il-ftehim ta’ distribuzzjoni

132    Għandu jiġi enfasizzat li l-grupp Del Monte kkonkluda, permezz tal-kumpannija li ppreċediet lil DMFPI, ftehim inizjali ta’ distribuzzjoni ma’ Weichert fl-1971 u ftehim ieħor fl-1986, li ġie fformulat mill-ġdid u estiż sabiex sar il-ftehim ta’ distribuzzjoni tal‑1 ta’ Mejju 1988 (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ distribuzzjoni”), li ġie emendat numru ta’ drabi fit‑28 ta’ Awwissu 1990, fis‑27 ta’ Mejju 1991 u fl‑10 ta’ Frar 1994.

133    L-aħħar emenda tal-ftehim ta’ distribuzzjoni, tal‑10 ta’ Frar 1994, kienet saret wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 404/93, li fil-kuntest tiegħu l-importazzjoni ta’ banana fil-Komunità kienet koperta mis-sistema ta’ liċenzji bi kwoti annwali fissi, allokati kull trimestri.

134    Il-ftehim ta’ distribuzzjoni, kif emendat, kien jinkludi klawżola ta’ esklużività (Artikolu 11), li kien jipprovdi li Del Monte kellha timpenja ruħha sabiex tbigħ u tforni, matul il-kuntratt kollu, banana, ananas u papaja lil Weichert biss sabiex dawn jinbigħu fis-swieq Ewropej li jkopru n-Norveġja, l-Ungerija, il-Polonja, l-eks Ċekoslovakkja, l-Isvezja, il-Finlandja, id-Danimarka, il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Lussemburgu, il-Ġermanja u l-Awstrija, fejn l-aħħar tmien pajjiżi ċċitati jifformaw is-suq ġeografiku msemmi fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa tagħha, Weichert kellha l-obbligu li tixtri dawn l-istess prodotti, bil-għan li tbigħhom fl-imsemmija swieq, biss mingħand Del Monte, fejn l-unika eċċezzjoni, minuri, għal din il-klawżola ta’ provvista esklużiva kienet tikkonċerna l-prodotti kkunsinnati bl-ajruplan.

135    Għaldaqstant il-Kummissjoni setgħet issemmi, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li “Del Monte kienet, de facto, il-fornitur esklużiv ta’ banana ta’ Weichert bil-għan li din tiġi ddistribwita fl-Ewropa ta’ Fuq u Weichert kienet, skont il-ftehim ta’ distribuzzjoni, id-distributur esklużiv ta’ banana tat-trade mark Del Monte f’dan ir-reġjun ġeografiku sal‑31 ta’ Diċembru 2002” (premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata).

136    L-Artikolu 2(a) tal-ftehim ta’ distribuzzjoni kien jiffissa l-kwantitajiet ta’ kull ġimgħa ta’ banana li għandha tinxtara jew tinbigħ għal: “minimu ta’ bastiment fil-ġimgħa mgħobbi b’100 000 sa 200 000 kaxxa ta’ 42 libbra ta’ banana mill-Kosta Rika jew mill-Gwatemala”. Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi ftehim, 25 jum qabel id-data prevista għal kull tgħabija ta’ kull ġimgħa, Del Monte kellha tforni lil Weichert evalwazzjoni bil-miktub tal-frott li jista’ jiġi kkunsinnat a priori. Id-deċiżjoni kkontestata ssemmi wkoll l-Artikolu 9(3) tal-ftehim ta’ distribuzzjoni, li kien jipprovdi li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ provvista minħabba forza maġġuri, Del Monte kellha d-dritt li tnaqqas il-kwantitajiet tagħha b’mod proporzjonali u li, fl-ipoteżi fejn il-kwantitajiet ta’ kull ġimgħa kellhom jinżlu lil hinn min ċertu limitu, jiġifieri 60 000 kaxxa, għal din l-istess raġuni, il-kuntratt kellu jiġi awtomatikament sospiż sakemm ma kienx jiġi pprovdut mod ieħor bil-miktub bejn il-partijiet (premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata).

137    Filwaqt li l-Artikolu 3 tal-ftehim ta’ distribuzzjoni kien isemmi prezzijiet iffissati għal kull kaxxa ta’ banana ta’ 42 libbra, skont il-varjetà tagħha, l-Artikolu 4 tal-imsemmi ftehim kien jipprovdi mekkaniżmu ta’ aġġustament finanzjarju skont riżultati ta’ Weichert, li kien jipprovdi li Del Monte kellha tipparteċipa, b’ċertu proporzjon, għad-dħul net, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, għat-telf ta’ Weichert fl-okkażjoni tal-bejgħ ta’ frott matul xahar speċifiku.

138    Ir-rikorrenti tammetti li hija kellha interess li Weichert tbigħ bi prezzijiet ogħla peress li dan il-bejgħ kien jagħti lok għalhekk għal żieda fl-element varjabbli tal-prezz previst mill-Artikolu 4 tal-ftehim ta’ distribuzzjoni u tad-dħul ogħla għal Weichert, li fihom WAL kellha interess finanzjarju ta’ 80 %. Ir-rikorrenti lanqas ma tiċħad ir-riskji marbuta mat-telf eventwali ta’ Weichert, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-imsemmi ftehim, peress li hija tindika, fir-rikors, li “DMFPI kellha fil-fatt issostni 75 % tal-konsegwenzi finanzjarji skont l-Artikolu 4(c) tal-[ftehim ta’ distribuzzjoni], u fuq il-25 % li jifdal, 80 % kienu finalment sostnuti minn WAL” (ara wkoll il-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata).

139    Hekk kif tosserva l-Kummissjoni, dawn il-konstatazzjonijiet juru li Del Monte kellha interess doppju li teżerċita kontroll fuq il-prezzijiet imposti minn Weichert, inkwantu dawn mhux biss kellhom effetti fuq ir-riżultati ta’ Weichert, u s-sussegwentement fuq id-dħul disponibbli għall-azzjonisti, iżda kellhom ukoll effett daqstant dirett fuq il-prezzijiet miksuba minn Del Monte għall-banana fornita lil Weichert skont il-ftehim ta’ distribuzzjoni (premessa 414 tad-deċiżjoni kkontestata).

140    Sabiex Del Monte tkun tista’ tikkalkola l-prezz li abbażi tiegħu il-kunsinni ta’ banana kellhom jiġu ffatturati, l-Artikolu 4 tal-ftehim ta’ distribuzzjoni kien jipprovdi li, għaxart ijiem wara l-ħatt ta’ kull tagħbija koperta mill-ftehim, Weichert kellha l-obbligu li tipprovdi lil Del Monte rendikont komplet tal-bejgħ ta’ kull tagħbija li kien jinkludi l-ispejjeż, il-bejgħ, il-prezzijiet, eċċ. kollha (premessa 413 tad-deċiżjoni kkontestata).

141    Għalkemm, fid-dawl tad-drittijiet u obbligi reċiproċi tal-partijiet li jinsabu fil-ftehim ta’ distribuzzjoni, il-Kummissjoni ssemmi sħubija kkaratterizzata minn dipendenza reċiproka tal-impriżi kkonċernati (premessi 418 u 425 tad-deċiżjoni kkontestata), hija targumenta wkoll dwar il-fatt li dan il-ftehim kien isaħħaħ il-kapaċità ekonomika u ġuridika ta’ Del Monte sabiex teżerċita influwenza fuq il-ġestjoni ta’ kuljum tan-negozju ta’ Weichert (premessa 402 tad-deċiżjoni kkontestata).

142    Ir-rikorrenti tikkontesta din l-interpretazzjoni u ssostni li l-Kummissjoni ma tindikax l-inqas setgħa li tmur lil hinn minn ċerta forma ta’ influwenza kummerċjali li għandu kull fornitur, importanti jew esklużiv, u tittraskura numru ta’ punti essenzjali. Fil-fehma tagħha, il-ftehim ta’ distribuzzjoni kien ilu fis-seħħ qabel ma hija akkwistat is-sehem tagħha in akkomandita u la l-ftehim u lanqas il-mod kif dan kien jiffunzjona fil-prattika ma ġew madankollu emendati wara din l-akkwiżizzjoni. Barra minn hekk, il-ftehim ta’ distribuzzjoni kien jikkonċerna biss ċerti prodotti ta’ Weichert u din l-aħħar impriża setgħet ixxolji l-imsemmi ftehim u ssib fornitur ieħor, hekk kif għamlet wara l-2002.

143    Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura preċedenti u intanġibbli tal-ftehim ta’ distribuzzjoni sa mill-1994, data tal-akkwiżizzjoni ta’ WAL mir-rikorrenti, hija ma speċifikatx, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-portata tal-argument tagħha u tissodisfa ruħha billi tenfasizza li din il-konstatazzjoni “tinterseka bil-qawwi mal-premessa 382 tad-deċiżjoni kkontestata”, li ssemmi li ftehim ta’ assoċjazzjoni u l-ftehim ta’ distribuzzjoni kellhom “għan komuni”.

144    Fil-premessa 382 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-ftehim ta’ assoċjazzjoni u l-ftehim ta’ distribuzzjoni kellhom għan komuni ta’ importazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ banana fl-Ewropa ta’ Fuq fil-qafas leġiżlattiv applikabbli fi ħdan il-Komunità. Din is-sempliċi konstatazzjoni oġġettiva bl-ebda mod ma hija kkontestata minn dik relatata man-natura preċedenti u li ma tvarjax tal-ftehim ta’ distribuzzjoni sa mill-1994.

145    Fi kwalunkwe każ, il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura temporali tar-rikorrenti ma humiex tali li jinvalidaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq evalwazzjoni tal-portata tal-imsemmi ftehim.

146    Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti rreferiet ukoll għall-Artikolu 14 tal-ftehim ta’ distribuzzjoni, li kien jipprovdi li “il-partijiet f’dan il-ftehim [kienu] partijiet f’kuntratt indipendenti u ebda waħda mill-klawżoli ta’ dan il-ftehim ma [tista’] qatt tiġi interpretata b’mod li dawn isiru sħab, membru ta’ impriża komuni jew soċji ta’ kull tip, natura jew xort’oħra”. Għalkemm il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-imsemmi ftehim baqa’ l-istess sa mill-1994, huwa paċifiku li, billi xtrat lil WAL u s-sehem tagħha f’Weichert fl-1994, Del Monte saret soċju akkomandanti ta’ din l-aħħar kumpannija.

147    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għan tal-ftehim ta’ distribuzzjoni, għandu jiġi osservat li dan ma kienx jikkonċerna biss il-banana, iżda wkoll l-ananas il-papaja, li l-banana kienet tirrappreżenta parti importanti mid-dħul mill-bejgħ ta’ Weichert, skont il-punt 1 tar-risposta ta’ din tal-aħħar għat-talba għal informazzjoni tal‑10 ta’ Frar 2006, u li, fost il-pajjiżi kkonċernati mill-ftehim ta’ distribuzzjoni, kien hemm il-Ġermanja, jiġifieri suq Ewropew importanti ħafna fir-rigward ta’ ammont ta’ banana kkonsmata.

148    Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ rexissjoni tal-ftehim ta’ distribuzzjoni, din tirrigwarda klawżola komuni f’dan it-tip ta’ kuntratt li tibbenefika liż-żewġ partijiet, ġaladarba, fl-ipoteżi ta’ implementazzjoni ta’ din il-klawżola, tirriżulta għal kull waħda mill-partijiet il-kwistjoni tas-soluzzjoni neċessarja ta’ sostituzzjoni. Il-kundizzjonijiet li fihom intemm, f’dan il-każ, il-ftehim ta’ distribuzzjoni u l-influwenza ta’ din is-sitwazzjoni fuq ir-relazzjoni bejn Del Monte u Weichert għandhom jiġu eżaminati flimkien mal-argument dwar in-nuqqas ta’ osservanza minn Weichert tal-aspettattivi ta’ Del Monte fil-qasam tal-ipprezzar tal-banana (ara l-punti 195 sa 198 iktar ’il quddiem).

149    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni iktar ġenerali tal-ftehim ta’ distribuzzjoni u tal-osservazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma tindikax li hija kellha setgħa li tmur lil hinn minn ċerta forma ta’ influwenza kummerċjali li għandu kull fornitur, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tenfasizza li “Del Monte kellha possibbiltà kuntrattwali sabiex ikollha influwenza sinjifikanti fuq l-ammonti billi taċċetta l-limitu minimu kuntrattwali (bejn 100 000 u 200 000 kaxxa) jew billi teċċedih”, ġaladarba kienet Del Monte li, skont il-ftehim, kienet inkarigata milli tipprovdi evalwazzjoni tal-frott disponibbli għall-kunsinni futuri. Din id-data tiżvela differenzjal kunsiderevoli bejn il-limitu superjuri u l-limitu inferjuri ta’ dan l-“ammont minimu”. Il-Kummissjoni tindika, ġustament, li, mill-mument li Weichert kellha l-obbligu li tixtri kważi l-ammonti kollha ta’ banana minn Del Monte fil-kuntest tan-negozju tagħha f’bosta swieq Ewropej, il-possibbiltà li b’hekk jitnaqqas l-ammont fornut skont il-kuntratt kien jikkostitwixxi mezz ta’ pressjoni importanti fuq Weichert (premessa 426 tad-deċiżjoni kkontestata). Hekk kif tosserva l-Kummissjoni, Del Monte effettivament użat din l-attitudni fil-forniment ta’ Weichert bil-għan li tikkontrolla din il-kumpannija (ara d-dokument iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 456 u l-premessa 390 tad-deċiżjoni kkontestata).

150    Din l-aħħar konstatazzjoni dwar il-marġni diskrezzjonali importanti ta’ Del Monte fir-rigward tal-ammont ta’ forniment ta’ Weichert tiġġustifika l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-ftehim ta’ distribuzzjoni kien isaħħaħ il-kapaċità ekonomika u ġuridika ta’ Del Monte sabiex teżerċita influwenza fuq il-ġestjoni ta’ kuljum tan-negozju ta’ Weichert.

151    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li r-riferiment magħmul mir-rikorrenti fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 541 u 542), u tat‑12 ta’ Lulju 1979, BMW Belgium et vs Il‑Kummissjoni (32/78, 36/78 sa 82/78, Ġabra p. 2435), li juru li relazzjoni ta’ distribuzzjoni esklużiva bl-ebda mod ma tindika li żewġ entitajiet jagħmlu parti mill-istess impriża, hija nieqsa minn rilevanza, billi l-imsemmija sentenzi jikkonċernaw problemi ġuridiċi u jidħlu f’kuntesti fattwali differenti minn dawk ta’ din il-kawża. Is-sentenza Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tikkonċerna l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE mal-ftehim konkluż bejn rappreżentanti kummerċjali u aġenti. Is-sentenza BMW Belgium et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tikkonċerna r-responsabbiltà diretta fid-dawl ta’ multa imposta mill-Kummissjoni lid-distributuri ta’ karozzi talli kkonkludew projbizzjoni ta’ esportazzjoni. Il-qorti, f’ebda waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ma kellha teżamina u tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-imputazzjoni ta’ impriża fi ksur imwettaq minn oħra ġewx sodisfatti.

–       Fuq l-informazzjoni rċevuta minn Del Monte

152    Il-Kummissjoni ssostni li, minbarra l-informazzjoni li kellha tiġi kkomunikata lilha abbażi tal-Artikolu 7(4) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni u tal-Artikolu 4 tal-ftehim ta’ distribuzzjoni, Del Monte talbet lil Weichert, f’faks tal‑5 ta’ Mejju 2000 indirizzata lil D. W., sabiex tibgħatilha rapport li jinkludi informazzjoni dwar il-Ġermanja, l-Awstrija, il-pajjiżi tal-Benelux, l-Iskandinavja u l-pajjiżi barra mill-Unjoni, skont format anness, kull ġimgħa, sa mhux iktar tard minn nhar ta’ Tnejn jew ta’ Tlieta. Weichert ikkomunikat dan il-faks lill-Kummissjoni kif ukoll kopji tar-rapporti li hija bagħtet lil Del Monte li kienu jikkonċernaw is-sitwazzjoni fis-suq tal-banana mill-“ġimgħa nru 18” tal‑2000 sal-“ġimgħa nru 3” tal‑2002 (premessa 392 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn ir-rapporti kienu jinkludu żewġ kolonni li jikkorrispondu għal ġimagħtejn suċċessivi fejn, għal kull ġimgħa li tkun għaddiet kien ikun hemm indikazzjoni għal Del Monte, Dole, Chiquita u l-“oħrajn” kif ukoll għal kull wieħed mis-swieq ġeografiċi inkwistjoni, tal-volumi kkonċernati, tal-prezzijiet uffiċjali u tal-prezzijiet reali. L-istess informazzjoni kienet tissemma fit-tabella ddedikata għall-ġimgħa attwali, bis-sempliċi differenza li fiha kien ikun hemm riferiment għal “tentattiv ta’ prezz reali nett” minflok prezz reali nett. Lil hinn minn dawn l-indikazzjonijiet f’numri, dawn ir-rapporti kienu jinkludu sezzjoni fejn Weichert kienet tista’ ddaħħal kummenti fuq l-istat ta’ kull wieħed mis-swieq.

153    Weichert sostniet ukoll li bagħtet lil Del Monte rapporti ta’ prezzijiet kull ġimgħa sal‑1 ta’ Jannar 2003. Kopji ta’ dawn ir-rapporti jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni u juru prezz “uffiċjali” u “firxa ta’ prezzijiet reali” għall-banana tat-trade mark Del Monte u l-prodotti kompetituri (premessa 392 tad-deċiżjoni kkontestata).

154    Ir-rikorrenti ssostni li ma tantx huwa plawżibbli li l-fatt li kisbet informazzjoni speċifika fil-kuntest tal-ftehim ta’ distribuzzjoni taha l-iċken influwenza fuq l-aġir futur ta’ Weichert, fejn il-Kummissjoni ma tispjegax il-mod li bih hija setgħet taqleb din l-informazzjoni retrospettiva f’influwenza determinanti.

155    Għandu jiġi osservat li l-portata tar-rapporti inkwistjoni ma tikkorrispondix għall-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 4 tal-ftehim ta’ distribuzzjoni u li d-dokumenti kienu jikkostitwixxu sors ta’ informazzjoni supplementari b’rabta diretta mal-kummerċjalizzazzjoni tal-banana, fil-kuntest tan-negozjati ta’ kull ġimgħa, u għaldaqstant mal-ġestjoni ta’ kuljum ta’ Weichert.

156    Hekk kif ġie espost, ir-rapporti inkwistjoni kienu jinkludu informazzjoni speċifika u relevanti, jiġifieri l-indikazzjoni tal-prezzijiet uffiċjali, iżda wkoll estimi tal-prezzijiet reali għall-ġimgħa kkonċernata taħt il-forma, b’mod partikolari, ta’ firxa ta’ prezzijiet. Barra minn hekk, ir-regolarità tat-trażmissjoni ta’ kull ġimgħa ta’ dawn ir-rapporti kienet twassal għal fluss ta’ informazzjoni kontinwu lejn Del Monte li kien jagħtih fehma wiesgħa u preċiża dwar is-suq, inkluż dwar il-pożizzjonament ta’ Weichert imqabbel ma’ dak ta’ operaturi oħra, u dwar l-iżvilupp tiegħu.

157    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-riċeviment tar-rapporti inkwistjoni kien jagħmel parti minn dak li l-Kummissjoni ssejjaħ “mekkaniżmi ta’ informazzjoni”, li, magħquda mal-mekkaniżmi ta’ kontroll li jinsabu fil-ftehim ta’ assoċjazzjoni, kienu mill-inqas jippermettu lil Del Monte tinfluwenza l-aġir kummerċjali ta’ Weichert, li kien jinvolvi l-ġestjoni ta’ kuljum tan-negozju. Il-Kummissjoni żżid li l-provi deskritti juru wkoll li Del Monte kienet effettivament teżerċita din l-influwenza (premessa 393 tad-deċiżjoni kkontestata).

158    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rapporti inkwistjoni, li kienu jintbagħtu ta’ kull ġimgħa lil Del Monte minn Weichert, kienu jikkostitwixxu informazzjoni mitluba u fuq kollox miksuba marra mill-kuntest kuntrattwali li jirregola r-relazzjonijiet tal-partijiet, ġaladarba, waqt is-smigħ tagħha, Weichert indikat b’mod ċar li l-mekkaniżmu ta’ rapport iddettaljat ta’ kull ġimgħa kien ġie impost lilha minn Del Monte. Dan huwa ħjiel evidenti tal-eżerċizzju ta’ influwenza ta’ Del Monte fuq Weichert.

159    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li r-rapporti msemmija fil-punt 153 iktar ’il fuq ma kinux jirriżultaw minn informazzjoni speċifika favuriha, iżda kienu kkomunikati lis-suq kollu. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni ma tistrieħ fuq ebda prova konkreta u oġġettiva u għaldaqstant, ma tistax tiġi milqugħa.

–       Fuq id-diskussjonijiet dwar il-politika tal-ipprezzar u l-forniment ta’ Weichert

160    Għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qabel kollox fakkret ċerti dikjarazzjonijiet ta’ Weichert, ifformulati matul il-proċedura amministrattiva, dwar ir-relazzjonijiet tagħha ma’ Del Monte.

161    Il-premessa 388 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi:

“Skont Weichert, numru ta’ diskussjonijiet seħħew ta’ kull ġimgħa bejn Weichert u Del Monte fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ ġestjoni ta’ kuljum, kif ukoll il-kwistjonijiet ta’ pprezzar u ta’ kummerċjalizzazzjoni marbuta mad-distribuzzjoni tal-banana. Weichert issostni wkoll li l-‘prezz uffiċjali’ tagħha, li kien determinat kull nhar ta’ Ħamis filgħodu, kien stabbilit minn Weichert b’konsultazzjoni ma’ Del Monte. Hija tispjega wkoll li, għalkemm Del Monte ma tagħtix istruzzjoni uffiċjali sabiex tadotta l-istess prezz uffiċjali bħal Dole, hija kienet tistenna minn Weichert li jkollha prezz uffiċjali li jkun mill-inqas daqs dak ta’ Dole. Skont Weichert, għalhekk hija kienet tistabbilixxi l-prezz uffiċjali tagħha fuq l-istess livell bħall-prezz uffiċjali ta’ Dole”.

162    Fil-premessa 389 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi d-dikjarazzjoni ta’ Weichert li “minbarra l-influwnza ta’ Del Monte marbuta mal-fatt li hija l-azzjonista f’maġġoranza, hija kienet tipprova b’mod partikolari tissodisfa l-aspettattivi ta’ Del Monte, peress li hija kienet tibża’ li din tal-aħħar tieqaf milli tforniha jew mill-inqas tnaqqas il-fornimenti b’mod kunsiderevoli fil-każ li l-prezz uffiċjali ta’ Weichert ma jissodisfax l-aspettattivi ta’ Del Monte”.

163    Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat provi dokumentarji differenti li “[jikkonfermaw] dan it-tip ta’ kuntatt bejn Weichert u Del Monte u [juru] li Del Monte [kienet] eżerċitat pressjoni bil-għan li tinfluwenza direttament il-politika ta’ pprezzar ta’ Weichert” (premessa 389 tad-deċiżjoni kkontestata).

164    B’hekk il-Kummissjoni għamlet riferiment għal:

–        faks tat‑28 ta’ Jannar 2000, li permezz tagħha A., impjegat ta’ Del Monte, talab lil A. W. sabiex jagħtih spjegazzjoni dwar id-differenza bejn il-“prezz finali” u l-“prezz ridott” b’dawn il-kliem:

“Wara l-konverżazzjoni tagħna bit-telefon ilbierah, nixtieq nesprimi għal darb’oħra l-istagħġib tiegħi wara li qrajt ir-rapport tal-bejgħ ta’ Interfrucht għall-ġimgħa nru 3. Għandi bżonn nirċievi spjegazzjoni kompleta dwar id-differenza bejn il-prezz finali tagħkom ta’ […] u l-‘prezz ridott’ ta’ […]. Il-fatt li Interfrucht ipparteċipat f’kampanja promozzjonali ma’ xi supermerkati, meta s-suq tal-banana kien reġa ġej lura għal-livell normali tiegħu — għall-perijodu — huwa assolutament stupefaċenti! X’tip ta’ strateġija kummerċjali hija din? Barra minn hekk, wasal iż-żmien li intkom tindunaw li tbigħu il-frott tagħna. Tafu sew ħafna li Del Monte pparteċipat bi […] % għar-riżultati finali tagħkom; kif tistgħu tieħdu tali deċiżjoni, jiġifieri tieħdu sehem fi promozzjoni mingħajr ma tipprovaw tiksbu l-approvazzjoni tal-imsieħba tagħkom? Jew mingħajr ma tinfurmawhom minn tal-inqas! […] Biex naggravaw is-sitwazzjoni, tkellimt darbtejn mal-persuna tal-impriża tagħkom inkarigata mill-kummerċjalizzazzjoni tal-banana sabiex niddiskutu dwar il-kundizzjonijiet u dwar il-prezzijiet fis-suq […]. Ġejt informat li [Weichert] għandha żżomm il-prezzijiet tagħha ‘viċin ħafna’ tal-pezz uffiċjali!!! […] Fi kwalunkwe każ, [dan] huwa għal kollox mhux aċċettabbli. Din il-kwistjoni għandha tiġi ttrattata bħala prijorità fil-laqgħa tagħna ma’ [E.], il-ġimgħa d-dieħla […] Nixtiequ ninformawkom li, jekk l-aġir kummerċjali tagħkom ma jitjiebx, fis-sens li tkunu iktar f’sintonija mas-suq u fuq livell paragunabbli għal dak tal-operaturi l-oħra ta’ Del Monte, Del Monte ser timplementa kull azzjoni neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi tagħha” (premessa 389 tad-deċiżjoni kkontestata) (anness A.24 tar-rikors);

–        faks tal-istess jum ta’ A. W., bi tweġiba għal A., li jitolbu jiskużah tal-malintiż li seħħ f’konverżazzjoni bit-telefon bejnu u impjegat ta’ Weichert, li jagħti spjegazzjonijiet dwar ir-riżultati finanzjarji ta’ Weichert u li jintemm bil-kliem “[N]insabu ħerqana li għandna l-possibbiltà nispjegaw personalment is-sitwazzjoni tal-laqgħa tagħna l-ġimgħa d-dieħla” (premessa 389 tad-deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 424);

–        skambji permezz ta’ faks tas‑6 ta’ April 2000 bejn A. u A. W., li fihom tal-ewwel jitlob, billi jirreferi għal rapport ta’ nhar ta’ Tlieta, id-dettalji kollha dwar id-differenza bejn il-prezz reali u l-prezz ta’ referenza u t-tieni jindika li “r-raġuni li tispjega d-differenza relattivament importanti bejn l-offerta uffiċjali u l-prezz reali hija li ż-żieda minn DEM 33 għal DEM 35 qatt ma setgħet titwettaq”, jiddeduċi li “l-firxa ta’ prezzijiet [tagħhom] tinsab bejn DEM 33,00 u DEM 30,00 mingħajr it-tnaqqis” u jikkonkludi bil-kliem “Għal kull mistoqsija, jekk jogħġbok ċempel” (premessa 389 tad-deċiżjoni kkontestata u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 424);

–        faks ta’ Del Monte inidirizzata lil Weichert fit‑12 ta’ Ġunju 2000, li fiha tal-ewwel tikkonferma l-pożizzjoni tagħha, kif spjegata f’laqgħa f’Miami (l-Istati Uniti) u f’konverżazzjoni bit-telefon tal-istess jum, billi tindika b’mod ċar li l-prezzijiet kellhom jiġu ffissati taħt firxa ta’ prezzijiet speċifika skont l-oriġini ġeografika tal-banana, u li, f’ebda każ l-imsemmija prezzijiet ma kellhom ikunu inferjuri għal prezz iddeterminat ukoll skont l-imsemmija oriġini u li fiha huwa wkoll indikat li ġej: “Jekk intkom ma tistgħux tapplikaw dawn il-prezzijiet, il-pożizzjoni tgħna, bħal ma kkomunikajnielkom b’mod ċar waqt il-laqgħa tal-ġimgħa li għaddiet f’Miami, tikkonsisti f’li jitnaqqas b’mod konsegwenti l-ammont tagħkom ta’ banana fuq il-livell tal-liċenzji ta’ Interfrucht, jiġifieri, +/- 60 000 kaxxa fil-ġimgħa. Jekk jogħġobkom informawna kuljum dwar ir-riżultati tan-negozzjati tal-prezzijiet tagħkom mal-klijenti tagħkom” (premessa 390 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        faks tat‑12 ta’ Diċembru 2000 minn A., lil A. W. redatt b’dan il-mod:

“L-intenzjoni tagħna ma hijiex li tfalli Interfrucht […] Aħna nipprovaw biss innaqqsu t-telf tagħna — Del Monte u Interfrucht — f’sitwazzjoni tas-suq li ma hijiex favorevoli ħafna. Il-messaġġ tagħna kien ċar u mingħajr ambigwità, jekk ma inthomx f’pożizzjoni li tbigħu f’firxa ta’ prezzijiet ta’ US […] matul l-ewwel trimestri, intkom ma tkunux f’pożizzjoni li tikkostitwixxu riżerva żgħira ta’ profitti sabiex tpaċu l-prezzijiet baxxi mitluba matul l-aħħar żewġ trimestri tas-sena, dan ifisser li l-2001 ikun diżastru f’termini ta’ riżultati fis-settur tal-banana. Bħala konklużjoni, it-tnaqqis ta’ volum huwa l-uniku mod li bih jista’ jintemm dan it-tnaqqis tal-prezzijiet […]” (premessa 389 tad-deċiżjoni kkontestata u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 424);

–        posta elettronika tat‑23 ta’ Lulju 2002 tal-awditur intern reġjonali ta’ Del Monte lil Weichert, li fiha jitlob, minn naħa, ir-raġunijiet għalfejn il-prezzijiet ta’ ċertu stokk għal kull ġimgħa ta’ importazzjoni ta’ Weichert fl‑2001 kienu iktar baxxi minn dawk tal-banana tat-trade mark UTC ta’ Del Monte mibjugħa fil-Pajjiżi l-Baxxi minn Del Monte Belgium jew iktar baxxi minn dawk li l-istampa kummerċjali Sopisco kienet irrapportat bħala l-“prezzijiet reali” l-iktar baxxi għal dawn l-aħħar ġimgħat u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li jiġu kkonsultati l-kuntratti li, jekk ikun il-każ, eżistew fl‑2001 u li jipprovdu rifużjonijiet jew tnaqqis lil ċerti klijenti ta’ Weichert (premessa 389 tad-deċiżjoni kkontestata u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 424).

165    Skont il-Kummissjoni, dawn il-fatti juru li, matul il-perijodu tal-ksur, Del Monte kienet tqis li kienet tinsab f’pożizzjoni jew li għandha d-dritt li tinfluwenza l-politika ta’ pprezzar ta’ Weichert u li teżerċita infuwenza fuq il-ġestjoni ta’ kuljum tan-negozju ta’ Weichert, u dan kienet tagħmlu konkretament (premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata), liema fatt ir-rikorrenti tikkontesta f’din l-istanza.

166    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tistrieh kunsiderevolment fuq id-dikjarazzjonijiet interessati ta’ Weichert, ifformulati matul il-proċedura amministrattiva bil-għan li tispjega l-piż tar-responsabbiltajiet tagħha, minkejja n-nuqqas ta’ prova dokumentarja li tissostanzjahom, jew saħansitra minkejja l-eżistenza ta’ provi kuntrarji, u minkejja r-rekwiżiti ta’ natura ġurisprudenzjali kuntrarji. Hija żżid li huwa sinjifikattiv li l-Kummissjoni tibbaża t-teżi kollha tagħha dwar ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent fuq allegazzjonijiet mhux ikkonfermati ta’ Weichert, filwaqt li hija tiċħad l-argumenti u provi kollha prodotti minn din il-kumpannija fir-rigward tal-allegat ksur innifsu.

167    Din l-asserzjoni, bl-istess mod bħal dik wara l-approċċ kontradittorju tal-Kummissjoni, hija bbażata fuq premessa żbaljata. Il-Kummissjoni fakkret sempliċement fil-premessi 388 u 390 tad-deċiżjoni kkontestata d-dikjarazzjonijiet ta’ Weichert fuq ir-relazzjonijiet tagħha ma’ Del Monte sabiex sussegwentement enfasizzat l-eżistenza ta’ provi dokumentarji, kontemporanji għall-perijodu matulu seħħ il-ksur, dwar id-diskussjonijiet regolari ma’ Del Monte dwar il-prezzijiet u l-pressjonijiet eżerċitati mill-imsemmija impriża (premessi 389 u 390 tad-deċiżjoni kkontestata).

168    Fir-rigward tal-“provi kontrarji” allegati, ir-rikorrenti tosserva li Weichert iddeskriviet lilha nnifisha bħala “sussidjarja indiretta li tagħmel parti mill-[grupp Del Monte]” filwaqt li bosta dikjarazzjonijiet ta’ Weichert, li jippreċedu l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, juru li l-interessi ta’ din l-impriża u dawk ta’ Del Monte ma kinux identiċi.

169    Minbarra n-natura oġġettiva tal-konstatazzjoni marbuta maż-żamma minn Del Monte, permezz tas-sussidjarja tagħha WAL, ta’ 80 % tal-kapital azzjonarju ta’ Weichert, għandu jiġi osservat li dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Weichert magħmula fl-imgħoddi, li jinsabu f’diversi ittri indirizzati lil Del Monte u li jiżvelaw tensjonijiet ma’ din l-aħħar impriża, ma jikkontradixxux l-asserzjonijiet ulterjuri fir-rigward tal-eżistenza ta’ diskussjonijiet regolari dwar il-prezzijiet ma’ din l-aħħar impriża u tal-pressjonijiet eżerċitati minnha.

170    Ir-rikorrenti tirreferi wkoll għas-silta mir-risposta ppreżentata minn Weichert quddiem qorti Ġermaniża fl-2002, fil-kuntest ta’ kwistjoni bejnha u bejn WAL. Fiha huwa sostnut li l-valur ekonomiku miżjud kollu ta’ Weichert, jiġifieri x-xiri, il-marketing u l-loġistika, kien esklużivament imputabbli lis-soċji solidali u li r-rwol ta’ WAL fi ħdan il-kumpannija kien jillimita ruħu għal sehem finanzjarju. L-għan tal-proċedura, li r-riżultat tiegħu ma ġiex ikkomunikat mir-rikorrenti, jikkonċerna l-kwistjoni dwar min l-iktar ikkontribwixxa għall-valur ekonomiku miżjud ta’ Weichert, liema problematika hija distinta minn dik, speċifika tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, tal-imputazzjoni lil impriża tal-ksur imwettaq minn oħra.

171    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li r-realtà u l-awtentiċità tal-korrispondenzi msemmija fil-premessi 389 u 390 tad-deċiżjoni kkontestata, li huma kkorroborati minn ċerti dikjarazzjonijiet ta’ Weichert dwar id-diskussjonijiet regolari ma’ Del Monte dwar il-prezzijiet u dwar il-pressjonijiet eżerċitati mill-imsemmija impriża, ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti.

172    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tindika li ma tiftakarx li kien hemm l-iċken okkażjoni fejn hija ddiskutiet il-prezzijiet ta’ referenza jew il-prezzijiet ta’ tranżazzjoni ma’ Weichert qabel ma ġew iffissati dawn il-prezzijiet. Ħlief fil-każ tal-komunikazzjonijiet rikjesti mill-applikazzjoni tal-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż bejn DMFPI u Weichert, seħħew wisq ftit ta’ diskussjonijiet bejn dawn iż-żewġ kumpanniji. Il-korrispondenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 424 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi biss eżempji ta’ każijiet li fihom Weichert kienet ikkomunikat, a posteriori, lil Del Monte informazzjoni u spjegazzjonijiet dwar ir-riżultati miksuba bħala distributur ta’ Del Monte. Ir-rikorrenti tosserva, f’dan ir-rigward, li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li “id-diretturi ta’ Weichert kienu min-naħa tagħhom jinformaw lil Del Monte” (premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata), ma hijiex eżatta, peress li s-soċji solidali ma kellhom ebda superjur fis-sens ġerarkiku tal-kelma u ħadd ma seta’ jneħħihom, fejn is-setgħat tagħhom kienu ddeterminati direttament mill-ftehim ta’ assoċjazzjoni u l-HGB.

173    L-ewwel nett, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti dwar il-formulazzjoni tal-premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata huwa dovut għal interpretazzjoni żbaljata min-naħa tagħha, fejn ir-riferiment inkwistjoni ma jinkludix allegazzjoni sottostanti ta’ sudditanza ġerarkika tad-diretturi ta’ Weichert fir-rigward ta’ Del Monte.

174    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma tistax validament tirriduċi l-għan tal-korrispondenza skambjata ma’ Weichert għal sempliċi informazzjoni ex post dwar l-applikazzjoni tal-ftehim ta’ distribuzzjoni.

175    Din il-korrispondenza, bħal dik deskritta fil-premessi 389 u 390 tad-deċiżjoni kkontestata, tiżvela mistoqsijiet diretti tar-rikorrenti dwar il-marketing u l-prezzijiet mitluba minn Weichert, istruzzjonijiet preċiżi ħafna, peress li jinkludu ċ-ċifri, fir-rigward tal-politika tal-ipprezzar li għandha ssegwi, laqgħat u konverżazzjonijiet bit-telefon dwar dan is-suġġett, ordni espliċita intiża għall-provvista ta’ informazzjoni ta’ kuljum dwar in-negozjati kummerċjali, pressjonijiet espliċiti fir-rigward tal-forniment u spjegazzjonijiet jew ġustifikazzjonijiet ta’ Weichert fir-rigward tal-ġestjoni tagħha ta’ kuljum. Għandu jitfakkar li din il-korrispondenza kienet tidħol fil-kuntest ta’ komunikazzjoni regolari, min-naħa ta’ Weichert lil Del Monte, permezz ta’ rapporti li jinkludu informazzjoni speċifika dwar l-istat preżenti u ppjanat tas-suq tal-banana.

176    Għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti nnifisha tanalizza b’mod differenti l-korrispondenza inkwistjoni f’partijiet oħra tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. B’hekk, hija tindika li l-Kummissjoni “tiċċita numru żgħir ta’ każijiet li fihom [hija] kkuntattjat lil Weichert a posteriori sabiex tesprimi x-xewqa tagħha li titlob prezzijiet għal prodotti ta’ kwalità superjuri b’mod ġenerali” u tammetti finalment, fir-replika, li “ma hemmx dubju li l-erba’ faksijiet jikkostitwixxu tentattiv min[-naħa tagħha] sabiex tinfluwenza l-aġir ta’ Weichert” u li “[hija] kienet fil-fatt qed tipprotesta peress li Weichert ma kinitx segwiet l-istruzzjonijiet li hija kienet ikkomunikat lilha”.

177    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-allegat biża’ ta’ Weichert fir-rigward tal-forniment tagħha ta’ banana ma jikkostitwix argument li jissostanzja t-teżi tal-Kummissjoni.

178    Qabel kollox, ir-rikorrenti ssostni li d-dritt ta’ fornitur li jtemm ir-relazzjoni tiegħu ma’ distributur ma jikkostitwixxix influwenza determinanti, inkella l-fornituri kollha, importanti, ikunu responsabbli mill-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mid-distributuri indipendenti, u ma teżisti l-ebda sentenza li tissuġġerixxi tali responsabbiltà.

179    Għandu sempliċement jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni ta’ portata ġenerali, astratta, ma hijiex tali li tmur kontra l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata u bbażata fuq evalwazzjoni in concreto tar-relazzjonijiet bejn Weichert u Del Monte.

180    Sussegwentement, fir-rikors jissemma li “l-avviżi ta’ Del Monte kienu jagħmlu riferiment għal każijiet li fihom Weichert kienet xtrat liċenzji ta’ importazzjoni supplementari mingħajr ma kkonsultat lil Del Monte minn qabel u dan għal prezzijiet li ssoltu jkunu tant għoljin li definittivament kellha tibigħ il-banana b’telf” u li huwa normali li Del Monte tkun kontra din l-istrateġija, peress li hija kellha effett li toħloq preġudizzju fis-suq tagħha u fuq ir-riżultati ta’ Weichert.

181    Is-sitwazzjoni hekk deskritta ma tikkorrispondi b’ebda mod għall-portata tal-iskambji bejn Weichert u Del Monte. Barra minn hekk, din tal-aħħar ma tipproduċi ebda element li jissostanzja l-allegazzjonijiet fir-rigward tal-akkwiżizzjoni, oneruża wisq, minn Weichert tal-liċenzji ta’ importazzjoni supplementari u, sussegwentement, il-bejgħ b’telf li jiġġustifika l-intervent tagħha. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li Del Monte kellha għan leġittimu, bħal ma tallega, billi intervjeniet fil-ġestjoni ta’ kuljum ta’ Weichert ma hijiex tali li tmur kontra l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà.

182    Fl-aħħar nett, qed jiġi allegat li ma kien jeżisti ebda riskju li Del Monte tieqaf tforni lil Weichert, bħal ma ddikjarat din tal-aħħar matul il-proċedura amministrattiva. Il-waqfien tal-forniment ta’ Weichert mhux biss jikkostitwixxi ksur ta’ kuntratt, iżda wkoll jippreġudika lil WAL, ġaladarba hija kellha ssostni 80 % tal-konsegwenzi finanzjarji. Barra minn hekk, il-waqfien ta’ dan il-forniment kien iżid ir-riskju li distributur ta’ banana rivali jieħu dan is-sehem mis-suq u kien ikollu effett negattiv fuq it-trade mark Del Monte.

183    Ir-rikorrenti żżid tgħid li l-korrispondenza skambjata ma’ Weichert “tidher” li qed tindika li din tal-aħħar ma kellha ebda raġuni imperattiva li tieħu inkunsiderazzjoni x-xewqat tagħha fil-qasam tal-ipprezzar, u dan tant li r-relazzjoni bejn il-fornitur u d-distributur kienet tidħol, matul il-perijodu mill‑2000 sal‑2002, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni rexiss sa mill‑1997.

184    Dan l-argument tar-rikorrenti jirriżulta minn interpretazzjoni parzjali tad-dikjarazzjonijiet ta’ Weichert imfakkra fil-premessa 390 tad-deċiżjoni kkontestata li jipprovdu li “[Weichert] ipprovat b’mod partikolari tissodisfa l-aspettattivi ta’ Del Monte, peress li [Weichert] kienet tibża’ li din tal-aħħar tieqaf milli tfornilha jew mill-inqas tnaqqas il-fornimenti b’mod kunsiderevoli”. Billi naqset milli ssemmi t-tnaqqis tal-forniment, ir-rikorrenti żnaturat id-dikjarazzjonijiet ta’ Weichert relatati mal-biżgħat tagħha fil-qasam ta’ forniment, ikkorroborati bil-provi dokumentarji miġbura mill-Kummissjoni, u tipprovdi spjegazzjonijiet li ma jkoprux ir-realtà tar-relazzjonijiet u r-rabta forzata ma’ Weichert, hekk kif żvelati minn dawn id-dokumenti.

185    Fil-fatt, mill-ftehim ta’ distribuzzjoni u mill-faksijiet indirizzati lil Weichert jirriżulta li Del Monte kellha kapaċità reali li tinfluwenza, b’mod sinjifikattiv, il-forniment ta’ Weichert u li, fil-prattika, hija eżerċitat pressjoni qawwija fuq din l-impriża, permezz tal-kapaċità msemmija iktar ’il fuq, sabiex tinfluwenza l-politika ta’ pprezzar tagħha.

186    Il-korrispondenza bejn Del Monte u Weichert turi l-perċezzjoni tas-sitwazzjoni ta’ kull waħda minnhom f’dak iż-żmien u, f’dan ir-rigward, il-konstatazzjoni tiżvela li tal-ewwel heddet li tnaqqas il-volum ta’ provvista ta’ kull ġimgħa ta’ banana “fir-rigward tal-liċenzji ta’ Interfrucht, jiġifieri, +/- 60 000 kaxxa kull ġimgħa”, mingħajr ma semmiet każ ta’ forza maġġuri, jiġifieri ammont inferjuri għal-limitu minimu previst mill-ftehim ta’ distribuzzjoni, li jippermetti lil Del Monte tnaqqas l-offerti taħt il-kwantità minima (100 000 kaxxa), biss fil-każ ta’ forza maġġuri, u jipprovdi sospensjoni awtomatika tal-kuntratt fil-każ ta’ provvista ta’ kull ġimgħa inferjuri għal 60 000 kaxxa. B’hekk jidher li Del Monte ma baqgħetx lura milli tosserva strettament il-kliem tal-kuntratt li jorbotha ma’ Weichert, billi kkunsidrat li t-terminu minimu ta’ provvista ma kienx jirrappreżenta l-volum ta’ banana li hija kellha tipprovdi skont il-ftehim ta’ distribuzzjoni, iżda l-volum ta’ banana li jikkorrispondi għal-liċenzji li għandha Weichert. Del Monte kkonfermat il-pożizzjoni tagħha b’mod mhux ekwivoku matul il-proċedura amministrattiva (ara l-punt 54 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iċċitat fil-premessa 420 tad-deċiżjoni kkontestata).

187    Barra minn hekk, il-ftehim ta’ distribuzzjoni ma kienx ikopri biss lill-Istati Membri tan-naħa ta’ Fuq tal-Komunità, iżda wkoll Stati Membri oħra li fit-territorju tagħhom is-sistema Komunitarja ta’ liċenzjar tal-banana ma kienx japplika, jiġifieri n-Norveġja, l-Ungerija, il-Polonja u l-eks Ċekoslovakkja. B’hekk, it-tnaqqis tal-volumi fir-rigward tal-liċenzji ta’ importazzjoni, bħala strument ta’ azzjoni fuq il-livell tal-prezzijiet tal-banana, preokkupazzjoni prinċipali ta’ Del Monte skont id-dikjarazzjonijiet tagħha stess, seta’ jqiegħed lil Weichert f’diffikultà fir-relazzjonijiet tagħha mal-klijenti tagħha li jinsabu fil-pajjiżi msemmija iktar ’il fuq. Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tas-sistema ta’ liċenzji li kienet fis-seħħ, il-fatt li impriża ma tużax il-liċenzji tagħha għal sena kien jiswa, inkwantu l-liċenzji tas-sena ta’ wara kienu jiddependu minn dawk użati s-sena preċedenti u d-detenturi ta’ liċenzja kienu jitilfu wkoll parti mill-garanzija tagħhom fil-każ ta’ liċenzji mhux użati (ara l-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata).

188    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li fin-noti tagħha Del Monte pprovdiet spjegazzjonijiet dwar id-distribuzzjoni tal-banana importata li juru l-qawwa ekonomika u u ċerta indipendenza ta’ din l-impriża, sitwazzjoni li f’dan is-sens tiddistingwiha minn Weichert.

189    Fir-rikors ir-rikorrenti tindika (punt 76 tar-rikors) dan li ġej:

“Matul il-perijodu kkonċernat, kien neċessarju li wieħed ikun jinsab fil-pussess ta’ liċenzji ta’ importazzjoni sabiex tkun tista’ tinbigħ il-banana fl-Unjoni […] Bħala attur fl-imgħoddi fiż-żona tal-Ewropa ta’ Fuq, Weichert kellha numru importanti ta’ liċenzji ta’ importazzjoni (madwar 137 000 tunnellata fl-2002), li kienu essenzjalment attribwiti lilha mill-ġdid ta’ kull sena [kunfidenzjali] (1).”

190    Din il-flessibbiltà tas-suq tal-banana deskritta mir-rikorrenti hija kkonfermata mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ċaqlieq importanti ta’ volumi mir-reġjun tal-Ewropa ta’ Fuq lejn partijiet oħra tal-Unjoni, u viċi-versa, kif tixhed id-data ta’ Eurostat (Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea), kif ukoll id-data relatata man-natura varjabbli minn ġimgħa għal oħra tal-volumi ta’ banana li jaslu fil-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq, u li sussegwentement jitqassmu bejn il-pajjiżi differenti tal-Ewropa ta’ Fuq u territorji oħra, żvelata bl-iskambji ta’ informazzjoni bejn importaturi fuq il-wasliet ta’ banana fl-imsemmija portijiet, liema skambji ma ġewx ikkontestati fil-kuntest ta’ din l-istanza (premessi 131 u 135 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-fatt li ma kienx possibbli għaliha li tintegra [kunfidenzjali] ma jbiddel imkien l-istruttura organizzattiva tar-rikorrenti fid-distribuzzjoni tal-banana tagħha, inkluża dik mibjugħa taħt it-trade mark Del Monte, u l-flessibbiltà li tikkaratterizzaha.

191    Fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika wkoll li l-grupp Del Monte huwa attiv fil-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ banana fl-Ewropa permezz ta’ bosta sussidjarji 100 % proprjetà tagħha, b’mod partikolari DMFPI, Del Monte Germany, attiva fis-suq tal-banana mill‑1 ta’ Jannar 2002 u Del Monte Holland. L-attività ta’ din tal-aħħar ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ banana taħt it-trade mark UTC barra minn hekk ta lok għal protesta min-naħa ta’ Weichert tat‑18 ta’ Novembru 1998, li fiha din tal-aħħar talbet il-“konferma bil-miktub […] li Del Monte tiddeżisti immedjatament mill-imsemmija attivitajiet u tosserva l-ftehim ta’ distribuzzjoni”. Tliet snin wara, f’ittra tat‑30 ta’ Ottubru 2001, soċju solidali ta’ Weichert indirizza ruħu lil Del Monte billi enfasizza li ġej: “Fir-rigward ta’ dan il-ftehim [ta’ distribuzzjoni], meta bdejtu tfornu l-kumpanniji tagħkom fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Belġju bl-istess banana u ananas tat-trade mark UTC, intkom ksirtu l-kuntratt mill-inqas darbtejn”. Dawn iċ-ċitazzjonijiet jiżvelaw nuqqas ta’ ekwilibriju fir-relazzjoni bejn Del Monte u Weichert, fis-sens li fihom qed tissemma d-distribuzzjoni permezz tas-sussidjarji ta’ Del Monte tal-“istess banana u ananas”, taħt isem ieħor, fit-territorju kopert mill-ftehim ta’ distribuzzjoni, liema fatt seta’ biss ifixkel in-negozju ta’ Weichert, għalkemm dan wassal biss sabiex ġie espress dispjaċir.

192    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-korrispondenza skambjata ma’ Weichert “tidher li tindika li din tal-aħħar ma kellha ebda inċentiv imperattiv li tieħu inkunsiderazzjoni x-xewqat ta’ Del Monte”, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tirreferi għal żewġ ittri tas-soċju solidali, D. W., li ntbagħtu lilha, waħda li tippreċedi l-faksijiet ta’ Del Monte li jheddu lil Weichert bi tnaqqis fil-forniment tagħha, li tmur lura għall‑10 ta’ Jannar 1997, u l-oħra li tesprimi, fit‑23 ta’ April 2001, l-oppożizzjoni ta’ din l-assoċjata għal kull bdil tal-forma ġuridika ta’ Weichert b’mod li Del Monte tingħata l-“kontroll totali” tagħha.

193    Madankollu, il-fatt li r-rieda ta’ Del Monte li tibdel l-istatus legali ta’ Weichert iltaqgħet mar-reżistenza ta’ soċju solidali assolutament ma jbiddilx il-problematika ekonomika li rriżultat mir-relazzjoni ta’ setgħat eżistenti bejn dawn l-impriżi fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-ftehim ta’ distribuzzjoni sal‑31 ta’ Diċembru 2002, relazzjoni li tivvantaġġa lil Del Monte fir-rigward tal-kliem ta’ dan il-ftehim kif ukoll fir-rigward tad-daqs u għaldaqstant tal-qawwa ekonomika tagħha, liema fatt jikkonferma l-biżgħat espressi minn Weichert.

194    Fir-rigward tal-argument li r-relazzjoni bejn il-fornitur u d-distributur kienet tidħol, matul il-perijodu mill‑2000 sal‑2002, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni rexiss sa mill‑1997, għandhom jitfakkru l-kliem ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-possibbiltà ta’ rexissjoni offerta minn kull waħda mill-partijiet.

195    Il-ftehim ta’ distribuzzjoni tal‑1998 ġie konkluż inizjalment għal tul ta’ ħames snin, fejn l-Artikolu 1 ipprovda li “[il-] ftehim [għandu jkun] effettiv sal‑31 ta’ Diċembru 1993, data li [kienet] ħames snin wara l-iskadenza tal-kuntratt inkwistjoni bejn il-partijiet”. Kien previst ukoll li, fil‑31 ta’ Diċembru 1988 u l‑31 ta’ Diċembru kollha segwenti, it-tul tal-kuntratt kellu jiġi mġedded b’sena, sakemm waħda mill-partijiet ma tinnotifikax lill-oħra, bil-miktub, li hija kienet qed tirrinunzja dan it-tiġdid, fejn l-imsemmija notifika għandha tintbagħat sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Ottubru 1988 jew l‑1 ta’ Ottubru ta’ kull sena ta’ wara. B’hekk, il-ftehim ta’ distribuzzjoni kien jipprovdi tiġdid awtomatiku tal-kuntratt fuq bażi annwali, bil-possibbiltà ta’ rexissjoni unilaterali minn parti, innotifikat lill-parti l-oħra tliet xhur qabel l-iskadenza tat-terminu.

196    Huwa paċifiku li, permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Lulju 1997, Del Monte informat lil Weichert dwar il-fatt li hija kienet qed tirrifjuta tkompli jew iġġedded il-ftehim ta’ distribuzzjoni u li dan kien se jiskadi fil‑31 ta’ Diċembru 2002 (premessa 431 tad-deċiżjoni kkontestata).

197    B’hekk, Del Monte eskludiet lilha nnifisha mit-termini tal-ftehim ta’ distribuzzjoni sabiex tinnotifika rexissjoni li wasslet, fil-prattika, għal tiġdid ta’ ħames snin tiegħu, mingħajr ma d-data tal‑31 ta’ Diċembru 2002 tiġi barra minn hekk interpretata bħala t-tmiem inevitabbli tal-ftehim. Fil-fatt, mid-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti nnifisha u mid-dokumenti prodotti waqt id-dibattiti jirriżulta li, minkejja d-differenzi tagħhom dwar it-tibdil tal-istatus legali ta’ Weichert, hija kienet involuta f’negozjati mas-soċji solidali bil-għan li jiġġedded il-ftehim ta’ distribuzzjoni. B’hekk, f’ittra tat‑30 ta’ Ottubru 2001, għalkemm D. W. kien esprima n-nuqqas ta’ qbil tiegħu wara l-proposti ta’ tiġdid ta’ ftehim irranġat ifformulati minn Del Monte, huwa stieden għal darb’oħra lil din tal-aħħar sabiex tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha fid-dawl tal-osservazzjonijiet li jinsabu fl-ittra.

198    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li Del Monte u Weichert komplew ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom sal‑31 ta’ Diċembru 2002, li hija wkoll id-data li jsir effettiv it-trasferiment tas-sehem in akkomandita ta’ Del Monte f’Weichert lil JA Kahl Holding GmbH & Co. KG, fil-kuntest tal-ftehim ta’ distribuzzjoni, fejn il-ħtiġijiet ekonomiċi fuq l-impriżi ma jagħtuhomx iktar għażla.

199    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tallega li l-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ għaqda ekonomika ma’ Weichert tistrieh fuq erba’ faksijiet mibgħuta lis-soċji solidali ta’ din il-kumpannija, kollha kemm huma datati s-sena 2000 u li huma suġġetti għal interpretazzjoni żbaljata min-naħa tal-istituzzjoni.

200    Ir-rikorrenti ssostni li Weichert kellha strateġija ta’ bejgħ ta’ daqs kbir sabiex tuża l-liċenzji kollha tagħha u, konsegwentenemt, dejjem iffissat il-prezz uffiċjali tagħha wara li Dole kienet iffissat il-prezz tagħha u fuq l-istess livell ta’ din tal-aħħar, filwaqt li l-istrateġija tagħha kienet intiża sabiex tilħaq prezz ta’ kwalità għolja u prezz ta’ referenza iktar viċin dak ta’ Chiquita, liema fatt kien ukoll magħruf mill-atturi l-oħra tas-suq. F’dan ir-rigward, hija tosserva li diskussjonijiet ma’ Weichert dwar l-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza jew tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni ma kellhom ebda sens fid-dawl tal-fatt li Weichert dejjem kienet issegwi l-prezzijiet ta’ Dole.

201    Ir-rikorrenti ssostni li, f’dan il-kuntest, l-erba’ faksijiet inkwistjoni jipproduċu l-prova dokumentarja ta’ żewġ fatti, jiġifieri, minn naħa, iċ-ċirkustanza li Del Monte f’ċerti ċirkustanzi pprovat tinfluwenza ċerti deċiżjonijiet relatati mal-kummerċ tal-banana ta’ Weichert, iżda ebda parti oħra min-negozju tagħha, u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li Weichert ma segwietx l-istruzzjonijiet li tatha Del Monte, liema fatt ta lok għall-ipprotestar minn din tal-aħħar. Ebda wieħed mill-punti prodotti mill-Kummissjoni ma jindikaw li Weichert kienet qed teżegwixxi, mill-perspettiva materjali, l-istruzzjonijiet ta’ Del Monte. Il-fatt li sussidjarja, anki 100 % proprjetà, ma tagħti ebda każ tal-interessi tal-kumpannija parent tagħha jew tinjora konstantement l-istruzzjonijiet tagħha jiġġustifika l-konklużjoni li s-sussidjarja tiddetermina kunsiderevolment il-politika kummerċjali tagħha. Issa, f’dan il-każ, Weichert aġixxiet kontra l-“politika kummerċjali ġenerali” ta’ Del Monte u, hekk kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni nnifisha, hija “ma kinitx issegwi neċessarjament il-politika ffissata” minn Del Monte.

202    Għandu jiġi osservat li l-provi dokumentarji li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fil-premessi 389 u 390 tad-deċiżjoni kkontestata jikkorrispondu għal seba’ messaġġi, ħamsa minn Del Monte u tnejn mis-soċji solidali ta’ Weichert.

203    Il-messaġġi minn Del Monte juru mistoqsijiet diretti lejn Weichert dwar il-politika ta’ marketing u ta’ pprezzar tagħha, li hija saħansitra kkwalifikata bħala “inaċċettabbli”, struzzjonijiet preċiżi ħafna, peress li jinkludu ċifri, li jirrigwardaw il-politika ta’ pprezzar li għandha titmexxa ssir, laqgħat u konverżazzjonijiet bit-telefon dwar dan is-suġġett, ordni espressa li tikkonċerna l-għoti ta’ informazzjoni ta’ kuljum dwar in-negozjati kummerċjali, pressjonijiet espliċiti fir-rigward tal-forniment, fejn l-aħħar kelma tal-faks tat‑12 ta’ Diċembru 2000 saħansitra tmur lil hinn minn theddid, peress li kienet tħabbar tnaqqis fil-volum ta’ forniment, li kienet tiddependi mis-sempliċi deċiżjoni ta’ Del Monte, sabiex tevita tnaqqis fil-prezzijiet u tipprevjeni “diżastru f’termini ta’ riżultati” għas-sena 2001.

204    B’hekk jidher b’mod ċar li Del Monte, li kienet regolarment informata permezz tar-rapporti ta’ kull ġimgħa ta’ Weichert dwar l-istat tas-suq u l-prezzijiet, kienet twettaq sorveljanza stretta tal-aġir kummerċjali ta’ Weichert u kienet saħansitra tintervjeni direttament fid-determinazzjoni tal-politika ta’ pprezzar tagħha.

205    Il-Kummissjoni pproduċiet ukoll żewġ messaġġi bħala tweġiba ta’ soċju solidali ta’ Weichert, li fihom il-parti interessata tagħti, fl-istess ġurnata tal-mistoqsijiet ta’ Del Monte, l-ispjegazzjonijiet rikjesti minn din tal-aħħar u tesprimi s-sodisfazzjoni tagħha li tista’ wkoll tispjega ruħha waqt laqgħa sussegwenti ma’ Del Monte. Dawn il-messaġġi ma jesprimu ebda sorpriża, riluttanza jew oppożizzjoni ta’ Weichert, iżda juru, bil-kontra, li din tal-aħħar ħasset li kellha l-obbligu li tispjega d-deċiżjonijiet ta’ pprezzar tagħha fir-rigward ta’ Del Monte u għamlet sforz sabiex tissodisfa l-aspettattivi ta’ din tal-aħħar.

206    Filwaqt li r-rikorrenti kkomunikat ittri li kienu ġew indirizzati lilha mis-soċji solidali ta’ Weichert li jiżvelaw oppożizzjoni għal tibdil fl-istatus legali tal-kumpannija in akkomandita u dispjaċir marbut mal-attivitajiet tas-sussidjarja Belġjana u Olandiża tagħha, hija ma tikkonstata ebda korrispondenza ta’ Weichert li turi diżapprovazzjoni jew reżistenza fir-rigward ta’ dan l-intervent dirett ta’ Del Monte fil-ġestjoni kummerċjali.

207    Din il-konstatazzjoni hija perfettament konformi mad-dikjarazzjonijiet ta’ Weichert li, fid-dawl tar-riskji fuq il-forniment u t-tnaqqis okkażjonali tiegħu, hija kellha l-obbligu li ssegwi l-istruzzjonijiet ta’ Del Monte sabiex tevita li tfalli, fejn din il-biża’ kienet ġiet manifestament mgħoddija lill-fornitur tagħha, hekk kif juri l-bidu ta’ faks tat‑12 ta’ Diċembru 2000 indirizzat lil Weichert minn Del Monte.

208    Għalkemm, kif tammetti l-Kummissjoni nnifisha fil-premessa 424 tad-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjonijiet ta’ pprezzar ta’ Weichert ma setgħux jissodisfaw l-aspettattivi ta’ Del Monte, ma jistax jiġi dedott mill-provi dokumentarji miġbura mill-Kummissjoni li Weichert ma segwietx b’mod ġenerali “l-istruzzjonijiet ta’ Del Monte”, skont l-espressjoni użata mir-rikorrenti, u aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq. Minbarra l-fatt li, b’hekk, Del Monte kienet qed tirrikonoxxi li ma kellhiex biss rwol ta’ investitur finanzjarju, l-interpretazzjoni tagħha tal-korrispondenza msemmija fil-premessi 389 u 390 tad-deċiżjoni kkontestata tikkorrispondi għal estrapolazzjoni teoretika li tmur kontra r-realtà tar-rabtiet ekonomiċi li jgħaqqduha ma’ Weichert, kif ukoll għal relazzjoni ta’ setgħa, favuriha.

209    Fir-rigward tal-allinjament tal-prezzijiet ta’ referenza ta’ Weichert ma’ dawk ta’ Dole, ir-rikorrenti tislet il-konklużjoni tal-awtonomija totali ta’ Weichert inkwantu hija kienet tixtieq, bil-kontra, prezzijiet ta’ referenza viċini għal dawk ta’ Chiquita. Din is-sitwazzjoni tirrifletti n-nuqqas ta’ ftehim strateġiku eżistenti bejn Weichert u Del Monte, fejn Weichert ipprivileġġjat il-bejgħ ta’ volumi kbar, b’kuntradizzjoni max-xewqa ta’ Del Monte li titlob prezzijiet għal prodotti ta’ kwalità superjuri.

210    Minkejja l-fatt li r-rikorrenti ssemmi “xewqiet espliċiti” fir-rigward tal-istrateġija kummerċjali tagħha, hija ma tipproduċix il-prova ta’ manifestazzjoni ċara tal-aspettattivi tagħha fir-rigward ta’ Weichert. Din tal-aħħar indikat li, għalkemm Del Monte ma kinitx uffiċjalment tatha struzzjoni li tadotta l-istess prezz uffiċjali bħal Dole, hija kienet qed tistenna min-naħa tagħha l-adozzjoni ta’ prezz uffiċjali li mill-inqas ikun daqs dak ta’ Dole, u mhux ta’ Chiquita, billi Del Monte kienet tqis li t-trade mark Dole kienet eqreb dik tagħha f’termini ta’ kwalità u ta’ reputazzjoni tal-banana.

211    Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, Del Monte ċċitat parzjalment dikjarazzjonijiet ta’ importaturi oħra li suppost ikkorroboraw l-allegazzjonijiet tagħha, iżda li, fil-verità u b’mod iktar partikolari fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ Dole, kienu jikkontradixxuhom.

212    Dole indikat li “fil-kuntest tal-isforzi ta’ Del Monte sabiex issib il-pożizzjoni tagħha fis-suq bħala fornitur reputat u ta’ kwalità, kien ta’ għarfien pubbliku fis-settur li Del Monte kienet tqis lill-prezzijiet uffiċjali ta’ Dole bħala riferiment għall-prezzijiet uffiċjali tagħha” (risposta għat-talba għal informazzjoni tal‑24 ta’ Novembru 2006, p. 9). Dole fformulat l-istess osservazzjoni fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2006 (p. 3) u żiedet, billi rreferiet espressament għall-ewwel risposta tagħha “li kien ta’ għarfien pubbliku fis-settur li Weichert, li f’dak iż-żmien kienet inkarigata mill-marketing tal-banana tat-trade mark Del Monte […] xtaqet li tqiegħed it-trade mark Del Monte […] fuq l-istess livell bħall-banana tat-trade mark Dole” (risposta għat-talba għal informazzjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2006). Din l-aħħar affermazzjoni, riprodotta mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, hija indissoċjabbli mill-preċiżazzjoni li tippreċediha.

213    Għalkemm Chiquita effettivament iddikjarat li “Dole u Del Monte [kienu] bdew japplikaw prezzijiet ta’ referenza differenti meta Del Monte [kienet ] fetħet l-impriża tagħha stess fil-Ġermanja fl‑2003”, dan ma jfissirx neċessarjament li l-istrateġija ta’ Del Monte kienet, qabel din id-data, li tikseb prezzijiet ta’ referenza eqreb għal dawk ta’ Chiquita. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Dole juru saħansitra l-kuntrarju. Mad-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punt 212 iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġu miżjuda l-ispjegazzjonijiet ta’ Dole li, fil-bidu tas-sena 2003, Del Monte kienet bdiet tikkummerċjalizza l-banana tagħha permezz tal-entità tagħha stess li tinsab f’Hamburg u li, mal-wasla tad-direttur ġenerali ġdid ta’ Del Monte f’April 2003, kien hemm pressjoni kbira fuq it-timijiet ta’ bejgħ ta’ Hamburg sabiex jintwera li Del Monte kienet attur qawwi fis-suq Ġermaniż. Fil-kuntest ta’ din l-istrateġija, Del Monte pprovat tnaqqas id-differenza bejn l-indiċi tal-prezz ta’ referenza ta’ Chiquita, jiġifieri l-iktar prezz ta’ referenza għoli, u l-prezz ta’ referenza ta’ Del Monte. Dole ppreċiżat ulterjorment li t-“tidwir” ta’ Del Monte kien jikkonsisti f’li jintuża l-prezz uffiċjali ta’ Chiquita bħala riferiment li jidħol fl-istrateġija segwita mit-tmexxija l-ġdida ta’ Del Monte sabiex jippromwovu l-banana tagħha bħala waħda ta’ trade mark ta’ kwalità superjuri.

214    Huwa fid-dawl tal-osservazzjonijiet ta’ Dole msemmija fil-punti 212 u 213 iktar ’il fuq li hemm lok li tinqara ċitazzjoni tar-rimarki ta’ din l-istess impriża esposti mir-rikorrenti li “Dole taħseb li Del Monte kienet iddispjaċuta bir-riżultati tal-marketing ta’ Weichert” u “mid-dehra waqfet ir-relazzjonijiet tagħha ma’ Weichert sabiex tapplika l-approċċ aggressiv tagħha stess tal-marketing intiż sabiex il-banana tat-trade mark Del Monte tiġi pperċepita bħala banana ‘ta’ kwalità ogħla’ jew ta’ ‘kwalità superjuri”. Il-fatt li r-riżultati finanzjarji mill-kummerċjalizzazzjoni tal-banana tagħha setgħu ma kinux ta’ livell ta’ dawk mistennija minn Del Monte u li kienet iddiżappuntata u insoddisfatta bir-relazzjoni tagħha ma’ Weichert ma jfissirx li din tal-aħħar żviluppat aġir awtonomu fis-suq, bħal ma tallega r-rikorrenti.

215    Fin-nuqqas ta’ prova pprovduta mir-rikorrenti dwar il-fatt li Weichert stenniet li ssir taf il-prezz ta’ referenza ta’ Dole sabiex tiffissa unilateralment u sistematikament il-prezz tagħha fuq l-istess livell, l-argument li diskussjonijiet ma’ Weichert dwar l-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza jew tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni ma kellhom ebda sens, ġaladarba Weichert baqgħet issegwi l-prezzijiet ta’ Dole, jidher li huwa nieqes minn kull bażi u għandu jiġi miċħud.

216    Fl-aħħar nett għandu jiġi osservat li r-rikorrenti spjegat il-fatt li l-erba’ faksijiet li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-konklużjonijiet tagħha huma kollha tas-sena 2000 filwaqt li l-perijodu li fih seħħ il-ksur huwa mifrux fuq tliet snin, mill‑2000 sal‑2002.

217    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tinjora l-posta elettronika indirizzata mill-awditur intern reġjonali ta’ Del Monte lil Weichert, li fiha huwa jitlob ir-raġunijiet għalfejn il-prezzijiet ta’ ċertu stokk għal kull ġimgħa ta’ importazzjoni ta’ Weichert fl‑2001 kien iktar baxx minn dak tal-banana tat-trade mark UTC ta’ Del Monte mibjugħa fil-Pajjiżi l-Baxxi minn Del Monte Belgium jew iktar baxx minn dak li l-istampa kummerċjali Sopisco kienet irrapportat bħala l-“prezzijiet reali” mistennija għal ċerti ġimgħat. Dan id-dokument juri l-persistenza tas-sorveljanza tal-intervent ta’ Del Monte fil-ġesjoni ta’ Weichert.

218    Barra minn hekk, huwa paċifiku li Weichert baqgħet tibgħat lil Del Monte, kull ġimgħa, rapporti dwar il-prezzijiet sal‑31 ta’ Diċembru 2002 u li r-relazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ impriżi kompliet sa din id-data taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-ftehim ta’ distribuzzjoni li tagħti pożizzjoni ta’ setgħa lil Del Monte, ulterjorment miżjuda bid-daqs u bil-qawwa ekonomika ta’ din tal-aħħar, li kellha interess finanzjarju doppju li tissorvelja u tintervjeni fil-politika ta’ pprezzar ta’ Weichert.

219    Fin-nuqqas ta’ kull bidla strutturali fir-relazzjoni bejn Del Monte u Weichert bejn l‑2000 u l‑2002, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-portata ta’ din ir-relazzjoni, hekk kif deskritta fil-korrispondenza skambjata fl‑2000, setgħet kienet differenti s-snin ta’ wara.

220    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-korrispondenza skambjata bejn Del Monte u Weichert, imsemmija fil-premessi 389 u 390 tad-deċiżjoni kkontestata, tikkostitwixxi indikazzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tal-ewwel waħda fuq it-tieni matul il-perijodu li fih twettaq il-ksur.

–       Fuq il-provi alternattivi pprovduti mir-rikorrenti

221    Indipendentement mill-oneru tal-prova li għandha l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ssostni li jeżistu provi differenti li juru li hija ma tistax tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ Weichert.

222    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm hija kellha influwenza fuq Weichert, hija żgurat lilha nnifisha li [kunfidenzjali]. Billi ma kellhiex aċċess għal-liċenzji ta’ importazzjoni ta’ Weichert, [kunfidenzjali], fejn Weichert użat il-liċenzji tagħha sabiex tmexxi l-istrateġija tagħha bbażata fuq il-volum b’detriment għall-interessi ta’ Del Monte.

223    Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li dan l-argument, li jwassal għall-konklużjoni ta’ nuqqas ta’ influwenza determinanti abbażi ta’ sempliċi allegazzjoni mhux issostanzjata, ma huwiex tali li jikkontesta l-konstatazzjonijiet materjali u oġġettivi li fuqhom huma bbażati l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

224    Sussegwentement, għandu jitfakkar li r-rikorrenti u Weichert kienu marbuta bil-ftehim ta’ distribuzzjoni li t-termini tiegħu kienu jorbtu lill-partijiet kontraenti u kienu jipprovdu, b’mod espliċitu, il-kundizzjonijiet għall-użu tal-liċenzji ta’ importazzjoni ta’ Weichert.

225    L-aħħar emenda ta’ dan il-ftehim saret fl‑10 ta’ Frar 1994 u saret wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 404/93, li fil-kuntest tiegħu l-importazzjonijiet ta’ banana fil-Komunità kienu koperti bis-sistema ta’ liċenzji bi kwoti annwali fissi, allokati fuq bażi trimestrali.

226    Skont il-ftehim ta’ distribuzzjoni hekk emendat, Weichert, minkejja li proprjetarja tal-liċenzji tagħha, kellha tuża lil dawn tal-aħħar sabiex timporta banana bit-trade mark Del Monte u tikkummerċjalizzaha fit-territorju ddefinit fil-ftehim u ma setgħetx tittrasferixxi l-liċenzji tagħha lil parti oħra mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel ta’ Del Monte, liema fatt ġie kkonfermat minn Weichert waqt is-smigħ tagħha.

227    Ir-realtà tar-rabtiet kuntrattwali li jgħaqqdu lil Weichert u Del Monte turi li din tal-aħħar kellha setgħa ta’ kontroll tal-liċenzji ta’ importazzjoni tal-ewwel waħda, liema fatt jikkostitwixxi indikazzjoni addizzjonali tal-kapaċità ta’ Del Monte li teżerċita influwenza determinanti fuq Weichert.

228    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm hija kellha l-kapaċità li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Weichert fis-suq, [kunfidenzjali].

229    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-istatus partikolari tal-kumpannija in akkomandita ta’ Weichert u analizzat it-tnaqqis tas-setgħat bejn is-soċji solidali u s-soċju akkomandanti, hekk kif iddefinit mill-ftehim ta’ assoċjazzjoni. Hija kkonkludiet, ġustament, li kien qed jiġi eżerċitat kontroll konġunt minn dawn is-soċji, billi kkonstatat, b’mod partikolari, il-ħtieġa ta’ ftehim unanimu tas-soċji għall-emenda tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni (Artikolu 9(3) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni).

230    Hija din is-sitwazzjoni li tispjega li saru diskussjonijiet bejn is-soċji solidali u s-soċju akkomandanti fir-rigward tat-tibdil tal-istatus legali tal-kumpannija, fejn ir-riżultat tal-fatt li dawn kienu mingħajr suċċess finalment ta lok għall-waqfien tar-relazzjonijiet kuntrattwali.

231    Fil-verità l-argument tar-rikorrenti jxebbah din is-sitwazzjoni ta’ kontroll ma’ prova tan-nuqqas ta’ kapaċità li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Weichert fis-suq, liema fatt huwa nieqes minn kull bażi. L-eżistenza ta’ tali kontroll ma huwiex, fih innifsu, inkompatibbli mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li timputa lil Del Monte r-responsabbiltà għall-aġir imwettaq minn Weichert.

232    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti teċċepixxi l-fatt li Weichert kienet tmexxi l-kwistjonijiet legali b’mod indipendenti, sal-punt li tagħti struzzjonijiet lir-rappreżentanti legali tagħha sabiex dawn jiddefendu l-interessi tal-kumpannija kontra l-grupp Del Monte u li thedded lil din tal-aħħar, permezz ta’ dawn ir-rappreżentanti legali, b’azzjonijiet quddiem il-qrati. Fil-premessa 428 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tikkonfondi d-dritt ta’ azzjonist individwali li jressaq azzjoni quddiem il-qrati u l-kapaċità li jiddeċiedi jekk Weichert setgħetx tressaq tali azzjoni. Skont ir-rikorrenti, li kieku hija kienet f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq Weichert, hija ma kinitx tawtorizzaha tappunta avuktati bil-għan li tippreżenta azzjoni kontriha.

233    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għal ittra li ntbagħtet lilha fis‑27 ta’ Awwissu 1997, qabel il-perijodu li matulu twettaq il-ksur, minn avukat li kien qed jaġixxi f’isem Weichert.

234    Għandu jiġi kkonstatat li din l-ittra tidħol fil-kuntest tal-iskambji li saru fir-rigward tal-bidla fl-istatus legali ta’ Weichert mixtieqa minn Del Monte u li ma tinkludi ebda theddida ta’ azzjoni quddiem il-qrati kontra din l-aħħar impriża.

235    Fiha jsir riferiment għall-Artikolu 9(2) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, fejn jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-laqgħa tas-soċji għandhom jittieħdu b’maġġoranza tal-voti sabiex ikunu effettivi u dejjem bl-approvazzjoni tas-soċji solidali, kif ukoll għall-fatt li dan tal-aħħar ma kienx ta, impliċitament jew espliċitament, il-ftehim tiegħu għal tali tibdil u li, “bħala prinċipju” huwa ma kellux intenzjoni jagħti l-approvazzjoni tiegħu fil-futur.

236    Fil-kuntest tal-kontroll konġunt ta’ Weichert, il-fatt li soċju jitlob lil rappreżentant legali sabiex ikun jaf id-drittijiet tiegħu u sabiex jiddefendi ruħu quddiem persuna li jissuspetta li ma tirrispettahx ma huwiex sinjal ta’ inkapaċità tas-soċju l-ieħor li jeżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-impriża komuni, hekk kif jenfasizza ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 428 tad-deċiżjoni kkontestata.

237    It-tieni nett, ir-rikorrenti tirreferi għal silta mir-risposta tal‑15 ta’ Mejju 2002 ippreżentata minn Weichert quddiem qorti Ġermaniża, fil-kuntest ta’ kwistjoni bejnha u bejn WAL. Fiha huwa sostnut li l-valur miżjud ekonomiku kollu ta’ Weichert, jiġifieri x-xiri, il-marketing u l-loġistika, kien esklużivament imputabbli lis-soċji solidali u li r-rwol ta’ WAL fi ħdan il-kumpannija kien jillimita ruħu għal parteċipazzjoni finanzjarja. L-għan tal-proċedura kien jikkonċerna l-valur tal-liċenzji ta’ Weichert u l-kwistjoni dwar min l-iktar kien ikkontribwixxa għall-valur miżjud ekonomiku ta’ Weichert.

238    Madankollu, għandu jiġi osservat li r-rikors ġudizzjarju ġie ppreżentat minn Del Monte, u mhux minn Weichert, u kien jidħol fil-kuntest ta’ rexissjoni tal-ftehim ta’ distribuzzjoni previst fil‑31 ta’ Diċembru 2002 u ta’ negozjati paralleli bejn il-partijiet għall-estensjoni ta’ tali ftehim emendat. L-implementazzjoni minn Del Monte, b’għan ta’ prekawzjoni, ta’ proċedura ġudizzjarja li tikkonċerna l-valur ekonomiku tal-impriża, riżultat ta’ sħubija mal-familja W., ma teskludix il-konklużjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti.

239    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssemmi żewġ ittri li ntbagħtu lilha minn soċji solidali.

240    L-ewwel ittra, tal‑15 ta’ Jannar 1999, tinforma lil Del Monte dwar il-ħatra ta’ avukati għad-difiża tal-interessi ta’ Weichert fir-rigward tal-“azzjonijiet ta’ Del Monte li jiksru l-ftehim ta’ distribuzzjoni” u li jistiednu lil din l-aħħar impriża sabiex tosserva l-imsemmi ftehim.

241    Dan id-dokument li l-kontenut tiegħu ma tantx huwa preċiż, li jippreċedi l-perijodu li matulu twettaq il-ksur, ma kienx attribwibbli lil rappreżentanti legali esterni mill-impriża. Ir-rikorrenti barra minn hekk ma tipprovax li sussegwentement ittieħdu passi.

242    Bil-kontra, it-tieni ittra tat‑30 ta’ Ottubru 2001 tiżvela li Del Monte u s-soċji solidali ta’ Weichert żammew skambji diretti li fir-rigward tat-tkomplija tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom fil-kuntest ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni emendat.

243    Jidher għalhekk li d-dokumenti kollha prodotti mir-rikorrenti juru tensjonijiet li eżistew fir-relazzjonijiet tagħha mas-soċji solidali, essenzjalment minħabba l-bidliet mistennija fl-istatus legali ta’ Weichert u l-emendi tal-ftehim ta’ distribuzzjoni. Din is-sitwazzjoni tiżvela biss nuqqas ta’ kontroll esklużiv ta’ Del Monte, li ma huwiex allegat mill-Kummissjoni, li kkonkludiet li kien hemm kontroll konġunt ta’ Weichert. Hija ma hijiex tali li tikkontesta l-konstatazzjonijiet materjali u oġġettivi li fuqhom huma bbażati l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tar-responsabbiltà konġunta ta’ Del Monte.

244    Fir-raba’ lok ir-rikorrenti tistabbilixxi provi dokumentarji differenti li jippreċedu l-investigazzjoni tal-Kummissjoni li jikkonfermaw li hija ma kellhiex influwenza determinanti fuq il-ġestjoni ta’ Weichert. Il-Kummissjoni ma eżaminat ebda waħda minn dawn il-provi, prodotti matul il-proċedura amministrattiva, liema fatt diġà jikkostitwixxi fih innifsu ksur tal-Artikoli 81 KE u 253 KE.

245    Fir-rigward tal-ilment marbut mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie espost fil-punti 61 sa 76 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni mmotivat suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi l-imputazzjoni lil Del Monte tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Weichert.

246    Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni eżaminat u ċaħdet l-argumenti differenti ta’ Del Monte li kienu bbażati, b’mod partikolari, fuq il-prerogattivi tas-soċji tal-kumpannija in akkomandita, il-kontenut tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, l-importanza tal-informazzjoni pprovduta minn Weichert lil Del Monte, il-portata tal-ftehim ta’ distribuzzjoni, l-influwenza tas-setgħat ta’ Del Monte fir-rigward tal-forniment fuq ir-relazzjonijiet tagħha ma’ Weichert u l-allegat nuqqas ta’ konformità tal-politika ta’ pprezzar ta’ Weichert fir-rigward tal-aspettattivi ta’ Del Monte (premessa 394 sa 433 tad-deċiżjoni kkontestata).

247    Il-Kummissjoni indikat ukoll, fil-premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-esklużjoni minn Del Monte ta’ Weichert mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati tagħha ma [jurux] li Del Monte ma [kinitx] eżerċitat influwenza determinanti fuq Weichert jew li Del Monte u Weichert ma [kinux] ikkostitwixxew impriża għall-bżonnijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u fid-dawl tal-ksur iddefinit f’din id-deċiżjoni jew li r-responsabbiltà għall-aġir ta’ Weichert fis-suq ma [setgħetx] tiġi attribwita lil Del Monte”.

248    Għandu jiġi osservat li [kunfidenzjali] kif ukoll l-ittra indirizzata lil Del Monte minn soċju solidali fl‑10 ta’ Jannar 1997, dokumenti msemmija mir-rikorrenti fil-kuntest tal-argumenti tiegħu, jikkonċernaw il-kwistjoni tal-funzjonament ta’ Weichert u tar-rwol rispettiv tas-soċji, liema fatt huwa kjarament imfakkar mill-Kummissjoni fl-analiżi tagħha tad-dispożizzjonijiet tal-HGB u tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni.

249    Ir-rapport tal-verifikaturi ta’ Weichert u r-rapporti annwali ta’ Del Monte, dokumenti msemmija mir-rikorrenti, jikkonċernaw il-kwistjoni tal-konsolidazzjoni tal-kontijiet, li kienet suġġetta għal risposta espliċita tal-Kummissjoni fil-premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata.

250    Fir-rigward tad-dokumenti l-oħra ċċitati mir-rikorrenti u anki li kieku kellu jitqies li dawn ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma għandhiex iżjed l-obbligu li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha msemmija quddiemha mill-partijiet ikkonċernati, iżda għandha sempliċement tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni. B’mod partikolari hija ma għandhiex l-obbligu li tieħu pożizzjoni dwar elementi li huma manifestament irrelevanti, insinjifikanti jew kjarament sekondarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 61 iktar ’il fuq, punt 64; Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 64, u L’Air liquide vs Il‑Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 64).

251    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument speċifiku tar-rikorrenti, imsemmi fil-punt 244 iktar ’il fuq, ma huwiex tali li jinvalida l-konklużjoni li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, esponiet suffiċjentement skont il-liġi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni tagħha u li għaldaqstant ma tista’ tiġi akkużata b’ebda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

252    Fir-rigward tar-rilevanza tal-provi dokumentarji prodotti mir-rikorrenti, din tal-aħħar tirreferi, l-ewwel nett, għall-konklużjonijiet negattivi ta’ opinjoni stabbilita minn uffiċċju ta’ avukati, mitluba fl‑1994, fir-rigward tal-possibbiltà għal WAL li teżerċita influwenza fuq Weichert, konvinzjoni espressa wkoll minn D. W. f’ittra li indirizzalha fl‑10 ta’ Jannar 1997.

253    Il-fatt [kunfidenzjali] u li din tal-aħħar enfasizzat in-nuqqas ta’ bord tad-diretturi fi ħdan Weichert bi drittijiet ta’ vot favur Del Monte ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kapaċità ta’ influwenza ta’ Del Monte li tirriżulta mill-ftehim ta’ assoċjazzjoni, li barra minn hekk jikkostitwixxi biss wieħed mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tibbaża l-konklużjoni tagħha fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti ta’ Del Monte fuq l-aġir ta’ Weichert.

254    Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni fakkret b’mod ċar u ħadet inkunsiderazzjoni l-kliem tal-Artikolu 7(1) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, li jipprovdi li “s-soċju b’responsabbiltà personali, [D. W.], għandu l-permess u l-obbligu li jirrappreżenta u jmexxi l-kumpannija”, fejn ir-rappreżentanti tal-familja W. huma deskritti bħala “soċji amministraturi ġenerali” (premessa 382 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ma allegatx li kien jeżisti bord tad-diretturi fi ħdan Weichert, iżda kkonkludiet, ġustament, li numru ta’ azzjonijiet importanti, li neċessarjament għandhom impatt, anki indirett, fuq il-ġestjoni ta’ Weichert, ma setgħux jittieħdu mingħajr il-kunsens tas-soċju akkomandanti, fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 7(2) u (3) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni.

255    It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka silta ta’ risposta ppreżentata minn Weichert quddiem qorti Ġermaniża fl‑2002, fil-kuntest ta’ kwistjoni bejnha u bejn WAL. Dan id-dokument diġà ġie invokat mir-rikorrenti bħala turija tal-eżistenza ta’ provi kuntrarji għad-dikjarazzjonijiet ta’ Weichert intiżi sabiex iqiegħduha inkwistjoni (ara l-punt 170 iktar ’il fuq).

256    Għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi allegazzjonijiet ta’ Weichert li jinsabu f’risposta li tipprova timminimizza l-kontribut ta’ Del Monte ma jistax jikkostitwixxi l-prova tal-fatt li l-valur miżjud ekonomiku ta’ Weichert kien esklużivament imputabbli għall-kontribut tas-soċji solidali u li, anki li kieku kellu jitqies li dan jista’ jkun il-każ, dan ma huwiex biżżejjed biex jikkontesta l-evalwazzjoni globali tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni legali speċifika tal-influwenza determinanti ta’ impriża fuq oħra.

257    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssemmi dikjarazzjonijiet tal-verifikaturi ta’ Weichert li jiżvelaw, fl‑2000, li “[Weichert] ma[kinitx] inkluża fil-ġestjoni integrata tas-soċju akkomandanti [WAL] u konsegwententement ma [kinitx], kumpannija affiljata”, liema konstatazzjoni hija kkorroborata bil-fatt li hija stess ma kinitx tinkludi lil Weichert fil-kontijiet tagħha. Hija ssostni li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ in-nuqqas ta’ rilevanza tal-esklużjoni min-naħa tagħha ta’ Weichert mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati tagħha, tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li r-riżultati tas-sussidjarji vverifikati għandhom jiġu kkonsolidati.

258    Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

259    Hekk kif il-Kummissjoni ġustament ippreċiżat fil-premessa 382 tad-deċiżjoni kkontestata, pjuttost milli sussidjarja ta’ Del Monte, Weichert kienet sħubija bejn Del Monte, kumpannija parent tas-soċju akkomandanti, u l-familja W., fejn il-membri tagħha għandhom il-kwalità ta’ soċji solidali. Il-kunsiderazzjonijiet dwar l-ikkonsolidar neċessarju tar-riżultati tas-sussidjarja f’dawk tal-kumpannija parent u tat-tnaqqis magħmula mir-rikorrenti fir-rigward tan-nuqqas, f’dan il-każ, ta’ tali kkonsolidar min-naħa tagħha huma, għaldaqstant, nieqsa minn kull rilevanza.

260    Fi kwalunkwe każ, għalkemm il-qorti tal-Unjoni kkunsidrat li l-ikkonsolidar tal-kontijiet tas-sussidjarja mill-kumpannija parent “jixhed favur l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda” (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑18 ta’ Diċembru 2008, General Química et vs Il‑Kummissjoni, T‑85/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 66, ikkonfermata fuq appell permezz tas-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il‑Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq), in-nuqqas ta’ tali kkonsolidar ma jfissirx neċessarjament, bħal ma tallega r-rikorrenti, li huwa impossibbli li wieħed jikkonkludi li teżisti influwenza determinanti fil-każijiet kollha kkonċernati.

261    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti teċċepixxi artiklu tal-istampa li deher fl‑10 ta’ Ottubru 2002 li jikkonferma li, qabel ma biegħet is-sehem tagħha f’Weichert, hija ma kellhiex kontroll fuq il-prodotti għas-swieq tal-Ewropa ta’ Fuq.

262    Għandu jiġi kkonstatat li din l-affermazzjoni tar-rikorrenti hija dovuta għal estrapolazzjoni inkorretta tat-termini ta’ artiklu tal-istampa li essenzjalment jiċċita d-dikjarazzjonijiet tagħha li hija kienet se tkun f’pożizzjoni, wara t-trasferiment inkwistjoni, li tikkontrolla l-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni “diretta” tal-prodotti tagħha fis-swieq tal-Ewropa ta’ Fuq. Fi kwalunkwe każ, kummentarju ġurnalistiku impreċiż ma huwiex tali li jikkontesta l-konstatazzjonijiet suġġettivi u oġġettivi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha li timputa lil Del Monte l-ksur imwettaq minn Weichert.

263    Il-ħames nett, ir-rikorrenti targumenta dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ aġent tal-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ proċedura quddiem bord tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), b’riferiment għar-rapport annwali tagħha għas-sena 2002 u li jaffermaw li s-sehem f’Weichert kienet “mingħajr kontroll” kif ukoll dwar it-termini tal-imsemmi rapport meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

264    Għalkemm ir-realtà tad-dikjarazzjonijiet allegati mill-aġent tal-Kummissjoni ma hijiex issostanzjata, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li r-rapport annwali ta’ Del Monte għas-sena 2002 kien jikkostitwixxi wieħed mid-dokumenti annessi mal-komunikazzjoni tagħha ppreżentanta fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-bord tad-WTO.

265    Il-Kummissjoni tenfasizza, ġustament, li din il-komunikazzjoni ma kellhiex bħala għan il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ influwenza determinanti ta’ Del Monte fuq Weichert u li t-termini tas-silta mill-imsemmi rapport, li t-trasferiment tas-sehem f’Weichert għandu jippermetti lil Del Monte tikkontrolla “direttament” il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħha fl-Ewropa ta’ Fuq, ma humiex inkompatibbli mal-pożizzjoni tagħha li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni qatt ma allegat li kien jeżisti kontroll esklużiv ta’ Del Monte fuq Weichert.

266    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-provi dokumentarji tar-rikorrenti intiżi sabiex jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq Weichert, ikkunsidrati individwalment jew kollettivament, ma humiex tali li jinvalidaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-ksur imwettaq minn Weichert.

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-Anness C.1 tar-replika

267    Il-Kummissjoni titlob għall-inammissibbiltà tal-Anness C.1 tar-replika abbażi tal-ġurisprudenza relatata mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

268    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni trid tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra ta’ sostenn (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑340/03, Ġabra p. II‑107, punt 166, ikkonfermata fuq appell, permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑202/07 P, Ġabra p. I‑2369).

269    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli, jeħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Għalkemm l-istruttura nnifisha tar-rikors tista’ tiġi ssostanzjata u kkompletata, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi f’dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax itaffi n-nuqqas ta’ punti essenzjali ta’ liġi li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑31 ta’ Marzu 1992, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑52/90, Ġabra p. I‑2187, punt 17; digrieti tal-Qorti Ġenerali Keolman vs Il‑Kummissjoni, T‑56/92, Ġabra p. II‑1267, punt 21, u tal‑21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il‑Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 49). L-annessi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa fejn jissostanzjaw jew jikkompletaw motivi jew argumenti espressament invokati mir-rikorrenti jew mill-Kummissjoni fit-test proprju tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u sa fejn ikun possibbli li jiġi identifikat bi preċiżjoni liema huma l-elementi li dan l-anness jinkludi li jissostanzjaw jew jikkompletaw dawn il-motivi jew argumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 99).

270    Barra minn hekk, ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li tista’ tikkunsidra bħala bażi tar-rikors, peress li l-funzjoni tal-annessi hija waħda purament probatorja u strumentali (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 1997, Cipeke vs Il‑Kummissjoni, T‑84/96, Ġabra p. II‑2081, punt 34, u tal‑21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il‑Kummissjoni, T‑231/99, Ġabra p. II‑2085, punt 154).

271    Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tinkludi wkoll ir-replika (sentenza Microsoft vs Il‑Kummissjoni, punt 269 iktar ’il fuq, punt 95) kif ukoll il-motivi u l-ilmenti żviluppati fin-noti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il‑Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra p. II‑17, punt 68, u tat‑30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 268 iktar ’il fuq, punt 166, ikkonfermata fuq appell permezz tas-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 268 iktar ’il fuq).

272    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tallega sempliċement, b’mod ġenerali, li t-tentattivi tal-Kummissjoni intiżi sabiex tikkonfuta l-eżempji pprovduti sabiex turi li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tinfluwenza lil Weichert bħala ma hija xtaqet “ma tantx huma konvinċenti b’mod ġenerali”. Fir-replika, hija tippreżenta osservazzjonijiet b’risposta għal żewġ argumenti tal-Kummissjoni u tirreferi, mill-bqija, għall-Anness C.1 tar-replika għal spjegazzjonijiet iktar dettaljati li r-“restrizzjonijiet fir-rigward tan-numru ta’ paġni” ma jippermettulhiex li tipprovdi fit-test tan-noti.

273    Għandu jiġi osservat li formulazzjoni daqstant konċiża tal-ilment ma tistax tippermetti lill-Qorti Ġenerali tesprimi ruħha, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn u jkun kontra l-funzjoni purament probatorja u strumentali tal-annessi li dawn iservu sabiex allegazzjoni ppreżentata b’mod insuffiċjentement ċara u preċiża fir-rikors tintwera fid-dettall (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 268 iktar ’il fuq, punt 204).

274    Għalkemm l-osservazzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti b’risposta għall-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-aġir ta’ Weichert fl-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza fir-rigward tal-aspettattivi ta’ Del Monte u l-ħatra ta’ avukati sabiex jiġu ppreżentati azzjonijiet kontra din l-aħħar impriża għandhom jittieħdu u ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-aġir ta’ Weichert, l-istess ma jgħoddx fir-rigward tal-Anness C.1 tar-replika, li għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

275    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-kwalifika ta’ anness għas-sempliċi osservazzjonijiet bil-miktub supplementari tar-rikorrenti, li jikkostitwixxu sempliċement estensjoni tan-noti, ma hijiex kompatibbli mal-karatteristika li tiddefinixxi anness, jiġifieri l-funzjoni purament probatorja u strumentali tagħha.

276    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li Del Monte u Weichert kienu jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u imputat lill-ewwel impriża l-ksur imwettaq mit-tieni waħda.

 Fuq in-natura żbaljata tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

277    Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 1(h) u l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jiksru l-Artikolu 81 KE inkwantu l-Kummissjoni tikkonkludi li hija kisret din id-dispożizzjoni “billi pparteċipat fi prattika miftiehma”, u mhux biss li hija kkunsidrata responsabbli “konġuntament u in solidum” għall-multa imposta fuq Weichert. Id-deċiżjoni kkontestata teċċedi manifestament is-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, inkwantu hija tordnalha ttemm ksur li fih hija qatt ma kienet involuta. Id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata inkwistjoni jiksru wkoll l-Artikolu 253 KE, ġaladarba teżisti kontradizzjoni evidenti bejn id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata u l-“preambolu” li fih il-Kummissjoni ddikjarat li ma kkonstatatx li hija kienet kisret l-Artikolu 81 KE. In-natura żbaljata tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata tesponiha għal riskju ta’ rikors għal kumpens quddiem qorti nazzjonali.

278    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni ta’ att għandha tkun loġika, fejn b’mod partikolari ma għandhiex tippreżenta kontradizzjoni interna li tostakola l-interpretazzjoni korretta tar-raġunijiet wara dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 151).

279    Kontradizzjoni fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkostitwixxi ksur tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 253 KE, tali li jaffettwa l-validità tal-att inkwistjoni jekk ikun stabbilit li, minħabba din il-kontradizzjoni, id-destinatarju tal-att ma huwiex f’pożizzjoni li jifhem, kompletament jew parzjalment, il-motivi veri tad-deċiżjoni u li, minħabba dan, id-dispożittiv tal-att huwa, kompletament jew parzjalment, nieqes minn kull sostenn ġuridiku (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Jannar 1995, Tremblay et vs Il-Kummissjoni, T‑5/93, Ġabra p. II‑185, punt 42, u tat‑30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il‑Kummissjoni, T‑65/96, Ġabra p. II‑1885, punt 85).

280    Fid-deċiżjoni kkontestata, qabel kollox, il-Kummissjoni analizzat l-iskambji bejn, minn naħa, Chiquita u Dole u, min-naħa l-oħra, Dole u Weichert, fir-rigward tal-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 81 KE. Fil-premessa 359 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet is-segwenti:

“[L-]impriżi Chiquita, Dole u Weichert wettqu ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 [KE] fir-rigward tal-iffissar ta’ prezzijiet u l-iskambju ta’ prezzijiet li jaffettwaw il-banana friska [fl-]Ewropa ta’ Fuq. L-entitajiet miżmuma responsabbli minn dan il-ksur huma elenkati fil-kapitolu 6 ta’ din id-deċiżjoni.”

281    Fil-kapitolu inkwistjoni, il-Kummissjoni, sussegwentement, applikat ġurisprudenza stabbilita li skontha l-aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ jiġi imputat lil impriża oħra fejn ma tkunx iddeċidiet b’mod indipendenti rigward l-aġir tagħha fuq is-suq iżda tkun applikat, essenzjalment, l-istruzzjonijiet mogħtija lilha minn din l-impriża l-oħra, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi u legali ta’ bejniethom. Il‑Kummissjoni tfakkar li, għalkemm sussidjarja ma tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod indipendenti, l-impriża li mexxiet l-istrateġija tagħha fis-suq tifforma entità ekonomika flimkien magħha u tista’ tinżamm bħala responsabbli minn ksur minħabba l-fatt li hija tagħmel parti mill-istess impriża (premessi 362 u 363 tad-deċiżjoni kkontestata).

282    Wara li analizzat u ħadet inkunsiderazzjoni elementi differenti li jikkonċernaw ir-relazzjoni li eżistiet bejn Del Monte u Weichert, il-Kummissjoni qieset li Weichert kienet tikkostitwixxi unità ekonomika ma’ Del Monte sa fejn din l-ewwel impriża ma kinitx tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq b’mod indipendenti (premessa 432 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkonkludiet li hija kkunsidrat lil “[Del Monte] u [Weichert] bħala responsabbli in solidum għall-involviment ta’ Weichert fil-ksur imwettaq mill‑1 ta’ Jannar 2000 sal‑31 ta’ Diċembru 2002” (premessa 433 tad-deċiżjoni kkontestata).

283    Fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi fl-Artikolu 1(h) li Del Monte hija waħda mill-impriżi li “kisru l-Artikolu 81 [KE] billi pparteċipat fi prattika miftiehma li tikkonsisti f’li tikkoordina l-prezzijiet ta’ referenza għall-banana”. Fl‑Artikolu 3 li għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 1(h), il-Kummissjoni titlob lil Del Monte sabiex “ittemm immedjatament il-ksur inkwistjoni[, imsemmi fl-Artikolu 1], jekk [għadha] ma għamlitx dan”.

284    Dan ir-riferiment għall-portata tad-deċiżjoni kkontestata ma juri ebda kontradizzjoni interna tali li tostakola l-interpretazzjoni korretta tar-raġunijiet wara dan l-att u, b’mod iktar partikolari, il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat lil Del Monte bħala responsabbli.

285    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE għandu jiġi miċħud.

286    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, din hija bbażata fuq l-istess argumentazzjoni bħal dik żviluppata insostenn tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, jiġifieri l-fatt li l-Kummissjoni kkonkludiet, fid-dispożittiv tal-att, li Del Monte kienet kisret din id-dispożizzjoni meta fl-istess waqt hija kienet iddikjarat, qabel, li ma kinitx ikkonstatat li din l-impriża kienet kisret l-Artikolu 81 KE. Ir-rikorrenti żżid li għaldaqstant il-Kummissjoni teċċedi manifestament is-setgħat li hija għandha skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, inkwantu hija tordnalha ttemm ksur li fih hija qatt ma kienet involuta.

287    Jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li din l-argumentazzjoni tistrieh fuq premessa żbaljata u għandha tiġi miċħuda.

288    Fil-fatt, ir-rikorrenti ġiet personalment ikkundannata għal ksur li hija meqjusa li wettqet hija stess minħabba r-rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi tagħha ma’ Weichert u li ppermettewlha tiddetermina l-aġir ta’ din tal-aħħar fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 141, u Metsä‑Serla et vs Il‑Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punti 28 u 34).

289    Barra minn hekk, din is-soluzzjoni kienet magħrufa perfettament mir-rikorrenti, li tiċċita hija stess, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-ġurisprudenza relevanti msemmija fil-punt 288 iktar ’il fuq.

290    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ssostni li huwa impossibbli għaliha li tosserva l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li hija ma tistax ittemm il-ksur eventwalment imwettaq minn Weichert.

291    F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata ma jimponilhiex li ttemm il-ksur eventwalment imwettaq minn Weichert, jekk hija ma teżerċitax iżjed kontroll fuq din tal-aħħar. Fil-fatt, billi tobbliga lill-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju sabiex ma tirrepetix u sabiex ittemm kull att jew imġieba msemmija fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni telenka sempliċement il-konsegwenzi li jirriżultaw, fir-rigward tal-aġir futur tagħhom, mill-konstatazzjoni ta’ illegalità li tinsab fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑161/05, Ġabra p. II‑3555, punt 193).

292    Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jippreċiża li huwa biss fil-każ fejn l-impriżi jkunu għadhom ma temmewx il-ksur li għandhom l-obbligu jtemmu. Konsegwentement, jekk ir-rikorrenti temmet il-parteċipazzjoni tagħha fil-prattika miftiehma li tikkonsisti f’li tikkoordina l-prezzijiet ta’ referenza għall-banana fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, din l-ordni tad-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernahiex.

 Fuq l-eżistenza ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv

293    Ir-rikorrenti, sostnuta mill-intervenjenti, tallega li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 81 KE billi kkonkludiet, f’din il-kawża, li kienet teżisti prattika miftiehma b’għan antikompetittiv.

 Fuq il-kunċett ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv

294    L-intervenjenti ssostni li, skont il-ġurisprudenza u prassi tal-Kummissjoni, skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri ma huwiex, fih innifsu, ipprojbit. B’riferiment għal sentenza tal-Cour de cassation Franċiża, Weichert issostni li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-effetti antikompetittivi konkreti ta’ skambju ta’ informazzjoni, liema fatt hija ma għamlitx f’dan il-każ. Hija tallega wkoll li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx suffiċjentement skont il-liġi li flimkien ma’ Dole hija kienet parti fi prattika miftiehma, fejn id-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda riferiment fir-rigward ta’ qbil ta’ intenzjonijiet bejnha u bejn Dole jew għall-eżistenza ta’ linja ta’ mġieba komuni għal dawn iż-żewġ impriżi.

295    Mill-kliem tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni takkuża lill-impriżi li lilhom indirizzat id-deċiżjoni b’koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza tal-banana permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni, f’dan il-każ ikkwalifikati bħala komunikazzjonijiet bilaterali ta’ pprezzar minn qabel, liema sitwazzjoni tikkaratterizza prattika miftiehma dwar l-iffissar tal-prezzijiet u li għaldaqsant għandha bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal‑Artikolu 81 KE (ara, b’mod partikolari, il-premessi 1, 54, 261 u 271 tad-deċiżjoni kkontestata).

296    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-kunċetti ta’ “ftehim”, ta’ “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi” u ta’ “prattika miftiehma” huma, mil-lat suġġettiv, forom ta’ kollużjoni li jaqsmu l-istess karatteristiċi u li jistgħu biss jiġu distinti mill-intensità tagħhom u mill-forom li fihom huma jimmanifestaw ruħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 131).

297    Fir-rigward tad-definizzjoni ta’ prattika miftiehma, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li tali prattika tikkonsisti f’forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma jkunu waslu għall-konklużjoni ta’ ftehim uffiċjali, jissostitwixxu intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għad-dannu tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punt 26; tal‑31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, Ġabra p. I‑1307, punt 63, u tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punt 26).

298    Il-kunċett ta’ prattika miftiehma jimplika, minbarra l-ftehim bejn l-impriżi kkonċernati, aġir fis-suq li jissuċċedi dan il-ftehim u rabta ta’ kawża u effett bejn dawn iż-żewġ elementi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi preżunt, bla ħsara għall-prova kuntrarja li għandha tiġi prodotta mill-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-prattika miftiehma u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dan is-suq. Dan huwa wisq iżjed minnu meta l-ftehim iseħħ fuq bażi regolari matul perijodu twil (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 161 sa 163, u T‑Mobile Netherlands et, punt 297 iktar ’il fuq, punt 51).

299    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE huwa riżultat tal-espressjoni, mill-impriżi parteċipanti, tal-intenzjoni komuni li jaġixxu b’mod speċifiku (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 296 iktar ’il fuq, punt 130).

300    Fid-dawl ta’ dawn id-definizzjonijiet, l-ilment tal-intervenjenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ riferiment, fid-deċiżjoni kkontestata, għal qbil ta’ intenzjonijiet bejnha u bejn Dole jew għall-eżistenza ta’ aġir komuni għal dawn iż-żewġ impriżi huwa nieqes minn rilevanza, fejn l-aġir inkriminat tagħha kien is-suġġett ta’ kwalifika ġuridika speċifika ta’ prattika miftiehma u mhux dik ta’ ftehim antikompetittiv.

301    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri jista’ jitqies li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni, għandu jitfakkar li l-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jikkostitwixxu prattika miftiehma għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-kunċett inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-kompetizzjoni, skont liema kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li għandu l-intenzjoni jsegwi fuq is-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punt 173; tal-14 ta’ Lulju 1981, Züchner, 172/80, Ġabra p. 2021, punt 13; Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, punt 297 iktar ’il fuq, punt 63; tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il‑Kummissjoni, C‑7/95 P, Ġabra p. I‑3111, punt 86, u T‑Mobile Netherlands et, punt 297 iktar ’il fuq, punt 32).

302    Għalkemm dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma teskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jadattaw lilhom infushom b’mod intelliġenti għall-aġir osservat jew preżunt tal-kompetituri tagħhom, madankollu din tipprekludi rigorożament kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi b’mod li jiġi influwenzat l-aġir fuq is-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jinkixef ma’ tali kompetitur l-aġir li wieħed ikollu l-intenzjoni li jadotta fuq dan is-suq jew li jkollu l-intenzjoni li jadotta fih, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jwasslu għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, il-kobor u n-numru tal-impriżi u tal-volum tal-imsemmi suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punt 174; Züchner, punt 301 iktar ’il fuq, punt 14; Deere vs Il‑Kummissjoni, punt 301 iktar ’il fuq, punt 87; u T‑Mobile Netherlands et, punt 297 iktar ’il fuq, punt 33).

303    Minn dan isegwi li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri huwa suxxettibbli li jkun kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni meta jnaqqas jew jikkanċella l-grad ta’ inċertezza dwar il-funzjonament tas-suq inkwistjoni bil-konsegwenza li jkun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Deere vs Il‑Kummissjoni, punt 301 iktar ’il fuq, punt 90; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 81; u T‑Mobile Netherlands et, punt 297 iktar ’il fuq, punt 35).

304    Fir-rigward tad-delimitazzjoni bejn il-prattiki miftiehma li għandhom għan antikompetittiv u dawk li għandhom effett antikompetittiv, għandu jitfakkar li l-għan u l-effett antikompetittiv ma humiex kundizzjonijiet kumulattivi, iżda alternattivi, sabiex jiġi evalwat jekk prattika taqax taħt il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 81(1) KE. Skont ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, Ġabra p. 337, 359), in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, enfasizzata permezz tal-konġunzjoni “jew”, għandha twassal sabiex qabel kollox jiġi kkunsidrat l-għan innifsu tal-prattika miftiehma, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li fih dan għandu jiġi applikat. Madankollu, fil-każ fejn l-evalwazzjoni tal-portata tal-prattika miftiehma ma turix livell suffiċjenti ta’ ħsara fir-rigward tal-kompetizzjoni, ikollhom jiġu eżaminati l-effetti tiegħu u, sabiex jiġi pprojbit, għandhom jiġu sodisfatti l-elementi li jistabbilixxu li l-kompetizzjoni ġiet jew ipprevenuta, jew ristretta jew distorta b’mod sinjifikanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, Ġabra p. I‑8637, punt 15, u T‑Mobile Netherlands et, punt 297 iktar ’il fuq, punt 28).

305    Sabiex jiġi evalwat jekk prattika miftiehma hijiex ipprojbita mill-Artikolu 81(1) KE, ma hemmx bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tagħha fis-suq meta jkun jidher li din għandha l-għan li tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 496; tal‑21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punt 125; u Beef Industry Development Society u Barry Brothers, punt 304 iktar ’il fuq, punt 16). Id-distinzjoni bejn “ksur minħabba l-għan” u “ksur minħabba l-effett” tikkonċerna ċ-ċirkustanza li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, min-natura tagħhom stess, bħala ta’ ħsara għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni (sentenzi Beef Industry Development Society u Barry Brothers, punt 304 iktar ’il fuq, punt 17 u T‑Mobile Netherlands et, punt 297 iktar ’il fuq, punt 29).

306    Sabiex ikun hemm għan antikompetittiv, huwa biżżejjed li l-prattika miftiehma tkun suxxettibbli li tipproduċi effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. Fi kliem ieħor, din għandha sempliċiment tkun tista’, fid-dawl tal-kuntest speċifiku legali u ekonomiku, tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni fis-suq komuni. Il-kwistjoni dwar jekk u sa fejn tali effett jipproduċi ruħu realment hija importanti biss sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi u jiġu evalwati d-danni (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 297 iktar ’il fuq, punt 31).

307    F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-komunikazzjonijiet dwar ipprezzar minn qabel bejn l-impriżi kkonċernati kienu taw lok għal prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv, hija ma hijiex obbligata, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, li teżamina l-effetti tal-aġir inkriminat sabiex tkun tista’ tikkonkludi li hemm ksur tal-Artikolu 81 KE.

308    L-allegazzjoni tal-intervenjenti li hija l-Kummissjoni li għandha neċessarjament tipprova effetti antikompetittivi konkreti tal-iskambju ta’ informazzjoni inkriminat għandu għaldaqstant jiġi miċħud, ġaladarba ġie osservat li r-riferiment għal deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, li preċedentement ma ġiex prodott fit-trattazzjoni, huwa nieqes minn kull rilevanza.

309    Hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika li l-komunikazzjonijiet bilaterali ta’ pprezzar minn qabel, li saru bejn l-impriżi inkwistjoni u relatati mal-prezz ta’ referenza tal-banana, setgħu jitqiesu li jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet u jikkaratterizzaw prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

 Fuq il-portata tal-komunikazzjonijiet inkriminati

310    Ir-rikorrenti tindika li l-Kummissjoni ssostni li hija “evalwat l-għan tal-akkordju billi ħadet inkunsiderazzjoni l-għan u l-kontenut tiegħu”, iżda ma hijiex kapaċi tiċċita, f’dan ir-rigward, l-iċken kunsiderazzjoni speċifika. Hija żżid tgħid li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-komunikazzjonijiet inkwistjoni kellhom bħala għan, id-distorsjoni tal-prezzijiet ftit hija plawżibbli inkwantu d-diskussjonijiet bejn Weichert u Dole ma kinux tali li jippermettu l-iċken koordinazzjoni ta’ kull ġimgħa, “f’ċerti okkażjonijiet” jew “f’ċerti każijiet rari”, it-tendenzi tal-prezz ta’ referenza u l-bqija fuq “il-kundizzjonijiet ġenerali li jipprevalu fis-suq” jew “il-kundizzjonijiet fis-suq”, li kienu jinkludu kull tip ta’ suġġett mill-kundizzjonijiet atmosferiċi fl-Ewropa sa diskors dwar is-settur.

311    Minbarra l-fatt li l-Kummissjoni ma tagħmilx distinzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, bejn il-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel bejn Chiquita u Dole u dawk li hija kellha ma’ Dole, l-intervenjenti ssostni li ma teżisti ebda prova kontemporanja li tiddeskrivi l-kontenut tal-imsemmija komunikazzjonijiet, li kienu sempliċement skambji ta’ opinjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq, li jikkonċernaw informazzjoni ġeneralment u pubblikament disponibbli, fejn ma ġiet skambjata ebda data kunfidenzjali, sensittiva jew individwalizzata. Il-Kummissjoni tipprova tiddeskrivi l-komunikazzjonijiet bħala prattika miftiehma għas-sempliċi raġuni li huma jikkonċernaw “elementi ta’ pprezzar”, liema fatt iwassal sabiex kull skambju leġittimu ta’ informazzjoni jiġi meqjus bħala prattika miftiehma.

312    Fl-ewwel lok, mingħajr ma jkun neċessarju li tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ analiżi speċifika tal-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar min qabel bejn Weichert u Dole, ikkontestata mill-Kummissjoni bħala li allegatament tbiddel il-kuntest tal-kwistjoni, hekk kif iddefinit mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet prinċipali, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li l-imsemmi lment huwa fattwalment żbaljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra p. II‑2123, punt 155).

313    Fil-punt 4.4.4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi u tiddistingwi l-kontenut tal-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel bejn, minn naħa, Dole u Chiquita (premessi 149 sa 182 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, Weichert u Dole (premessi 183 sa 197 tad-deċiżjoni kkontestata).

314    Wara li enfasizzat li l-komunikazzjoni bilaterali inkwistjoni saret bit-telefon u li l-impriżi kkonċernati informawha li ma kellhom la noti u lanqas minuti ta’ dawn il-komunikazzjonijiet, il-Kummissjoni tippreċiża li hija bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet tal-imsemmija impriżi u fuq dokumenti li jmorru lura għaż-żmien ta’ meta ġraw il-fatti sabiex tiddeskrivi bi preċiżjoni biżżejjed il-kontenut tal-komunikazzjonijiet bilaterali inkwistjoni.

315    Fir-rigward tal-komunikazzjonijiet bilaterali bejn Dole u Weicher, l-ewwel impriża ddikjarat, kif jirriżulta mill-premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata u mir-risposta ta’ Dole għat-talba għal informazzjoni tat‑30 ta’ Marzu 2006, li dawn kienu jikkonċernaw “diskussjoni ġenerali tal-kundizzjonijiet tas-suq (żviluppi attwali u mistennija) u l-volumi ġenerali tas-suq” u li, l-Erbgħa wara nofsinhar, kien hemm diskussjoni dwar il-mod kif hi u Weichert “kienu jaraw is-suq matul il-ġimgħa attwali u l-mod kien huma kienu jaħsbu li s-suq seta’ jiżviluppa matul il-ġimgħa ta’ wara”. Dole żiedet dan li ġej:

“It-talba tas-suq imnaqqsa kienet evalwata billi kienet tiġi diskussa s-sitwazzjoni tas-suq (bħal li jsir magħruf jekk kinux jeżistu ħażniet antiċipati ta’ importazzjoni eċċedentarja fil-livell tal-portijiet jew jekk il-ħażniet għand iċ-ċentri ta’ banana safra kinux ordnati mis-supermarkets minħabba talba iktar baxxa tal-konsumaturi).”

316    Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għal dikjarazzjonijiet oħra relevanti ta’ Dole u għal dawk ta’ Weichert fil-premessi 184 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġej:

“(184) Dole tippreċiża li ‘abbażi tad-diskussjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tas-suq, huma kienu jiddiskutu wkoll il-probabbiltà ta’ żieda ġenerali fuq is-suq jew ta’ tnaqqis fil-prezz tal-banana jew tal-kwistjoni dwar jekk il-prezzijiet kinux jibqgħu b’mod ġenerali l-istess. Barra minn hekk, setgħu wkoll jiddiskutu l-opinjoni tagħhom dwar il-mod kif il-‘prezz Aldi’ seta’ jinbidel [...]’.

[…]

(186) Dole tiddikjara li l-kompetituri kienu jċemplulha minn żmien għal żmien sabiex jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet tal-klijenti f’dak li jikkonċerna l-iżviluppi tas-suq. ‘Per eżempju, [...] jekk Dole kinitx verament ser torganizza promozzjoni f’pajjiż speċifiku’.

(187) Dole tammetti, fir-risposta tagħha għal talba għal informazzjoni, li f’ċerti okkażjonijiet hija kienet tikxef speċifikatament ma’ Weichert ‘it-tendenza possibbli tagħha fil-qasam tal-offerta’. Dole tiddikjara li meta [S] (Dole) kien jikkomunika mal-kuntatti tiegħu għand Weichert, ‘Weichert kienet titlob ukoll regolarment, minkejja li mhux kull ġimgħa, it-tendenza possibbli tal-offerta għall-ġimgħa ta’ wara. Jekk Dole kien ikollha diġà idea tat-tendenza tal-prezz ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara, Dole kienet tirrispondi’.

(188) Weichert issostni fir-risposta tagħha għal talba għal informazzjoni li l-komunikazzjonijiet bilaterali ma’ Dole ‘dwar il-kundizzjonijiet ġenerali prevalenti fuq is-suq’ kienu ‘konverżazzjonijiet ġenerali ħafna mingħajr aġenda organizzata jew stabbilita minn qabel li matulhom id-diskussjonijiet setgħu jkunu dwar id-diversi temi segwenti’ u jelenka l-lista segwenti: perċezzjoni tas-suq, tendenzi tas-suq, kundizzjonijiet atmosferiċi fl-Ewropa, kundizzjonijiet atmosferiċi fil-pajjiżi produtturi tal-banana, importazzjoni tal-banana fiż-ŻEE, livell tat-talba fuq is-suq, evoluzzjoni tat-talba fuq is-suq, sitwazzjoni tal-bejgħ fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, sitwazzjoni tal-bejgħ għand il-kumpanniji responsabbli mis-sajran, kwistjonijiet leġiżlattivi bħall-bidliet potenzjali tas-sistema tal-banana tal-Komunità jew diskors dwar l-industrija b’mod ġenerali (tluq ta’ impjegati jew impjegati ġodda, koimpriżi/akkwiżizzjonijiet imħabbra, eċċ.) […]

(189)      Weichert tiddikjara barra minn hekk li ‘[f’]xi okkażjonijiet, Dole kienet iċċempel lil Weichert sabiex tiskambja opinjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ġenerali prevalenti fis-suq [...] u, f’każijiet rari, ukoll dwar l-iżvilupp possibbli tal-prezzijiet uffiċjali qabel il-komunikazzjoni tal-prezzijiet uffiċjali bejn l-importaturi tal-banana nhar ta’ Ħamis’

(190) Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Dole sostniet li xi kultant Weichert ‘kienet titlob it-tendenzi ta’ offerta possibbli għall-ġimgħa ta’ wara bħala miżura ta’ referenza, li minnha [Weichert] setgħet tiddetermina l-preċiżjoni tal-istimi tagħha’ […]

[…]

(195)      […] Dole tiddikjara, fir-risposta għal talba għal informazzjoni, li ‘l-kuntatt kellu l-għan li jsir skambju ta’ informazzjoni sabiex jippermetti lil kull importatur jevalwa aħjar il-kundizzjonijiet tas-suq. Billi tintuża l-informazzjoni ġenerali jew l-opinjonijiet ġenerali fuq is-suq miksuba mill-kuntatt, Dole kienet tistima t-talba probabbli fuq is-suq, l-offerta probabbli disponibbli sabiex tirrispondi għat-talba u l-konkordanza tal-idea inizzjali ta’ prezz ta’ Dole mal-kundizzjonijiet reali tas-suq’ […]”

317    Abbażi tad-dikjarazzjonijiet espliċiti tal-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni kjarament setgħet tqis li Dole u Weichert, bl-istess mod bħal Dole u Chiquita, kienu jiddiskutu, matul il-komunikazzjonijiet differenti tagħhom, kundizzjonijiet tal-offerta u tad-domanda jew, fi kliem ieħor, fatturi ta’ pprezzar, jiġifieri fatturi importanti sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara, u kienu jiddiskutu u jiżvelaw tendenzi ta’ prezz u indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara qabel ma jiġu stabbiliti dawn il-prezzijiet ta’ referenza (premessi 148, 182 u 196 tad-deċiżjoni kkontestata).

318    Il-Kummissjoni ġabret dawn l-iskambji taħt il-kwalifika ġenerika ta’ komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel filwaqt li ppreċiżat li din tal-aħħar kienet, f’ċerti okkażjonijiet, dwar it-tendenzi ta’ prezz u l-indikazzjonijiet dwar il-prezz ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara (premessa 266 tad-deċiżjoni kkontestata). Komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel tikkorrispondi għalhekk għal skambju dwar tip jew ieħor ta’ informazzjoni inkwistjoni u, a fortiori, dwar wieħed u l-ieħor.

319    F’dan ir-rigward, għandhom jitfakkru l-kliem tad-dikjarazzjoni segwenti ta’ Dole: “[…] abbażi tad-diskussjonijiet tagħhom dwar il-kundizzjonijiet tas-suq, [l-impjegati kkonċernati] kienu jiddiskutu wkoll il-probabbiltà ta’ żieda ġenerali fuq is-suq jew ta’ tnaqqis tal-prezz tal-banana jew tal-kwistjoni dwar jekk il-prezzijiet kinux jibqgħu b’mod ġenerali l-istess. Barra minn hekk, setgħu wkoll jiddiskutu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-mod kif il-‘prezz Aldi’ seta’ jinbidel […]” (premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata). Din id-dikjarazzjoni turi rabta bejn id-diskussjonijiet dwar il-fatturi dwar l-ipprezzar u dawk dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet, li tippermetti lill-Kummissjoni tirreleva li l-parteċipanti għall-komunikazzjoni kollha kienu jafu li dawn setgħu jiftħu fuq diskussjonijiet jew divulgazzjonijiet ta’ din in-natura u li minkejja kollox aċċettaw li jieħdu parti fihom (premessa 269 tad-deċiżjoni kkontestata).

320    Fit-tieni lok, mill-premessi 136, 149 u 185 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-data dwar il-volumi ta’ importazzjoni antiċipata fl-Ewropa ta’ Fuq kienet diġà skambjata qabel ma saru l-komunikazzjonijiet dwar ipprezzar minn qabel. Il-volum ta’ importazzjoni individwali tal-impriżi għalhekk ma kienx diskuss waqt l-imsemmija komunikazzjonijiet, sakemm ma kienx hemm varjazzjoni jew irregolarità sostanzjali fl-importazzjoni antiċipata, minħabba, b’mod partikolari, l-immobilizzazzjoni ta’ vapur. Din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex ikkontestata mill-partijiet oħra fl-istanza.

321    Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li, fost it-temi diskussi minn Dole u Weichert waqt id-diskussjonijiet bilaterali tagħhom, wieħed isib, skont Weichert, il-livell tad-domanda fis-suq, l-iżvilupp tad-domanda fis-suq, is-sitwazzjoni tal-bejgħ bl-imnut u s-sitwazzjoni tal-bejgħ mill-kumpanniji responsabbli mis-sajran. Dole indikat ukoll li l-iskambji tagħha ma’ Weichert kienu jikkonċernaw il-kundizzjonijiet tas-suq, jiġifieri l-iżviluppi attwali u mistennija, billi speċifikat li “id-domanda tas-suq antiċipata kienet evalwata billi tiġi diskussa s-sitwazzjoni tas-suq (bħal jekk kinux jeżistu ħażniet antiċipati ta’ importazzjonijiet eċċedentarji fir-rigward tal-portijiet jew jekk il-ħażniet tal-kumpanniji responsabbli mis-sajran ta’ banana safra ma ġewx ordnati mis-supermarkets minħabba tnaqqis fid-domanda tal-konsumaturi)” (premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti u l-intervenjenti ma jistabbilixxux li tali skambji kienu jikkonċernaw informazzjoni disponibbli fis-suq. L-istess jgħodd għad-diskussjonijiet li jikkonċernaw operazzjonijiet promozzjonali jew inċidenti li jaffettwaw it-trasport tal-merkanzija għall-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq.

322    B’risposta għall-osservazzjonijiet ta’ Dole u ta’ Weichert, il-Kummissjoni, ċertament, ammettiet hi stess li l-informazzjoni diskussa mill-partijiet “setgħet tinkiseb minn sorsi oħra” (premessi 160 u 189 tad-deċiżjoni kkontestata), li jista’ jikkonċerna l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi, invokati minn Dole u Weichert fil-kuntest tad-deskrizzjoni tal-komunikazzjonijiet bilaterali.

323    Xorta jibqa’ l-fatt li l-opinjoni ta’ Dole jew ta’ Weichert dwar informazzjoni jew oħra importanti għall-kundizzjonijiet tal-offerta u tad-domanda, suxxettibbli li tinkiseb mod ieħor permezz ta’ diskussjonijiet mal-impriżi kkonċernati, u tal-effett tagħha fuq l-iżvilupp tas-suq, ma tikkostitwix, b’definizzjoni, informazzjoni pubblika disponibbli.

324    Fi kwalunkwe każ, il-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 160 u 189 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex, waħidha, inkompatibbli mal-konklużjoni tagħha dwar l-għan antikompetittiv tal-prattika inkwistjoni, ibbażata fuq evalwazzjoni globali ta’ din tal-aħħar.

325    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti u tal-intervenjenti dwar il-portata tal-komunikazzjonijiet inkriminati ma humiex tali li jiżvelaw illegalità tad-deċiżjoni kkontestata u għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-parteċipanti għall-iskambji u fuq il-fama tagħhom

326    L-intervenjenti ssostni li l-komunikazzjonijiet tagħha ma’ Dole kienu magħrufa mis-suq, kemm mill-kumpanniji responsabbli mis-sajran kif ukoll mis-supermarkets il-kbar, u li l-Kummissjoni tinjora, fid-deċiżjoni kkontestata, it-tixrid mal-klijenti tagħha tal-informazzjoni dwar is-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-iskambju ta’ informazzjoni “infirex sew lilhinn mill-partijiet”, filwaqt li, skont il-ġurisprudenza, skambju ta’ informazzjoni aċċessibbli wkoll għall-klijenti jista’ kemm isaħħaħ kif ukoll idgħajjef il-kompetizzjoni.

327    Fl-ewwel lok, l-intervenjenti tirreferi għall-punt 64 tar-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Frar 2006, li fiha hija ssemmi l-komunikazzjoni, fi tmiem nhar il-Ħamis filgħodu, tal-prezzijiet ta’ referenza tagħha lill-importaturi l-oħra, ladarba dawn ġew deċiżi, liema aġir ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, iżda li ma tistax tiġi konfuża mal-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel li seħħew nhar ta’ Erbgħa, qabel ma ġew stabbiliti l-imsemmija prezzijiet.

328    Fit-tieni lok, l-intervenjenti tirreferi għal ittri ta’ klijenti stabbiliti u prodotti matul il-proċedura amministrattiva jew redatti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fejn l-ammissibbiltà ta’ dawn tal-aħħar hija kkontestata mill-Kummissjoni skont il-ġurisprudenza li tgħid li l-legalità ta’ att għandu jiġi evalwat, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE, skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha l-att ġie adottat.

329    Fir-rigward tal-ittri stabbiliti matul il-proċedura amministrattiva, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma kollha miktuba bl-istess mod, bl-eċċezzjoni ta’ dik minn D., f’isem il-kumpannija I. u jikkaratterizzaw ruħhom bin-nuqqas ta’ preċiżjoni tagħhom.

330    Minn naħa, il-klijenti kkonċernati jindikaw li kien magħruf sew li Weichert u importaturi oħra ta’ banana kellhom skambju ta’ informazzjoni dwar il-volumi tal-kunsinni ta’ banana u l-prezzijiet uffiċjali matul bosta snin.

331    Minbarra l-fatt li l-għarfien ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn importaturi ma jistrieh fuq ebda konstatazzjoni diretta, iżda fuq is-sempliċi għajdut pubbliku, mill-ittri tal-klijenti li għalihom tirreferi l-intervenjenti jirriżulta li dan l-iskambju ta’ informazzjoni kien jikkonċerna, b’mod partikolari, il-prezzijiet uffiċjali, liema formulazzjoni setgħet issir għall-iskambji tal-imsemmija prezzijiet li saru nhar ta’ Ħamis filgħodu, wara li l-importaturi jkunu ffissawhom lejliet.

332    Min-naħa l-oħra, il-klijenti kkonċernati jallegaw li kellhom “aċċess għall-informazzjoni skambjata”, mingħajr ma jsemmu diskussjonijiet mal-importaturi u billi jsemmu, bħala uniku eżempju, l-aċċess għal-lista ta’ kull ġimgħa tal-kunsinni ta’ banana fis-sit internet ta’ Weichert.

333    F’dan l-istadju, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-impriżi destinatarji tagħha kienu ddikjaraw li, nhar ta’ Ħamis filgħodu, huma kienu jikkomunikaw lill-klijenti tagħhom il-prezzijiet ta’ referenza, li kienu jiċċirkolaw b’ħeffa fis-settur kollu u sussegwentement kienu jiġu kkomunikati lill-istampa professjonista, liema fatt la r-rikorrenti u lanqas l-intervenjenti ma kkontestaw.

334    Fir-rigward tal-ittra ta’ D., f’isem il-kumpannija I., hija ma tinkludi ebda riferiment għal diskussjonijiet ma’ Weichert dwar il-prezz ta’ referenza, fejn il-parti interessata ħadet il-ħsieb issostni li l-informazzjoni dwar il-kwantitajiet ta’ kull ġimgħa ta’ banana mistennija fl-Ewropa, miksuba fl-imgħoddi permezz tal-konsultazzjoni tas-sit ta’ Weichert, ma kinitx nieqsa lilha, inkwantu din l-informazzjoni kienet użata biss sabiex tieħu konjizzjoni tal-“ismijiet tal-vapuri” li jaslu minn diversi portijiet Ewropej u li din l-informazzjoni llum kienet tinkiseb billi jiġu kkuntattjati l-fornituri.

335    Minbarra l-ftit ta’ kredibbiltà ta’ tali dikjarazzjoni fir-rigward tan-natura tal-informazzjoni allegatament riċerkata, huwa sinjifikattiv li jiġi osservat li l-parti interessata ssostni li l-kwantità totali jew il-kwantitajiet individwali għal kull kumpannija ma kellhom ebda rilevanza fir-rigward tal-iżvilupp tas-suq, filwaqt li l-klijenti l-oħra jsostnu li kienu jużaw l-informazzjoni dwar il-kunsinni ta’ kull ġimgħa ta’ banana “sabiex jevalwaw u jipparagunaw aħjar il-prezzijiet tal-fornituri, inkluża Weichert”.

336    Barra minn hekk, huwa paċifiku li wieħed mix-xhieda, f’dan il-każ M., huwa impjegat ta’ Weichert sa mill‑1 ta’ Ottubru 2002, huwa involut fil-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel (premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata) u jirriżulta li huwa d-destinatarju ta’ numru ta’ ittri ta’ klijenti prodotti fit-trattazzjoni.

337    Fir-rigward tal-ittri stabbiliti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li dawn ġew stabbiliti mill-persuni li rrediġew l-ittri prodotti matul il-proċedura amministrattiva, inkluż M., u huma kollha, mill-ġdid, miktuba bl-istess mod, fejn ix-xhieda ġiet manifestament ifformulata mill-ġdid sabiex tikkontesta, iktar direttament, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni.

338    Il-klijenti kkonċernati jsemmu l-eżistenza ta’ skambju ta’ opinjonijiet bejn l-importaturi dwar it-“tendenzi u l-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq”, f’“ċerti okkażżjonijiet”, f’“mumenti differenti tal-ġimgħa li jinkludu nhar ta’ Erbgħa waranofsinhar”. Huma jindikaw li dawn id-diskussjonijiet ma kellhomx effett fuq il-prezzijiet reali u ma ppreġudikawx lill-klijenti.

339    Ix-xhieda jsemmu wkoll il-fatt li Weichert iddiskutiet jew skambjat informazzjoni magħhom dwar it-“tendenzi u l-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq”, f’“mumenti differenti tal-ġimgħa, inkluż l-Erbgħa waranofsinhar”, u jiżguraw li, f’dan il-kuntest, Weichert dejjem qasmet magħhom l-interpretazzjoni tagħha tas-suq, inkluż dak li hija setgħet titgħallem mill-konverżazzjonijiet mal-importaturi l-oħra.

340    Lil hinn mill-affermazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ konsegwenzi negattivi tal-iskambju bejn importaturi li ma jistgħux, fl-iktar ipoteżi plawżibbli, ma jirriżultawx mill-espressjoni ta’ sempliċi konvinzjoni, għandu jiġi enfasizzat li x-xhieda jallegaw saħansitra li rċevew minn Weichert informazzjoni miksuba minnha waqt id-diskussjonijiet tagħha mal-importaturi l-oħra meta l-għarfien ta’ dawn tal-aħħar kien ibbażat biss fuq is-sempliċi fama allegata tagħhom.

341    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ittri ta’ klijenti ta’ Weichert annessi man-nota ta’ intervent ma jippreżentawx il-garanziji ta’ oġġettività kollha meħtieġa u għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kummissjoni.

342    Fi kwalunkwe każ, is-sempliċi allegazzjoni li kien magħruf sew li l-importaturi kienu jitkellmu okkażjonalment bejniethom dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq, ibbażata fuq dikjarazzjonijiet ta’ natura ġenerali ta’ klijenti li ma jistrieħu fuq ebda konstatazzjoni diretta, iżda fuq is-sempliċi għajdut pubbliku, ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-atturi kollha tas-suq kienu jafu l-portata eżatta tal-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel stabbiliti mill-Kummissjoni u li fornituri ta’ banana, minbarra Chiquita, Dole u Weichert, kienu jipparteċipaw f’dawn il-komunikazzjonijiet. Għandu jiġi enfasizzat li l-intervenjenti nnifisha tirrikonoxxi, fin-nota ta’ intervent, li l-importaturi kollha ta’ banana ma kinux involuti fil-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel.

343    Barra minn hekk, imkien fl-ittri pprovduti ma jista’ jiġi kkunsidrat li Weichert kienet taqsam mal-klijenti tagħha informazzjoni dwar l-intenzjonijiet tal-kompetituri fil-qasam ta’ pprezzar, dwar is-sitwazzjoni tal-bejgħ bl-imnut, dwar l-eżistenza ta’ ħażniet antiċipati ta’ importazzjonijiet eċċedentarji fir-rigward tal-portijiet jew ta’ ħażniet għand il-kumpanniji responsabbli mis-sajran, dwar operazzjonijiet promozzjonali jew inċidenti li jaffettwaw it-trasport tal-merkanzija lejn il-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq (ara l-punt 321 iktar ’il fuq).

344    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġustament tinvoka d-distinzjoni neċessarja bejn, minn naħa, il-kompetituri li jiġbru informazzjoni b’mod indipendenti jew jiddiskutu prezzijiet futuri ma’ klijenti u ma’ terzi u, min-naħa l-oħra, il-kompetituri li jiddiskutu fatturi ta’ pprezzar u l-iżvilupp tal-prezzijiet ma’ kompetituri oħra qabel ma jistabbilixxu l-prezzijiet ta’ referenza tagħhom (premessa 305 tad-deċiżjoni).

345    Għalkemm l-ewwel aġir ma jqajjem l-ebda diffikultà fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni libera u mhux distorta, l-istess ma jgħoddx għat-tieni wieħed, li jikkontradiċi l-eżiġenza li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li għandu l-intenzjoni li jsegwi fuq is-suq komuni, peress li din l-awtonomija tipprekludi rigorożament kull tip ta’ kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi li jkollu l-għan jew l-effett jew li jinfluwenza l-aġir fuq is-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jikxef ma’ tali kompetitur l-aġir li jkun ġie deċiż jew li wieħed ikollu l-intenzjoni li jadotta huwa stess fuq is-suq (sentenza Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punti 173 u 174, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il‑Kummissjoni, T‑61/99, Ġabra p. II‑5349, punt 89).

346    L-evalwazzjoni individwali minn importatur tal-banana ta’ avveniment klimatiku li jaffettwa reġjun ta’ produzzjoni, informazzjoni pubblika u disponibbli, ma għandhiex tiġi konfuża mal-evalwazzjoni komuni minn żewġ kompetituri tal-imsemmi avveniment, flimkien, jekk ikun il-każ, ma’ informazzjoni oħra dwar l-istat tas-suq, u tal-effett tagħha fuq l-iżvilupp tas-settur, ftit żmien qabel l-iffissar tal-prezz ta’ referenza tagħhom.

347    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-intervenjenti ma tistax validament teċċepixxi sistema ta’ informazzjoni ġeneralizzata prokompetittiva, magħrufa u kondiviża mill-atturi kollha tas-suq tal-banana.

348    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti tal-intervenjenti dwar il-parteċipanti fl-iskambju ta’ informazzjoni u dwar il-fama ta’ dawn tal-aħħar ma humiex tali li jiżvelaw illegalità tad-deċiżjoni kkontestata u għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-kalendarju u l-frekwenza tal-komunikazzjoni

349    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li d-diskussjonijiet ta’ Weichert ma’ Dole ma kinux tali li jippermettu l-iċken koordinazzjoni ta’ kull ġimgħa, u lanqas ġenerali, u ssostni, f’dan ir-rigward, li s-sempliċi prova tal-Kummissjoni, relatata mal-frekwenza ta’ dawn id-diskussjonijiet matul il-perijodu li matulu seħħ il-ksur, hija prova prodotta minn Weichert li turi li l-komunikazzjoni ma kinitx isseħħ iżjed minn darba jew darbtejn fix-xahar. Il-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni sabiex tipprova tistabbilixxi aġir iktar frekwenti jikkonċernaw il-perijodu kollu tal-investigazzjoni, jiġifieri perijodu mill‑2000 sal‑2005, liema fatt ma huwiex korrett.

350    L-intervenjenti tallega li l-komunikazzjonijiet ma’ Dole kienu konverżazzjonijiet ġenerali mingħajr aġenda ddefinita minn qabel u okkażjonali u li l-komunikazzjonijiet dwar l-iżvilupp possibbli tal-prezzijiet uffiċjali, b’mod ġenerali u mhux dawk bejn l-impriżi kkonċernati, kienu rari.

351    Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet fejn ftehim illegali jista’ jiġi kkaratterizzat fid-dawl tal-kwistjoni tan-numru u tar-regolarità tal-kuntatti bejn il-kompetituri, mill-ġurisprudenza jirriżulta li huma kemm l-għan tal-ftehim kif ukoll iċ-ċirkustanzi proprji tas-suq li jispjegaw il-frekwenza, l-intervalli u l-mod kif il-kompetituri jidħlu f’kuntatt wieħed mal-ieħor sabiex jaslu għal ftehim dwar l-aġir tagħhom fis-suq. Fil-fatt, jekk l-impriżi kkonċernati jistabbilixxu akkordju b’sistema kumplessa ta’ ftehim fuq numru kbir ta’ aspetti tal-aġir tagħhom fis-suq, huma jista’ jkollhom bżonn ta’ kuntatti regolari fuq perijodu twil. Min-naħa l-oħra, jekk il-prattika miftiehma hija speċifika u intiża sabiex tarmonizza biss l-aġir fis-suq fir-rigward ta’ parametru iżolat tal-kompetizzjoni, kuntatt ta’ darba jista’ jkun biżżejjed sabiex l-għan antikompetittiv imfittex mill-impriżi kkonċernati jintlaħaq (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 297 iktar ’il fuq, punt 60).

352    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dak li huwa importanti ma huwiex in-numru ta’ laqgħat bejn l-impriżi kkonċernati iżda l-kwistjoni dwar jekk il-kuntatt jew kuntatti li seħħew offrewx lil dawn tal-aħħar il-possibbiltà li jikkunsidraw l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq inkwistjoni u biex jissostitwixxu intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għad-dannu tal-kompetizzjoni. Ladarba jista’ jiġi stabbilit li dawn l-impriżi waslu għal prattika miftiehma u baqgħu attivi fuq dan is-suq, huwa ġġustifikat li jkun hemm l-eżiġenza li dawn jipproduċu l-prova li dan il-ftehim ma kellux influwenza fuq l-aġir tagħhom fuq l-imsemmi suq (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 297 iktar ’il fuq, punt 61).

353    Għandu jiġi osservat li, abbażi tad-dikjarazzjonijiet ipprovduti minn Dole u minn Weichert, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel bejniethom seħħew nhar ta’ Erbgħa waranofsinhar, jiġifieri ftit taż-żmien qabel l-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza tagħhom, f’dan il-każ nhar ta’ Ħamis filgħodu. Din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni ma tqegħditx inkwistjoni mir-rikorrenti u mill-intervenjenti.

354    Fir-rigward tal-frekwenza tal-komunikazzjonijiet, Dole qabel kollox indikat, fir-risposta tagħha għat-talbiet għal informazzjoni, li kienet ikkomunikat ma’ Weichert “kważi kull ġimgħa”. Hija ppreċiżat li tnejn mill-impjegati tagħha, G. u H., kienu kkomunikaw ma’ dawn ta’ Weichert bejn wieħed u ieħor erbgħin ġimgħa fis-sena, filwaqt li impjegat ieħor, S., kellu biss skambji ma’ dawn tal-aħħar bejn tlieta u ħames darbiet fis-sena meta dawn iż-żewġ kollegi ma kinux disponibbli (premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata).

355    Fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kienet tiddistingwi espressament il-komunikazzjonijiet dwar il-volumi u dawk dwar “il-kundizzjonijiet tas-suq, tendenzi ta’ prezzijiet u indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza”, Dole indikat li “l-iskambju dwar il-kundizzjonijiet tas-suq seħħ madwar darba kull ġimgħatejn minħabba impenji ta’ vvjaġġar jew impenji oħra”, liema motiv diġà ssemma fir-risposta għat-talbiet għal informazzjoni sabiex tiġġustifika n-numru ta’ komunikazzjonijiet allegat (premessi 88 u 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

356    Fir-risposta tagħha għal talba għal informazzjoni tal-15 ta’ Diċembru 2006, Weichert, minn naħa, stabbilixxiet hija stess distinzjoni ċara bejn il-komunikazzjonijiet dwar il-volumi u dawk dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq u l-iżvilupp tal-prezzijiet uffiċjali u, min-naħa l-oħra, iddikjarat li dawn tal-aħħar ma kinux isiru ma’ Dole kull nhar ta’ Erbgħa, iżda b’medja ta’ darba jew darbtejn fix-xahar. Mistiedna mill-Kummissjoni, fil-5 ta’ Frar 2007, tippreċiża numru ta’ ġimgħat fis-sena fir-rigward tat-tieni tip ta’ skambju, Weichert sostniet li l-impjegati tagħha kkomunikaw ma’ Dole madwar 20 sa 25 ġimgħa fis-sena (premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata).

357    Weichert sussegwentement sostniet, fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-kuntatti ma’ Dole kienu saru “bejn wieħed u ieħor mhux iktar minn darba jew darbtejn fix-xahar”, mingħajr ma reġgħet irreferiet b’mod espliċitu għall-istima ta’ kull ġimgħa inizjali, li wassal lill-Kummissjoni sabiex tibbaża ruħha fuq frekwenza ta’ bejn wieħed u ieħor 20 sa 25 ġimgħa fis-sena, kompatibbli mad-dikjarazzjonijiet ta’ Dole (premessi 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

358    Abbażi tal-provi hekk miġbura, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-komunikazzjoni bejn Dole u Weichert kienet biżżejjed koerenti sabiex tifforma skema jew mekkaniżmu uniformi ta’ komunikazzjoni, li minnha l-impriżi setgħu jisservew skont il-bżonnijiet tagħhom (premessi 91, 269 u 270 tad-deċiżjoni kkontestata).

359    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, fin-nota ta’ intervent, Weichert ma tifformula ebda kontestazzjoni fir-rigward tal-istima tal-ammont tal-frekwenza tal-komunikazzjoni ma’ Dole li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata. Hija sempliċement tenfasizza li l-komunikazzjonijiet dwar l-iżvilupp possibbli tal-prezzijiet uffiċjali, b’mod ġenerali u mhux dawk tal-impriżi kkonċernati, kienu rari, liema fatt iwassal sabiex din it-tip ta’ informazzjoni tiġi iżolata b’mod artifiċjali u jiġu esklużi l-kuntatti dwar il-fatturi ta’ pprezzar meta dawn iż-żewġ tipi ta’ informazzjoni jiffurmaw il-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel iddokumentati mill-Kummissjoni abbażi tad-dikjarazzjonijiet ipprovduti mill-impriżi kkonċernati b’mod ċar.

360    Il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi, kemm fil-pajjiżi produtturi kif ukoll f’dawk destinatarji tal-frott għall-finijiet ta’ konsum, l-importanza tal-ħażniet fil-portijiet jew għand il-kumpanniji responsabbli mis-sajran, l-eżistenza ta’ kampanji promozzjonali jikkostitwixxu evidentement fatturi importanti ħafna għad-determinazzjoni tal-livell tal-offerta meta mqabbla mad-domanda u r-riferiment li jsir lejhom matul diskussjonijiet bilaterali bejn operaturi avżati neċessarjament kien iwassal għal kondiviżjoni ta’ interpretazzjoni tas-suq u tal-iżvilupp tiegħu fir-rigward ta’ prezzijiet.

361    F’dan l-istadju, għandhom jitfakkru d-dikjarazzjonijiet ta’ Dole fformulati matul il-proċedura amministrattiva dwar il-portata u l-għan tal-komunikazzjonijiet bilaterali. B’hekk Dole speċifikat, l-ewwel, li, “abbażi tad-diskussjonijiet tagħhom dwar il-kundizzjonijiet tas-suq, [l-impjegati kkonċernati] kienu jiddiskutu wkoll dwar il-probabbiltà ta’ żieda ġenerali fis-suq jew ta’ tnaqqis fil-prezz tal-banana jew dwar il-kwistjoni dwar jekk il-prezzijiet baqgħux ġeneralment l-istess” u li, “[b]arra minn [hekk], huma setgħu ukoll jiddiskutu l-fehmiet tagħhom dwar il-mod li bih il-prezz Aldi seta’ jinbidel […]” (premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tieni, li “il-kuntatti kellhom bħala għan li jiskambjaw informazzjoni sabiex kull importatur ikun jista’ jevalwa aħjar il-kundizzjonijiet tas-suq” u li, “[b]illi użat l-informazzjoni ġenerali jew il-fehmiet ġenerali dwar is-suq miskuba meta kien isir il-kuntatt, Dole kienet tistma d-domanda probabbli fis-suq, l-offerta probabbli disponibbli sabiex tissodisfa din id-domanda u l-konkordanza tal-idea inizjali ta’ prezz ta’ Dole mal-kundizzjonijiet reali tas-suq” (premessa 195 tad-deċiżjoni kkontestata) u t-tielet, li hija “ma [kinitx tiċħad] li ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni miksuba mill-kompetituri tagħha, flimkien ma’ fatturi oħra, fl-istabbiliment tal-prezzijiet ta’ referenza tagħha stess”, fejn din id-dikjarazzjoni ta’ Dole tikkonċerna kemm il-komunikazzjoni tagħha ma’ Chiquita kif ukoll ma’ Weichert (premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata).

362    B’hekk jidher li l-komunikazzjonijiet kollha kienu jużaw l-istess skema u li l-komunikazzjonijiet relatati ma’ fatturi ta’ pprezzar kellhom l-istess għan antikompetittiv bħal dawk relatati mat-tendenzi tal-prezzijiet jew mal-indikazzjonijiet tal-prezzijiet ta’ referenza. Il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tqis li, billi ddiskutew jew żvelaw il-fehma tagħhom dwar il-fatturi ta’ pprezzar, fejn b’hekk l-impriżi kkonċernati kienu żvelaw l-azzjoni li kellhom l-intenzjoni jadottaw jew kienu, mill-inqas, ippermettew lill-parteċipanti jevalwaw l-aġir futur ta’ kompetituri fir-rigward tal-istabbiliment tal-prezzijiet ta’ referenza jew li jnaqqsu l-inċertezza f’dan ir-rigward (premessa 269 tad-deċiżjoni kkontestata).

363    Id-dikjarazzjonijiet kollha espliċiti ta’ Dole dwar il-portata u l-għan tal-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel teskludi wkoll l-ipoteżi ta’ diskussjoni bilaterali li tista’ tillimita ruħha għal diskussjoni innoċenti dwar is-settur b’mod ġenerali, anki jekk l-impjegati tal-impriżi kkonċernati setgħu isemmu, f’ċerti okkażjonijiet, minbarra l-fatturi relevanti għall-istabbiliment tal-prezzijiet ta’ referenza, tendenzi ta’ prezzijiet jew indikazzjonijiet ta’ prezzijiet, suġġett trivjali li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-persunal tal-impriżi attivi fis-suq.

364    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li valur probatorju partikolarment għoli jista’ jiġi rikonoxxut lil dikjarazzjonijiet li, l-ewwel, huma affidabbli, it-tieni, huma magħmula f’isem impriża, it-tielet, jiġu minn persuna marbuta b’obbligu professjonali li taġixxi fl-interess ta’ din l-impriża, ir-raba’, imorru kontra l-interessi tad-dikjarant, il-ħames, jirriżultaw minn xhieda diretta taċ-ċirkustanzi msemmija u, is-sitta, ġew ipprovduti bil-miktub, b’mod deliberat u wara ħsieb fil-fond (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Aragonesas Industrias y Energía vs Il‑Kummissjoni, T‑348/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 104). L-istess jgħodd fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ Dole fformulati bil-miktub b’risposta għal talbiet għal informazzjoni jew għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li jmorru kontra l-interess ta’ din l-impriża, li tikkontesta kull ksur tal-Artikolu 81 KE u li ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li imponitilha, kif ukoll lil Del Monte u lil Weichert, multa f’dan ir-rigward (Kawża T‑588/08).

365    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tikkritika l-frekwenza tal-komunikazzjonijiet, madwar 20 sa 25 ġimgħa fis-sena, ikkunsidrati mill-Kummissjoni billi ssostni li dan jikkonċerna l-perijodu ta’ investigazzjoni mill‑2000 sal‑2005.

366    Madankollu, huwa paċifiku li l-interrogazzjoni indirizzata lil Weichert, fit-talba għal informazzjoni tas‑7 ta’ Frar 2007, ma kinitx ekwivoka fis-sens li hija kienet tikkonċerna n-numru ta’ ġimgħat ta’ komunikazzjonijiet bilaterali ma’ Dole fis-sena u li l-perijodu mill‑2000 sal‑2005 jinkludi, evidentement, dak finalment ikkunsidrat mill-Kummissjoni sabiex tikkaratterizza t-tul tal-ksur, jiġifieri l-perijodu mill‑2000 sal‑2002.

367    Għandu jiġi kkunsidrat li numru sinjifikattiv tal-komunikazzjonijiet rrikonoxxut minn Dole u Weichert, il-kontenut probabbli tagħhom, il-fatt li jinvolvu regolarment l-istess persuni b’modus operandi kważi identiku f’termini ta’ kalendarju u mezz ta’ komunikazzjoni, il-fatt li dawn tkomplew matul, tal-inqas, tliet snin, mingħajr ma ebda impriża ssemmi interruzzjoni tal-iskambji u d-dikjarazzjonijiet ta’ Dole dwar l-importanza tal-informazzjoni skambjata għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza huma wkoll elementi li jippermettu li jiġi konkluż li ġustament il-Kummissjoni qieset li kienet teżisti skema jew sistema ta’ komunikazzjoni li l-impriżi kkonċernati setgħu jirreferu għaliha skont il-bżonnijiet tagħhom.

368    Dan il-mekkaniżmu ppermetta li tinħoloq klima ta’ ċertezza reċiproka fir-rigward tal-politika ta’ prezz futura tagħhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 60), imsaħħa ulterjorment mill-iskambji wara l-prezzijiet ta’ referenza, ladarba dawn ikunu ġew deċiżi nhar ta’ Ħamis filgħodu.

369    Għalkemm ċerta informazzjoni skambjata setgħet tinkiseb minn sorsi oħra, is-sistema ta’ skambji stabbilita ppermettiet lill-impriżi kkonċernati jkunu jafu b’din l-informazzjoni b’mod iktar sempliċi, rapidu u dirett (sentenza Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, punt 368 iktar ’il fuq, punt 60) u li jagħmlu evalwazzjoni komuni aġġornata.

370    Għandu jiġi kkunsidrat li d-data skambjata tippreżenta minnha nfisha interess strateġiku biżżejjed minħabba l-attwalità tagħha u l-frekwenza tal-komunikazzjoni fuq perijodu twil.

371    Peress li dan it-tixrid regolari u viċin ta’ informazzjoni li hija relatata mal-prezzijiet ta’ referenza futuri kellu l-effett li jżid, b’mod artifiċjali, it-trasparenza fuq suq fejn, kif ġie espost fil-punt 380 sa 391 iktar ’il quddiem, il-kompetizzjoni kienet diġà mnaqqsa fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv speċifiku u ta’ skambju ta’ informazzjoni preliminari dwar il-volum ta’ kunsinni ta’ banana fl-Ewropa ta’ Fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 281).

372    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li, minkejja l-kuntest usa’ li jikkostitwixxi l-komunikazzjonijiet kollha skambjati bejn il-partijiet, il-Kummissjoni iżolat ċerti komunikazzjonijiet fid-deċiżjoni tagħha u sostniet li, mill-fatt li huma kienu jikkonċernaw dak li hija kienet tqis bħala elementi ta’ ffissar tal-prezzijiet, u f’okkażjonijiet rari ta’ tendenzi tal-prezzijiet, wieħed seta’ jassumi li dan l-aġir kellu bħala għan li jinfluwenza l-prezzijiet.

373    Hekk kif osservat ġustament il-Kummissjoni, il-fatt li l-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel setgħu kienu s-suġġett prinċipali tal-kuntatt bejn il-kompetituri jew setgħu jidħlu f’kuntest usa’ ta’ skambji ġenerali ta’ informazzjoni bejn fornituri ta’ banana ma huwiex relevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 64) u ma huwiex tali li jiġġustifika l-koordinazzjoni illegali.

374    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti u tal-intervenjenti dwar il-frekwenza tal-komunikazzjonijiet inkriminati ma humiex tali li jiżvelaw illegalità tad-deċiżjoni kkontestata u għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-kuntest ġuridiku u ekonomiku

375    Del Monte ssostni li l-għan tal-aġir inkwistjoni għandu jiġi evalwat fil-kuntest ekonomiku li fih dan l-aġir seħħ u li s-suq tal-banana kien jippreżenta karatteristiċi speċifiċi fi żmien il-fatti, li fir-rigward tagħhom l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għan tal-allegata prattika miftiehma ftit huma konvinċenti.

376    L-intervenjenti tindika lil-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tal-informazzjoni skambjata u tal-kuntest li fih seħħ l-iskambju, li m’għamlitx, filwaqt li l-karatteristiċi tas-suq tal-banana għamlu totalment mhux plawżibbli l-allegazzjonijiet tal-ksur skont l-għan.

–       Fuq il-qafas leġiżlattiv u l-offerta fis-suq

377    Ir-rikorrenti tenfasizza l-fatt li s-suq tal-banana kien trasparenti ferm, fis-sens li l-produtturi u l-konsumaturi kollha kellhom aċċess għall-volumi tal-kunsinni kull ġimgħa, u rregolata ħafna, fejn is-sistema ta’ liċenzji tiddetermina minn qabel in-numru ta’ banana importata fl-Ewropa kull trimestri. Fil-fehma tagħha, “dan il-ftehim kien jistabbilixxi effettivament l-ishma ta’ suq tal-parteċipanti”.

378    L-intervenjenti tispjega li ma setax ikun hemm effett fuq il-prezzijiet fin-nuqqas ta’ restrizzjoni tal-produzzjoni ta’ banana mibjugħa fl-Ewropa ta’ Fuq, li ma seħħx, u lanqas ma kien possibbli, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-iskema Komunitarja tal-banana, f’dan il-każ l-eżistenza ta’ kwoti u ta’ prezzijiet għolja matul il-perijodu inkwistjoni, li kienu jinċentivaw kemm jista’ jkun bejgħ ta’ banana fl-Unjoni. Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, l-intervenjenti tirreferi għal rapport ekonomiku.

379    Mill-premessi 36 sa 40, 129 sa 137, 278 u 279 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni u eżaminat, il-qafas leġiżlattiv tas-settur tal-banana meta ġraw il-fatti fl-evalwazzjoni tagħha tal-konformità tal-aġir ta’ Dole mal-Artikolu 81(1) KE, jiġifieri r-Regolament Nru 404/93.

380    Huwa paċifiku li, waqt il-perijodu kkonċernat, l-importazzjoni ta’ banana fil-Komunità kienet koperta mis-sistema tal-liċenzji. Il-Kummissjoni rrelevat li, fl-introduzzjoni tat-talbiet għal liċenzja, l-operaturi kienu suġġetti għall-kostituzzjoni ta’ garanzija u li l-parti l-kbira tal-kwantitajiet taħt liċenzja kienu jmorru għall-operaturi tradizzjonali, meta mqabbla mal-“operaturi l-ġodda” jew mal-“operaturi mhux tradizzjonali” (mill‑1 ta’ Lulju 2001), li juri l-eżistenza ta’ ċerti barrieri għad-dħul fis-suq ikkonċernat.

381    Il-kwoti ta’ importazzjoni tal-banana kienu ffissati kull sena, allokati fuq bażi trimestrali b’ċerta flessibbiltà limitata bejn it-trimestri ta’ sena ċivili. Il-Kummissjoni tippreċiża li, fid-dawl tas-sistema ta’ kwoti, il-kwantità totali ta’ banana importata fil-Komunità kollha matul trimestru partikolari matul il-perijodu kkonċernat kienet għalhekk determinata, b’riżerva għal ċertu flessibbiltà limitata bejn it-trimestri, peress li elementi importanti kienu jinkoraġġixxu lid-detenturi tal-liċenzji jiggarantixxu li dawn se jintużaw matul it-trimestru kkonċernat (premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata).

382    L-importanza ta’ din il-leġiżlazzjoni, applikabbli matul il-perijodu kollu li matulu seħħ il-ksur, fid-dawl tal-livell tal-offerta u l-fatt li tikkontribwixxi għal ċerta trasparenza fuq is-suq jippermettu li jiġi konkluż li l-formazzjoni tal-prezzijiet fuq is-suq tal-banana ma kinitx tissodisfa kompletament il-libertà tal-offerta u tat-talba.

383    Din il-konstatazzjoni ma hijiex, madankollu, inkompatibbli mal-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-għan antikompetittiv tal-prattika inkwistjoni.

384    L-ewwel nett, il-Kummissjoni debitament ħadet inkunsiderazzjoni karatteristika essenzjali tas-settur tal-banana, jiġifieri l-organizzazzjoni tiegħu f’ċikli ta’ kull ġimgħa.

385    Il-Kummissjoni enfasizzat, ġustament, li l-organizzazzjoni komuni tas-swieq ma kinitx tiddetermina minn qabel in-numru ta’ banana importata u kkummerċjalizzata fi ħdan l-Unjoni u inqas u inqas fiż-żona ġeografika inkwistjoni matul ġimgħa partikolari.

386    F’suq organizzat f’ċikli ta’ kull ġimgħa, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata li l-kunsinni ta’ banana ħadra fil-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq kienu determinati, għal ġimgħa partikolari, skont deċiżjonijiet ta’ produzzjoni u ta’ kunsinna meħuda mill-produtturi u l-importaturi (premessi 131 sa 135 tad-deċiżjoni kkontestata), li għalhekk kellhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-volum disponibbli fuq is-suq.

387    It-tieni nett, il-Kummissjoni ħadet ukoll inkunsiderazzjoni sitwazzjoni speċifika f’dak li jikkonċerna l-kwantità ta’ banana disponibbli matul ġimgħa partikolari fl-Ewropa ta’ Fuq, imsemmija fil-premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata fit-termini segwenti:

“Diversi dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni juru li qabel ma jiffissaw il-prezzijiet ta’ referenza tagħhom ta’ kull ġimgħa, mit-Tnejn sal-Erbgħa, il-partijiet kienu jiskambjaw informazzjoni dwar il-kunsinni ta’ banana fil-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq. Dawn l-iskambji kienu jgħaddu d-data dwar il-volumi ta’ banana tal-partijiet li l-kunsinna tagħhom kienet ġeneralment prevista matul il-ġimgħa ta’ wara. Il-partijiet jammettu li seħħew tali skambji. B’mod addizzjonali jew alternattiv, l-importaturi kienu jibbażaw ruħhom fuq l-informazzjoni dwar il-kunsinni ta’ banana li kienu disponibbli fi ħdan diversi sorsi pubbliċi u privati permezz ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet kummerċjali. Għalhekk, fil-mument meta l-partijiet kienu kkomunikaw dwar l-ipprezzar minn qabel, huma kienu normalment dejjem jafu bil-volumi ta’ banana tal-kompetituri li kienu ser jaslu iktar tard, fil-ġimgħa ta’ wara, fil-portijiet fl-Ewropa ta’ Fuq.”

388    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li, għalkemm l-impriżi kkonċernati ma kinux ikkontestaw il-konstatazzjoni magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet skont liema l-iskambji ta’ data dwar il-volumi kienu jsiru regolarment fil-bidu ta’ kull ġimgħa (nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Erbgħa filgħodu) (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 177 tad-deċiżjoni kkontestata), hija kienet qieset, fid-dawl tal-argumenti ppreżentati mill-imsemmija impriżi bħala risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-provi fil-pussess tagħha ma kinux iwasslu għall-konklużjoni li l-iskambji ta’ informazzjoni dwar il-volumi inkwistjoni kellhom għan antikompetittiv jew li kienu jagħmlu parti integrali mill-ksur (premessa 272 tad-deċiżjoni kkontestata).

389    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrelevat li l-parteċipanti għall-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel kienu jikkomunikaw fid-dawl ta’ inċertezza minima fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-kompetituri tagħhom f’termini ta’ kunsinni u li, flimkien mat-trasparenza tas-suq iġġenerata mill-qafas leġiżlattiv tagħha, dan kien iwassal għal livell ta’ inċertezza minima fl-industrija tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq, li kien irendi iktar importanti l-fatt li tiġi protetta l-inċertezza sottostanti madwar id-deċiżjonijiet futuri tal-kompetituri fil-qasam tal-prezz (premessa 272 tad-deċiżjoni kkontestata).

390    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tippreżenta ebda argument speċifiku li jikkontradiċi l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-impriżi tal-banana fir-rigward tal-volum disponibbli fuq is-suq matul ġimgħa partikolari u għall-konoxxenza minn dawn l-impriżi tal-kunsinni ta’ banana li jkunu għad iridu jiġu, qabel il-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel, konstatazzjonijiet li jnaqqsu minn kull bażi l-allegazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward tad-determinazzjoni minn qabel tal-ishma tas-suq. Bil-kontra, id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti jkopru wħud mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-kuntest leġiżlattiv.

391    Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet tindika, fir-risposta u mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li din tal-aħħar kienet spjegat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kif, fl‑2003, wara l-iskadenza tal-kuntratti ma’ Weichert, Del Monte kienet [kunfidenzjali], irrikonoxxiet ċertu flessibbiltà tas-suq permezz tagħha.

392    Fir-rigward tal-intervenjenti, għandu jiġi osservat li hija tifformula lment speċifiku, fis-sens li ssostni li l-aġir inkriminat ma kienx tali li jikkawża restrizzjoni tal-kompetizzjoni, inkwantu “ma jistax ikun hemm effett fuq il-prezzijiet fin-nuqqas ta’ restrizzjoni tal-produzzjoni”, li, barra minn hekk, ma seħħx u dan lanqas ma kien possibbli minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema Komunitarja tal-banana.

393    Lil hinn mill-fatt li r-rikorrenti ma sostnietx, fin-noti tagħha, li, sabiex l-akkordju jkun effettiv, kien neċessarju, f’dan il-każ, li wieħed jasal sabiex inaqqas l-offerta disponibbli fis-suq, għandu jiġi osservat li, wara li indikat li “ma jistax ikun hemm effett fuq il-prezzijiet fin-nuqqas ta’ restrizzjoni tal-produzzjoni”, l-intervenjenti sempliċement żiedet li “[dan kien] spjegat f’iktar dettal f’[analiżi ekonomika annessa man-nota ta’ intervent]”.

394    Għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, hekk kif imsemmija fil-punti 268 sa 271 iktar ’il fuq, hija applikabbli, b’analoġija, għan-nota ta’ intervent (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑227/01 sa T‑229/01, T‑265/01, T‑266/01 u T‑270/01, Ġabra p. II‑3029, punt 94). Barra minn hekk, il-ksur tal-imsemmi Artikolu 44(1)(ċ) huwa fost l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà li l-Qorti Ġenerali tista’ tqajjem ex officio, f’kull stadju tal-proċedura, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Diċembru 1995, Exporteurs in Levende Varkens et vs Il‑Kummissjoni, T‑481/93 u T‑484/93, Ġabra p. II‑2941, punt 75, u tal‑14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il‑Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punt 54).

395    F’dan il-każ, l-intervenjenti tikkuntenta ruħha li ssemmi l-ilment tagħha u tagħmel riferiment globali għal anness tan-nota ta’ intervent. L-iżviluppi li jissemmew fl-imsemmija nota ta’ intervent ikopru spjegazzjonijiet fir-rigward tal-impossibbiltà jew in-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ restrizzjonijiet ta’ volumi ta’ banana disponibbli fl-Ewropa ta’ Fuq u mhux fir-rigward tal-premessa tal-ilment, jiġifieri l-ħtieġa ta’ restrizzjoni tal-volumi li tkun seħħet sabiex jiġi kkaratterizzat akkordju fuq il-prezzijiet. Formulazzjoni daqstant lakonika tal-ilment ma tistax tippermetti lill-Kummissjoni tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn u huwa kontrarju għall-funzjoni purament probatorja u strumentali tal-annessi li dawn jistgħu jservu bħala prova dettaljata ta’ allegazzjoni ppreżentata b’mod mhux biżżejjed ċar u preċiż fir-rikors (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 268 iktar ’il fuq, punt 204).

396    Għaldaqstant hemm lok sabiex l-ilment inkwistjoni jiġi miċħud.

397    Fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jitqies li l-ilment inkwistjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli, dan għandu jiġi miċħud.

398    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma kkonkludietx, fid-deċiżjoni kkontestata, li kien jeżisti aġir kollużorju intiż sabiex jitqassmu s-swieq jew sabiex jiġu ristretti l-volumi fis-suq.

399    Hekk kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, biex jiġi stabbilit akkordju fuq il-prezzijiet ma huwiex neċessarju li barra minn hekk jiġi kkonstatat akkordju intiż li jirrestrinġi l-volumi fis-suq (premessi 133 u 292 tad-deċiżjoni kkontestata).

400    It-tieni nett, l-ilment imqajjem mill-intervenjenti jqiegħed il-kwistjoni dwar l-effetti tal-ftehim fuq il-prezzijiet reali u jibbaża ruħu fuq studju dwar l-impatt ekonomiku tal-aġir inkriminat fis-suq tal-banana fl-Ewropa. Issa, kif ġie espost fil-punt 304 iktar ’il fuq, l-għan antikompetittiv u l-effett antikompetittiv jikkostitwixxu mhux kundizzjonijiet kumulattivi iżda alternattivi sabiex tiġi applikata l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81 KE. Sabiex jiġi evalwat jekk prattika miftiehma hijiex ipprojbita mill-Artikolu 81(1) KE, ma hemmx bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tagħha fis-suq meta jkun jidher li din għandha l-għan, bħal f’dan il-każ, li tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni fuq il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni.

401    It-tielet nett, għandha tiġi kkonstatata n-natura kontradittorja tal-pożizzjoni ta’ Weichert.

402    B’hekk huwa espressament indikat, fl-analiżi ekonomika prodotta fid-dibattiti minn Weichert li s-suq tal-banana fl-Ewropa jikkaratterizza ruħu b’varjazzjonijiet fil-prezz importanti u kunsiderevolment imprevedibbli fuq “kull ġimgħa bħala bażi”, minħabba varjazzjonijiet sottostanti tad-domanda u “tal‑offerta”.

403    Barra minn hekk, Weichert stess iddikjarat li, “minbarra l-influwenza ta’ Del Monte marbuta mas-sehem maġġoritarju tagħha, hija pprovat b’mod partikolari tissodisfa l-aspettattivi ta’ Del Monte, peress li beżgħat li din tal-aħħar tieqaf tforniha jew mill-inqas tnaqqas il-fornimenti b’mod kunsiderevoli fil-każ fejn il-prezz uffiċjali ta’ Weichert ma tidħolx fil-livell tal-aspettattivi ta’ Del Monte” (premessa 390 tad-deċiżjoni kkontestata).

404    Din id-dikjarazzjoni hija ssostanzjata permezz ta’ provi dokumentarji espliċiti.

405    F’memorandum tat‑12 ta’ Ġunju 2000, indirizzata lil A. W. u H. W., A., mill-impriża Del Monte, indika dan li ġej (premessa 390 tad-deċiżjoni kkontestata): “[…] jekk ma tistgħux tilħqu dawn il-prezzijiet, il-pożizzjoni tagħha, bħal ma informajnikom b’mod ċar fil-laqgħa tal-ġimgħa li għaddiet f’Miami, hija li titnaqqas b’konsegwenza l-volum ta’ banana tagħhom fejn jikkonċerna l-liċenzji ta’ Interfrucht […] Jekk jogħġobkom informawna kuljum bir-riżultati tan-negozjati tagħkom fuq il-prezzijiet mal-klijenti tagħkom.” (premessa 390 tad-deċiżjoni kkontestata). L-eżami tad-dokument juri li Del Monte heddet li tnaqqas il-fornimenti għal 60 000 kaxxa fil-ġimgħa, filwaqt li l-Artikolu 2(a) tal-ftehim ta’ distribuzzjoni li jorbot lil Del Monte ma’ Weichert kien jipprovdi għal kunsinni ta’ kull ġimgħa li jistgħu jvarjaw minn 100 000 għal 200 000 kaxxa.

406    Fit‑12 ta’ Diċembru 2000, Del Monte indirizzat il-messaġġ li ġej lil Weichert (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 424 tad-deċiżjoni kkontestata):

“Il-messaġġ tagħna kien ċar u mhux ambigwu, jekk intkom ma tinsabux f’pożizzjoni li tbigħu f’firxa ta’ […] matul l-ewwel trimestri, intkom ma tkunux f’pożizzjoni li tikkostitwixxu riżerva żgħira ta’ profitti sabiex tikkumpensaw il-prezzijiet baxxi applikati matul l-aħħar żewġ trimestri tas-sena, dan ifisser li l-2001 ikun diżastru f’termini ta’ riżultati fis-settur tal-banana. Bħala konklużjoni, it-tnaqqis ta’ volum huwa l-uniku mod ta’ kif jista’ jintemm dan it-tnaqqis fil-prezzijiet.”.

407    Il-possibbiltà għall-fornituri li jaġixxu fuq il-livell tal-prezzijiet permezz tal-volumi huwa kkonfermat ulterjorment permezz ta’ posta elettronika interna ta’ Chiquita tal‑21 ta’ Ġunju 2000, iċċitata fil-premessi 113 u 135 tad-deċiżjoni kkontestata, li tiżvela deċiżjoni ta’ din l-impriża li tikkumpensa tnaqqis mhux mistenni tal-prezz ta’ referenza permezz ta’ żieda fil-volumi. Fil-fatt, l-awtur tal-messaġġ jindika dan li ġej:

“[…] iż-żieda f’volumi ma jikkumpensax 100 % tat-tnaqqis fil-prezz, iżda għandna bżonn ta’ kull kaxxa addizzjonali, sakemm dan ma jkollux impatt negattiv fuqna fuq terminu twil ta’ żmien.”

408    Weichert ma kkontestatx il-fatt li hija kienet skambjat mal-impriżi l-oħra inkwistjoni informazzjoni dwar il-kunsinni ta’ banana fil-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq u lanqas il-fatt li hija fformulat osservazzjonijiet dwar il-konstatazzjoni supplementari tal-Kummissjoni li din l-informazzjoni dwar il-kunsinni ta’ banana juru li l-volumi ta’ banana tal-importaturi li kienu jiġu kkunsinnati fl-imsemmija portijiet kienu differenti minn ġimgħa għal oħra (premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata).

409    Sa fejn l-asserzjonijiet tal-intervenjenti intiżi sabiex jipprovaw in-nuqqas ta’ kapaċità tal-importaturi ta’ banana li jnaqqsu l-volumi ta’ banana disponibbli fl-Ewropa ta’ Fuq jistgħu jinftiehmu bħala argument intiż li jikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-impriżi tal-banana fir-rigward tal-volum disponibbli fis-suq matul ġimgħa speċifika fiż-żona ġeografika inkwistjoni, dawn għandhom jiġu miċħuda.

410    Dan l-argument ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni r-realtà taċ-ċaqlieq importanti ta’ volumi fir-reġjun tal-Ewropa ta’ Fuq lejn partijiet oħra tal-Unjoni, u viċi-versa, murija permezz tad-data ta’ Eurostat kif ukoll permezz tan-natura varjabbli minn ġimgħa għal oħra tal-volumi ta’ banana li jaslu fil-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq, sussegwentement imqassma bejn il-pajjiżi differenti tal-Ewropa ta’ Fuq u territorji oħra, żvelata permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kunsinni ta’ banana fl-imsemmija portijiet, liema skambji ġew rikonoxxuti minn Weichert matul il-proċedura amministrattiva u ma ġewx ikkontestati fil-kuntest ta’ din l-istanza.

411    Il-provi dokumentarji msemmija fil-punti 405 sa 408 iktar ’il fuq juru n-nuqqas ta’ riġidità tal-offerta fis-suq u huma ssostanzjati kemm bid-dikjarazzjonijiet ta’ Weichert kif ukoll b’dawk tar-rikorrenti. Fil-kuntest tal-argument tagħha intiż sabiex jiġi pprovat in-nuqqas ta’ influwenza determinanti fuq Weichert, ir-rikorrenti ssostni li, kieku hija kellha tali influwenza, hija kienet tiżgura ruħha li l-liċenzji ta’ importazzjoni ta’ din tal-aħħar jintużaw, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet trimestrali u ta’ kull ġimgħa tagħha intiżi għat-tqassim tal-volumi favur swieq b’perspettivi ta’ prezzijiet aqwa, b’tali mod li jiġu mmassimizzati l-benefiċċji tal-grupp Del Monte, li ma kienx il-każ.

412    Weichert issemmi restrizzjonijiet speċifiċi billi tenfasizza li hija kellha l-obbligu kuntrattwali li tissodisfa l-klijentela tagħha, prattikament ibbażata fl-Ewropa ta’ Fuq kollha u li tforni t-territorju kopert bil-ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiv li jorbotha ma’ Del Monte, jiġifieri, “essenzjalment”, l-Ewropa ta’ Fuq.

413    Għandu jiġi osservat li l-intervenjenti tammetti, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li kellha klijenti bbażati barra mir-reġjun tal-Ewropa ta’ Fuq u ssostni li dawn kienu “ta’ ammont negliġibbli ħafna”, madankollu mingħajr ma tipprovdi kwalunkwe prova konkreta u oġġettiva insostenn ta’ din l-affermazzjoni.

414    Fir-rigward tal-portata ġeografika tal-ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiv li jorbotha ma’ Del Monte, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li Weichert innifisha tispeċifika li dan kien ikopri n-Norveġja, il-Polonja, l-Ungerija u l-eks Ċekoslovakkja, daqstant pajjiżi li ma jagħmlux parti mis-suq ġeografiku inkwistjoni.

415    Barra minn hekk, Weichert ma fformulat ebda osservazzjoni dwar il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ suq sekondarju tal-liċenzji li jippermetti lill-importaturi li jżidu, permezz tax-xiri ta’ liċenzji, il-volum tal-banana li kien allokat lilhom (premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata).

416    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrelevat li l-Kummissjoni ġustament ħadet inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha l-aġir ta’ Dole, ta’ livell ta’ inċertezza minima fl-industrija tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq u tan-neċessità korrelativa li tiġi protetta l-inċertezza sottostanti li tikkaratterizza d-deċiżjonijiet futuri tal-kompetituri fir-rigward tal-prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punti 1088 u 1856).

417    Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet li jinsabu fl-analiżi ekonomika prodotta fil-kontenzjuż minn Weichert dwar il-varjabbiltà ta’ kull ġimgħa tad-domanda u tal-offerta, li tagħti lok għall-varjazzjonijiet tal-prezzijiet, huma, fil-kuntest ta’ suq li huwa wkoll ikkaratterizzat minn sistema ta’ skambji ta’ informazzjoni bejn importaturi dwar il-volumi tal-kunsinni ta’ kull ġimgħa ta’ banana fil-portijiet, huma ta’ natura li jiġġustifikaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, minn naħa, dwar il-fatt li l-prezz kien strument fundamentali tal-kompetizzjoni fis-settur inkwistjoni (premessa 261 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, dwar in-neċessità imperattiva li tkun protetta, fil-kuntest tas-suq tal-banana, l-inċertezza sottostanti madwar id-deċiżjonijiet futuri tal-kompetituri fir-rigward tal-prezzijiet (premessa 272 tad-deċiżjoni kkontestata).

418    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti u tal-intervenjenti dwar il-qafas leġiżlattiv u dwar l-offerta fis-suq inkwistjoni ma humiex tali li jiżvelaw illegalità tad-deċiżjoni kkontestata u għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq in-natura speċifika tal-prodott inkwistjoni

419    Ir-rikorrenti tosserva li, peress li l-banana hija prodott li jitħassar estremament malajr, “l-importaturi kollha huma għaldaqstant inċentivati sew li jeħilsu mill-ħażniet tagħhom matul il-ġimgħa u b’konsegwenza, […] daqstant kemm huwa possibbli jfittxu informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tas-suq billi jużaw ir-riżorsi ta’ informazzjoni tagħhom stess, il-klijenti tagħhom, u f’ċerti każijiet il-fornituri l-oħra sabiex jiżguraw ruħhom li l-prezzijiet tagħhom huma ffissati fuq livell adegwat sabiex is-suq jiġi lliberat malajr”.

420    Mill-premessi 278, 279, 290, 300, 303, 341 sa 343 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat l-argumenti tad-destinatarji tagħha relatati man-natura speċifika tal-prodott inkwistjoni, jiġifieri tan-natura tiegħu li jitħassar estremament malajr.

421    L-argument tar-rikorrenti huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-komunikazzjoni bejn importaturi kellha, fid-dawl tan-natura speċifika tal-prodott inkwistjoni, għan leġittimu, jiġifieri tisħiħ tal-effikaċja tas-suq.

422    Kif tindika, ġustament, il-Kummissjoni fil-premessa 303 tad-deċiżjoni kkontestata, billi jispjegaw li l-għan tal-komunikazzjonijiet kien użu tal-ħażna b’mod effikaċi fuq is-suq għal prodott li jitħassar estremament malajr bħall-banana jew l-iffissar tal-prezz tal-użu tal-ħażna tas-suq, l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata jirrikonoxxu b’dan il-fatt li l-komunikazzjonijiet tagħhom influwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom dwar ipprezzar. Din l-aħħar konstatazzjoni tikkonferma l-għan antikompetittiv tal-prattika inkwistjoni.

423    Il-Kummissjoni żiedet ukoll dan li ġej fil-premessa 303 tad-deċiżjoni kkontestata:

“[L]adarba jiġi stabbilit l-għan antikompetittiv tal-komunikazzjonijiet, il-partijiet ma jistgħux jiġġustifikawh billi jsostnu li l-għan tagħhom kien li jkun hemm ‘aħjar effikaċja’. Sabiex prattika antikompetittiva miftiehma tkun eżenti mill-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE], huwa neċessarju li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 81(3) [KE]. Barra minn hekk, huwa insuffiċjenti li ma jkun hemm l-ebda ‘intenzjoni antikompetittiva’ fil-komunikazzjoni mal-kompetituri li matulha jinkixfu jew jiġu diskussi l-intenzjonijiet dwar prezzijiet u fatturi dwar ipprezzar.”

424    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE ma kinux sodisfatti (premessi 339 sa 343 tad-deċiżjoni kkontestata).

425    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex importanti li l-impriżi jkunu miftiehma għal raġunijiet li wħud minnhom kienu leġittimi. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ftehim jista’ jkun ikkunsidrat li għandu għan restrittiv anki jekk ma jkollux bħala uniku għan li jillimita l-kompetizzjoni, iżda jkollu għanijiet leġittimi oħra (setenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers, punt 304 iktar ’il fuq, punt 21).

426    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, li tikkontesta kull ksur tal-Artikolu 81 KE, ma ppreżentat l-ebda argument ta’ natura li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura speċifika tal-prodott inkwistjoni.

–       Fuq l-istruttura tas-suq

427    L-intervenjenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-istruttura u d-dinamika tas-suq u injorat il-kuntest li fih kien seħħ l-iskambju ta’ informazzjoni u l-fatt li numru kbir ta’ importaturi ma kienx ipparteċipa għall-allegati “komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel”. Dan huwa wkoll żball ta’ raġunament u ta’ evalwazzjoni ġaladarba l-livell ta’ kompetizzjoni fis-suq huwa element importanti meta tkun involuta l-legalità tal-iskambji ta’ informazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 81 KE.

428    Il-kwistjoni tal-istruttura tas-suq u tan-natura antikompetittiva tiegħu ġiet eżaminata fil-premessi 25 sa 31, 280, 281 u 324 tad-deċiżjoni kkontestata u l-Kummissjoni ssostni:

–        Li l-istruttura tas-suq ma hijiex element relevanti sabiex jiġi stabbilit ksur f’dan il-każ, liema fatt ġie enfasizzat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, punt 368 iktar ’il fuq (punt 113);

–        li, fil-każ ta’ akkordju fuq il-prezzijiet, ir-relevanza tal-istruttura tas-suq relatata mal-ksur hija differenti minn dik tal-każijiet ta’ qsim tas-swieq; li fi kwalunkwe każ il-partijiet kellhom sehem sostanzjali tas-suq u kienu l-fornituri tal-ikbar tliet trade marks tal-banana;

–        li l-partijiet ma jistgħux jiġġustifikaw l-involviment tagħhom f’arranġamenti ta’ akkordju billi jiddikjaraw li teżisti kompetizzjoni fuq is-suq u li ma huwiex neċessarju, sabiex ikun hemm ksur skont is-suġġett, li arranġamenti jeskludu kull kompetizzjoni bejn il-partijiet.

429    Għandu jiġi osservat li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-istruttura tas-suq ma hijiex element relevanti sabiex jiġi stabbilit, f’dan il-każ, ksur tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, punt 368 iktar ’il fuq, fis-sens li s-siltiet minn din is-sentenza fil-premessa 280 tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex relatati mal-istabbilment tal-ksur, iżda mal-ammont tal-multa imposta.

430    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li għandu l-intenzjoni jsegwi fuq is-suq komuni u li, għalkemm din l-eżiġenza ta’ awtonomija ma teskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jadattaw b’mod intelliġenti għall-aġir ikkonstatat jew antiċipat fuq il-kompetituri tagħhom, hija madankollu tipprekludi rigorożament kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi ta’ natura jew li tinfluwenza l-aġir fuq is-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li tikxef lil tali kompetitur l-aġir li jkollha l-intenzjoni li tadotta fuq dan is-suq, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jwasslu għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, tal-importanza jew tan-numru ta’ impriżi u tal-volum tal-imsemmi suq (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 297 iktar ’il fuq, punti 32 u 33).

431    Jekk l-offerta fuq suq tkun ikkonċentrata ħafna, l-iskambju ta’ ċerta informazzjoni jista’ jkun, b’mod partikolari skont it-tip ta’ informazzjoni skambjata, ta’ natura li jippermetti lill-impriżi jkunu jafu l-pożizzjoni u l-istrateġija kummerċjali tal-kompetituri tagħhom fuq is-suq, fejn b’hekk tneħħi r-rivalità fuq dan is-suq u żżid il-probabbiltà ta’ kollużjoni, anzi tiffaċilitaha. Min-naħa l-oħra, jekk l-offerta tkun imnaqqsa, ix-xandir u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri jistgħu jkunu newtrali jew anki pożittivi, għan-natura kompetittiva tas-suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef‑Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 58).

432    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni tista’ tikkostitwixxi ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni anki meta s-suq inkwistjoni ma huwiex suq oligopolistiku kkonċentrat ħafna (sentenza Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, punt 303 iktar ’il fuq, punt 86).

433    F’dan il-każ, l-intervenjenti tallega li l-Kummissjoni injorat il-fatt li numru kbir ta’ importaturi ma kienx ipparteċipa fil-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel, mingħajr ma pprovdiet preċiżazzjonijiet jew provi oħra konkreti sabiex jiġu ssostanzjati l-allegazzjonijiet tagħha.

434    Għandu jiġi enfasizzat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li, minbarra Chiquita, Weichert u Dole, Del Monte (f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet tagħha ta’ fornitur ta’ banana), Fyffes u Van Parys ibigħu ammont sostanzjali ta’ banana fl-Ewropa ta’ Fuq u li, minbarra dawn l-impriżi, numru kbir ta’ impriżi oħra li jbigħu l-banana huma attivi fl-Ewropa ta’ Fuq. Il-parti l-kbira minnhom kienu impriżi żgħar li kienu jiffokaw fuq żona ġeografika limitata (b’mod partikolari l-Ġermanja) (premessi 21 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata).

435    Madankollu, il-Kummissjoni tippreċiża li l-partijiet kellhom sehem sostanzjali tas-suq u kienu l-fornituri tal-ikbar tliet trade marks tal-banana.

436    Il-Kummissjoni tispjega, fil-premessi 25 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-mod kif iddeterminat il-preżenza kombinata tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata fil-ħażna tal-banana.

437    Il-Kummissjoni għamlet stima tas-sehem magħqud tagħhom tal-bejgħ ta’ banana f’valur, abbażi tal-informazzjoni li l-imsemmija destinatarji u l-importaturi tal-banana Fyffes u LVP ipprovdew, li wassalha sabiex tikkonkludi li s-sehem tal-bejgħ f’valur ta’ Chiquita, Dole u Weichert kien jirrappreżenta fl-2002 madwar 45 % sa 50 % tal-bejgħ ta’ banana fl-Ewropa ta’ Fuq (premessi 26 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata).

438    Il-Kummissjoni evalwat ukoll, fid-deċiżjoni kkontestata, is-sehem tal-bejgħ f’volum tal-impriżi kkonċernati fl-Ewropa ta’ Fuq, abbażi ta’ data pprovduta minnhom, fid-dawl tal-konsum apparenti ta’ banana f’volum li jirriżulta mill-istatistika uffiċjali ppubblikata minn Eurostat u waslet għall-konklużjoni li l-bejgħ ta’ banana friska fl-2002 minn Chiquita, Dole u Weichert, imkejjel f’volum, kien jirrappreżenta approssimativament 40 % sa 45 % tal-konsum apparenti ta’ banana friska fl-Ewropa ta’ Fuq, fejn din l-istima hija ftit inqas mis-sehem f’valur ta’ dan il-bejgħ (premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata).

439    Fin-nota tagħha, l-intervenjenti ma fformulat ebda osservazzjoni fir-rigward ta’ dawn l-estimi tal-Kummissjoni.

440    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament ħadet inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tagħha tal-aġir inkriminat, l-istruttura tas-suq u li ġustament hija kkunsidrat u ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li Dole, Chiquita u Weichert kellhom sehem sostanzjali, u mhux żgħir bħal ma ssostni Weichert, tas-suq inkwistjoni, li, għalkemm ma jistax jiġi ddefinit bħala oligopolistiku, ma jistax ikun ikkaratterizzat minn offerta ta’ natura żgħira.

–       Fuq ir-rwol speċifiku ta’ Weichert

441    Ir-rikorrenti ssostni, fir-rigward tal-elementi kuntestwali li jrendu l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għan antikompetittiv tal-prattika inkwistjoni ftit konvinċenti, li Weichert kellha rwol uniku f’dan is-suq minħabba l-fatt li hija kienet inkarigata mill-tiġbor l-informazzjoni dwar il-volumi u l-prezzijiet ta’ referenza u li tibgħat din l-informazzjoni lill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ikel u l-agrikoltura (FAO) u lill-Kummissjoni ta’ kull ġimgħa, flimkien ma’ kummentarju qasir dwar is-sitwazzjoni tas-suq.

442    L-intervenjenti ssostni li t-tentattiv tal-Kummissjoni intiż sabiex tikkwalifika l-aġir inkriminat tal-prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv huwa illużorju. Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ma tispjegax ir-raġunijiet għalfejn il-prezzijiet ta’ referenza ġew ikkomunikati lilha matul il-perijodu inkwistjoni.

443    Għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti u l-intervenjenti ma jispeċifikawx b’mod ċar kemm ir-rwol speċifiku ta’ din tal-aħħar fil-ġbir ta’ informazzjoni dwar is-suq inkwistjoni u t-trażmissjoni tagħha lil istituzzjonijiet pubbliċi huwa tali li jmur kontra l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv.

444    Il-kwistjoni tal-informazzjoni reċevuta mill-FAO u mill-Kummissjoni ġiet eżaminata fil-premessi 307, 308 u 319 tad-deċiżjoni kkontestata.

445    Il-Kummissjoni rrimarkat li l-argumenti tal-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ma kinux juru li istituzzjonijiet pubbliċi kienu informati dwar l-eżistenza tal-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel u tal-kontenut tagħhom. Is-sempliċi fatt li Weichert skambjat mingħajr ħabi prezzijiet uffiċjali wara li ġew stabbiliti nhar ta’ Ħamis filgħodu u kkomunikathom lill-Kummissjoni ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-għan antikompetittiv tal-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel, li seħħew nhar ta’ Erbgħa waranofsinhar, ftit taż-żmien qabel l-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza.

446    Għandu jiġi kkonstatat li kemm ir-rikorrenti kif ukoll l-intervenjenti ma jipproduċu ebda prova li tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq.

447    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti u tal-intervenjenti dwar ir-rwol speċifiku ta’ din tal-aħħar ma humiex tali li jiżvelaw illegalità tad-deċiżjoni kkontestata u għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq ir-rilevanza tal-prezzijiet ta’ referenza

448    Ir-rikorrenti tallega li l-konklużjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv tistrieh fuq rabta bejn il-prezzijiet ta’ tranżazzjoni u l-prezzijiet ta’ referenza, li Weichert deċiżament ikkontestat matul il-proċedura kollha u li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx fid-deċiżjoni kkontestata.

449    L-intervenjenti tallega li l-prezz ta’ referenza tagħha ma kienx prezz li hija kienet qed tistenna li tikseb, punt ta’ tluq għan-negozjati, prezz li għalih kienu interessati l-klijenti jew prezz li minnu kienu jiddependu l-prezzijiet reali. Għaldaqstant il-prezz uffiċjali ta’ Weichert ma setax kien sinjal għas-suq fir-rigward tal-prezzijiet reali tagħha.

450    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-kwistjoni tal-istabbiliment u tar-rilevanza tal-prezz ta’ referenza fis-settur tal-banana ġie eżaminat, essenzjalment, fil-premessi 102 sa 128 tad-deċiżjoni kkontestata.

451    Huwa paċifiku li Chiquita, Dole u Weichert kienu jistabbilixxu l-prezzijiet ta’ referenza tagħhom għat-trade mark tagħhom kull ġimgħa, f’dan il-każ nhar ta’ Ħamis filgħodu, u jħabbruh lill-klijenti tagħhom. L-importaturi indikaw li l-prezzijiet ta’ referenza kienu jiċċirkolaw malajr ħafna fis-settur kollu u wara kienu jiġu kkomunikati lill-istampa professjonali (premessi 34, 104 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

452    Il-Kummissjoni tispjega li l-prezzijiet ta’ tranżazzjoni kienu jew innegozjati fuq bażi ta’ kull ġimgħa, f’dan il-każ nhar ta’ Ħamis waranofsinhar u nhar ta’ Ġimgħa (jew iktar tard fl-istess ġimgħa jew fil-bidu tal-ġimgħa ta’ wara), jew iddeterminati abbażi ta’ formula ta’ pprezzar stabbilita minn qabel b’indikazzjoni ta’ prezz fiss jew bi klawżoli li jgħaqqdu l-prezz ma’ prezz ta’ referenza tal-bejjiegħ jew kompetitur jew indikatur ieħor bħall-“prezz Aldi”. Chiquita kellha b’mod partikolari kuntratti li kienu bbażati fuq il-“formula Dole plus” fejn il-prezz ta’ tranżazzjoni kien jiddependi fil-verità fuq il-prezz ta’ referenza ta’ kull ġimgħa ffissat minn Dole jew fuq il-prezzijiet ta’ referenza tagħha. Għall-klijenti kkonċernati, kienet teżisti rabta diretta bejn il-prezzijiet imħallsa u l-prezzijiet ta’ referenza (premessi 104 u 105 tad-deċiżjoni kkontestata).

453    Fil-premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata hija tkompli tippreċiża dan li ġej:

“[…] Il-fornituri ta’ banana li jbigħu lil Aldi jissottomettu b’mod regolari l-proposta tagħhom lil Aldi nhar ta’ Ħamis filgħodu. Għall-ħabta tas-14:00, b’mod ġenerali, kien jiġi ffissat il-‘prezz Aldi’. Il-‘prezz Aldi’ kien il-prezz imħallas minn Aldi lill-fornituri tal-banana tagħha. Aldi tispjega li kull nhar ta’ Ħamis, bejn il-11:00 u l-11:30, hija kienet tirċievi offerti mill-fornituri tagħha. Aldi tispjega li d-deċiżjoni tagħha dwar l-offerta ta’ kull ġimgħa tagħha lill-fornituri tagħha kienet ibbażata fuq l-offerti rċevuti, il-prezzijiet tal-ġimgħa ta’ qabel u l-prezz tal-istess ġimgħa fis-sena ta’ qabel. Madwar 30 minuta wara l-offerti tal-fornituri tagħha, Aldi kienet tibgħat kontro-offerta li tkun normalment l-istess għall-fornituri kollha. Aldi tiddikjara li ma tafx bl-eżistenza ta’ ‘prezz Aldi’ u li għalhekk ma hijiex f’pożizzjoni li tevalwa l-importanza tal-prezz tagħha għat-tranżazzjonijiet ta’ terzi. Mit-tieni semestru tal-2002, il-‘prezz Aldi’ beda jintuża iktar u iktar bħala indikatur tal-kalkolu tal-prezz tal-banana għal ċertu numru ta’ tranżazzjonijiet oħra, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-banana bi trade mark.”

454    Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prezzijiet ta’ referenza servew tal-inqas bħala sinjal għas-suq, ta’ tendenza jew ta’ indikazzjoni f’dak li jikkonċerna l-iżvilupp previst tal-prezzijiet tal-banana u li kienu importanti għall-bejgħ tal-banana u l-prezzijiet miksuba. Barra minn hekk, f’ċerti tranżazzjonijiet, il-prezzijiet reali kienu direttament marbuta mal-prezzijiet ta’ referenza. Il-Kummissjoni tqis li jeżisti numru biżżejjed ta’ raġunijiet sabiex jintlaħaq l-għan antikompetittiv (premessi 115 u 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

455    Bil-kontra tal-affermazzjonijiet tal-intervenjenti, il-Kummissjoni ma ddikjaratx li l-“prezzijiet ta’ referenza kienu […] prezzijiet li wieħed seta’ jistenna li jintlaħqu”. Din l-affermazzjoni tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-aħħar sentenza tal-premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata, li “dokumenti fl-atti juru li l-prezzijiet ta’ referenza kienu importanti għall-kummerċ tal-banana u l-prezzijiet li setgħu jintalbu”.

456    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-intervenjenti ssostni li hija ma kellhiex ftehim kuntrattwali bbażati fuq prezz uffiċjali, fejn dawn tal-aħħar jew kienu bbażati fuq prezz fiss annwali, jew marbuta mal-“prezz Aldi”. Fil-premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li Weichert kellha jew kuntratti ta’ offerta li jinkludu formola ta’ prezz fissa, jew kuntratti bil-prezz innegozjat fuq bażi ta’ kull ġimgħa.

457    Fir-rigward tal-argumenti kollha tal-intervenjenti, l-affermazzjoni ta’ din tal-aħħar dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-banana tagħha għandha tinftiehem li tfisser li l-prezzijiet ta’ tranżazzjoni tagħha kienu jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ kuntratti li jipprovdu prezz fiss iddeterminat minn qabel għal sena u negozjati ta’ kull ġimgħa bbażati, mhux fuq il-prezzijiet ta’ referenza, iżda fuq il-“prezz Aldi”.

458    Il-Kummissjoni ma tallegax, la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fin-noti tagħha, li Weichert kienet tikkumerċjalizza l-banana tagħha permezz ta’ kuntratti li jinkludu formoli ta’ prezzijiet ibbażati direttament fuq prezz ta’ referenza, tagħha jew dak ta’ kompetitur.

459    F’dan l-istadju, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, fir-rigward tal-possibbiltà li prattika miftiehma titqies li għandha għan antikompetittiv anki jekk din tal-aħħar ma jkollha l-ebda rabta mal-prezz fuq il-konsum, il-kliem tal-Artikolu 81(1) KE ma jippermettix li jiġu kkunsidrati bħala pprojbti biss il-prattiki miftiehma li għandhom effett dirett fuq il-prezz imħallas mill-konsumaturi finali. Bil-kontra, mill-Artikolu 81(1)(a) KE jirriżulta li prattika miftiehma jista’ jkollha għan antikompetittiv jekk hija tkun tikkonsisti f’“l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju” (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 297 iktar ’il fuq, punti 36 u 37).

460    L-Artikolu 81 KE jfittex, bħar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat, li jipproteġi mhux biss l-interessi tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda l-istruttura tas-suq u, b’hekk, il-kompetizzjoni bħala tali. Għalhekk, il-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-għan antikompetittiv ta’ prattika miftiehma ma tistax tkun suġġetta għal dik ta’ rabta diretta bejnha mal-prezzijiet fuq il-konsum (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 297 iktar ’il fuq, punti 38 u 39).

461    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li numru ta’ provi dokumentarji jissostanzjaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rilevanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-settur tal-banana.

462    L-ewwel nett, fil-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi posta elettronika li B. bagħat lil P. (żewġ diretturi ta’ Chiquita) fit-30 ta’ April 2001 li hija fformulata kif ġej:

“Huwa pprovat li meta [Dole/Del Monte/Tuca] jilħqu prezz ta’ DEM 36.00, il-klijenti tagħhom (bejjiegħa bl-imnut) jirreżistu, għaliex f’dan il-livell ta’ offerta, il-prezz għall-konsumatur għandu jaqbeż il-limitu ta’ DEM 3.00/kg. Ma hemmx dubju li dan il-‘fenomenu’ jaffettwana għal ċertu żmien. [Dan] ifisser li l-offerta limitu tagħna hija ta’ DEM 40.00 (offerta għall-banana ħadra).”

463    L-intervenjenti ssostni li din il-posta elettronika tirrifletti biss l-interpretazzjoni ta’ ċerti impjegati ta’ Chiquita u ma tistax turi r-rilevanza tal-prezz ta’ offerta għall-banana ta’ Del Monte.

464    Madankollu, għandu jiġi osservat li d-dokument inkwistjoni jirreferi speċifikament għax-xerrejja ta’ banana tat-trade mark Del Monte, li kienu kkumerċjalizzati minn Weichert, u ta’ banana tat-trade mark Dole, liema fatt ma huwiex ikkontestat mill-intervenjenti. Iċ-ċirkustanza li l-posta elettronika ntbagħtet minn wieħed mill-atturi prinċipali tas-suq tal-banana, kompletament dwar il-funzjonament tiegħu, sempliċement issaħħaħ is-saħħa probatorja tagħha.

465    Kif tindika l-Kummissjoni ġustament, dan id-dokument juri li l-prezzijiet reali jiddependu mill-prezzijiet ta’ referenza u li l-klijenti kienu jsegwu l-iżvilupp tagħhom. Huwa juri li l-klijenti kienu jirreaġixxu meta l-prezzijiet ta’ referenza kienu jilħqu ċerti livelli, iżda wkoll li huma kienu fehmu li kienet teżisti rabta bejn dawn il-prezzijiet ta’ referenza u l-prezzijiet reali. Id-dokument jindika b’mod ċar li, jekk l-offerti ta’ Dole, ta’ Del Monte u ta’ Tuca kienu jilħqu livell ta’ “DEM 36.00”, “il-prezz għall-konsumatur [kellu] jaqbeż il-limitu ta’ DEM 3.00/kg”. Huwa juri wkoll l-eżistenza ta’ ċerta interdipendenza tal-prezzijiet ta’ referenza tal-banana bit-trade marks Chiquita, Dole u Del Monte u tal-limiti fid-differenzi li kienu aċċettabbli. L-allegazzjoni tal-intervenjenti li “huwa possibbli li B. jipprova jiġġustifika lil P. għalfejn ma setax jiffissa prezz uffiċjali ogħla” sempliċement jissostanzja din l-aħħar konstatazzjoni.

466    L-intervenjenti tifformula wkoll spjegazzjoni alternattiva tas-sens tal-posta elettronika ta’ Chiquita bil-kliem li ġejjin:

“Peress li ġie sostnut li Chiquita kellha kuntratti ma’ ċerti klijenti li kienu bbażati fuq prezzijiet uffiċjali, huwa possibbli li ċerti klijenti lmentaw bil-prezz uffiċjali ta’ Chiquita. B. seta’ kkunsidra li Weichert u Dole kienu jiltaqgħu mal-istess problemi jew seta’ fittex raġuni sabiex jiġġustifika lis-superjur tiegħu għalfejn ma kienx f’pożizzjoni li jiffissa prezz uffiċjali ogħla. Jekk dan huwa l-każ, B. b’mod ċar ma qablitx mal-mod li bih Weichert kienet tmexxi n-negozju tagħha, jiġifieri b’mod materjalment differenti minn dak li Chiquita setgħet tagħżel għan-negozju tagħha stess.”

467    Għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni ta’ Weichert tistrieh fuq il-kunsiderazzjoni flimkien ta’ ipoteżi, tal-eżistenza ta’ lmenti minn klijenti ta’ Chiquita, u ta’ sempliċi kalkolu, fir-rigward tal-ħsieb u l-aġir ta’ impjegat ta’ Chiquita, fejn dan kollu ta lok għal konklużjoni perentorja u impreċiża ta’ differenza fl-aġir fin-negozju bejn Weichert u Chiquita. Din id-dikjarazzjoni ma tistax titqies li tiżnatura l-portata espliċita tal-messaġġ inkwistjoni kif ukoll il-konstatazzjonijiet oġġettivi tal-Kummissjoni dwar l-iffissar u t-tħabbir, ta’ kull ġimgħa, minn Weichert ta’ prezz ta’ referenza fil-kuntest tan-negozjati kummerċjali tas-settur.

468    Fl-aħħar nett għandu jiġi enfasizzat li Weichert innifisha sostniet, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-posta elettronika inkwistjoni kienet indirettament tipprova li l-bejjiegħa bl-imnut kienu sensibbli għall-prezzijiet ta’ referenza (premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata).

469    It-tieni nett, fil-premessi 112, 126 u 389 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi faks tat‑28 ta’ Jannar 2000, li permezz tiegħu A., impjegat ta’ Del Monte, talab lil A. W. jipprovdilu spjegazzjoni dwar id-differenza bejn il-“prezz finali” u l-“prezz imnaqqas” f’dawn it-termini:

“Sabiex l-affarijiet ikomplu jaggravaw, tkellimt darbtejn mal-persuna tal-impriża tiegħek li hija responsabbli għall-bejgħ tal-banana sabiex niddiskutu kundizzjonijiet u prezzijiet fuq is-suq ... Sirt naf li [Weichert] se żżomm il-prezzijiet tagħha ‘viċin ħafna’ l-prezz uffiċjali!!! (…) Fi kwalunkwe każ, [dan] huwa għal kollox inaċċettabbli.”

470    Ir-rikorrenti ssostni li l-unika ħaġa li din il-korrispondenza tipprova hija li hija kienet tixtieq li Weichert tbigħ bl-ogħla prezz possibbli. L-intervenjenti ssostni li dan id-dokument ma jistabbilixxix li l-prezz uffiċjali kien prezz li l-importaturi kienu qed jistennew li se jiksbu u turi pjuttost il-frustrazzjoni ta’ Del Monte fir-rigward tal-fatt li l-prezzijiet reali tagħha kienu totlament mingħajr relazzjoni mal-prezzijiet uffiċjali tagħha.

471    Minbarra l-fatt li l-Kummissjoni ma tallegax, fid-deċiżjoni kkontestata, li “l-prezz uffiċjali kien prezz li l-importaturi kienu qed jistennew li se jiksbu”, għandu jiġi osservat li d-dokument inkwistjoni juri r-rabta li teżisti bejn prezz uffiċjali u prezz reali, fejn Del Monte manifestament kienet qed tistenna li Weichert tikseb prezz finali viċin ħafna l-prezz ta’ referenza, liema fatt, f’dan il-każ, ma kienx tali li jissodisfaha bis-sħiħ.

472    It-tielet nett, il-Kummissjoni ssemmi posta elettronika interna ta’ Chiquita, tat‑8 ta’ Awwissu 2002, indirizzata lil P. (President-Direttur Ġenerali ta’ Chiquita) minn K., li tikxef ir-riflessjonijiet tiegħu wara żieda minn Dole tal-prezz ta’ referenza tagħha b’EUR 2 (premessi 111 u  172 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

473    L-impjegat ta’ Chiquita jindika dan li ġej:

“Għalfejn aħna ċaqlaqna l-prezz b’1. 5 biss, filwaqt li Dole ċaqilqet bi 2. 0?

Ilbieraħ aħna kellna l-impressjoni li s-suq kien irreaġixxa kemmxejn, iżda pjuttost viċin EUR 1.

Dalgħodu, Dole ma rrispondietx it-telefonata tiegħi u mingħajr ma kkonsultatna ħabbret 2. 00 (permezz ta’ J., li kien jippermetti li jiġu evitati d-domandi). X’tista’ tkun ir-raġuni tagħhom?-

1)      […] il-promozzjoni Edeka: Edeka qegħda tagħmel promozzjoni ta’ ġimgħa fuq it-trade marks tat-tielet kategorija ‘taħt il-prezz Aldi’ (normalment l-għażla tagħhom hija magħmula minn 60 Dole, 30 CB, 20 DM kif ukoll xi ftit tat-tielet kategorija). Huma ġegħlu lill-fornituri tagħhom jgħinuhom, Edeka aċċettat ma’ Dole li tixtri 80K ta’ kaxxi bil-prezz Aldi. Billi żiedu l-prezz tas-suq u ta’ dak ta’ Aldi, huma [Dole] jiksbu qabel xejn prezz aħjar għat-80K [...] Peress li aħna nipparteċipaw b’50K CS, huwa possibbli li nieħdu xi benefiċċju.

2)      Dole taf li aħna [Chiquita] għandna ħafna kummerċ Dole plus u tuża dan dejjem iktar sabiex timbotta l-prezzijiet reali tagħna ’l fuq, meta huma jibqgħu iktar baxxi.

Iktar tard, Dole ċemplitli, irrepetiet il-mossa tagħha u indikat: ‘u l-prezz Aldi se jevolvi ċertament ukoll bi 2’.

Grazzi għal Weichert [...], nafu li huma kienu jqisu li l-progress ta’ Dole kien ftit eżaġerat.

Kollox iġiegħlni naħseb li Dole tkabbar is-sitwazzjoni u li għandha r-raġunijiet tagħha. Peress li ma għandhiex tingħata l-impressjoni li aħna m’aħniex kuntenti ħafna li nsegwu, iddeċidejna għal 1. 50, b’hekk inħallu d-differenza għal 2 ma’ Dole u [għal] 4 50/5 00 mat-terzi.”

474    Dan id-dokument juri, minn naħa, li, għal Chiquita, ma kienx komuni li Dole tieħu tali deċiżjoni ta’ pprezzar “mingħajr ma tikkonsulta[ha]” u li Chiquita kienet qed tistenna konsultazzjoni bejniethom qabel ma Dole tieħu deċiżjoni ta’ pprezzar u, min-naħa l-oħra, li Dole kienet inizjalment ikkomunikat ma’ impjegat ta’ Chiquita ta’ livell ġerarkiku baxx, ċertament sabiex tevita ċerti domandi, u għamlet telefonata oħra lil responsabbli għoli ta’ Chiquita sabiex tispjega l-bidla fil-prezz u tinkoraġġixxi lil Chiquita ssegwi ċ-ċaqlieq (premessi 173 u 174 tad-deċiżjoni kkontestata).

475    Dan il-messaġġ tat‑8 ta’ Awwissu 2002 jipprova wkoll l-importanza tal-prezz ta’ referenza ta’ Dole għas-suq, inkluż għall-prezzijiet reali miksuba minn Dole u minn Chiquita. Barra minn hekk, il-prezz ta’ referenza ta’ Dole kien jinfluwenza f’dan il-każ il-prezz ta’ referenza ta’ Chiquita. Din il-posta elettronika tindika li Chiquita kellha l-intenzjoni li tgħolli l-prezz b’“madwar [EUR] 1” il-ġurnata ta’ qabel, iżda f’dik il-ġurnata filgħodu ddeċidiet li tgħolli l-prezz ta’ referenza tagħha b’EUR 1.5. Fil-fatt, fid-dikjarazzjoni ta’ impriża tagħha Chiquita ssostni li, fid-dawl taż-żieda ta’ Dole tal-prezz ta’ referenza tagħha b’EUR 2, hija bidlet il-prezz ta’ referenza tagħha billi żiditu b’EUR 1.5 “minflok ma applikat biss iż-żieda ta’ EUR 1 li kienet ikkunsidrat il-ġurnata ta’ qabel” (premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata).

476    Il-Kummissjoni ssemmi wkoll il-fatt li, il-Ħamis 2 ta’ Jannar 2003, impjegat ta’ Atlanta, persuna responsabbli mis-sajran tal-frott u mid-distribuzzjoni, bagħat lil żewġ persuni responsabbli ta’ Chiquita, P. u K., posta elettronika li kienet tirreferi għal deċiżjoni meħuda minn Chiquita li żżid il-prezz ta’ referenza tagħha, diġà kkomunikata lill-klijenti tagħha, ta’ EUR 0.50, u dan wara żieda tal-prezz ta’ referenza ta’ Dole li saret dakinhar filgħodu stess meta ntbagħat l-imsemmi messaġġ. F’din il-posta elettronika, l-impjegat ta’ Atlanta bagħat lill-amministraturi ta’ Chiquita “kumment kritiku ħafna” dwar tali deċiżjoni ta’ pprezzar. K. irrisponda f’dawn it-termini: “Aħna naħsbu li dan itemm il-progress lejn iż-żieda jekk nibqgħu fl-istess livell u jimmina l-iżvilupp matul il-ġimgħat li ġejjin.” Fl-istess jum, fit‑2 ta’ Jannar 2003, f’dak li jikkonċerna l-istess domanda, impjegat ta’ Chiquita kiteb lil K. li huwa kellu problemi minħabba din ir-reviżjoni ta’ żieda meta l-prezz kien diġà tħabbar lill-klijenti. K. irrisponda għal dan il-kumment, fis‑6 ta’ Jannar bil-kliem li ġej (premessi 110 u 176 tad-deċiżjoni kkontestata):

“[P.] [il-President-Direttur Ġenerali ta’ Chiquita għall-Ewropa] ma riedx li Dole u Del Monte jkollhom l-impressjoni li aħna qed nitilquhom billi nżommu l-istatus quo. Jien nifhem.”

477    Hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni (premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata), id-dokumenti tat‑2 ta’ Jannar 2003 juru li l-klijenti kienu jaħsbu b’mod ċar li l-bidla fil-prezz ta’ referenza kienet importanti għall-prezzijiet li setgħu jistennew li jħallsu jew jirċievu. Id-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv ta’ Chiquita li jipproċedi għal żieda meta l-prezz ta’ referenza diġà kien tħabbar lill-klijenti bil-għan li “ma jiġux mitluqa” Dole u Del Monte turi r-rieda reali ta’ Chiquita li ssostni ż-żidiet fil-prezzijiet ta’ referenza tal-kompetituri prinċipali tagħha, skont il-bżonn, billi tadotta l-metodu xejn normali li żżid il-prezz li kien diġà tħabbar minkejja d-diffikultajiet li dan il-metodu joħloq lill-klijentela, peress li kienet immotivata tagħmel dan mill-perspettiva li ma tikkompromettix żvilupp għat-tnaqqis tal-prezzijiet matul il-ġimgħat ta’ wara (premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata).

478    Ċertament, huwa paċifiku li d-deċiżjoni ta’ pprezzar, inkwistjoni fl-imsemmi messaġġ, ġiet adottata fit‑2 ta’ Jannar 2003, eżatt wara tmiem il-perijodu, mhux ikkonstatat, tal-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel. Xorta jibqa’ l-fatt li, għalkemm dan id-dokument ma huwiex ta’ natura, waħdu, li jistabbilixxi r-realtà tal-aġir antikompetittiv inkwistjoni, huwa jikkorrobora l-provi miġbura mill-Kummissjoni dwar il-prezz ta’ referenza.

479    L-intervenjenti tallega li d-dokumenti msemmija fil-premessi 110 u 111 tad-deċiżjoni kkontestata huma dokumenti interni ta’ Chiquita li ma jgħidu xejn rigward l-intenzjonijiet jew aspettattivi tagħha dwar ipprezzar. Il-posta elettronika tat‑2 ta’ Jannar 2003 ma tistax tinftiehem li tissuġġerixxi li l-prezzijiet uffiċjali kienu prezzijiet li Weichert kienet qed tistenna li se tikseb.

480    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma ssostnix, fid-deċiżjoni kkontestata li “l-prezzijiet uffiċjali kienu prezzijiet li Weichert kienet qed tistenna li se tikseb” u għandu jiġi osservat li d-dokumenti inkwistjoni juru l-importanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-settur tal-banana, li fih Weichert kienet waħda mill-atturi matul il-perijodu li fih seħħ il-ksur.

481    Għandu jiġi enfasizzat li l-ksur jikkonċerna prodott uniku, il-banana friska, li jinqasam fi tliet livelli ta’ kwalità b’differenzi ta’ prezz korrelativi, li jaqgħu taħt l-istess suq ikkaratterizzat minn proċess ta’ ffissar ta’ prezzijiet li jinkludi t-tħabbir kull nhar ta’ Ħamis filgħodu tal-prezzijiet ta’ referenza ta’ Dole, ta’ Chiquita u ta’ Weichert lill-klijentela tagħhom, bl-ewwel messaġġ destinat għas-suq fuq l-istennija tal-importaturi fil-qasam ta’ prezz. Għalkemm l-imsemmija prezzijiet ta’ referenza jikkonċernaw biss il-banana tal-ewwel u tat-tieni kategorija mibjugħha minn dawn l-impriżi, kienet teżisti rabta bejn dawn il-prezzijiet u dawk tat-trade marks terzi jew dawk tal-banana mingħajr trade mark, sa fejn kien isir neċessarjament, kull ġimgħa, pożizzjonament ta’ prezz tal-kwalitajiet differenti ta’ banana meta mqabbla waħda mal-oħra. L-eżistenza ta’ ċerta interdipendenza tal-prezzijiet ta’ referenza tal-banana tat-trade marks Chiquita, Dole u Del Monte hija murija mill-posta elettronika interna ta’ Chiquita tat‑30 ta’ April 2001 (premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata) u tat‑8 ta’ Awwissu 2002 (premessi 111, 172 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

482    F’dan ir-rigward, għad hemm lok li tiġi ċċitata posta elettronika tad-direttur ġenerali għall-Ewropa ta’ Chiquita (premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata), bid-data tal‑21 ta’ Ġunju 2000, mibgħuta lil diversi kollegi u li tikkummenta tnaqqis tal-prezz ta’ referenza ta’ Chiquita wara t-tnaqqis tal-prezz ta’ Dole b’DEM 2 li jindika li: “B’differenza ta’ prezz li laħqet DEM 9 meta mqabbel ma’ Dole, ma għandniex għażla oħra. Evidentement dan huwa xokk, peress li l-possibbiltajiet li jiżdiedu l-prezzijiet fis-Sajf f’kundizzjoniiet ta’ produzzjoni u ta’ suq ordinarji huma minimi, anzi ineżistenti”. Fl-istess posta elettronika, P. jkompli jikteb:

“[…]din hija r-raġuni għalfejn nitlobkom, għal darb’oħra, teżaminaw il-possibbiltajiet kollha li jiżdiedu l-volumi. Iż-żieda fil-volumi ma tikkumpensax 100 % tat-tnaqqis tal-prezz, iżda għandna bżonn ta’ kull kaxxa supplimentari, sakemm dan ma jkollux impatt negattiv fuqna fuq żmien twil.”

483    Kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, din il-posta elettronika turi sa liema punt Chiquita kienet imħassba b’reviżjoni għat-tnaqqis tal-prezzijiet ta’ referenza, ikkwalifikata bħala “xokk”, sa fejn kien hemm “ftit jew l-ebda possibbiltà li l-prezzijiet jiżdiedu matul is-Sajf” u bit-tiftix għal soluzzjoni sabiex tikkumpensa għall-konsegwenzi negattivi ta’ din is-sitwazzjoni fuq il-livell tal-prezzijiet, f’dan il-każ billi tittieħed azzjoni fir-rigward tal-volumi. Huwa juri, mill-ġdid, l-importanza tal-kwistjoni tad-differenzi bejn il-prezzijiet ta’ referenza tal-importaturi u tal-limiti aċċettabbli jew sostenibbli f’dawn id-differenzi.

484    Din hija prova dokumentarja supplementari tar-rilevanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-settur tal-banana li fir-rigward tiegħu l-intervenjenti ma fformulat ebda osservazzjoni.

485    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tinvoka ittra li d-Deutscher Fruchthandelsverband eV (DFHV, federazzjoni tal-kummerċ Ġermaniża) bagħtet lil membru tal-Kummissjoni fil‑21 ta’ Jannar 2005, li permezz tagħha hija tiddikjara, b’mod partikolari, li “dawn il-prezzijiet ‘uffiċjali’ huma biss rifless tal-pożizzjoni ta’ tluq tad-diversi operaturi għan-negozjati tagħhom ta’ kull ġimgħa” u li “huma sa 50 % iktar mill-prezzijiet realment miftiehma” (premessi 112 u 119 tad-deċiżjoni kkontestata).

486    Ir-rikorrenti tosserva li din l-ittra tad-DFHV hija tal‑2005, meta l-allegat ksur intemm fl‑2002. L-intervenjenti tallega li l-imsemmija ittra ma għandha ebda valur probatorju fir-rigward tagħha. L-ittra ma ssostnix li l-prezzijiet uffiċjali tagħha kif ukoll dawk ta’ Dole u ta’ Chiquita kienu punt ta’ tluq għan-negozjati ta’ prezzijiet. Fil-fatt, id-DFHV kkonfermat li hija ma kintix taf jekk hija kinitx tuża l-prezzijiet uffiċjali bħala punt ta’ tluq għan-negozjati ta’ prezzijiet tagħha.

487    Għalkemm dan id-dokument huwa mingħajr dubju posterjuri għall-iskadenza tal-perijodu ta’ ksur u ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jipprova l-ksur akkużat, huwa juri li, tliet snin wara l-ksur u filwaqt li l-ebda bidla tal-organizzazzjoni tas-suq tal-banana ma hi allegata jew ipprovata, il-prezzijiet ta’ referenza kienu kkunsidrati, b’mod ġenerali, bħala punt ta’ tluq għan-negozjati tal-prezzijiet ta’ kull ġimgħa.

488    Is-saħħa probatorja ta’ dan id-dokument ma jistax jitqiegħed totalment inkwistjoni bil-fatt li, f’ittra tat‑18 ta’ Diċembru 2008, id-DFHV indikat li hija ma setgħetx tikkonferma li Weichert użat il-prezzijiet uffiċjali tagħha bħala punt ta’ tluq għan-negozjati tal-prezzijiet ta’ kull ġimgħa, liema fatt jesprimi biss inċertezza dwar l-aġir partikolari ta’ dan il-fornitur ta’ banana.

489    Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-intervenjenti nnifisha tibbaża ruħha fuq din l-ittra tad-DFHV tal‑21 ta’ Jannar 2005 sabiex tenfasizza li l-prezzijiet uffiċjali kienu sa 50 % ogħla mill-prezzijiet reali u li l-importanza ta’ din id-differenza turi li ebda importatur ma seta’ jistenna li jikseb tali għan, liema fatt ma huwiex, fi kwalunkwe każ, sostnut mill-Kummissjoni.

490    Fit-tielet lok, l-intervenjenti ssostni li l-“provi” juru li hija ma għamlet ebda riferiment għall-prezz uffiċjali fin-negozjati ta’ prezz u tirreferi, b’mod partikolari, għad-dikjarazzjonijiet tagħha stess matul il-proċedura amministrattiva.

491    Huwa paċifiku li b’risposta għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni indikat li ma kienx hemm rabta bejn il-prezzijiet uffiċjali u l-prezzijiet reali u li d-differenzi bejn il-prezz uffiċjali u l-prezz reali kienu sinjifikattivi. Ir-riferiment fil-punt 287 tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija, min-naħa l-oħra, nieqsa minn kull rilevanza inkwantu l-imsemmi punt jirreferi għall-kwistjoni tal-volumi.

492    Madankollu għandu jiġi enfasizzat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, li, bejn l-2000 u l-2002, Weichert kienet tbigħ banana kkummerċjalizzata taħt it-trade mark Del Monte u li, nhar ta’ Ħamis, hija kienet tistabbilixxi l-prezzijiet ta’ referenza ta’ kull ġimgħa għall-imsemmija banana b’konsultazzjoni, skont l-affermazzjonijiet tagħha, ma’ Del Monte. Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li, matul il-perijodu kkonċernat, il-prezzijiet ta’ referenza tal-banana għal Dole u Del Monte (il-banana ta’ din tal-aħħar kienet ikkummerċjalizzata minn Weichert) kienu kważi identiċi. Sabiex tissostanzja din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni tfakkar id-dikjarazzjonijiet ta’ Weichert li, “għalkemm Del Monte uffiċjalment ma tathiex l-istruzzjoni li tadotta l-istess prezz uffiċjali bħal Dole, hija kienet tistenna [minnha li j]kollha prezz uffiċjali tal-inqas daqs dak ta’ Dole” (premessa 104 u nota f’qiegħ il-paġna Nru 138 tad-deċiżjoni kkontestata).

493    Fuq talba tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Frar 2007, Weichert speċifikat li ġej:

“Del Monte kienet tipparteċipa regolarment għal diskussjonijiet ta’ pprezzar ma’ Weichert. Del Monte kienet teżiġi minn Weichert li hija tikkomunikalha l-prezz uffiċjali kull ġimgħa. Ta’ spiss, Del Monte ma kinitx sodisfatta bil-prezz uffiċjali li Weichert kienet adottat, għaliex hija kienet tqis li t-trade mark Dole kienet l-iktar simili għal tagħha f’termini ta’ kwalità u ta’ reputazzjoni tal-banana. Għaldaqstant hija kienet tistenna li Weichert konsegwentement tikkummerċjalizza l-banana tat-trade mark Del Monte u li din ikollha l-istess prezz uffiċjali bħal ta’ Dole. Wara li rċeviet iċ-ċifri ta’ kull ġimgħa, Del Monte ta’ spiss kienet tmur għandh Weichert u titlobha tispjega għalfejn hija ma kinitx adottat prezz uffiċjali ogħla jew għalfejn ma kisbitx prezz reali ogħla. Irriżulta wkoll li Del Monte tifferefi għall-prezz uffiċjali ta’ Dole li kien ogħla minn dak ta’ Weichert u titlob lil Weichert tiġġustifika d-differenza.”

494    Weichert speċifikat ulterjorment li kkomunikat lil Del Monte rapporti ta’ kull ġimgħa dwar is-sitwazzjoni fuq is-suq tal-banana matul il-perijodu ta’ ksur, fejn dawn ir-rapporti jsemmu prezzijiet uffiċjali, iżda wkoll stimi tal-prezzijiet reali għall-ġimgħa kkonċernata fil-forma, b’mod partikolari, ta’ skala għall-banana bi trade mark Del Monte (ikkummerċjalizzata minn Weichert) u prodotti tal-kompetituri (premessa 392 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jiġi osservat li l-prezz reali massimu jikkorrispondi regolarment għall-indikazzjoni tal-prezz ta’ referenza.

495    Dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Weichert, ikkorroborati minn provi dokumentarji, imorru kontra l-allegazzjoni ta’ assenza totali ta’ rilevanza tal-prezzijiet ta’ referenza tagħha.

496    Del Monte sostniet, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-prezzijiet ta’ referenza ma kellhom l-ebda influwenza fuq il-prezzijiet reali, iżda indikat ukoll li l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ referenza kien jirrappreżenta mod, għall-importaturi “li jiġbru l-informazzjoni relevanti dwar id-domanda, il-volumi ta’ kunsinni u l-ħażniet kollha f’‘messaġġ’ intelliġibbli għas-suq” (premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata). Ma din ir-risposta Del Monte annettiet dokument iddedikat għall-analiżi ekonomika ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-forniment ta’ banana fl-Ewropa ta’ Fuq (CRA International, 13/11/07), li fiha huwa speċifikat li “[b]illi skambjat informazzjoni u billi kkomunikat prezzijiet uffiċjali lill-persuni involuti fis-suq, l-importaturi setgħu, fl-agħar każ, jikkoordinaw sinjal ‘komuni’ sabiex jintbagħat lis-suq (taħt il-forma ta’ prezzijiet uffiċjali koordinati)”. Dan ir-riferiment, imsemmi fil-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa kkompletat permezz tal-osservazzjoni li ġejja:

“Min-naħa l-oħra, huwa mill-inqas plawżibbli li seta’ kien hemm tisħiħ tal-effiċjenza billi intużaw prezzijiet uffiċjali bħala sinjal fil-qosor tas-sitwazzjoni tal-offerta u tad-domanda fis-suq. […] Għaldaqstant ma huwiex inkonċepibbli li l-fatt li ssir taqsira tal-informazzjoni rilevanti kollha għall-persuni involuti fis-suq f’sinjal uniku, taħt il-forma ta’ prezzijiet uffiċjali kkoordinati huwa mod sempliċi u effikaċi sabiex tiżdied l-effiċjenza tas-suq”.

497    Barra minn hekk, fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tal‑5 ta’ Frar 2007, ir-rikorrenti indikat li “[i]l-prezzijiet ta’ referenza kienu magħrufa malajr fis-suq” u li [kunfidenzjali]. Hija speċifikat ukoll li “[i]l-klijenti ta’ spiss kienu jiżvelaw il-prezzijiet ta’ referenza tal-kompetituri mingħajr ma kienu jintalbu jagħmlu dan, b’mod partikolari meta kienu jridu jużaw dan bħala argument sabiex jiksbu prezzijiet iktar baxxi, ġaladarba l-prezz ta’ referenza kien jintuża mill-importaturi ta’ banana sabiex jindikaw l-iżvilupp tal-prezz Aldi li kien mistenni waranofsinhar”.

498    Ulterjorment għandu jitfakkar ukoll li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Dole sostniet li l-prezzijiet ta’ referenza kienu biss indikaturi tas-suq, wieħed minn numru ta’ fatturi meħuda inkunsiderazzjoni mill-konsumaturi, u linja gwida biss fin-negozjati mal-klijentela. Dole indikat li “[b]’mod modest ħafna, huma kienu jgħinu lill-importaturi u lill-klijenti jevalwaw l-istat attwali tas-suq u l-mod kif jista’ jevolvi” (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata) u li “l-klijenti […] kienu jipprovaw jinnegozjaw sabiex jiksbu l-aħjar offerta billi jipparagunaw pubblikament il-prezz tal-offerti kompetituri” (premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

499    B’hekk jidher li l-klijenti kienu jistennew li prezzijiet ta’ referenza ogħla jwasslu għal prezzijiet ta’ tranżazzjoni ogħla u li huma kienu jinqdew bihom bħala strument ta’ negozjar għall-iffissar tal-prezzijiet reali, li juri l-interess ta’ ftehim bejn l-importaturi dwar il-prezzijiet ta’ referenza. Dawn id-dikjarazzjonijiet preċiżi, ripetuti u konkordanti ta’ Dole u ta’ Del Monte, ipprovduti bil-miktub, b’mod volontarju u wara riflessjoni fil-fond, għandhom valur probatorju kbir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aragonesas Industrias y Energía vs Il‑Kummissjoni, punt 364 iktar ’il fuq, punt 104) f’dak li jikkonċerna r-rwol tal-prezzijiet ta’ referenza, imsemmija b’mod ġenerali, bħala l-ewwel talba ta’ prezz tal-importaturi u l-importanza tagħhom fin-negozjati kummerċjali.

500    Dole ddikjarat ukoll, b’risposta għal talba għal informazzjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2006, għal-perijodu mis-snin 2000 sal-2002, li “Del Monte qegħdet il-banana bi trade mark tagħha għal livell paragunabbli ma’ dak tal-banana bi trade mark Dole, u huwa ġeneralment aċċettat fis-settur li Del Monte kienet tikkunsidra l-prezz ta’ referenza ta’ Dole bħala mezz sabiex tippromwovi dan ix-xebh mal-klijenti” (premessa 104 u nota f’qiegħ il-paġna Nru 138 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn din id-dikjarazzjoni jirriżulta li l-prezz ta’ referenza ta’ Dole kien ikkunsidrat bħala strument kummerċjali li kien jippermetti lil Del Monte tikseb, għall-banana tagħha, l-istess pożizzjoni ta’ prezz bħal dik ta’ Dole.

501    Ir-rikorrenti ma fformolat ebda osservazzjoni, fin-noti tagħha, dwar id-dikjarazzjonijiet ifformolati matul il-proċedura amministrattiva li jmorru kontra l-affermazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ rabta bejn il-prezzijiet ta’ referenza u l-prezzijiet reali.

502    Bil-kontra, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-argument tagħha intiż sabiex jikkontesta l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq Weichert, ir-rikorrenti sostniet li hija kienet [kunfidenzjali], filwaqt li Weichert ipprivileġġat strateġija opposta, jiġifieri l-bejgħ ta’ volumi kbar sabiex tuża l-liċenzji tagħha u żżomm ir-relazzjonijiet tagħha ta’ fornitur ma kemm jista’ jkun klijenti possibbli. L-istrateġija ta’ Weichert li tikkonsisti f’li dejjem tiffissa prezzijiet tal-livell ta’ dawk ta’ Dole ma kinitix fl-interess ta’ Del Monte, fejn l-interess ta’ din tal-aħħar kien fil-bejgħ bi “prezzijiet ogħla”,sabiex ikun hemm żieda tal-element varjabbli tal-prezz previst fil-ftehim ta’ distribuzzjoni. Għaldaqstant Del Monte “ippreferiet prezzijiet ta’ referenza għal prodotti ta’ kwalità superjuri, eqreb lejn dawk ta’ Chiquita”, liema fatt kien magħruf minn terzi, hekk kif jikkonfermaw id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita li josservaw li “Dole u Del Monte bdew japplikaw prezzijiet ta’ referenza differenti meta Del Monte fetħet l-impriża tagħha stess fil-Ġermanja fl‑2003” u dawk simili ta’ Dole li “Del Monte ipprovat tnaqqas id-differenza bejn l-indiċi tal-prezz ta’ referenza ta’ Chiquita (jiġifieri l-ogħla prezz ta’ referenza) u l-prezz ta’ referenza ta’ Del Monte”.

503    Dawn l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti kif ukoll id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ Dole msemmija fil-punt 502 iktar ’il fuq jikkonfermaw sempliċement il-provi miġbura mill-Kummissjoni u l-fondatezza tal-konklużjoni tagħha fir-rigward tal-importanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-suq tal-banana, inklużi dawk ta’ Weichert.

504    Fir-raba’ lok, l-intervenjenti tallega li n-nuqqas ta’ rilevanza tal-prezzijiet ta’ referenza huwa pprovat permezz tal-ittri stabbiliti mill-klijenti prinċipali tagħha u prodotti waqt it-trattazzjoni. Fil-fehma tagħha, dawn il-klijenti kkonfermaw li huma ma kinux interessati bil-prezzijiet uffiċjali tagħha, li ma kellhom ebda rwol fin-negozjati tal-prezzijiet reali, fejn l-imsemmija klijenti kienu interessati bil-“prezz Aldi”.

505    Hekk kif ġie espost fil-punt 341 iktar ’il fuq, din ix-xhieda ma tippreżentax il-garanziji kollha ta’ oġġettività meħtieġa u għaldaqstant għandha tiġi miċħuda. Mal-konstatazzjonijiet diġà magħmula dwar ir-rabtiet kummerċjali u ta’ subordinazzjoni li jorbtu lill-awturi ta’ dawn l-ittri u Weichert, dwar il-forma u dwar il-mertu tagħhom, għandu jingħad ukoll, fir-rigward tal-prezzijiet uffiċjali, li, għalkemm il-klijenti kkonċernati jindikaw li l-imsemmija prezzijiet ma kinux fattur relevanti fil-kuntest tan-negozjati tagħhom ma’ Weichert, dawn jaslu jsostnu li huma kienu jafu, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra, li “Weichert kienet tqis il-prezz ufffiċjali tagħha bħala wieħed nieqes minn sinjifikat”.

506    Fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jitqies li dawn l-ittri jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’din il-kawża, huma ma jippermettux, waħedhom, li jwasslu għall-konklużjoni ta’ nuqqas ta’ rilevanza tal-prezzijiet ta’ referenza ta’ Weichert.

507    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, fl-ittri kollha stabbiliti matul il-proċedura amministrattiva, bl-eċċezzjoni ta’ dik ta’ D., f’isem il-kumpannija I., il-klijenti kkonċernati jallegaw li huma kellhom aċċess għal-lista ta’ kull ġimgħa tal-kunsinni ta’ banana fuq is-sit intranet ta’ Weichert u kienu jużawha “sabiex jevalwaw u jipparagunaw aħjar il-prezzijiet tal-fornituri, inklużi dawk ta’ Weichert”, li tapplika neċessarjament għall-prezzijiet ta’ referenza, fid-dawl tal-kronoloġija tal-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ kull ġimgħa tal-banana. Barra minn hekk, dawn id-dikjarazzjonijiet jikkorroboraw dawk ifformolati mir-rikorrenti u minn Dole, imfakkra fil-punti 497 u 498 iktar ’il fuq.

508    Sussegwentement, huwa paċifiku li ebda wieħed mill-klijenti kkonċernati ma jagħmel riferiment kwalunkwe għall-“prezz Aldi” bħala l-uniku riferiment relevanti għall-ipprezzar tal-banana matul il-perijodu inkwistjoni, meta l-intervenjenti tallega li l-klijenti tagħha kienu interessati biss mill-imsemmi prezz.

509    Fl-aħħar nett u fuq kollox, l-ittri ta’ klijenti prodotti fit-trattazzjoni minn Weichert, stabbiliti wara l-investigazzjoni u anki wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għal uħud minnhom, ma humiex biżżejjed sabiex iqiegħdu inkwistjoni s-saħħa probatorja tal-provi dokumentarji dwar ir-rilevanza tal-prezzijiet ta’ referenza, li jippreċedu l-investigazzjoni u li huma kkorroborati mid-dikjarazzjonijiet ta’ Dole u tar-rikorrenti, fejn dawn l-impriżi, b’mod partikolari, iddeskrivew b’mod ċar l-aġir tal-klijenti billi użaw il-prezzijiet ta’ referenza, imsemmija b’mod ġenerali bħala strument ta’ negozjati għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni (ara l-punti 502 iktar ’il fuq).

510    Fil-ħames lok, l-intervenjenti ssostni li l-Kummissjoni żnaturat ir-rilevanza tal-prezzijiet uffiċjali billi naqset l-importanza tal-“prezz Aldi”, li kien l-uniku riferiment għall-ipprezzar matul il-perijodu inkwistjoni, u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonstatat li l-“prezz Aldi” kellu inqas importanza matul il-perijodu mill‑2000 sal‑2003.

511    Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, l-ewwel nett, l-intervenjenti sempliċement tirreferi għad-dikjarazzjonijiet tagħha stess ifformolati fil-kuntest tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li fiha hija ssemmi l-konvinzjoni tagħha kif ukoll dik ta’ destinatarji oħra tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-importanza tal-prezz iffissat minn Aldi, l-ikbar xerrejja ta’ banana fl-Unjoni. Weichert tippreċiża li Aldi “saret” attur importanti fis-suq tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq mill-bidu tas-snin 90 minħabba żieda kontinwa tas-sehem tagħha mis-suq fil-Ġermanja, minn 21.5 % għal 28.1 % fl-2005.

512    Dawn il-provi, jekk jitqiesu li huma veri, ma jippermettux li jiġi kkonstatat li l-“prezz Aldi” kien “l-uniku referenza għall-ipprezzar” matul il-perijodu mill‑2000 sal‑2002, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ammettiet l-idea ta’ importanza dejjem tiżdied tal-imsemmi prezz fis-suq inkwistjoni.

513    It-tieni nett, l-intervenjenti żżid tgħid li l-fatt li l-“prezz Aldi” kien iffissat wara t-tħabbir tal-prezzijiet uffiċjali ma jneħħi xejn, bil-kontra tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, għall-importanza tiegħu, peress li l-importaturi u hija stess b’mod partikolari kienu jistennew it-tħabbir tal-“prezz Aldi” qabel ma jibdew negozjati ta’ prezzijiet ta’ kull ġimgħa u li l-imsemmi prezz kien ir-referenza ċentrali użata għall-kalkolu tal-prezzijiet reali fil-ftehim ta’ provvista fuq terminu twil.

514    Minbarra l-fatt li Weichert ma tiġġustifikax il-fatt li għamlet użu minn kuntratti ta’ provista fuq terminu twil bi pprezzar ibbażat fuq il-“prezz Aldi”, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni fakkret konstatazzjoni oġġettiva dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-banana, fil-kuntest tal-proċess ta’ negozjati ta’ kull ġimgħa, jiġifieri kronoloġija ta’ avvenimenti li tibda mingħajr dubju bil-fatt li Chiquita, Dole u Weichert kienu jħabbru l-prezzijiet ta’ referenza tagħhom lill-klijenti kollha tagħhom, ċentri ta’ sajran u bejjiegħa bl-imnut, nhar ta’ Ħamis kmieni filgħodu, qabel it-tħabbir tal-“offerta Aldi”.

515    Din is-sitwazzjoni turi li, minn perspettiva kronoloġika, it-tħabbir tal-prezz ta’ referenza kien jindika l-punt ta’ tluq tan-negozjati kummerċjali. Id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti u ta’ Dole, ippreżentati matul il-proċedura amministrattiva, dwar l-aġir tal-klijenti dwar l-offerti magħmula mill-importaturi jikkonfermaw ir-realtà ta’ din l-osservazzjoni.

516    Għalhekk jidher li l-importaturi kienu jiddefinixxu u jħabbru l-ewwel il-prezzijiet ta’ referenza tagħhom li juru l-iżvilupp previst tal-prezz tal-banana, wara ċ-ċentri ta’ sajran kienu jiffurmaw opinjoni dwar l-iżvilupp tas-suq u kienu jissottomettu l-offerti tagħhom lil Aldi u, f’dan il-mument biss kien jiġi ffissat il-“prezz Aldi” (premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata).

517    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat, fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjonijiet li ġejjin ta’ Dole:

“[…] il-prezzijiet ta’ referenza inizjali li ċerti kumpanniji juru fuq is-suq nhar ta’ Ħamis filgħodu wara l-laqgħat tagħhom dwar l-iffissar tal-prezzijiet, juru tendenza — il-fatt li huma jistennew li s-suq jiżdied b’EUR 1, minn 50 ċenteżmu (dejjem kull kaxxa, kull kaxxa ta’ 18 kg) u [...] li ċ-ċentri ta’ sajran, li huma essenzjali għall-provvista ta’ banana safra, jagħtu l-prezzijiet tagħhom lil Aldi (l-ikbar xerrerj ta’ banana) nhar ta’ Ħamis filgħodu u li ċ-ċentri ta’ sajran jiffurmaw opinjoni dwar kif il-prezz tas-suq huwa suxxettibbli li jiżviluppa matul l-għodwa, f’xi ħin bejn id-[09:00 u s-11:00], wara jibgħatu permezz ta’ faks l-offerta tagħhom lil Aldi u Aldi tirrispondi bejn wieħed u ieħor wara s-[13:00]; li jiġri spiss huwa li ċ-ċentri ta’ sajran jisperaw li l-prezz ta’ kaxxa banana jitla’ b’EUR 1, u Aldi terġa’ tiġi u tgħid ‘Tajjeb, is-suq qiegħed imur aħjar, il-ħruġ mingħand il-bejjiegħa tagħna qiegħed jiżviluppa b’mod pożittiv, iżda aħna ma nistgħux naċċettaw żieda ta’ EUR 1, naċċettaw żieda ta’ 36 ċenteżmu’ [...] Għalhekk [...] l-importaturi ma jarawx biss is-suq, huma jaraw tendenza tas-suq tiżviluppa u jaħsbu li l-prezz jista’ jiżdied sa EUR 1 (u jħabbrau dan fuq is-suq), iżda fil-fatt, l-essenzjali huwa x’taħseb Aldi [...].”

518    Din l-aħħar evalwazzjoni ta’ Dole, li dejjem ikkontestat li wettqet ksur tal-Artikolu 81 KE, ma timminax ir-relevanza tad-deskrizzjoni tal-proċess li jikkaratterizza l-iżvilupp tal-ġurnata tal-Ħamis u tal-evidenzjar ta’ rabta bejn il-prezzijiet ta’ referenza u l-“offerta Aldi”.

519    Fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ referenza kien jirrappreżanta mod, għall-importaturi, “li jiġbru l-informazzjoni relevanti dwar it-talba, il-volumi ta’ kunsinni u l-ħażniet kollha f’‘messaġġ’ intelliġibbli għas-suq”. Huwa paċifiku li, fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tal‑5 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni indikat li ġej:

“Il-klijenti kienu jiżvelaw ta’ spiss il-prezzijiet ta’ referenza tal-kompetituri mingħajr ma kienu jintalbu jagħmlu dan, b’mod partikolari meta riedu jużaw dan bħala argument sabiex jiksbu prezzijiet iktar baxxi, fid-dawl tal-fatt li l-prezz ta’ referenza kien jintuża mill-importaturi ta’ banana sabiex jindikaw l-iżvilupp tal-prezz Aldi li kien mistenni waranofsinhar […]”.

520    Dawn id-dikjarazzjonijiet jaqblu mal-kontenut ta’ posta elettronika interna ta’ Chiquita, tat-8 ta’ Awwissu 2002, fejn impjegat ta’ din l-impriża juri l-ħsibijiet tiegħu wara żieda ta’ EUR 2 minn Dole tal-prezz ta’ referenza tagħha (premessi 111, 172 et seq tad-deċiżjoni kkontestata) f’dawn it-termini:

“[b]illi żiedu l-prezz tas-suq u dak ta’ Aldi, huma [Dole] jiksbu […] prezz aħjar […]”

521    F’risposta għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, Aldi ppreċiżat li d-deċiżjoni tagħha dwar l-offerta ta’ kull ġimgħa tagħha lill-fornituri tagħha kienet ibbażata fuq l-offerti rċevuti, il-prezz tal-ġimgħa preċedenti u l-prezz tal-istess ġimgħa fis-sena ta’ qabel. Aldi żiedet li “l-prezzijiet imsemmija mill-fornituri tal-banana fl-offerti inizjali tagħhom jikxfu tal-inqas tendenza fir-rigward tal-iżvilupp tal-prezzijiet, li, madankollu, il-formulazzjoni tal-kontro-offerta ma kellhiex dejjem tikkorrispondi għalihom” (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata).

522    B’hekk kien jidher li, bil-kontra ta’ dak li kienet qed issostni l-intervenjenti, il-Kummissjoni assolutament ma ddeduċietx mill-avvenimenti kronoloġiċi msemmija iktar ’il fuq assenza ta’ importanza tal-“prezz Aldi”, iżda użathom biss sabiex tissostanzja, ġustament, il-konklużjoni tagħha dwar ir-rilevanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-settur tal-banana.

523    It-tielet nett, l-intervenjenti tallega li ebda konklużjoni sinjifikattiva ma tista’ tinsilet mill-aġġustamenti rari tal-prezz ta’ offerta tagħha wara t-tħabbir tal-“prezz Aldi” u li l-frekwenza ta’ dawn l-aġġustamenti kienet l-istess bejn l‑2000 u l‑2002 u l-perijodu mill‑2002.

524    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni indikat li, mit-tieni semestru tal‑2002, il‑“prezz Aldi” beda jintuża iktar u iktar bħala indikatur tal-kalkolu tal-prezz tal-banana għal ċertu numru ta’ tranżazzjonijiet, minbarra dawk relatati max-xiri ta’ banana “terza” li tikkorrispondi għall-forniment ta’ Aldi, u, b’mod partikolari, dik li tikkonċerna l-banana ta’ trade mark (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata).

525    Minbarra d-dikjarazzjonijiet tal-fornituri dwar l-importanza “tiżdied” tal-“prezz Aldi”, il-konstatazzjoni tas-sehem dejjem jikber tal-kuntratti “Aldi plus”, tip ta’ ftehim ta’ forniment fuq terminu twil li japplikaw formola ta’ prezzijiet fissi bbażata fuq il-prezz tax-xiri ffissat minn Aldi, fil-bejgħ ta’ Dole, il-Kummissjoni tosserva li huwa sinjifikattiv li Dole u Weichert bdew biss fi tmiem is-sena 2002 jaġġustaw il-prezzijiet ta’ referenza tagħhom wara t-tħabbir tal-“prezz Aldi”.

526    Il-Kummissjoni tispjega l-pożizzjoni tagħha fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija fformulata kif ġej:

“Id-dokumenti li jinsabu fl-atti juru li minn tmiem l‑2002 Dole u Weichert, li matul dan il-perijodu kienu jikkummerċjalizzaw banana [tat-trade mark] Del Monte, kienu jaġġustaw il-prezz ta’ referenza tagħhom wara li l-prezz Aldi tħabbar, nhar ta’ Ħamis waranofsinhar. Madankollu tali reviżjoni ma kinitx komuni bejn is-sena 2000 u t-tieni parti tal‑2002. Il-prezzijiet ta’ referenza Dole u Weichert ġew sussegwentement aġġustati l-isfel b’rabta mal-offerta inizjali, b’mod partikolari matul il-ġimgħat 41, 44, 45, 47, 48, 49, 51 u 52 tal‑2002. Il-partijiet madankollu komplew jistabbilixxu l-prezz ta’ referenza tagħhom nhar ta’ Ħamis filgħodu qabel l-iffissar tal-prezz Aldi u komplew jinvolvu ruħhom f’komunikazzjonijiet bilaterali qabel l-iffissar ta’ dawn il-prezzijiet ta’ referenza (inizjali). Chiquita normalment ma kinitx tirrevedi l-prezz ta’ referenza tagħha wara li tkun stabbilietu (ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet). Dawn il-partijiet ma spjegawx għalfejn huma kienu komplew jistabbilixxu prezzijiet ta’ referenza, li ‘ma kienu jippreżentaw ebda interess’ skont dawn il-partijiet, meta huma kienu jirreveduhom wara l-iffissar tal-prezz Aldi.”

527    Is-sempliċi affermazzjonijiet tal-intervenjenti msemmija fil-punt 523 iktar ’il fuq, li assolutament ma humiex issostanzjati, ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni.

528    Barra minn hekk u fuq kollox, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, Weichert ma pprovdiet ebda spjegazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet taż-żamma tal-prezzijiet ta’ referenza, kemm dawk stabbiliti nhar ta’ Ħamis filgħodu kif ukoll dawk mibdula wara t-tħabbir tal-“prezz Aldi” waranofsinhar, u anki jekk hija tallega li din tal-aħħar kienet l-“unika” referenza għall-ipprezzar fis-settur tal-banana.

529    B’mod iżjed ġenerali, kemm ir-rikorrenti kif ukoll Weichert ma ppreżentaw ebda spjegazzjoni plawżibbli, alternattiva għal dik issostanzjata mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-ħsieb wara l-prezzijiet ta’ referenza, tal-iffissar tagħhom kull nhar ta’ Ħamis filgħodu, tat-tħabbir tagħhom lill-klijenti kollha, tat-tixrid b’ħeffa tagħhom fis-settur kollu, tat-trażmissjoni tagħhom lill-istampa professjonista u lill-istituzzjonijiet pubbliċi, kollha konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u li ma humiex ikkontestati minn dawn iż-żewġ impriżi.

530    Fir-risposta tagħha għal talba għal informazzjoni tal‑10 ta’ Frar 2006, ir-rikorrenti indikat li, qabel l-1993, il-prezzijiet ta’ referenza tal-importaturi ta’ banana kienu paragunabbli għal lista ta’ prezzijiet standard u kienu jservu bħala punt ta’ tluq għan-negozjati individwali mal-klijenti. Bit-tqegħid fis-seħħ tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, il-prezzijiet ta’ referenza tilfu dan ir-rwol u, iżjed u iżjed, ir-rilevanza tagħhom fis-settur.

531    Minbarra l-fatt li r-rabta kawżali bejn l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana u t-tmiem tar-rwol tal-prezzijiet ta’ referenza bħala punt ta’ tluq tan-negozjati kummerċjali ma hijiex issostanzjata, għandu jiġi kkonstatat li, matul kważi mill-inqas għaxar snin, l-imsemmija prezzijiet madankollu baqgħu jiġu ffissati kull ġimgħa mill-importaturi u mħabbra lill-klijentela tagħhom.

532    Waqt is-seduta, l-intervenjenti sempliċement ikkwalifikat il-prezzijiet ta’ referenza tagħha bħala “tifkira tal-imgħoddi” nieqsa minn importanza.

533    Madankollu, huwa dubjuż li d-determinazzjoni tal-politika ta’ prezz ta’ operatur ekonomiku tista’ tikkorrispondi għal sempliċi osservazzjoni ta’ tradizzjoni storika li ma għadhiex tintuża u mhux għal kriterju oġġettiv ta’ utilità stretta, speċjalment fil-kuntest ta’ suq ikkaratterizzat, skont kif qalet ir-rikorrenti stess, minn żmien ta’ kummerċjalizzazzjoni qasir ħafna fid-dawl tan-natura tal-prodott inkwistjoni li jitħassar malajr, u tfittxija ta’ effettività kummerċjali massima.

534    Ir-raba’ nett, l-intervenjenti tindika li l-kriterji fformulati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-istudju ekonomiku tal‑20 ta’ Novembru 2007, li juru n-nuqqas ta’ rabta sinjifikattiva bejn il-prezzijiet uffiċjali tagħha u l-prezzijiet reali tagħha, huma żbaljati, liema fatt huwa spjegat f’iktar dettall fi studju ġdid tat‑2 ta’ April 2010.

535    Il-Kummissjoni ssostni li ebda wieħed mill-motivi ppreżentati fir-rikors ma jirreferi għal raġunament difettuż fid-deċiżjoni kkontestata fid-dawl taċ-ċaħda tal-istudju ekonomiku tal‑20 ta’ Novembru 2007 u li, konsegwentement, l-argumenti mressqa mill-intervenjenti dwar is-suġġett ma jagħmlux parti mis-suġġett tal-kawża u għaldaqstant huma inammissibbli.

536    Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li l-konklużjonijiet tat-talba għal intervent għandu jkollha biss l-iskop li tilqa’ t-talba ta’ waħda mill-partijiet. L-Artikolu 116(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li n-nota ta’ intervent tikkonsisti, b’mod partikolari, fit-talbiet tal-parti intervenjenti li jsostnu jew jiċħdu, għal kollox jew parzjalment, il-konklużjonijiet ta’ waħda mill-partijiet, kif ukoll il-motivi u l-argumenti invokati mill-parti intervenjenti.

537    Dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-intervenjent id-dritt li jressaq b’mod awtonomu mhux biss argumenti, iżda wkoll motivi, sakemm dawn ikunu intiżi sabiex isostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali u ma jkunux totalment mingħajr ebda rabta mal-kunsiderazzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata l-kawża hekk kif ġiet ikkostitwita bejn ir-rikorrent u l-konvenut, b’mod li jbiddlu s-suġġett tal-kawża (ara s-sentenza Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, punt 312 iktar ’il fuq, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata).

538    Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali li, sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-motivi invokati minn intervenjent, għandha tivverifika li dawn ikunu relatati mas-suġġett tal-kawża hekk kif iddefinit mill-partijiet prinċipali.

539    F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti ssostni espressament li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx rabta bejn il-prezzijiet ta’ tranżazzjoni u l-prezzijiet ta’ referenza ta’ Weichert u tikkritika l-analiżi magħmula, f’dan ir-rigward, mill-Kummissjoni ta’ żewġ provi dokumentarji, jiġifieri l-ittra li d-DFHV indirizzat lil membru tal-Kummissjoni fil‑21 ta’ Jannar 2005 u l-faks tat‑28 ta’ Jannar 2000, li permezz tagħha A., impjegat ta’ Del Monte, talab lil A. W. Jagħtih spjegazzjoni dwar id-differenza bejn il-“prezz finali” u l-“prezz imnaqqas”.

540    F’dawn iċ-ċirkustanzi u bil-kontra tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-ilment imqajjem mill-intervenjenti huwa ta’ natura totalment indifferenti għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors u li għaldaqstant huwa, minħabba f’hekk, inammissibbli.

541    Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-imsemmi lment huwa inammissibbli skont il-ġurisprudenza dwar il-ksur tal-imsemmi Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa fost l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà li l-Qorti Ġenerali tista’ tqajjem ex officio, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura (sentenzi Exporteurs in Levende Varkens et vs Il‑Kummissjoni, punt 394 iktar ’il fuq, punt 75, u Honeywell vs Il‑Kummissjoni, punt 394 iktar ’il fuq, punt 54), fejn l-imsemmija ġurisprudenza hija applikabbli, b’analoġija, għan-nota ta’ intervent (sentenza Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, punt 394 iktar ’il fuq, punt 94).

542    Għandu jiġi kkonstatat li, minbarra ċerti asserzjonijiet ta’ natura ġenerali dwar il-perijodu kopert mill-istudju ekonomiku inizjali u l-attitudni tal-Kummissjoni, l-intervenjenti sempliċement tgħid li “il-kritika tal-Kummissjoni hija żbaljata” u li “[dan] kollu huwa spjegat f’ikar dettall fis-sezzjoni 4 tar-rapport tar-RBB tat‑2 ta’ April 2010”. Formulazzjoni daqstant konċiża tal-ilment ma tistax tippermetti lill-Kummissjoni tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn, u jkun kontra l-funzjoni purament probatorja u strumentali tal-annessi li dawn jistgħu iservu bħala turija dettaljata ta’ allegazzjoni ppreżentata b’mod mhux biżżejjed ċar u preċiż (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 268 iktar ’il fuq, punt 204).

543    Fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jitqies li l-argument tal-intervenjenti jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, huwa madankollu għandu jiġi miċħud.

544    Weichert tirreferi għal studji ta’ impatt ekonomiku tal-aġir inkriminat fis-suq tal-banana fl-Ewropa. Fiha huwa indikat li, kieku l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni kienu korretti, ikun permess li wieħed jistenna li l-prezzijiet ta’ referenza u l-prezzijiet reali jkunu strettament allinjati. Issa, il-konstatazzjonijiet empiriċi magħmula juru, skont l-intervenjenti, li l-prezzijiet reali huma differenti b’mod tant sostanzjali mill-prezzijiet uffiċjali tagħha li jista’ jiġi kkunsidrat, b’mod plawżibbli, biss li dawn tal-aħħar setgħu kkostitwixxew l-element relevanti ta’ koordinazzjoni illegali.

545    Dawn l-istudju għandhom tendenza juru li l-komunikazzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma kellhomx effett fuq is-suq, jiġifieri fuq il-prezzijiet reali ta’ tranżazzjoni u li, konsegwentement u b’mod retrospettiv, dawn il-komunikazzjonijiet ma setgħux kellhom effett antikompetittiv.

546    Għandu jitfakkar li għan antikompetittiv u l-effett antikompetittiv ma humiex kundizzjonijiet kumulattivi, iżda alternattivi, sabiex tiġi applikata l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81 KE. Sabiex jiġi evalwat jekk prattika miftiehma hijiex ipprojbita mill-Artikolu 81(1) KE, ma hemmx bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tagħha meta jkun jidher li din għandha l-għan li tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni.

547    Prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv tista’ ma tipproduċix effett antikompetittiv. Għalkemm il-kunċett stess ta’ prattika miftiehma jippresupponi aġir fuq is-suq, dan ma jimplikax neċessarjament li dan l-aġir jipproduċi l-effett konkret ta’ restrizzjoni, prevenzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 296 iktar ’il fuq, punti 122 sa 124; Hüls vs Il‑Kummissjoni, punt 298 iktar ’il fuq, punti 163 sa 165, u tat‑8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il‑Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punti 123 sa 125).

548    Hemm lok li jitfakkar li, sabiex ikollha għan antikompetittiv, huwa biżżejjed li prattika miftiehma tkun suxxettibbli li tipproduċi effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri huwa suxxettibbli li jkun kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni meta jnaqqas jew iħassar il-grad ta’ inċertezza dwar il-funzjonament tas-suq inkwistjoni bil-konsegwenza li jkun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn impriżi. Barra minn hekk, l-Artikolu 81 KE jfittex, abbażi ta’ regoli oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat, li jipproteġi mhux biss l-interessi diretti tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda l-istruttura tas-suq u, b’hekk, il-kompetizzjoni bħala tali (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 297 iktar ’il fuq, punti 31, 35 u 38).

549    B’mod partikolari, il-fatt li prattika miftiehma ma għandhiex effett dirett fuq il-livell tal-prezzijiet ma jipprekludix milli jiġi kkonstatat li tkun limitat il-kompetizzjoni bejn l-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Dansk Rørindustri vs Il‑Kummissjoni, T‑21/99, Ġabra p. II‑1681, punt 140).

550    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prezzijiet effettivament ipprattikati fuq is-suq huma suxxettibbli li jiġu influwenzati minn fatturi esterni, barra mill-kontroll tal-membri ta’ akkordju, bħall-iżvilupp tal-ekonomija b’mod ġenerali, l-iżvilupp tat-talba f’dan is-settur partikolari jew is-setgħa ta’ negozjar tal-klijenti.

551    F’dan il-każ, mill-punti 313 sa 533 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni stabbiliet biżżejjed skont il-liġi r-relevanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-settur tal-banana, element li, flimkien maċ-ċirkustanzi l-oħra fil-każ inkwistjoni meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, jippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv.

552    Mill-proċess jirriżulta li Chiquita, Dole u Weichert, li għandhom sehem sostanzjali mis-suq, b’mod regolari ffissaw, kull nhar ta’ Ħamis filgħodu, matul mill-inqas tliet snin, prezz ta’ referenza għall-banana tagħhom, ħabbru l-imsemmi prezz lill-klijenti tagħhom, kumpanniji responsabbli mis-sajran u bejjiegħa bl-imnut qabel ma bdew jinnegozjaw u skambjaw, fil-kuntest ta’ kuntatti bilaterali, il-prezzijiet ta’ referenza stabbiliti għal kull waħda minnhom sabiex jissorveljaw u jivverifikaw direttament id-deċiżjonijiet meħuda mill-kompetituri, liema fatt jikkaratterizza implementazzjoni tal-akkordju u sitwazzjoni li biha l-argument ta’ Weichert ibbażat fuq il-livell tal-prezzijiet tagħha ta’ tranżazzjoni daqstant ikun nieqes minn natura plawżibbli.

553    Analiżi bbażata fuq il-livell ta’ prezzijiet ta’ tranżazzjoni ta’ Weichert u l-fatt li l-prezzijiet reali u l-prezzijiet ta’ referenza ma humiex marbuta “strettament”, kif indikat fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkontestata l-forza probatorja tal-provi prodotti mill-Kummissjoni u li ppermettewlha li tikkonkludi li l-prezzijiet ta’ referenza kienu jservu tal-inqas bħala sinjali, tendenzi jew indikazzjonijiet għas-suq dwar l-iżvilupp mistenni tal-prezzijiet tal-banana u kienu importanti għall-kummerċ tal-banana u l-prezzijiet miksuba.

554    Il-konstatazzjoni ta’ differenza bejn il-prezzijiet ta’ referenza, suġġett tal-ftehim illegali, u l-prezzijiet ta’ tranżazzjoni bl-ebda mod ma tfisser li tal-ewwel ma kinux suxxettibbli li jkollhom influwenza fuq il-livell tat-tieni. L-għan tal-prezzijiet ta’ referenza huwa li jtellgħu l-prezzijiet tas-suq ’il fuq, minkejja li dawn tal-aħħar jibqgħu, fl-aħħar mill-aħħar, inferjuri għall-prezzijiet imħabbra. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prezzijiet issuġġeriti ta’ impriża kienu superjuri għall-prezzijiet tas-suq sabiex jiġi kkunsidrat li s-sistema ta’ prezz ta’ din kellha l-għan li tgħolli l-prezzijiet fuq is-suq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il‑Kummissjoni, T‑213/95 u T‑18/96, Ġabra p. II‑1739, punt 163).

555    Għaldaqstant, ma tantx jimporta li jsir magħruf jekk il-prezz ta’ referenza kienx il-fattur l-iktar determinanti tal-prezz reali ta’ Weichert jew sa fejn il-prezzijiet ta’ referenza u l-prezzijiet reali ta’ dawn l-impriżi kienu marbuta, peress li għandu jitfakkar li l-prezzijiet ta’ referenza huma prezzijiet imħabbra li fir-rigward tagħhom ma ġiex sostnut li huma setgħu jinkisbu fil-kuntest tan-negozjati ta’ kull ġimgħa u lanqas ma setgħu jservu ta’ bażi għall-kalkolu tal-prezzijiet finali ffatturati.

556    Ulterjorment għandu jiġi enfasizzat li, l-argument ekonomiku ta’ Weichert jikkonċerna biss il-prezzijiet iffatturati minnha, filwaqt li l-aġir effettiv li allegatament tkun adottat impriża huwa irrelevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-impatt tal-akkordju fuq is-suq, peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-effetti tal-akkordju fl-intier tiegħu (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 296 iktar ’il fuq, punti 150 u 152). Dan l-argument ma jippermettix li jiġi pprovat li l-aġir inkriminat ma ppermettiex lill-impriżi kkonċernati jiksbu livell tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni ogħla minn dak li kien jirriżulta mill-kompetizzjoni libera, fejn għandu jitfakkar li sabiex jiġi evalwat l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, jeħtieġ li jsir riferiment għall-kompetizzjoni li normalment kienet teżisti fin-nuqqas ta’ ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punti 150 u 151).

557    B’mod iktar speċifiku fir-rigward tar-rilevanza tal-istudji ekonomiċi prodotti minn Weichert, din tal-aħħar ma tikkontestax il-fatt li teżisti korrelazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ referenza u l-prezzijiet reali, fis-sens li dawn iż-żewġ elementi jiżviluppaw flimkien b’mod parallel, iżda tattribwixxi l-oriġini tagħhom biss għall-varjazzjonijiet staġjonali li jaffettwaw is-suq tal-banana, mingħajr, madankollu, ma tipprovaha, fejn l-informazzjoni tat-tabella nru 7 tal-istudju ekonomiku tat‑2 ta’ April 2010 dwar id-differenzi bejn il-prezz ta’ referenza u “l-prezz reali medju ta’ Weichert” hija, f’dan ir-rigward, insuffiċjenti. Peress li dawn il-varjazzjonijiet, li jinkludu l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi, jaffettwaw bl-istess mod iż-żewġ prezzijiet inkwistjoni, huwa wkoll possibbli li dan il-fattur jiġi kkunsidrat bħala newtru u li ma jistax jispjega, waħdu, il-korrelazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ referenza u l-prezzijiet reali ta’ Weichert.

558    Barra minn hekk, l-eżami tat-tabelli nru 1, 2 u 7 tal-istudju ekonomiku tat‑2 ta’ April 2010 imur kontra l-allegazzjoni ta’ Weichert li “differenzi ta’ prezz estremi jikkostitwixxu r-regola pjuttost milli l-eċċezzjoni” u jiżvela li l-iktar differenzi sinjifikattivi bejn il-prezzijiet ta’ referenza u l-prezzijiet reali jidhru biss mit-tieni parti tas-sena 2002, żmien li minnu Dole u Weichert jibdew jaġġustaw il-prezzijiet ta’ referenza inizjali tagħhom wara t-tħabbir tal-“prezz Aldi”.

559    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-intervenjenti kellha tort li tafferma li l-Kummissjoni ma stabbiliet ebda rabta bejn il-prezzijiet reali u l-prezzijiet uffiċjali b’mod ġenerali u l-prezzijiet uffiċjali tagħha u l-prezzijiet reali tagħha b’mod partikolari u li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li l-prezzijiet ta’ referenza huma relevanti fis-settur tal-banana, inklużi l-prezzijiet tagħha, billi rrilevat li kienu jservu tal-inqas bħala sinjali, tendenzi jew indikazzjonijiet għas-suq dwar l-iżvilupp previst tal-prezzijiet tal-banana u li kienu importanti għall-kummerċ tal-banana u tal-prezzijiet miksuba.

560    Filwaqt li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li, f’ċerti tranżazzjonijiet, il-prezzijiet reali kienu direttament marbuta mal-prezzijiet ta’ referenza ma tapplikax għas-sitwazzjoni ta’ Weichert, la din tal-aħħar u lanqas ir-rikorrenti, fuq kollox, ma kkontestaw ir-rilevanza tagħha fir-rigward ta’ Dole.

561    Hekk kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, anki jekk, għal impriża, il-prezzijiet ta’ referenza kienu inqas importanti minn dawk tal-kompetituri tagħha, b’mod partikolari tal-kompetituri prinċipali tagħha, dan ma jiġġustifikax il-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża għal diskussjonijiet li jagħtu lok għall-koordinazzjoni ta’ tali prezzijiet ta’ referenza (premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata).

562    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti u tal-intervenjenti dwar ir-rilevanza tal-prezzijiet ta’ referenza ma humiex tali li jiżvelaw illegalità tad-deċiżjoni kkontestata u għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq ir-rabta kawżali bejn il-ftehim u l-aġir ta’ Weichert fis-suq

563    Ir-rikorrenti ssostni li l-preżunzjoni dwar ir-rabta kawżali neċessarja bejn il-ftehim u l-aġir ta’ Weichert fis-suq, enfasizzata mill-Kummissjoni, hija kkonfutata bil-fatt li din l-impriża kellha bħala strateġija, b’kontradizzjoni max-xewqat tagħha stess, li tibqa’ tiffissa l-prezz ta’ referenza tagħha fuq l-istess livell bħal dak tal-prezz ta’ referenza ta’ Dole u għaldaqstant kienet sempliċement issegwi l-prezz ta’ Dole. Ir-realtà ta’ dan l-aġir tirriżulta mill-kliem innifsu tal-premessi 104 u 203 tad-deċiżjoni kkontestata.

564    Il-fatt li Weichert, skont ir-rikorrenti, applikat b’mod regolari l-istess strateġija kull ġimgħa filwaqt li d-diskussjonijiet tagħha ma’ Dole ma kinux isegwu l-istess metodu, peress li dawn seħħew minn darba sa darbtejn fix-xahar biss u f’okkażjonijiet rari kienu jikkonċernaw elementi ta’ pprezzar, jikkostitwixxi prova supplementari tal-fatt li dawn id-diskussjonijiet ma kellhom ebda impatt fuq l-aġir ta’ Weichert fis-suq.

565    Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 81(1) KE, il-kunċett ta’ prattika miftiehma jimplika, minbarra l-ftehim bejn l-impriżi kkonċernati, aġir fis-suq li jsegwi dan il-ftehim u rabta ta’ kawża u effett bejn dawn iż-żewġ elementi. F’dan ir-rigward, hemm lok li wieħed jippreżumi, sakemm ma tiġix prodotta prova kuntrarja li għandha titressaq mill-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-imġiba tagħhom fis-suq. Dan huwa wisq iżjed minnu meta l-ftehim iseħħ fuq bażi regolari matul perijodu twil (sentenza Hüls vs Il‑Kummissjoni, punt 298 iktar ’il fuq, punti 161 sa 163).

566    Għaldaqstant huma l-impriżi kkonċernati li għandhom jipprovaw li l-ftehim ma influwenza b’ebda mod l-aġir tagħhom fis-suq (sentenza Hüls vs Il‑Kummissjoni, punt 298 iktar ’il fuq, punt 167).

567    Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni kkonkludiet espliċitament li, “matul il-perijodu kkonċernati il-prezzijiet ta’ referenza tal-banana għal Dole u Del Monte ([il-banana ta’ din tal-aħħar] kienet ikkummerċjalizzata minn Weichert) kienu [kważi] identiċi” (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata) u li, “[mill-]2000 [sal-]2002, Weichert kienet tistabbilixxi normalment il-prezz ta’ referenza tagħha wara li tkun saret taf il-prezz ta’ referenza ta’ Dole li din tal-aħħar kienet tistabbilixxi l-istess nhar ta’ Ħamis filgħodu” (premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata).

568    Minbarra l-fatt li l-ewwel silta ċċitata tiżvela l-eżistenza ta’ aġir parallel ta’ Dole u ta’ Weichert, li barra minn hekk tiżvela teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni skambjata bejn kompetituri kif ukoll in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan, għandu jiġi osservat li t-tieni silta tad-deċiżjoni kkontestata ċċitata ma tistax isservi bħala bażi tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, peress li din is-silta ċċitata ttieħdet barra mill-kuntest tagħha.

569    Il-premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata tagħmel parzjalment parti minn dik iddedikata għall-iskambji tal-prezzijiet ta’ referenza, wara l-istabbiliment tagħhom, li kienu jseħħu nhar ta’ Ħamis filgħodu, li kienu jikkostitwixxu element mill-arranġamenti kollużorji bejn l-impriżi, peress li jservu sabiex ikunu kkontrollati d-deċiżjonijiet individwali fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet meħuda abbażi tal-informazzjoni skambjata fil-kuntest tal-komunikazzjonijiet dwar ipprezzar minn qabel, u għalhekk ma kinux jikkostitwixxu ksur separat, iżda mekkaniżmu ta’ sorveljanza tar-riżultat li jikkontribwixxi għall-istess għan.

570    Wara li spjegat il-pożizzjoni tagħha fil-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tfakkar fil-premessi segwenti d-dikjarazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati f’dan ir-rigward.

571    Hija tenfasizza li, fir-risposta tagħha għal talba għal informazzjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2006, Weichert speċifikat l-ismijiet tal-impjegati tagħha li skambjaw prezzijiet ta’ referenza kemm ma’ Dole kif ukoll ma’ Chiquita (premessa 202 tad-deċiżjoni kkontestata).

572    Il-premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi:

“Weichert tindika li l-komunikazzjonijiet mal-partijiet ma seħħewx f’punt kwalunkwe fiż-żmien iddeterminat minn qabel, nhar ta’ Ħamis filgħodu, iżda kienu jiżvolġu ġeneralment fi kwalunkwe mument bejn id-[9:00] u nofsinhar. [Mill-]2000 [sal-]2002, Weichert kienet tistabbilixxi normalment il-prezz ta’ referenza tagħha wara li kienet issir taf il-prezz ta’ referenza ta’ Dole, li min-naħa tagħha kienet tistabbilixxi l-prezz ta’ referenza tagħha l-istess nhar ta’ Ħamis filgħodu. Fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-prezz ta’ referenza ta’ Dole matul il-perijodu [mill-]2000 [sal-]2002, Weichert tiddikjara li hija kisbet din l-informazzjoni mingħand klijenti, importaturi oħra jew impjegati ta’ Dole. Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Weichert tindika li hija setgħet tikseb din l-informazzjoni mingħand sorsi differenti. [Dan] ma jikkontradixxix il-konstatazzjonjiet tal-Kummissjoni.”

573    B’hekk jidher li ċ-ċitazzjoni enfasizzata mir-rikorrenti tinsab bejn żewġ sentenzi li jispjegaw id-dikjarazzjonijiet ta’ Weichert u tagħmel riferiment espliċitu għal nota ta’ qiegħ il-paġna fejn tispeċifika li din tikkorrispondi għal risposta ta’ Weichert għat-talba għal informazzjoni tal‑5 ta’ Frar 2007.

574    Barra minn hekk, wara li rrilevat li, “skont il-ġurisprudenza stabbilita fil-każijiet fejn komunikazzjonijiet jikkonċernaw politika ta’ pprezzar futuri, wieħed iqis li l-parteċipant għandu neċessarjament jieħu inkunsiderazzjoni, direttament jew indirettament, l-informazzjoni miksuba sabiex jiddetermina l-politika li għandu l-intenzjoni jadotta fis-suq”, il-Kummissjoni indikat b’mod espliċitu, fil-premessa 233 tad-deċiżjoni kkontestata, “li ebda destinatarju ma [kien] wera li ma kienx ħa inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni meta ġie biex jistabbilixxi l-prezzijiet ta’ referenza tiegħu”. Bl-istess mod, hija qalet b’mod ċar, fil-premessa 268 tad-deċiżjoni kkontestata, li, għalkemm Weichert ma kinitx ammettiet “li hija [kienet] ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni miksuba mill-kompetituri meta ġew iffissati l-prezzijiet ta’ referenza tagħha”, “tali konfessjoni ma [kinitx] neċessarja”, fir-rigward tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

575    F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-kliem tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod iktar partikolari mill-qari flimkien tal-premessi 104 u 203 tal-imsemmija deċiżjoni, ma tistax tinsilet prova kwalunkwe mill-fatt li Weichert kienet ta’ kull ġimgħa tistenna li ssir taf il-prezz ta’ Dole qabel ma tiffissa l-prezz ta’ referenza tagħha stess fuq l-istess livell u li għaldaqstant ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni miksuba waqt l-iskambji inkriminati sabiex tiddetermina l-aġir tagħha ta’ kull ġimgħa fis-suq.

576    L-istess jgħodd għall-allegazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward tal-frekwenza tal-komunikazzjonijiet bejn Dole u Weichert u dwar ir-rarità tad-diskussjonijiet dwar elementi ta’ pprezzar. Fil-fatt, hekk kif ġie spjegat fil-punt 367 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tikkonkludi, b’mod partikolari fir-rigward tal-perijodiċità tal-komunikazzjonijiet bilaterali ta’ pprezzar minn qabel, li kien jeżisti metodu jew sistema ta’ komunikazzjonijiet li setgħu jużaw l-impriżi kkonċernati skont il-bżonnijiet tagħhom. Din il-konstatazzjoni hija kompletament kompatibbli mal-ġurisprudenza dwar il-preżunzjoni tar-rabta kawżali bejn il-ftehim tal-impriżi kkonċernati u aġir fis-suq li jiġi wara dan il-ftehim u li għalih il-Kummissjoni tirreferi f’dan il-każ.

577    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova konkreta u oġġettiva li turi l-aġir allegatament segwaċi ta’ Weichert.

578    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-argument tagħha intiż sabiex jiġi kkontestat l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq Weichert, ir-rikorrenti sostniet li Weichert kellha strateġija ta’ bejgħ ta’ volumi kbar sabiex tuża l-liċenzji kollha tagħha u, konsegwentement, dejjem stabbilixxiet il-prezz uffiċjali tagħha wara li Dole kienet tiffissa tagħha u fuq l-istess livell bħal din tal-aħħar, filwaqt li l-istrateġija tagħha kellha l-għan li tikseb prezz għoli u prezz ta’ referenza eqreb lejn dak ta’ Chiquita, liema fatt kien magħruf ukoll mill-parteċipanti l-oħra tas-suq.

579    Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għad-dikjarazzjonijiet ta’ Weichert, bħal dawk imsemmija fil-premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata riprodotti fil-punt 572 iktar ’il fuq, kif ukoll għal dawk ta’ Chiquita u ta’ Dole, b’risposta għal talbiet għal informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

580    Chiquita indikat li, “[m]atul il-konverżazzjonijiet dwar il-prezzijiet għall-ġimgħa ta’ wara, Dole kienet għamlet saħansitra riferiment għall-prezzijiet ta’ Del Monte” filwaqt li madankollu ppreċiżat li “l-prezz ta’ Del Monte ma kienx importanti għal Chiquita inkwantu, f’dak iż-żmien, il-prezzijiet ta’ Dole u ta’ Del Monte kienu dejjem l-istess kull ġimgħa” u enfasizzat li “Dole [kienet] ippreċiżat li kien ta’ għarfien pubbliku fis-settur li Del Monte kienet tqis il-prezzijiet uffiċjali ta’ Dole bħala referenza għall-prezzijiet uffiċjali tagħha”. Dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex madankollu biżżejjed sabiex fuqhom jiġu bbażati l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li Weichert ta’ kull ġimgħa kienet tistenna li ssir taf il-prezz ta’ Dole qabel ma tiffissa l-prezz ta’ referenza tagħha fuq l-istess livell.

581    B’hekk jidher li r-rikorrenti għadha ma pprovatx li l-ftehim inkriminat ma influwenza, bl-ebda mod, l-aġir ta’ Weichert fis-suq u li l-asserzjonijiet tagħha relatati dwar id-“dgħufija” tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-analiżi tal-iskambji tal-prezzijiet ta’ referenza għandhom jiġu miċħuda wkoll.

582    Fl-aħħar nett għandu jiġi enfasizzat li, bil-kontra tal-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha “prinċipalment” fuq din il-preżunzjoni ta’ rabta kawżali bejn ftehim illegali u aġir fis-suq sabiex turi, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv, fejn din il-konklużjoni tistrieh fuq evalwazzjoni tal-karatteristiċi tal-iskambji inkriminati kuf ukoll fuq il-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fihom jidħlu, u dan b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza.

583    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni stabbiliet suffiċjentment skont il-liġi li Dole u Weichert kienu pparteċipaw f’komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel li matulhom huma kienu ddiskutew fatturi ta’ pprezzar tal-banana, jiġifieri fatturi relatati mal-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara, jew kienu ddibattew jew żvelaw it-tendenzi tal-prezzijiet jew taw indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa ta’ wara.

584    Permezz tal-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel, Dole u Weichert, li kienu jagħmlu parti mill-fornituri prinċipali ta’ banana, ikkoordinaw l-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza tagħhom minflok ma ddeterminawhom b’mod għal kollox indipendenti. Matul dawn id-diskussjonijiet bilaterali, l-impriżi kkonċernati żvelaw il-metodu ta’ aġir li huma kellhom l-intenzjoni jadottaw jew, mill-inqas, ippermettew lill-parteċipanti jevalwaw l-aġir futur ta’ kompetituri fir-rigward tal-istabbiliment tal-prezzijiet ta’ referenza u jantiċipaw il-metodu ta’ aġir li huma pproponew li jiġi segwit. Għaldaqstant huma naqqsu l-inċertezza madwar id-deċiżjonijiet futuri tal-kompetituri fir-rigward tal-prezzijiet ta’ referenza, bil-konsegwenza li kien hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn impriżi.

585    Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li l-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel, li seħħew bejn Dole u Weichert, kienu jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet u li taw lok għal prattika miftiehma li għandha bħala għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

 Fuq il-ksur uniku

586    Ir-rikorrenti, sostnuta mill-intervenjenti, issostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi kkonkludiet li kien jeżisti ksur uniku u kontinwu, u dan inkwantu l-Kummissjoni, minn naħa, tammetti li Weichert ma kellhiex għarfien dwar il-komunikazzjonijiet skambjati bejn Dole u Chiquita u ma setgħetx tipprevedihom u, min-naħa l-oħra, tiddikjara lil Weichert responsabbli biss mill-parti tal-ksur li fih hija pparteċipat, sitwazzjoni inkompatibbli mal-kwalifika ta’ ksur uniku u kontinwu.

587    Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li impriża li pparteċipat fi ksur uniku u kumpless permezz ta’ aġir attribwibbli lilha, li kien jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ akkordju jew ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, u li kien intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur b’mod ġenerali, tista’ tkun ukoll responsabbli għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 296 iktar ’il fuq, punt 203).

588    B’hekk jidher li l-kunċett ta’ ksur uniku jista’ jirrelata ruħu mal-kwalifika ġuridika ta’ aġir antikompetittiv li jikkonsisti fi ftehim, fi prattiki miftiehma u f’deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, iżda wkoll man-natura personali tar-responsabbiltà għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punti 159 u 160).

589    Għalhekk, għandha tiġi vverifikata l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward taż-żewġ elementi li huma l-aġir materjali tal-impriżi kkonċernati u r-responsabbiltà tagħhom għall-imsemmi aġir.

 Fuq l-aġir inkriminat

590    Fir-rigward tal-element oġġettiv li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tal-aġir materjali tal-impriżi kkonċernati, għandu jiġi osservat li ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew saħansitra minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar minn din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u kkunsidrati waħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 296 iktar ’il fuq, punt 81, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 371 iktar ’il fuq, punt 258).

591    Għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ ftehim uniku jew ta’ ksur uniku jassumi li hemm aġir komuni adottat minn partijiet differenti li jsegwu l-istess għan ekonomiku antikompetittiv (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Ottubru 1991, Rhône‑Poulenc vs Il‑Kummissjoni, T‑1/89, Ġabra p. II‑867, punti 125 u 126, u Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 416 iktar ’il fuq, punt 3699). Il-fatt li l-azzjonijiet differenti tal-impriżi jidħlu fi “pjan kollettiv”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, huwa determinanti sabiex tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ ksur uniku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 371 iktar ’il fuq, punti 258 u 260).

592    F’dan il-każ, il-Kummissjoni spjegat li l-komunikazzjonijiet bilaterali kollha ta’ pprezzar minn qabel, kemm dawk bejn Dole u Chiquita kif ukoll dawk bejn Dole u Weichert, naqsu l-inċertezza dwar l-istabbiliment futur tal-prezzijiet ta’ referenza, kienu jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet u kellhom l-istess u l-uniku għan ekonomiku, jiġifieri li jkun hemm distorsjoni fuq l-iżvilupp normali tal-prezzijiet tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq. Hija indikat li l-iskambji ta’ prezzijiet ta’ referenza, li kienu jippermettu lill-impriżi kkonċernati jissorveljaw id-deċiżjonijiet ta’ pprezzar meħuda minn kull waħda minnhom, kienu kkontribwew għal dan l-istess u uniku għan ekonomiku (premessa 247 tad-deċiżjoni kkontestata).

593    Il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha tikkonstata l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv identiku, hija wriet ukoll li l-komunikazzjonijiet bilaterali bejn Dole u Chiquita kif ukoll dawk bejn Dole u Weichert kienu konnessi u kumplementari (ara, f’dan is-sens, sentenza BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, punt 588 iktar ’il fuq, punt 181).

594    Minn naħa, il-Kummissjoni indikat li l-komunikazzjonijiet bilaterali kollha ta’ pprezzar minn qabel kienu jagħmlu parti mill-istess sistema. Fil-fehma tagħha, il-portata simili tagħhom, il-fatt li kienu jinvolvu regolarment l-istess persuni, b’modus operandi kważi identiku f’termini ta’ kalendarju u ta’ mezz ta’ komunikazzjoni u l-fatt li dawn żvolġew matul l-istess perijodu u fit-tul kienu jiżvelaw mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni li juri l-uniċità tal-ksur (premessa 249 tad-deċiżjoni kkontestata).

595    F’dan ir-rigward, għandhom jiġu enfasizzati ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, sa fejn l-aġir li jikkostitwixxi ksur huwa magħmul minn żewġ skambji bilaterali ta’ informazzjoni li kull darba jinvolvu l-istess operatur, jiġifieri Dole. L-affermazzjoni li l-komunikazzjonijiet bejn Dole u Weichert għandhom jiġu kkunsidrati bħala ksur separat ma hijiex kumpatibbli mal-konstatazzjoni oġġettiva tal-involviment ta’ Dole fil-ftehim globali, minħabba, b’mod partikolari, iżda ċertament, l-iskambji bilaterali tagħha ma’ Weichert.

596    Il-Kummissjoni sostniet ukoll li l-iskambji tal-prezzijiet ta’ referenza kienu jsegwu sistema koerenti, simili għal dik tal-komunikazzjonijiet bilaterali (premessa 249 tad-deċiżjoni kkontestata) u huwa paċifiku li Weichert skambjat il-prezzijiet ta’ referenza tagħha nhar ta’ Ħamis filgħodu kemm ma’ Dole kif ukoll ma’ Chiquita (premessi 200 u 202 tad-deċiżjoni kkontestata).

597    Il-fatt li l-iskambji tal-prezzijiet ta’ referenza li jseħħu nhar ta’ Ħamis filgħodu ma ġewx ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala ksur separat tal-Artikolu 81 KE, ma kienx jipprojbilha, bil-kontra tal-affermazzjonijiet tal-intervenjenti, milli teħodhom inkunsiderazzjoni bħala metodu li ffaċilita l-funzjonament tal-akkordju sabiex, f’dan il-każ, jiġi kkaratterizzat ksur uniku.

598    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni enfasizzat li Chiquita, Dole u Weichert kienu fost il-parteċipanti prinċipali fil-provvista ta’ banana fl-Ewropa ta’ Fuq. Hija sostniet li l-prattiki kollużorji kienu jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet li jikkonċernaw il-prezzijiet ta’ referenza tal-impriżi kkonċernati u li, għalhekk, l-aġir ġenerali antikompetittiv kien jagħmel parti mill-istess ksur u li huwa diffiċli li wieħed jissuddividi tali aġir ġenerali kontinwu jew sensiela ta’ aġir, indipendentement ukoll mill-fatt li kull komunikazzjoni ta’ pprezzar minn qabel kellha għan antikompetittiv, ikkaratterizzati minn għan wieħed, billi jikkunsidra tali ksur bħala sensiela ta’ ksur separat, filwaqt li dan kien jimplika ksur uniku b’sempliċi għan ekonomiku (premessi 247 u 248 tad-deċiżjoni kkontestata).

599    B’hekk għandu jiġi kkunsidrat li effettivament kienet teżisti identiċità oġġettiva bejn il-komunikazzjonijiet bilaterali ta’ pprezzar minn qabel bejn Dole u Chiquita u dawk bejn Dole u Weichert (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 416 iktar ’il fuq, punt 3705).

600    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tikkonkludi, fil-premessa 251 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prattiki kollużorji kollha kienu jikkostitwixxu l-istess ksur uniku kontinwu, assoċjat ma’ għan ekonomiku uniku, li kien ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan il-Komunità fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

601    Fin il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni bl-affermazzjoni tar-rikorrenti li Weichert ma kinitx f’kompetizzjoni ma’ Chiquita għall-prodott li fir-rigward tiegħu Weichert ikkomunikat informazzjoni lil Dole.

602    Ir-rikorrenti tallega li l-prezzijiet ta’ referenza ta’ Chiquita jikkonċernaw il-banana safra, jiġifieri li jieħdu inkunsiderazzjoni s-sajran, filwaqt li l-prezzijiet ta’ referenza ta’ Weichert u ta’ Dole jikkonċernaw il-prezzijiet hekk imsejħa “ħodor” li jikkonċernaw il-banana ħadra mhux misjura, imqiegħda fis-suq ġimgħa u nofs biss wara l-banana safra. Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għall-kontenut ta’ posta elettronika mibgħuta fit‑2 ta’ Jannar 2003, minn impjegat ta’ Atlanta, persuna responsabbli mis-sajran u distributur, lil impjegat ta’ Chiquita u li huwa fformulat kif ġej:

“Minkejja li nirrealizza li Chiquita dejjem segwiet il-prezz iffissat minn Dole matul l-aħħar ġimgħatejn (jiġifieri tnaqqis), f’dan il-każ, ir-rakkomandazzjoni ta’ Dole ma setgħetx u ma kellhiex tiġi segwita. Fil-fatt, il-prezz iffissat minn Chiquita huwa referenza safra li tapplika għall-kunsinni tat-Tnejn tal-ġimgħa ta’ wara. Il-prezz ta’ referenza ta’ Dole, li inizzjalment żdied b’EUR 0 50 dalgħodu, huwa għall-kuntrarju referenza ħadra, li ssir safra biss wara ġimgħatejn u mhux qabel.”

603    Dan l-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’, sa fejn jistrieħ fuq premessa mhux issostanzjata u żbaljata, li l-banana ħadra u l-banana safra jikkostitwixxu prodotti totalment differenti li jaqgħu taħt żewġt iswieq differenti li fihom joperaw, b’mod esklużiv, Weichert u Dole, minn naħa, u Chiquita, min-naħa l-oħra.

604    Fir-rigward tar-risposti tal-impriżi kkonċernati għat-talbiet għal informazzjoni u għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ddefinixxiet b’mod ċar, fid-deċiżjoni kkontestata, is-settur inkwistjoni u, b’mod partikolari, il-prodott inkwistjoni bħala banana friska, liema fatt diġà kienet indikat fl-imsemmija komunikazzjoni, u tippreċiża li kemm il-banana mhux misjura (ħadra) kif ukoll il-banana misjura (safra) hija koperta mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

605    Il-Kummissjoni indikat li l-banana, kienet tintbagħat ħadra u kienet tasal fil-portijiet ħadra. Hija kellha tissajjar sabiex tkun tista’ tiġi kkunsmata. Il-banana jew kienet tiġi kkunsinnata direttament lix-xerrejja (banana ħadra), jew tissajjar, u mbagħad kienet tiġi kkunsinnata madwar ġimgħa wara (banana safra), li kien ifisser li s-sajran seta’ jiġi organizzat mix-xerrej, jew magħmul mill-importatur jew kien isir f’ismu. Il-klijenti tal-importaturi kienu ġeneralment persuni responsabbli mis-sajran jew bejjiegħa bl-imnut (premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, Chiquita, Dole u Weichert kienu jistabbilixxu l-prezz ta’ referenza tagħhom kull ġimgħa, f’dan il-każ nhar ta’ Ħamis filgħodu, u kienu jikkomunikawhom lill-klijenti tagħhom (premessi 34 u 104 tad-deċiżjoni kkontestata). It-terminu “prezz ta’ referenza” ġeneralment kien jirreferi għall-prezzijiet ta’ referenza għall-banana ħadra (offerta għall-banana ħadra). Il-prezzijiet ta’ referenza għall-banana safra (offerta għall-banana safra) kienu normalment komposti mill-offerta għall-banana ħadra inkrementata bi ħlas ulterjuri għas-sajran (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata), fejn il-prezzijiet ta’ referenza tal-banana ħadra jiddeterminaw il-prezzijiet ta’ referenza tal-banana safra (premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata).

606    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti u l-intervenjenti, fil-kuntest ta’ din l-istanza, ma pprovdew ebda prova tali li tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tas-suq tal-banana hekk kif ġie deskritt.

607    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti sempliċement tallega, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, li Weichert kienet tikkummerċjalizza biss banana ħadra. L-argument tagħha jinkludi saħansitra kontradizzjoni intrinsika inkwantu hija ssostni li Chiquita kellha diskussjonijiet u qasmet informazzjoni ma’ Dole fir-rigward tal-banana safra filwaqt li sostniet li din l-aħħar impriża, bħal Weichert, kellha biss prezzijiet ta’ referenza li jikkonċernaw il-banana ħadra.

608    Huwa paċifiku li Dole, permezz tas-sussidjarja Ġermaniża tagħha, kienet tbigħ banana ħadra lil bejjiegħa bl-imnut Ġermaniżi li kellhom il-kapaċitajiet proprji tagħhom għas-sajran u lil kumpanniji responsabbli mis-sajran Ewropej (premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata).

609    Meta kienet qed tiddeskrivi l-attività tagħha waqt il-proċedura amministrattiva, Chiquita ddikjarat li, “fl-Ewropa, il-frott huwa mqassam jew lil bejjiegħa bl-ingrossa-kumpanniji responsabbli mis-sajran bħal Atlanta (il-Ġermanja), jew direttament lill-bejjiegħa bl-imnut (li jsajru l-frott huma stess)”, liema kliem jikkorrispondi għal bejgħ ta’ banana ħadra (dikjarazzjoni tal-impriża Nru 13, Anness I 3).

610    Issa, id-dikjarazzjonijiet ta’ Dole u ta’ Chiquita dwar is-sens tal-prezzijiet ta’ referenza tagħhom, ikkorroborati bi provi dokumentarji, kif ukoll id-deskrizzjoni tagħhom tal-portata tal-iskambji tagħhom (ara l-premessi 104, 140 sa 143 tad-deċiżjoni kkontestata), jiżvelaw is-sitwazzjoni ta’ żewġ impriżi li, bi ftehim reċiproku perfett, jikkomunikaw fir-rigward tal-prezzijiet tal-banana ħadra għar-reġjun tal-Ewropa ta’ Fuq.

611    Posta elettronika interna ta’ Chiquita, tat‑30 ta’ April 2001, imsemmija fil-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, turi l-eżistenza ta’ bejgħ ta’ banana ħadra minn din l-impriża. Din il-posta elettronika hija fformulata kif ġej:

“Huwa pprovat li, meta [Dole/Del Monte u Tuca] jilħqu prezz ta’ DEM 36.00, il-klijenti tagħhom (bejjiegħa bl-imnut) jirreżistu, għaliex f’dan il-livell ta’ offerta, il-prezz għall-konsumatur ikollu jaqbeż il-limitu ta’ DEM 3.00/kg. Ma hemmx dubju li dan il-‘fenomenu’ ser jaffettwana matul ċertu żmien. [Dan] ikun ifisser li l-offerta limitu tagħna ser tkun ta’ DEM 40.00 (offerta għall-banana ħadra).”

612    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma fformulat ebda oġġezzjoni, la fir-replika u lanqas waqt is-seduta, fir-rigward tal-indikazzjoni mill-Kummissjoni li r-rapporti interni ta’ Chiquita dwar il-prezzijiet, li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li għalih kellha aċċess Del Monte, juru li Chiquita kellha prezz ta’ referenza ħadra matul il-perijodu li matulu seħħ il-ksur.

613    Fit-tieni lok, mill-proċess jirriżulta li l-prezz ta’ referenza tal-banana ħadra huwa determinanti għal dak tal-banana safra.

614    Il-Kummissjoni fakkret, fir-risposta tagħha, id-dikjarazzjonijiet ta’ Weichert b’risposta għal talba għal informazzjoni tal‑10 ta’ Frar 2006, li fihom din l-impriża speċifikat li “[i]l-prezz tal-banana safra [kien] determinat abbażi tal-prezz tal-banana ħadra medja inkrementat bi ħlas ulterjuri għas-sajran u, f’ċerti każijiet, bi ħlas ulterjuri għat-trasport”.

615    Del Monte rrikonoxxiet ukoll ir-rabta bejn il-prezzijiet tal-banana safra u l-prezzijiet tal-banana ħadra matul il-proċedura amministrattiva. B’hekk hija spjegat li, fil-prattika, il-prezz tal-banana safra kien iddeterminat bil-“prezz Aldi”, li kien prezz aħjar li miegħu kien jiżdied ħlas ulterjuri għas-sajran, il-manutenzjoni u t-trasport fejn l-ammont tiegħu kien baqa’ stabbli dawn l-aħħar snin għal EUR 3.07. Del Monte żiedet tgħid li ġej:

“Billi bigħhet banana safra lil klijenti oħra, il-persuni responsabbli mis-sajran jinnegozjaw individwalment dan l-ammont abbażi tal-prezz tal-banana ħadra inkrementata bi ħlas ulterjuri għas-sajran, manutenzjoni u trasport. Hawnhekk il-prezz standard Aldi jservi wkoll ta’ referenza.”

616    Minbarra formulazzjoni tal-ilment espliċitu tagħha dwar l-istruttura tal-prezz ta’ referenza safra, Del Monte, waqt is-seduta, ikkonfermat li meta persuna responsabbli mis-sajran jikkalkola l-prezz mitlub lil bejjiegħ bl-imnut, huwa jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ta’ dak li ħallas għax-xiri tal-banana ħadra u għaldaqstant hemm ċerta rabta bejn il-banana ħadra mibjugħa f’ġimgħa partikolari u l-istess banana mibjugħa mill-ġdid bħala safra minn operatur ieħor ġimgħa iktar tard.

617    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni, mingħajr spjegazzjonijiet oħra, li l-banana ħadra kkummerċjalizzata minn Weichert u Dole tqiegħdu fis-suq “ġimgħa u nofs biss wara l-banana safra” mibjugħa minn Chiquita.

618    Is-sempliċi produzzjoni tal-posta elettronika tat‑2 ta’ Jannar 2003 ma hijiex biżżejjed biex tikkaratterizza l-eżistenza ta’ dewmien sistematiku, issuġġerit mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, bejn il-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-banana ta’ Dole u ta’ Weichert u dak ta’ Chiquita li jwassal għal nuqqas ta’ sinkronizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ dawn l-impriżi.

619    Is-sitwazzjoni msemmija fl-imsemmija posta elettronika taqa’ neċessarjament fl-“iskema” temporali unika ta’ suq li jikkonċerna prodott, il-banana friska, organizzat f’ċikli ta’ kull ġimgħa hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-partijiet l-oħra, fil-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata.

620    Chiquita (dikjarazzjoni tal-impriża Nru 13, Anness I 3) tiddeskrivi kronoloġija tal-kummerċjalizzazzjoni tal-banana li tikkorrispondi għal ċiklu ta’ tliet ġimgħat bl-iffissar u t-tħabbir tal-prezzijiet ta’ referenza lill-klijenti, nhar ta’ Ħamis tal-ewwel ġimgħa, il-wasla tal-vapuri fil-portijiet Ewropej, il-ħatt tal-banana u t-trasport tagħhom f’ċentri responsabbli mis-sajran fil-bidu tat-tieni ġimgħa jew xi drabi anki fi tmiem l-ewwel ġimgħa, u d-distribuzzjoni tal-banana safra lill-bejjiegħa bl-imnut fil-bidu tat-tielet ġimgħa jew xi drabi fi tmiem it-tieni ġimgħa.

621    Dan il-kalendarju jikkorrispondi għall-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata li l-banana kienet jew ikkunsinnata direttament lix-xerrejja, fir-rigward tal-banana ħadra, jew meħuda għas-sajran, u wara kkunsinnata bejn wieħed u ieħor ġimgħa iktar tard, fir-rigward tal-banana safra, li hija formulazzjoni li tissintesizza l-proċess ta’ distribuzzjoni u tenfasizza tul relattivament inkompressibbli ta’ sajran għall-banana kollha.

622    Din il-konstatazzjoni oġġettiva fir-rigward tal-uniċità tal-proċess ta’ sajran teskludi kull possibbiltà ta’ nuqqas ta’ sinkronizzazzjoni totali tal-attivitajiet ta’ Dole u ta’ Weichert fil-konfront ta’ dawk ta’ Chiquita.

623    Fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Del Monte ddikjarat li t-tul ideali tal-imsemmi proċess kien minn 5 għal 6 ijiem u seta’ jittawwal għal massimu ta’ 8 ijiem. Hija żiedet li l-proċess ta’ sajran ma kienx “flessibbli biżżejjed li jippermetti li frott, intiż li jinbigħ bħall-banana safra fil-ġimgħa B, jinbigħ fil-ġimgħa A jew C” (Anness A 5). Weichert indikat, b’risposta għal talba għal informazzjoni, li, fid-dawl tal-fatt li min-natura tagħha l-banana titħassar malajr u tal-fatt li kunsinna ġdida ta’ banana kienet tasal kull ġimgħa, kien imperattiv għall-importaturi li jbigħu l-banana malajr, qabel il-wasla tagħha fl-Ewropa (Anness I 6).

624    Dawn il-kunsiderazzjonijiet dwar is-sistema temporali tal-kummerċjalizzazzjoni tal-banana u l-proċess ta’ sajran għandhom jingħaqdu mal-metodi differenti ta’ distribuzzjoni tal-banana msemmija mill-Kummissjoni fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata bir-riferiment li s-sajran jista’ jsir mill-importatur jew f’ismu jew jiġi organizzat mix-xerrej.

625    Ir-riferiment tal-importatur għal prezz isfar jew aħdar jiddependi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-mod kif dan jorganizza l-bejgħ tal-banana: jekk ibigħha ħadra lill-kumpannija responsabbli mis-sajran jew lill-bejjiegħa bl-imnut responsabbli huma stess mis-sajran tal-frott, huwa jikkomunikalhom prezz ta’ referenza aħdar; jekk jorganizza huwa stess is-sajran billi jirrikorri għal kumpannija esterna għas-sajran jew isajjar fl-istabbilimenti tas-sussidjarji tiegħu jew fi stabbilimenti simili u wara jbigħhom imsajra lill-bejjiegħa bl-imnut, huwa juża prezz ta’ referenza isfar.

626    Il-posta elettronika tat‑2 ta’ Jannar 2003 tirreferi għal sitwazzjoni li fiha Chiquita tikkumerċjalizza frott billi torganizza s-sajran permezz ta’ Atlanta, kumpannija responsabbli mis-sajran u distributur, fejn ir-rabtiet ta’ affiljazzjoni ma’ Chiquita jirriżultaw mill-portata nnifisha ta’ din il-posta elettronika.

627    L-awtur tal-posta elettronika jsemmi moviment ta’ żieda fil-prezz ta’ referenza isfar tal-banana tat-trade mark Chiquita mqassma minn Atlanta, stabbilit u mħabbar il-Ħamis tat-tieni ġimgħa għall-frott li jkun qed isir, li jkun wasal aħdar it-Tnejn tat-tieni ġimgħa u li jkun irid jiġi kkunsinnat isfar fil-bidu tat-tielet ġimgħa, wara żieda fil-prezz ta’ referenza tal-banana ħadra ta’ Dole, iffissat u kkomunikat l-istess Ħamis tat-tieni ġimgħa għall-frott li jkun fit-trasport li jrid jasal aħdar it-Tnejn tat-tielet ġimgħa u kkunsinnat isfar ġimagħtejn iktar tard, fil-bidu tar-raba’ ġimgħa.

628    Is-sitwazzjoni hekk deskritta għandha tiġi evalwata mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest ta’ suq li jiffunzjona b’mod kontinwu fejn, kull bidu tal-ġimgħa, tasal banana ħadra fil-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq b’banana li wara tittieħed f’ċentri għas-sajran għal matul bejn wieħed u ieħor ġimgħa u li wara titqiegħed fis-suq tal-banana safra tat-trade marks Dole, Del Monte u Chiquita. Kemm il-banana tat-trade mark Dole u Del Monte kif ukoll dik tat-trade mark Chiquita l-ewwel kienet ħadra qabel ma saret safra, wara s-sajran, u qabel ma spiċċat fl-istess kuritur tas-supermarkets, jew għand bejjiegħa bl-imnut oħra, għall-konsumaturi finali matul is-sena kollha, u dan skont l-istess sistema temporali.

629    Għalhekk, il-banana safra ta’ Chiquita msemmija fil-posta elettronika tal-impjegat ta’ Atlanta kienet tagħmel parti minn kunsinna ta’ banana ħadra li waslet fil-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq fil-bidu tat-tieni ġimgħa u li għaliha kien ġie stabbilit prezz aħdar il-Ħamis tal-ewwel ġimgħa. Fl-istess ċirkustanzi ta’ żmien, waslet banana ħadra ta’ Dole u ġie ffissat prezz ta’ referenza għaliha.

630    Din il-banana kollha kienet intiża sabiex titqiegħed fis-suq għall-finijiet ta’ konsum fl-istess perijodu ta’ żmien, jiġifieri bejn wieħed u ieħor ġimgħa wara li tkun waslet u li tkun tqiegħdet fiċ-ċentri ta’ sajran, skont id-diversi metodi, u għalhekk fil-bidu tat-tielet ġimgħa.

631    Din l-aħħar konstatazzjoni għandha tintrabat ma’ osservazzjoni oħra tal-impjegat ta’ Atlanta.

632    Fil-posta elettronika tiegħu tat-2 ta’ Jannar 2003, l-imsemmi impjegat jikkritika ż-żieda fil-prezz ta’ referenza isfar diġà kkomunikat lill-klijentela. Huwa jenfasizza li din id-deċiżjoni hija żball kummerċjali, għaliex “id-differenza tal-prezz fuq is-suq żdiedet” u li “se jkun iktar diffiċli li jinstabu u jinżammu klijenti għal Chiquita [fil-]ġimgħa ta’ wara”.

633    Din id-dikjarazzjoni turi, minbarra l-importanza tal-kwistjoni tad-differenzi fil-prezz bejn id-diversi banana bi trade mark, l-eżistenza ta’ offerta kompetitriċi għall-banana safra matul it-tielet ġimgħa. Issa, huwa fl-istess mument li titqiegħed fuq is-suq tal-bejgħ bl-imnut il-banana tat-trade mark Dole u Del Monte, li tkun waslet fil-portijiet fil-bidu tat-tieni ġimgħa u mqassma safra miċ-ċentri ta’ sajran, impriżi indipendenti jew sussidjarji ta’ dawn l-impriżi.

634    Ma’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kronoloġiċi, li jirriżultaw mill-analiżi tad-dokument invokat mir-rikorrenti, jeħtieġ li jiżdied u jitfakkar li l-ewwel pass tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ kunsinna ta’ banana għal ġimgħa partikolari kien magħmul mill-istabbiliment ta’ prezz aħdar mill-importaturi fl-istess ġurnata, il-Ħamis, li kien jirrappreżenta, fl-istess ħin, l-offerta għall-banana ħadra indirizzata lill-kumpanniji responsabbli mis-sajran u distributuri jew lill-bejjiegħa bl-imnut responsabbli mis-sajran tal-frott u l-bażi tal-prezz isfar imħabbar lill-klijentela ta’ bejjiegħa bl-imnut.

635    Fl-aħħar nett jista’ jiġi osservat li l-posta elettronika inkwistjoni tikkorrobora wkoll l-eżistenza ta’ diversi attivitajiet ta’ Chiquita u ta’ offerta ħadra ta’ din. Għalhekk, l-impjegat ta’ Atlanta jesponi li ma hemmx lok li l-kritika magħmula f’każ ta’ żieda tal-prezz ta’ referenza ta’ Dole teżisti fl-ipoteżi ta’ tnaqqis tal-prezz. Huwa jirrileva li t-tnaqqis ta’ prezz huwa dejjem validu mhux biss għall-“ġimgħa ħadra li jmiss”, iżda wkoll għall-frott li jkun fiċ-ċentri ta’ sajran.

636    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti li Weichert ma kinitx f’kompetizzjoni ma’ Chiquita, sitwazzjoni li tipprojbixxi l-kwalifika ta’ ksur uniku tal-aġir inkriminat, għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-element suġġettiv

637    Fir-rigward tal-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-impriżi, għandu jitfakkar li, fil-każ fejn il-ksur tal-Artikolu 81(1) KE jirriżulta minn serje ta’ atti jew ta’ aġir kontinwu li jidħol fi “pjan komplet” minħabba l-għan identiku ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni għandha dritt tattribwixxi r-responsabbiltà għal dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 371 iktar ’il fuq, punt 258), anki jekk ġie stabbilit li l-impriża kkonċernata pparteċipat direttament biss f’element jew f’numru ta’ elementi li jikkostitwixxu l-ksur (sentenza BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, punt 588 iktar ’il fuq, punt 161).

638    L-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu ma jfissirx neċessarjament li impriża li tipparteċipa f’parti jew f’numru ta’ partijiet mill-ksur tista’ titqies bħala responsabbli mill-ksur kollu.

639    Fir-rigward tal-prova tal-element suġġettiv fir-rigward ta’ kull impriża involuta, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-imsemmija impriża kellha l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħha stess, tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir materjali maħsub jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 296 iktar ’il fuq, punt 87, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 371 iktar ’il fuq, punt 291).

640    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jakkuża lill-impriżi destinatarji, fosthom Weichert, li pparteċipaw, matul perijodi differenti, fi prattika miftiehma li tikkonsisti f’li jiġu kkoordinati l-prezzijiet ta’ referenza għall-banana, fejn il-ksur ikopri l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja.

641    Sa fejn din il-formulazzjoni tista’ tinftiehem fis-sens li l-Kummissjoni riedet tattribwixxi lil kull waħda mill-impriżi involuti r-responsabbiltà għall-ksur kollu, fil-partijiet kollha tiegħu, tali interpretazzjoni ma hijiex ikkorroborata mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

642    Il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 252 sa 257 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur uniku u kontinwu lil Chiquita u lil Weichert, fid-dawl tal-fatt li Dole kellha skambji magħhom.

643    Il-Kummissjoni indikat li, għalkemm Chiquita kellha għarfien tal-ftehim kollużorji bejn Dole u Weichert jew għalkemm, mill-inqas, hija pprevediethom, kienet lesta taċċetta r-riskju ta’ dan u kellha għarfien jew setgħet raġonevolment tipprevedi l-aġir fir-rigward tal-akkordju kollu kemm hu u l-għan komuni tiegħu, hija ma kellhiex biżżejjed elementi li jippermettu li tikkonkludi li Weichert kellha għarfien tal-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel bejn Chiquita u Dole jew li tistabbilixxi li Weichert setgħet raġonevolment tipprevedi l-eżistenza tagħhom (premessi 253 sa 255 tad-deċiżjoni kkontestata).

644    Fi tmiem l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet kif ġej (premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata):

“[I]l‑Kummissjoni tqis li l-ftehim kollużorju kollu deskritt fil-Kapitolu 4 ta’ din id-deċiżjoni jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu li għandu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan il-Komunità fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Chiquita u Dole għandhom jinżammu responsabbli mill-ksur uniku u kontinwu, kollu kemm hu, filwaqt li Weichert, fid-dawl tal-elementi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, għandha tinżamm responsabbli biss mill-parti talksur li fih hija pparteċipat, jiġifieri mill-parti tal-ksur li tikkonċerna l-ftehim kollużorju ma’ Dole.”

645    Għandu jitfakkar li d-dispożittiv ta’ att ma jistax jiġi ddiżassoċjat mill-motivazzjoni tiegħu, b’mod li għandu jiġi interpretat, jekk ikun meħtieġ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il‑Kummissjoni, C‑355/95 P, Ġabra p. I‑2549, punt 21).

646    Fid-dawl tal-kliem spjegat fil-premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi interpretata, hekk kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, fis-sens li hija ma timputax lil Weichert ir-responsabbiltà mill-ksur kollu kemm hu, b’differenza ta’ Dole u ta’ Chiquita.

647    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti u tal-intervenjenti, il-Kummissjoni ma għamlitx applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ ksur uniku, hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza.

648    F’dan ir-rigward, hemm lok ulterjuri li jitfakkar li l-fatt li impriża ma pparteċipatx, bħall-impriża kkostitwita minn Weichert u minn Del Monte f’dan il-każ, fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom hija pparteċipat ma huwiex relevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur kollu kemm hu. Tali element għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 371 iktar ’il fuq, punti 86 u 292).

649    Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tat lil Weichert, bis-saħħa ta’ ċirkustanzi attenwanti, tnaqqis ta’ 10 % applikat fuq l-ammont bażiku tal-multa minħabba l-fatt li din l-impriża ma kellhiex għarfien tal-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel bejn Chiquita u Dole jew li hija ma setgħetx raġonevolment tipprevedihom (premessa 476 tad-deċiżjoni kkontestata).

650    Għaldaqstant l-ilment imsemmi fil-punt 586 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud.

651    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma tista’ tiġi akkużata b’ebda ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 253 KE.

2.     Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tad-drittijiet tad-difiża

 Fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-provi

652    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunikalha r-risposti ta’ impriżi oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li dan ir-rifjut li tagħtiha aċċess għal provi relevanti qegħditha f’pożizzjoni li ma kinitx tippermettilha tiddefendi ruħha b’mod adegwat kontra l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li, minn naħa, hija kellha influwenza determinanti fuq Weichert u, min-naħa l-oħra, din tal-aħħar kisret l-Artikolu 81 KE.

653    Huwa paċifiku li, wara l-aċċess għall-fajl mogħti lill-impriżi kkonċernati fit‑30 ta’ Lulju 2008, fis‑27 ta’ Ġunju 2008 ir-rikorrenti ppreżentat talba għal aċċess għal dokumenti differenti u, b’mod partikolari, għar-“risposti tal-partijiet l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”, li ġiet miċħuda permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Lulju 2008. Ir-rikorrenti għamlet it-talba tagħha mill-ġdid permezz ta’ ittra mibgħuta fil‑21 ta’ Awwissu 2008 lill-uffiċjal tas-seduta, miċħuda minn dan tal-aħħar fil‑5 ta’ Settembru 2008, imbagħad stiednet lil dan tal-aħħar jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu fis‑26 ta’ Settembru 2008, talba li ġiet miċħuda wkoll fis‑6 ta’ Ottubru 2008.

 Fuq id-dekadenza

654    Il-Kummissjoni ssostni li t-talba għal aċċess magħmula mir-rikorrenti ma kinitx preċiża biżżejjed, billi ma kinitx tikkonċerna speċifikament ir-risposta ta’ Dole dwar l-elementi li allegatament “jiskaġunaw” u billi lanqas ma ssemmi r-risposta ta’ Weichert, u li n-nuqqas li tippreżenta tali talba matul il-proċedura amministrattiva, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, għandu effett ta’ dekadenza, fuq dan il-punt, fir-rigward tar-rikors għal annullament ippreżentat ulterjorment.

655    Qabel kollox, għandu jitfakkar li huwa biss fil‑bidu tal‑fażi amministrattiva kontradittorja li l‑impriża kkonċernata hija informata, permezz tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, bl‑elementi essenzjali kollha li l‑Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l‑istadju tal‑proċedura, u li din l‑impriża għandha dritt ta’ aċċess għall‑fajl sabiex jiġi ggarantit l‑eżerċizzju effettiv tad‑drittijiet tad‑difiża tagħha. Għalhekk, ir-risposta tal-partijiet l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex inkluża, bħala prinċipju, fid-dokumenti kollha tal-fajl ta’ investigazzjoni li jistgħu jikkonsultaw il-partijiet (sentenza Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 291 iktar ’il fuq, punt 163).

656    Il-punt 8 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fil-kawżi li jaqgħu taħt l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2005, C 325, p. 7) jippreċiża, qabel kollox, li l-“fajl tal-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] f’invesitgazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni huwa kompost mid-dokumenti kollha miksuba, prodotti jew miġbura mid-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni.

657    Sussegwentement, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fi proċedura ta’ konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE jew tal-Artikolu 82 KE, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tagħmel aċċessibbli, b’inizjattiva tagħha stess, dokumenti li ma jinsabux fil-fajl ta’ investigazzjoni tagħha u li hija ma għandhiex l-intenzjoni li tuża kontra l-partijiet ikkonċernati fid-deċiżjoni definittiva. Għalhekk parti rikorrenti, li ssir taf matul il-proċedura amministrattiva li l-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha dokumenti li jistgħu jintużaw għad-difiża tagħha, għandha tabilfors tippreżenta lill-istituzzjoni talba espliċita ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti. In-nuqqas ta’ aġir b’dan il-mod matul il-proċedura amministrattiva għandu effett ta’ dekadenza fuq dan il-punt fir-rigward ta’ rikors għal annullament li eventwalment jiġi ppreżentat kontra d-deċiżjoni definittiva (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 416 iktar ’il fuq, punt 383, u tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 340).

658    F’dan il-każ, huwa paċifiku li, matul il-proċedura amministrattiva u b’mod iktar preċiż fis‑27 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti talbet espressament l-aċċess “għar-risposti tal-partijiet l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijet”, dokumenti ma jagħmlux parti mill-fajl ta’ investigazzjoni u li jinkludu risposti stricto sensu ta’ Dole u ta’ Weichert kif ukoll id-dokumenti pprovduti fit‑28 ta’ Frar 2008 minn din tal-aħħar, flimkien mar-risposta tagħha.

659    Fil-kuntest ta’ talba ta’ aċċess għal dokumenti li ma jagħmlux parti mill-fajl ta’ investigazzjoni, u li għaldaqstant ma humiex suġġetti għal lista ddettaljata u sommarja indirizzata lill-impriżi kkonċernati, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba tar-rikorrenti kienet suffiċjentement espliċita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Mejju 1999, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑175/95, Ġabra p. II‑1581, punti 49 sa 51), ġaladarba d-dokumenti mitluba ġew identifikati jew kienu identifikabbli b’mod ċar.

660    Għandu jingħad ukoll li, fl-ittra tagħha tas‑27 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti fakkret il-kliem tal-punt 27 tal-komunikazzjoni msemmija fil‑punt 656 iktar ’il fuq, li parti għandu jkollha aċċess għal dokumenti rċevuti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-fażijiet ulterjuri tal-proċedura amministrattiva, meta dawn id-dokumenti jistgħu jikkostitwixxu provi ġodda, “kemm jekk huma kontra kif ukoll jekk jiskaġunaw” [traduzzjoni mhux uffiċjali], dwar l-allegazzjonijiet ifformulati fir-rigward ta’ din il-parti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.

661    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma tista’ tiġi applikata ebda dekadenza fil-konfront tar-rikorrenti fejn din id-dekadenza tirriżulta minn ommissjoni ta’ aġir matul il-proċedura amministrattiva.

 Fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-provi kontra

662    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-allegati provi kontra li ma jidhrux fil-fajl tal-investigazzjoni, qabel kollox, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi osservat fiċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari f’kull proċedura li tista’ twassal għal pieni, anki jekk din tkun proċedura amministrattiva. Dan jirrikjedi li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jkunu f’pożizzjoni, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li jippreżentaw b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, ilmenti u ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann‑La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 11, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il‑Kummissjoni, T‑11/89, Ġabra p. II‑757, punt 39).

663    L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi kif ġej:

“Qabel ma jiġu meħuda d-deċiżjonijiet kif previsti mil-Artikoli 7, 8, 23 u l-Artikolu 24(2), il-Kummissjoni ħa [għandha] tagħti l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li huma suġġetti għal proċeduri kondotti mil-Kummissjoni l-opportunità li jiġu msemma’ [jinstemgħu] fuq matterji li l-Kummissjoni kellha oġġezzjoni fuqhom. Il-Kummissjoni ħa [għandha] tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati kienu kapaċi jikkummentaw fuqhom. L-ilmenti ħa [għandhom] jkunu assoċjati mil-viċin mal-proċeduri.”

664    Sussegwentement, għandu jitfakkar li, jekk il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq silta minn risposta għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fuq dokument anness ma’ tali risposta sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fi proċedura skont l-Artikolu 81(1) KE, l-impriżi l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-argumenti tagħhom fuq din il-prova. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-silta inkwistjoni effettivament tikkostitwixxi prova kontra d-diversi impriżi li allegatament ipparteċipaw fil-ksur (ara s-sentenzi Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 416 iktar ’il fuq, punt 386, u Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn il-prinċipji japplikaw ukoll meta l-Kummissjoni tistrieħ fuq silta minn risposta għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex timputa ksur lil impriża (sentenza Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 51).

665    Fil-fatt, dokument jista’ jiġi kkunsidrat bħala dokument li huwa prova kontra biss meta dan jintuża mill-Kummissjoni insostenn tal-konstatazzjoni ta’ ksur imwettaq minn impriża. Sabiex jiġi stabbilit ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-konfront tagħha, ma huwiex biżżejjed, għall-impriża inkwistjoni, li turi li, matul il-proċedura amministrattiva, hija ma kellhiex il-possibbiltà li tesprimi ruħha dwar dokument użat fi kwalunkwe parti tad-deċiżjoni kkontestata. Jeħtieġ li hija turi li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni użat dan id-dokument bħala prova sabiex tikkonstata ksur li fih l-impriża ħadet sehem (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punt 158).

666    Peress li dokumenti mhux ikkomunikati lill-impriżi kkonċernati matul il-proċedura amministrattiva ma jikkostitwixxux provi li jistgħu jiġu kkontestati, hemm lok, jekk jirriżulta li l-Kummissjoni tkun ibbażat ruħha, fid-deċiżjoni, fuq dokumenti li ma humiex inklużi fil-fajl tal-investigazzjoni u li ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti, li dawn id-dokumenti ma jiġux ikkunsidrati bħala provi (sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 416 iktar ’il fuq, punt 382).

667    Jekk jeżistu provi dokumentarji oħra li l-impriżi kkonċernati kienu jafu bihom matul il-proċedura amministrattiva li jsostnu b’mod speċifiku l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, l-eliminazzjoni bħala prova tad-dokument li huwa prova kontra li ma ġiex ikkomunikat ma tinvalidax il-fondatezza tal-ilmenti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 371 iktar ’il fuq, punt 72).

668    Għalhekk, hija l-impriża kkonċernata li għandha tipprova li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dokument mhux ikkomunikat, li fuqu l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha sabiex tinkrimina lil din l-impriża, ma kellux jiġi kkunsidrat bħala prova kontriha (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 371 iktar ’il fuq, punt 73).

669    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li, fil-premessi 90, 98, 396, 412 u 422 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni dikjarazzjonijiet magħmula minn Weichert fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li jimputawlha r-responsabbiltà għall-ksur.

670    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti telenka sempliċement il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata li fihom tissemma r-risposta ta’ Weichert għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tirriproduċi parzjalment il-portata tagħhom. Issa, tali argument ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi sodisfatt l-obbligu fuq ir-rikorrenti li turi li r-riżultat li għalih waslet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni finali kien ikun differenti li kieku d-dokumenti kontenzjużi kienu ġew miċħuda bħala provi kontra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Lulju 2008, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, T‑52/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 49, ikkonfermata fuq dan il-punt permezz tas-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, punt 104 iktar ’il fuq, punt 14).

671    Fi kwalunkwe każ, l-eżami tal-premessi 90, 98, 396, 412 u 422 tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix li wieħed jasal għall-konklużjoni li r-risposta ta’ Weichert għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tista’ tiġi kkwalifikata bħala prova kontra.

672    Il-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata tiddiskuti l-parti tagħha ddedikata għad-deskrizzjoni tal-organizzazzjoni tal-akkordju u b’mod iktar speċifiku għall-kwistjoni tal-frekwenza tal-komunikazzjonijiet bejn Dole u Weichert. Fiha huwa ppreċiżat li “fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Weichert tindika li bħala medja ma kinitx issir komunikazzjoni iktar minn darba jew darbtejn fix-xahar ma’ Dole meta Weichert kienet tagħmel parti mill-grupp Del Monte”. Minbarra l-fatt li din id-dikjarazzjoni ta’ Weichert tikkonċerna l-ksur innifsu u mhux l-imputazzjoni tiegħu lir-rikorrenti, huwa paċifiku li l-Kummissjoni ma straħitx fuq din id-dikjarazzjoni, iżda ħadet inkunsiderazzjoni frekwenza tal-komunikazzjonijiet li jikkorrispondu għal 20 jew 25 ġimgħa fis-sena (ara l-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata), indikata inizjalment minn Weichert fir-risposta tagħha għal talba għal informazzjoni, li tagħmel parti mill-fajl tal-Kummissjoni li għalih ir-rikorrenti kellha aċċess (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

673    Fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar it-tul tal-akkordju, huwa msemmi li, “fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Weichert sostniet li hija kellha okkażjonijiet tiskambja fehmiet ma’ Dole fir-rigward tal-‘iżvilupp possibbli ta’ prezzijiet uffiċjali’ biss meta hija kienet tagħmel parti mill-grupp Del Monte (2000‑2002)”, liema dikjarazzjoni ma hijiex intiża li timputa l-ksur lir-rikorrenti, iżda li tippreċiża wieħed mill-elementi li jikkostitwixxuh. Mill-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din l-indikazzjoni tikkorrobora d-dikjarazzjonijiet ifformulati minn Weichert b’risposta għal talba għal informazzjoni, li għalihom ir-rikorrenti kellha aċċess, li jgħidu li l-komunikazzjonijiet ma’ Dole bdew fl‑2000 u waqfu kompletament meta impjegat ta’ Dole rtira, liema fatt seħħ f’Diċembru 2002.

674    Għandu jiġi osservat li għalkemm fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni bidlet l-evalwazzjoni tagħha tat-tul tal-perijodu li matulu seħħ il-ksur meta mqabbla mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li fiha kien issemma perijodu mill‑2000 sal‑2005, dan huwa biss fis-sens li dan il-perijodu tnaqqas, fejn il-perijodu li finalment ġie kkunsidrat, mill‑2000 sal‑2002, kien kollu kemm hu fi ħdan il-perijodu msemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

675    Il-premessi 396, 412 u 422 tad-deċiżjoni kkontestata jiddiskutu l-parti tagħha ddedikata għall-preżentazzjoni u l-konfutazzjoni tal-argumenti tal-impriżi kkonċernati b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

676    Ir-rikorrenti tosserva li, fil-premessa 396 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat li “Weichert tqis li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kellha raġun li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li Del Monte kienet teżerċita influwenza deċiżiva fuq Weichert matul il-perijodu [mill‑]2000 [sal‑]2002”.

677    Hekk kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni fir-risposta, mingħajr ma ġiet serjament ikkontestata mir-rikorrenti, ir-riferiment għar-risposta ta’ Weichert għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jikkonferma sempliċement id-dikjarazzjonijiet ta’ din l-impriża matul il-proċedura amministrattiva dwar l-influwenza eżerċitata fuqha mir-rikorrenti, hekk kif elenkati fil-fajl tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, li għalih ir-rikorrenti kellha aċċess, u fformulati waqt is-smigħ ta’ Weichert, fil-preżenza tar-rikorrenti. Weichert għalhekk iddikjarat li hija kienet “dipendenti” fuq il-forniment tar-rikorrenti u “kellha ssegwi t-talbiet” ta’ din l-impriża (ara l-premessa 422 tad-deċiżjoni kkontestata).

678    L-istess jgħodd għar-riferimenti għar-risposta ta’ Weichert għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jinsabu fil-premessi 412 u 422 tad-deċiżjoni kkontestata, rispettivament, dwar l-attività ta’ Weichert li tikkonsisti fit-tfassil ta’ rapporti għall-attenzjoni u fuq talba tar-rikorrenti, diġà deskritta minn Weichert matul il-proċedura amministrattiva fil-kliem imfakkra fil-punt 392 tad-deċiżjoni kkontestata, u dwar il-kwalità ta’ fornitur esklużiv tar-rikorrenti fir-rigward ta’ Weichert, liema fatt diġà ġie kkonstatat fil-premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ Weichert u tar-rikorrenti meta rrispondiet għal talba għal informazzjoni.

679    Il-Kummissjoni tosserva wkoll li r-rappreżentant ta’ Weichert sostna waqt is-seduta, li għaliha kienet preżenti r-rikorrenti, li “Del Monte kellha ftehim ta’ bejgħ u ta’ xiri esklużiv ma’ Weichert: Del Monte kienet il-fornitur esklużiv ta’ Weichert u Weichert kellha ssegwi dak li kienet titlob Del Monte” (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 447 tad-deċiżjoni kkontestata).

680    Fl-aħħar nett mill-premessa 422 tad-deċiżjoni kkontenstata jirriżulta b’mod ċar li, fid-dawl tan-natura kontradittorja tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti u ta’ Weichert, il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod prinċipali, sabiex tasal għall-konklużjonijiet tagħha, fuq provi dokumentarji li jmorru lura għal żmien il-fatti.

681    Fit-tieni lok, minbarra r-riferiment għall-premessi msemmija iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi kollha tal-Kummissjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, inkluża dik tad-dispożizzjonijiet relevanti tad-dritt kummerċjali Ġermaniż, “tidher” li hija influwenzata bl-argumenti ta’ Weichert, li dwarhom hija ma kellhiex il-possibbiltà li tinstema’ jew li tiddefendi ruħha.

682    Din is-sempliċi allegazzjoni ta’ natura ġenerali u ipotetika ma hijiex tali li tistabbilixxi r-realtà ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, li għandha tiġi eżaminata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, punt 657 iktar ’il fuq, punt 354, u tat‑8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 33). Barra minn hekk, id-diskussjoni li tirriżulta fil-premessi 387, 399 sa 410 tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq l-aġir ta’ Weichert fir-rigward tal-forma legali ta’ din tal-aħħar u tad-dispożizzjonijiet tal-HGB ma tagħmel ebda riferiment għar-risposta ta’ Weichert għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tirriżulta minn analiżi ta’ natura legali magħmula mid-dipartimenti tal-Kummissjoni.

683    Fit-tielet lok, preċiżament fir-rigward taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħadet inkunsiderazzjoni bl-ebda mod is-sitwazzjoni partikolari li fiha hija kienet tinsab waqt il-proċedura amministrattiva, jiġifieri dik ta’ kumpannija li lilha ġiet imputata r-responsabbiltà mill-aġir ta’ impriża li magħha hija kienet kisret kull rabta sew qabel il-bidu tal-investigazzjoni.

684    Din iċ-ċirkustanza ma hijiex tali li taffettwa r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont id-dmir ġenerali ta’ prudenza li għandha kull impriża, ir-rikorrenti kellha l-obbligu li tħares, anki fiċ-ċirkustanzi tal-bejgħ tas-sehem tagħha f’Weichert, għaż-żamma korretta fil-kotba u fl-arkivji tagħha tal-elementi li jippermettu li wieħed jidentifika l-attività tagħha, b’mod partikolari sabiex ikollha provi neċessarji fl-ipoteżi ta’ azzjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra p. II‑5761, punt 87, u Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 291 iktar ’il fuq, punti 170 u 171).

685    Hija wkoll nieqsa minn kull rilevanza l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma tieħu inkunsiderazzjoni bl-ebda mod is-sitwazzjoni partikolari li fiha hija tinsab wara l-inammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat minn Weichert u l-impossibbiltà għal din tal-aħħar li tipproduċi lill-Qorti Ġenerali provi dwar l-aġir tagħha. Din iċ-ċirkustanza li rriżultat wara l-proċedura amministrattiva ma tistax validament isservi bħala bażi għall-ilment ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża allegatament imwettqa mill-Kummissjoni waqt l-imsemmija proċedura.

686    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti tallega li hija ma kellhiex il-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet dwar l-argumenti ta’ Weichert intiżi li jqiegħdu r-responsabbiltà tal-ksur fuqha meta fir-rikors hija tindika li, sa mill-bidu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, “Weichert ipprovat taqsam il-piż tar-responsabbiltà tagħha” u li l-paġni 34 sa 58 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huma ddedikati għall-kontestazzjoni ta’ kull responsabbiltà għall-aġir ta’ Weichert.

 Fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-provi li jiskaġunaw

687    Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li r-rikorrenti ma tistax tinvoka l-motivazzjoni tas-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 371 iktar ’il fuq (punt 126), li ma għandhiex tkun biss il-Kummissjoni li tiddetermina d-dokumenti utli għad-difiża tal-impriża kkonċernata. Din il-motivazzjoni, dwar id-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, ma tistax tapplika għal risposti mogħtija minn impriżi kkonċernati oħra għall-oġġezzjonijiet ikkomunikati mill-Kummissjoni. Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tagħti aċċess, b’inizjattiva tagħha stess, għal dokumenti li ma jagħmlux parti mill-fajl tal-investigazzjoni u li hija ma għandhiex l-intenzjoni li tuża kontra l-partijiet ikkonċernati fid-deċiżjoni definittiva.

688    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, hija ġurisprudenza stabbilita li l-impriża kkonċernata għandha tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar seta’ jinfluwenza, bi ħsara għal din tal-aħħar, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmija dokumenti li jiskaġunaw għad-difiża tagħha, fis-sens li, kieku hija setgħet tagħmel użu minnhom matul il-proċedura amministrattiva, hija kienet tkun tista’ tinvoka elementi li ma jaqblux mad-deduzzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u għalhekk kienet tkun tista’ tinfluwenza, b’xi mod, l-evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fid-deċiżjoni eventwali, tal-inqas fir-rigward tal-gravità u tad-dewmien tal-aġir li ġiet akkużata bih, u, għaldaqstant, it-tip ta’ multa. F’dan il-kuntest, il-possibbiltà li dokument mhux żvelat seta’ kellu influwenza fuq l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi stabbilita biss wara eżami provviżorju ta’ ċerti provi li juru li d-dokumenti mhux żvelati setgħu kellhom — fir-rigward ta’ dawn il-provi — importanza li ma jmisshiex ġiet injorata (ara sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 371 iktar ’il fuq, punti 74 sa 76, u l-ġurisprudenza ċċitata).

689    F’dan ir-rigward, ma jistax jintalab mir-rikorrenti li qajmu motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom li, fir-rikors tagħhom, huma jiżviluppaw argument elaborat fejn jispjegaw numru ta’ ħjiel sabiex juru li l-proċedura amministrattiva setgħet tagħti lok għal riżultat differenti li kieku huma kellhom aċċess għal ċerti elementi li, fil-fatt, qatt ma ġew ikkomunikati lilhom. Tali approċċ fil-fatt ikun jirrikjedi probatio diabolica mingħandhom (sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 416 iktar ’il fuq, punt 161).

690    Madankollu, hija r-rikorrenti li għandha tipprovdi l-ewwel ħjiel, għad-difiża tagħha, tad-dokumenti mhux ikkomunikati (sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 416 iktar ’il fuq, punti 409, 415 u 421).

691    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li, minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tad-dokumenti kkonċernati, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha b’mod adegwat kontra l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li Weichert kisret l-Artikolu 81 KE. Hija ssostni li, sa fejn il-Kummissjoni tikkonkludi li Weichert ipparteċipat fi ksur biss fir-rigward tal-kuntatti tagħha ma’ Dole, l-iktar dokument li jista’ jinkludi provi li jiskaġunaw huwa għaldaqstant ir-risposta ta’ Dole għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fejn id-deċiżjoni kkontestata barra minn hekk tinkludi numru ta’ indikazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ tali provi, li għalihom hija ma kellhiex aċċess. B’hekk hija tenfasizza li l-Kummissjoni tagħmel riferiment għal provi li jinsabu fir-risposta ta’ Dole għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar il-frekwenza tal-komunikazzjonijiet ma’ Weichert (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata), in-natura tal-prezzijiet ta’ referenza u l-fatt li kienu mingħajr relazzjoni mal-prezzijiet reali (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata).

692    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tadotta l-mużuri kollha ta’ organizzazzjoni meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tipproduċi r-risposti ta’ Dole u ta’ Weichert għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll id-dokumenti sottomessi minn Weichert fit‑28 ta’ Frar 2008, sabiex hija tkun tista’ teżaminahom u tissottometti lill-Qorti Ġenerali l-osservazzjonijiet supplementari neċessarji sabiex tissostanzja l-motiv ta’ annullament ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża.

693    Bħala risposta, il-Kummissjoni ssostni, b’mod ġenerali, li, meta Weichert ippreżentat ir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tikkontesta l-eżistenza nnifisha tal-ksur u l-parteċipazzjoni tagħha fih, l-impriża inkwistjoni kellha l-informazzjoni kollha mitluba mir-rikorrenti u li, sa fejn l-argumenti ta’ Weichert ġew ikkonfutati b’mod konvinċenti, hija r-rikorrenti li għandha tispjega r-raġunijiet li għalihom l-istituzzjoni jmissha waslet għal konklużjoni differenti li kieku r-rikorrenti kellha aċċess għad-dokumenti inkwistjoni sabiex tqajjem argumenti simili.

694    Din id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tirriżulta minn analiżi inkompleta, fis-sens li r-risposta ta’ Weichert ma tikkostitwixxix l-uniku dokument imsemmi mir-rikorrenti insostenn tal-allegazzjoni tagħha ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, fejn ir-risposta ta’ Dole hija saħansitra kkunsidrata bħala d-dokument li l-iktar jista’ jkun li jinkludi provi li jiskaġunaw. Issa, meta Weichert ippreżentat ir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija ma kellhiex ir-risposta ta’ Dole għal din tal-aħħar u għaldaqstant ma kellhiex l-informazzjoni kollha mitluba mir-rikorrenti, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni. Għaldaqstant l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq premessa żbaljata u għandu biss jiġi miċħud.

695    B’mod iktar partikolari fir-rigward tal-frekwenza tal-komunikazzjonijiet ma’ Weichert kif ukoll tan-natura u tar-rwol tal-prezzijiet ta’ referenza, il-Kummissjoni ssostni li r-risposta ta’ Dole għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx tali li tinkludi provi li jiskaġunaw, fid-dawl tal-provi diġà fil-pussess tagħha u tal-konklużjonijiet preċiżi li fuqhom hija bbażat il-konstatazzjoni tal-ksur. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata.

696    Il-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi r-risposta ta’ Dole għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li fiha hija rrettifikat l-istima tagħha tal-frekwenza tal-komunikazzjonijiet bilaterali ma’ Weichert, billi indikat li l-iskambji kontenzjużi kienu seħħew, mhux “kważi ta’ kull ġimgħa”, bħal ma ssemma inizjalment, iżda “ġimgħa minn kull tnejn”.

697    Il-Kummissjoni effettivament ħadet inkunsiderazzjoni din ir-rettifika magħmula minn Dole u finalment stabbilixxiet frekwenza ta’ 20 sa 25 ġimgħa fis-sena għall-komunikazzjonijiet bilaterali inkwistjoni, kompatibbli mad-dikjarazzjonijiet ta’ Dole u dawk ta’ Weichert (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, hija straħet fuq il-konstatazzjoni li l-komunikazzjonijiet bejn Dole u Weichert kienu koerenti biżżejjed sabiex jikkunsidraw li huma kienu jiffurmaw sistema ta’ komunikazzjonijiet (premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata).

698    Fir-rigward tan-natura u r-rwol tal-prezzijiet ta’ referenza, il-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata tispjega fil-qosor il-pożizzjoni ta’ Dole li l-prezzijiet ta’ referenza ma kellhom ebda importanza għall-prezzijiet reali miksuba fis-suq u għaldaqstant ma setgħux ikunu suġġetti għal koordinazzjoni irregolari.

699    Issa, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li dan l-argument huwa żviluppat ukoll mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ċaħdet preċiżament l-argument ta’ Dole u tar-rikorrenti, fil-premessi 102 sa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, billi straħet b’mod partikolari fuq provi dokumentarji diretti li kienu jinsabu fil-fajl tal-istituzzjoni. Is-sempliċi fatt li Dole ressqet, essenzjalment, l-istess argumenti bħar-rikorrenti fir-rigward tal-allegata rilevanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-suq tal-banana, li l-Kummissjoni diġà ħadet inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tagħha, ma jistax jikkostitwixxi prova li tiskaġuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Diċembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 353 sa 355).

700    B’hekk ir-rikorrenti ma pprovdiet ebda ħjiel tal-utilità għad-difiża tagħha, tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ Dole.

701    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ppreżentat ebda osservazzjoni fir-rigward tar-risposta ta’ Weichert għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-provi li jiskaġunaw.

702    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, anki li kieku r-rikorrenti setgħet tinvoka dawn id-dokumenti waqt il-proċedura amministrattiva, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni ma setgħux jiġu influwenzati minn dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, punt 104 iktar ’il fuq, punt 25) u l-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi miċħud.

703    Peress li r-rikorrenti ma pprovdiet ebda ħjiel dwar l-utilità, għad-difiża tagħha, tad-dokumenti inkwistjoni, hemm lok ukoll li tiġi miċħuda t-talba tagħha intiża sabiex il-komunikazzjoni tagħhom tiġi ordnata fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 416 iktar ’il fuq, punt 415).

 Fuq l-allegat nuqqas ta’ qbil bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata

704    Ir-rikorrenti tosserva li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn tliet tipi differenti ta’ skambji ta’ informazzjoni u li t-teżi prinċipali difiża mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx li wħud mill-komunikazzjonijiet deskritti kienu jiksru individwalment l-Artikolu 81 KE, iżda li dawn il-kuntatti, ikkunsidrati globalment, kienu laħqu densità tali li kienu ekwivalenti għal iffissar tal-prezzijiet. Il-Kummissjoni abbandunat din it-teżi fid-deċiżjoni kkontestata u l-pożizzjoni sostnuta f’din tal-aħħar ma tantx hija konnessa mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

705    Issa, ir-rikorrenti ċċaħdet mill-possibbiltà li tesponi l-fehma tagħha dwar din il-pożizzjoni ġdida tal-Kummissjoni, liema fatt jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li hija sempliċement naqset il-portata tal-ksur ma tistax tiġi rrikonċiljata mal-abbandun tal-azzjoni tagħha kontra tlieta mis-sitt impriżi destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fejn dan il-fatt jikkonferma wkoll l-eżistenza ta’ differenza kwalitattiva, u mhux biss kwantitattiva, bejn it-teorija esposta fl-imsemmija komunikazzjoni u dik li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata.

706    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja eżatta tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 68). Fil-fatt, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni r-risposti tal-impriżi kkonċernati għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’dan ir-rigward, hija għandha mhux biss tilqa’ jew tiċħad l-argumenti tal-impriżi kkonċernati, iżda wkoll tipproċedi għall-analiżi tagħha tal-fatti mressqa minnhom, jew sabiex tabbanduna tali lmenti li jirriżultaw li huma infondati, jew sabiex temenda jew tissupplimenta, kemm fil-fatt kif ukoll fil-liġi, l-argumenti tagħha insostenn tal-ilmenti li hija tressaq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 92; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punti 437 u 438). Barra minn hekk, huwa biss jekk id-deċiżjoni finali tallega li l-impriżi kkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew tieħu inkunsiderazzjoni fatti differenti li ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi kkonstatat (sentenza ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Frar 1994, CB u Europay vs Il‑Kummissjoni, T‑39/92 u T‑40/92, Ġabra p. II‑49, punti 49 sa 52).

707    Dan ma huwiex il-każ meta, bħal fil-każ inkwistjoni, l-allegati differenzi bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali jikkonċernaw biss dak l-aġir li fir-rigward tiegħu l-impriżi kkonċernati diġà kienu spjegaw irwieħhom u li, għalhekk, ma humiex relatati ma’ lment ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 103).

708    Fil-fatt, huwa paċifiku li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet issemmi tliet prattiki kollużorji, jiġifieri:

–        l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-volumi ta’ kunsinni ta’ banana fl-Ewropa ta’ Fuq;

–        komunikazzjoni bilaterali dwar il-kundizzjonijiet tas-suq tal-banana, it-tendenzi tal-prezzijiet u/jew l-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza qabel ma dawn il-prezzijiet jiġu ffissati;

–        l-iskambju tal-prezzijiet ta’ referenza tal-banana.

709    Fil-paragrafu 429 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni, b’mod mhux ekwivoku, ikkonkludiet li “kull serje ta’ arranġamenti bilaterali” u dawn l-arranġamenti kollha kienu jikkostitwixxu ksur li għandhu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni fil-Komunità u fiż-ŻEE fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

710    Din il-konklużjoni ssegwi eżami separat ta’ kull wieħed mill-aġiri inkriminati, b’mod partikolari, fil-paragrafi 404, 412 sa 416 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fejn il-Kummissjoni semmiet “diversi komunikazzjonijiet bilaterali dwar is-sitwazzjoni tas-suq tal-banana, it-tendenzi tal-prezzijiet u/jew tal-indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza qabel l-istabbilment tagħhom, li permezz tagħhom il-partijiet influwenzaw l-istabbilment tal-prezzijiet, li huwa ekwivalenti fl-aħħar mill-aħħar għal iffissar tal-prezzijiet” u ddikjarat li “dawn l-arranġamenti kollużorji kellhom għan antikompetittiv”.

711    Fid-deċiżjoni kkontestata, wara analiżi tar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati fformulati meta nstemgħu, il-Kummissjoni finalment abbandunat, minn naħa, l-ilmenti tagħha marbuta mal-iskambji ta’ informazzjoni dwar il-volumi u dawk dwar l-iskambji tal-prezzijiet ta’ referenza sabiex iżżomm biss il-prattika miftiehma marbuta ma’ dik li hija sejħet il-komunikazzjoni dwar ipprezzar minn qabel, u, min-naħa l-oħra, l-ilmenti indirizzati lil Fyffes, Van Parys u Del Monte, ikkunsidrata fil-kapaċità tagħha bħala fornitur ta’ banana.

712    Din l-aħħar konstatazzjoni tesprimi biss sempliċi differenza bejn id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u dawk tad-deċiżjoni kkontestata fejn ir-rikorrenti ma tistax tiddeduċi l-eżistenza ta’ lment ġdid li dwaru hija ma kellhiex il-possibbiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha.

713    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax validament tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża.

714    Fl-aħħar nett, sa fejn l-argument dwar in-nuqqas ta’ qbil bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jista’ jinftiehem ukoll li jsostni kontestazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur, peress li jenfasizza “l-assurdità” tal-approċċ tal-Kummissjoni, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan l-argument għandu, f’dan is-sens ukoll, jiġi miċħud.

 Fuq l-argumenti tal-intervenjenti

715    L-intervenjenti tindika li ssostni lir-rikorrenti fil-kuntest tal-motiv tagħha bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, inkawntu din tal-aħħar turi li l-Kummissjoni kisret il-forom proċedurli sostanzjali matul l-investigazzjoni u meta hija allegatament stabbilixxiet il-ksur tal-Artikolu 81 KE.

716    L-intervenjenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma stabbilixxietx it-transkrizzjonijiet, li jistgħu jiġu żvelati, tas-smigħ ta’ xhieda importanti għall-investigazzjoni u talli ħalliet lil Chiquita l-possibbiltà li tiltaqa’ ma’ xhieda essenzjali u li tipproduċi transkrizzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet tagħhom.

717    Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li l-konklużjoni tat-talba għal intervent għandu jkollha biss l-iskop li tilqa’ t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. L-Artikolu 116(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li n-nota ta’ intervent tikkonsisti, b’mod partikolari, fit-talbiet tal-intervenjent li jsostnu jew jiċħdu, għal kollox jew parzjalment, il-konklużjonijiet ta’ waħda mill-partijiet, kif ukoll il-motivi u l-argumenti invokati mill-intervenjent.

718    Dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-intervenjent id-dritt li jressaq b’mod awtonomu mhux biss argumenti, iżda wkoll motivi, sakemm dawn ikunu intiżi sabiex isostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali u ma jkunux totalment mingħajr ebda rabta mal-kunsiderazzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata l-kawża hekk kif ġiet ikkostitwita bejn ir-rikorrent u l-konvenut, b’mod li jbiddlu s-suġġett tal-kawża (ara s-sentenza Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, punt 312 iktar ’il fuq, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata).

719    Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali li għandha, sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-motivi invokati minn intervenjent, tivverifika li dawn ikunu relatati mas-suġġett tal-kawża hekk kif iddefinit mill-partijiet prinċipali.

720    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment imqajjem mill-intervenjenti jikkonċerna l-iżvolġiment tal-fażi ta’ investigazzjoni tal-proċedura amministrattiva li dwarha r-rikorrenti ma fformulat ebda osservazzjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, fejn il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża huwa bbażat, minn naħa, fuq nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokumenti wara l-aċċess għall-fajl mogħti lill-impriżi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, fuq allegata kontradizzjoni bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata.

721    B’hekk jidher li l-ilment imqajjem mill-intervenjenti huwa ta’ natura totalment separata mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati insostenn tal-motiv invokat mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors u għaldaqstant dan huwa tali li jbiddel is-suġġett tal-kawża hekk kif ġie kkostitwit bejn ir-rikorrenti u l-konvenuta. Għalhekk, u kif issostni l-Kummissjoni, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

722    Sussidjarjament, li kieku kellu jitqies li l-imsemmi lment jista’ jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli, dan xorta waħda għandu jiġi miċħud.

723    Qabel kollox, huwa paċifiku li fil-fajl tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, li għalih kellhom aċċess Del Monte u Weichert, jinsabu d-dikjarazzjonijiet kollha ta’ Chiquita ppreżentati insostenn tat-talba tagħha għal klemenza, skont il-paragrafu 11(a) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, u li abbażi tagħha l-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, sabiex tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 81 KE.

724    Sussegwentement, għandu jitfakkar li ma jeżisti ebda obbligu ġenerali, għall-Kummissjoni, li tistabbilixxi transkrizzjoni tad-diskussjonijiet li hija kellha mal-partijiet l-oħra, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat, matul laqgħat miżmuma magħhom. Xorta jibqa’ l-fatt li, jekk il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tagħmel użu, fid-deċiżjoni tagħha, minn prova kontra trażmessa b’mod verbali minn parti oħra fil-ksur, hija għandha tagħmilha aċċessibbli għall-impriża kkonċernata, sabiex din tkun tista’ tesprimi ruħha b’mod utli dwar il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni waslet għalihom abbażi ta’ din il-prova. Jekk ikun il-każ, hija għandha toħloq għal dan il-għan dokument miktub intiż sabiex jidher fil-fajl tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punti 66 u 67).

725    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tal-intervenjenti huwa, fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza, ineffettiv. Fil-fatt, Weichert issostni biss li, minħabba l-assenza tat-transkrizzjonijiet, hija ma kellhiex, l-istess bħal Del Monte, aċċess għal provi li potenzjalment jiskaġunaw, liema fatt hija tikkonferma waqt is-seduta.

726    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma tista’ tiġi akkużata b’ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża.

727    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talbiet tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

728    Ir-rikorrenti, sostnuta mill-intervenjenti, qajmet żewġ motivi bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa u fuq il-ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll tal-aspettattivi leġittimi ta’ Weichert.

729    Mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti u tal-intervenjenti jirriżulta li dawn ifformulaw kritiki differenti fir-rigward tal-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-gravità tal-ksur, dwar l-ammont addizzjonali, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ Weichert kif ukoll dwar ilment speiċifiku fir-rigward tal-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

1.     Osservazzjonijiet preliminari

730    Huwa paċifiku li, sabiex tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq Del Monte u fuq Weichert, il-Kummissjoni applikat il-linji gwida (premessa 446 tad-deċiżjoni kkontestata), li ddefinixxew metodu ta’ kalkolu li jinkludi żewġ stadji (punt 9 tal-linji gwida).

731    Il-linji gwida jipprovdu, bħala l-ewwel stadju ta’ kalkolu, id-determinazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ammont bażiku għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata u tinkludi, f’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet segwenti:

“12. L-ammont bażiku għandu jiġi ffissat b’riferiment għall-valur tal-bejgħ skont il-metodu li ġej.

[…]

13. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, mwettqa mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE. Il-Kummissjoni għandha tuża b’mod partikolari l-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.

[…]

19. L-ammont bażiku tal-multa huwa relatat ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-grad tal-gravità tal-ksur, immoltiplikat bin-numru ta’ snin tal-ksur.

20. L-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi relevanti tal-każ inkwistjoni.

21. Bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jiġi ffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 %.

22. Sabiex jiġi deċiż jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun ’l isfel jew ’il fuq f’din l-iskala, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur, u l-implementazzjoni jew le tal-ksur.

23. Il-ftehim orizzontali dwar iffissar tal-prezz, it-tqassim tas-suq u l-limitazzjoni tal-produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, jgħoddu, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Skont il-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Konsegwentement, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal tali ksur għandu jiġi kkunsidrat li jinsab ’il fuq fl-iskala.

24. Sabiex tittieħed kompletament inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ kull impriża għall-ksur, l-ammont determinat skont il-valur tal-bejgħ (ara l-punti 20 sa 23 iktar ’il fuq) għandu jiġi mmoltiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni għall-ksur. Il-perijodi ta’ inqas minn semestru għandhom jingħaddu bħala nofs sena; il-perijodi ta’ iktar minn sitt xhur, iżda ta’ inqas minn sena għandhom jingħaddu bħala sena sħiħa.

25. Barra minn hekk, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża għall-ksur, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ kif iddefinit fit-Taqsima A iktar ’il fuq, sabiex tiddisswadi l-impriżi milli propju jipparteċipaw għall-ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tapplika tali ammont addizzjonali fil-każ ta’ ksur ieħor. Sabiex jiġi deċiż il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-punt 22.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

732    Il-linji gwida jipprovdu, bħala t-tieni stadju tal-kalkolu, li l-Kummissjoni tista’ taġġusta l-ammont bażiku,’il fuq jew ’l isfel, abbażi ta’ evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha relevanti (punti 11 u 27 tal-linji gwida).

733    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-punt 29 tal-linji gwida jipprovdi li ġej:

“L-ammont bażiku tal-multa jista’ jiżdied meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti bħal:

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li hija temmet il-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni[; dan] ma japplikax għall-ftehim jew prattiki ta’ natura sigrieta (b’mod partikolari l-akkordji);

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-ksur twettaq b’negliġenza;

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment imnaqqsa u konsegwentement turi li, fil-perijodu li matulu hija aderixxiet mal-ftehim li jikkostitwixxi ksur, hija effettivament qagħdet lura milli tapplikah billi adottat aġir kompetittiv fis-suq; is-sempliċi fatt li impriża pparteċipat fi ksur għal tul ta’ żmien iqsar minn dak tal-impriżi l-oħra ma għandux jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti, peress li din iċ-ċirkustanza hija riflessa diġà fl-ammont bażiku;

–        meta l-impriża kkonċernata tikkoopera effettivament mal-Kummissjoni, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-klemenza u lilhinn mill-obbligi ġuridiċi tagħha li tikkoopera;

–        meta l-aġir antikompetittiv ġie awtorizzat jew imħajjar mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2.     Id-deċiżjoni kkontestata

734    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ppreċiżat li l-ammont bażiku tal-multa huwa ta’ ammont bejn 0 % u 30 % tal-bejgħ ikkonċernat tal-impriża skont il-livell tal-gravità tal-ksur, immoltiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur, u ta’ ammont addizzjonali bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ indipendentement mit-tul (premessa 448 tad-deċiżjoni kkontestata).

735    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-valur tal-bejgħ ta’ banana friska magħmul minn Weichert fl‑2002 huwa stmat għal EUR 82 571 574 (premessi 451 u 453).

736    B’mod konformi mal-punti 20 u 22 tal-linji gwida, il-Kummissjoni eżaminat u ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tiffissa l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ skont il-livell ta’ gravità tal-ksur, fatturi differenti li jikkonċernaw in-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-impriżi kollha kkonċernati, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni tal-ksur, hekk kif jirriżulta mill-premessi 454 sa 460 tad-deċiżjoni kkontestata.

737    Il-Kummissjoni enfasizzat li l-impriżi kkonċernati kienu ħadu sehem fi ksur uniku u kontinwu permezz ta’ prattika miftiehma, li permezz tagħha huma kienu jikkoordinaw il-prezzijiet ta’ referenza tagħhom tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq u li għalhekk jikkonċerna l-iffissar tal-prezzijiet, fejn il-prattiki li jikkonċernaw il-prezzijiet jagħmlu parti, min-natura tagħhom stess, mill-iktar restrizzjonijiet gravi għall-kompetizzjoni ġaladarba dawn joħolqu distorsjoni fuq il-kompetizzjoni fuq parametru prinċipali tal-kompetizzjoni (premessa 455 tad-deċiżjoni kkontestata).

738    Il-Kummissjoni ħadet ukoll inkunsiderazzjoni s-sehem mis-suq magħqud tal-impriżi li għalihom il-ksur seta’ jiġi stabbilit, stmat għal madwar 40 % sa 45 % (premessa 457 tad-deċiżjoni kkontestata), u l-portata ġeografika tal-ksur, fejn din tal-aħħar tkopri l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja (premessa 458 tad-deċiżjoni kkontestata).

739    Abbażi ta’ dawn l-elementi, kif ukoll tal-konstatazzjoni tal-implementazzjoni effettiva tal-ksur, il-Kummissjoni kkunsidrat l-istess proporzjon tal-valur tal-bejgħ, jiġifieri 15 %, iddeterminat skont il-gravità tal-ksur, għall-impriżi kollha destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 460 tad-deċiżjoni kkontestata).

740    Fid-dawl ta’ perijodu li matulu seħħ il-ksur mill‑1 ta’ Jannar 2000 sal‑31 ta’ Diċembru 2002 u skont il-punt 24 tal-linji gwida, il-Kummissjoni kkunsidrat koeffiċjenti moltiplikatur ta’ 3 għat-tul tal-ksur (premessi 461 u 462 tad-deċiżjoni kkontestata).

741    Sabiex tiddetermina l-ammont addizzjonali previst mill-punt 25 tal-linji gwida, il-Kummissjoni fakkret, permezz ta’ riferiment għall-punt 8.3.1.1 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-evalwazzjoni tagħha tal-fatturi msemmija iktar ’il fuq. Hija kkunsidrat li l-perċentwali li għandha tiġi applikata għall-ammont supplementari kellha tkun ta’ 15 % (premessi 463 u 464 tad-deċiżjoni kkontestata).

742    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punt 25 tal-linji gwida jipprovdi li, sabiex jiġi ddeterminat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ speċifiku, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, fosthom, b’mod partikolari, dawk imsemmija fil-punt 22 tal-linji gwida.

743    Fi tmiem dan l-ewwel stadju, il-Kummissjoni ffissat l-ammonti bażiċi li ġejjin (premessa 465 tad-deċiżjoni kkontestata):

–        EUR 208 000 000 għal Chiquita;

–        EUR 114 000 000 għal Dole;

–        EUR 49 000 000 għal Del Monte u Weichert.

744    L-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta tnaqqas, minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti, b’60 % għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tas-sistema leġiżlattiva partikolari tas-settur tal-banana u minħabba l-fatt li l-koordinazzjoni kienet tikkonċerna l-prezzijiet ta’ referenza (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata). Ingħata tnaqqis ta’ 10 %, ukoll minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti, lil Weichert, li ma kinitx informata dwar il-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel bejn Dole u Chiquita (premessa 476 tad-deċiżjoni kkontestata).

745    Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li Weichert ma kinitx ikkooperat lil hinn mill-obbligu legali tagħha li tagħmel dan u enfasizzat, f’dan ir-rigward, li r-risposti tagħha għat-talbiet għal informazzjoni, ipprovduti fit-termini mogħtija, kienu jidħlu fil-kuntest tal-obbligu tal-impriża li tikkoopera b’mod attiv, liema fatt kien jimplika li hija kellha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-informazzjoni kollha dwar l-għan tal-investigazzjoni. Il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tapplikax ir-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida, fid-dawl tal-fatt li l-ksur f’din il-kawża kien jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata).

3.     Fuq il-gravità

746    Ir-rikorrenti ssostni li, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi ġustament li r-rwol estremament limitat ta’ Weichert jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti skont il-linji gwida, madankollu hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-allegat ksur ta’ Weichert kien ta’ natura inqas gravi minn dak ta’ Dole u ta’ Chiquita meta hija ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa u ffissat l-istess ammont għat-tliet impriżi tagħha, b’kuntratt mal-ġurisprudenza, imfakkra fil-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata, u l-punti 20 sa 23 tal-linji gwida. L-iżball imwettaq mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-multa jirriżulta mill-idea żbaljata tagħha li f’dan il-każ jeżisti ksur uniku.

747    Skont l-intervenjenti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi żnaturat il-gravità tal-ksur, l-ewwel nett, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li l-prattika miftiehma kienet tikkonċerna l-iffissar tal-prezzijiet (premessa 455 tad-deċiżjoni kkontestata) filwaqt li rrikonoxxiet li “l-akkordju kien jikkonċerna l-prezzijiet tal-offerta” (premessa 456 tad-deċiżjoni kkontestata), b’kuntrast mal-prezzijiet reali, it-tieni nett, billi sostniet, mingħajr provi insostenn, li l-aġir tagħha kien ekwivalenti għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni tal-iktar natura dannuża (premessa 455 tad-deċiżjoni kkontestata), minkejja serje ta’ elementi li juru l-kontra, u, it-tielet nett, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-allegat ksur ma kkonċernax numru kbir ta’ importaturi u lanqas parti importanti tas-suq, jiġifieri 40 % sa 45 % u anki 20 % sa 30 % fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ma żżommx lilha kif ukoll lil Del Monte bħala responsabbli għall-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel bejn Chiquita u Dole.

748    Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ilment imqajjem mir-rikorrenti u t-tielet argument tal-intervenjenti msemmi iktar ’il fuq, sa fejn dan jikkonċerna l-konstatazzjoni mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku.

749    B’mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita, il-gravità ta’ ksur hija ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 43), bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom bilfors jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 241, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 68).

750    Kif ġie espost iktar ’il fuq, f’dan il-każ il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont tal-multa billi applikat il-metodu ddefinit fil-linji gwida.

751    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, għalkemm il-linji gwida ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, dawn madankollu jikkostitwixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li, f’każ partikolari, l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnha mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 54 iktar’il fuq, punt 209, u l-ġurisprudenza ċċitata).

752    Mill-punti 19 sa 26 tal-linji gwida jirriżulta li, qabel kollox, dawn tal-aħħar jipprovdu l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali, liema fatt iservi sabiex jiġi ddeterminat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ u, sussegwentement, l-ammont bażiku tal-multa.

753    Sussegwentement, il-punti 27 sa 29 tal-linji gwida jipprovdu għal aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa skont ċerti ċirkustanzi aggravanti u attenwanti, li huma partikolari għal kull impriża kkonċernata.

754    Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jikkostitwixxu t-traduzzjoni tal-ġurisprudenza li, meta jitwettaq ksur minn numru ta’ impriżi, hemm lok li tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom (sentenzi Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punt 623, u Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 296 iktar ’il fuq, punt 150; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 184), sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistux, fir-rigward tagħhom, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

755    Din il-konklużjoni tikkostitwixxi l-konsegwenza loġika tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet li impriża għandha tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li huma individwalment allegati kontriha, prinċipju li huwa applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li jista’ jwassal għal sanzjonijiet skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, fir-rigward tal-imputazzjoni ta’ multa, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 63, u Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, punt 754 iktar ’il fuq, punt 185).

756    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonformat ruħha kompletament mal-linji gwida tagħha u mal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa imposta fuq Weichert.

757    Inizjalment, il-Kummissjoni evalwat il-gravità tal-ksur, ikkunsidrata oġġettivament, u setgħet, f’dan is-sens, tieħu inkunsiderazzjoni n-natura unika ta’ ksur ibbażat fuq l-iffissar tal-prezzijiet, li jinvolvi impriżi li jirrappreżentaw kważi nofs is-settur u li jkopri tmien Stati Membri, li kienu jirrappreżentaw parti konsegwenti mill-Unjoni, fosthom il-Ġermanja, suq importanti ħafna għall-banana fl-Ewropa ta’ Fuq.

758    Hekk kif ġie espost fil-punti 590 sa 650 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-prattiki kollużorji kollha inkwistjoni kienu jikkostitwixxu ksur uniku. Dan jirriżulta mill-aġir kollettiv tal-impriżi destinatarji kollha u dawn l-impriżi kollha, inkluża dik ikkostitwita minn Weichert u mir-rikorrenti, ikkontribwew fih.

759    Madankollu huwa paċifiku li l-impriża kkostitwita minn Weichert u mir-rikorrenti ma kkontribwewx għall-akkordju globali bl-istess mod bħal ma għamlu Dole u Chiquita.

760    Huwa għalhekk li l-Kummissjoni, sussegwentement, evalwat il-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ Weichert fil-ksur billi ħadet inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, il-fatt li hija kienet ipparteċipat biss f’waħda miż-żewġ partijiet tal-akkordju, liema fatt iġġustifika l-applikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ 10 % fuq l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti.

761    B’hekk jidher li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-impriża kkostitwita minn Weichert u mir-rikorrenti kien ta’ natura inqas gravi minn dak ta’ Dole u ta’ Chiquita u għaldaqstant il-Kummissjoni ma tista’ tiġi akkużata b’ebda trattament diskriminatorju għad-detriment ta’ din l-impriża.

762    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti u tal-intervenjenti li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat l-istess ammont bażiku tal-multa għall-impriżi kollha kkonċernati minħabba l-konstatazzjoni, ukoll żbaljata, tal-eżistenza ta’ ksur uniku, għandu jiġi miċħud.

763    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-argumenti mressqa mill-intervenjenti insostenn tal-allegazzjoni tagħha li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi żnaturat il-gravità tal-ksur, imsemmija fil-punt 747 iktar ’il fuq, huma neqsin minn kull bażi u għandhom jiġu miċħuda.

764    Fir-rigward tal-fatt li l-prattika miftiehma ssanzjonata kienet tikkonċerna prezzijiet imħabbra, u mhux prezzijiet reali, liema fatt ma jwassalx sabiex jiġu ffissati prezzijiet skont l-intervenjenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan l-argument, fil-verità huwa intiż sabiex jikkontesta l-eżistenza nnifisha ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

765    Issa, hekk kif ġie espost fil-punt 585 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li l-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel, li seħħew bejn Dole u Weichert u li kienu intiżi għall-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza tal-banana, kienu jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet u taw lok għal prattka miftiehma li għandha bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

766    Sa fejn l-argument tal-intervenjenti jista’ jinftiehem bħala l-allegazzjoni ta’ gravità minuri tal-ksur minħabba l-fatt li hija kienet tikkonċerna l-prezzijiet imħabbra u mhux fuq il-prezzijiet ta’ tranżazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li, minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni għal darbtejn tat tnaqqis tal-multa lil Weichert, fosthom waħda ta’ 60 % ibbażata fuq l-eżistenza ta’ kuntest leġiżlattiv speċifiku, u l-fatt li l-akkordju kien jikkonċerna prezzijiet ta’ referenza (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata). L-importanza ta’ dan it-tnaqqis teskludi kull ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-Kummissjoni.

767    Kemm ir-rikorrenti kif ukoll l-intervenjenti ma ppreżentawx osservazzjonijiet speċifiċi la fuq il-mod li bih il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni ż-żewġ elementi msemmija iktar ’il fuq meta ġiet ikkalkolata l-multa u lanqas fuq l-ammont eżatt tal-perċentwali ta’ tnaqqis ikkunsidrat mill-Kummissjoni.

768    Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Kummissjoni qieset li l-aġir ta’ Weichert kien jammonta għall-iktar restrizzjoni tal-kompetizzjoni dannuża filwaqt li klijenti ta’ din l-impriża kienu kkonfermaw l-assenza ta’ preġudizzju, għandu jitfakkar li l-ewwel eżempju ta’ akkordju mogħti mill-Artikolu 81(1)(a) KE, iddikjarat espressament inkompatibbli mas-suq komuni huwa preċiżament dak li jikkonsisti f’“l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju”. Il-prattika li kienet is-suġġett tal-akkordju hija espressament ipprojbita mill-Artikolu 81(1) KE peress li din tikkomporta restrizzjonijiet intrinsiċi għall-kompetizzjoni fis-suq komuni.

769    L-Artikolu 81 KE jfittex, bħar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat, li jipproteġi mhux biss l-interessi diretti tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda l-istruttura tas-suq u, b’hekk, il-kompetizzjoni bħala tali. Għalhekk, il-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-għan antikompetittiv ta’ prattika miftiehma ma tistax tkun sekondarja għal dik ta’ rabta diretta tiegħu mal-prezzijiet fuq il-konsum (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 297 iktar ’il fuq, punti 38 u 39).

770    Mis-sistema ta’ sanzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif stabbilita bir-Regolamenti Nru 17 u Nru 1/2003 u interpretata mill-ġurisprudenza, jirriżulta li l-akkordji, bħalma huma l-kartelli, jistħoqqilhom, minħabba n-natura tagħhom, il-multi l-iktar iebsin. L-effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex, fih inniffsu, kriterju determinanti għad-determinazzjoni tat-tip ta’ multi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Novembru 2009, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, C‑554/08 P, Ġabra p. I‑189, punt 44).

771    Huwa fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jinqara’ l-punt 23 tal-linji gwida hekk ifformulat:

“Il-ftehim orizzontali dwar iffissar tal-prezz, it-tqassim tas-suq u l-limitazzjoni tal-produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, jgħoddu, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Skont il-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Konsegwentement, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal tali ksur għandu jiġi kkunsidrat li jinsab ’il fuq fl-iskala.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

772    Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-espressjoni “ftehim orizzontali ta’ ffissar tal-prezz, ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tinkludi l-prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE u, min-naħa l-oħra, li l-linji gwida ma jsemmu ebda teħid inkunsiderazzjoni ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ skont il-gravità tal-ksur.

773    B’mod konformi mal-punti 20 u 22 tal-linji gwida, il-Kummissjoni, f’dan il-każ, eżaminat u ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tiffissa l-imsemmi proporzjon, fatturi differenti li jikkonċernaw in-natura tal-ksur, is-sehem ta’ suq akkumulat tal-impriżi kollha, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni tal-ksur, hekk kif jirriżulta mill-premessi 454 sa 459 tad-deċiżjoni kkontestata, ħlief għal kull eżami tal-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni tal-prattika inkwistjoni.

774    B’risposta għal argument ta’ Weichert fir-rigward tan-nuqqas ta’ effett reali tal-ksur fis-suq, il-Kummissjoni, fil-fatt, ħadet il-ħsieb li tindika, fil-premessa 472 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur ġie implementat u li mill-aġir antikompetittiv “jistgħu jkunu mistennija effetti”, sa fejn “il-koordinazzjoni fl-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza kienet, min-natura tagħha, tali li jkollha effetti fuq is-suq fil-kundizzjonijiet ta’ din il-kawża”. Hekk kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni fl-istess premessa, “l-effetti reali tal-aġir jistgħu jippreżentaw interess biss fil-kuntest tal-punt 31 tal-linji gwida […] li jawtorizza lill-Kummissjoni żżid il-multa li normalment tiġi applikata sabiex jinqabeż l-ammont tal-benefiċċji illegali miksuba permezz tal-ksur”. Madankollu, huwa paċifiku li l-Kummissjoni ma applikatx din id-dispożizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

775    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment għall-ittri ta’ klijenti ta’ Weichert initiżi li juru n-nuqqas ta’ kull dannu li jirriżulta mill-aġir antikompetittiv tal-impriża kkostitwita minn din il-kumpannija u mir-rikorrenti huwa nieqes minn kull rilevanza.

776    Huwa importanti li jiġi enfasizzat li, billi kkunsidrat ammont ta’ 15 % tal-valur tal-bejgħ ta’ Weichert, il-Kummissjoni applikat proporzjon inferjuri ta’ nofs dak li jista’ ġeneralment jiġi deċiż fi ftehim orizzontali jew prattiki miftiehma ta’ ffissar tal-prezzijiet, jiġifieri 30 %. Il-punt 23 tal-linji gwida jindika b’mod ċar li l-proporzjon li għandu jiġi kkunsidrat għall-ftehim orizzontali jew prattiki miftiehma ta’ ffissar ta’ prezz jaqa’ b’mod ġenerali “’il fuq fl-iskala” [traduzzjoni mhux uffiċjali], peress li r-rata ta’ 15 % applikata mill-Kummissjoni tinsab fil-parti inferjuri tal-parti ta’ “fuq fl-iskala” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

777    Din ir-rata ta’ 15 % tal-valur tal-bejgħ ta’ Weichert ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sproporzjonata fir-rigward ta’ ksur li jikkonċerna prezzijiet, li jinvolvi impriżi li jirrappreżentaw kważi nofs is-settur u jkopru tmien Stati Membri, li kienu jirrappreżentaw parti konsegwenti tal-Unjoni, fosthom il-Ġermanja, suq importanti ħafna tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq.

778    Għalhekk l-argument tar-rikorrenti u tal-intervenjenti li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, evalwat il-kriterju tal-gravità għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi miċħud.

4.     Fuq l-ammont addizzjonali

779    L-intervenjenti ssostni li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-linji gwida tagħha għall-kalkolu tal-multi billi imponiet “ħlas”, skont il-punt 25 tal-linji gwida li jinkludi biss il-“ftehim”, kwalifika li ma ġietx aċċettata fid-deċiżjoni kkontestata.

780    Dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala li jirriżulta minn interpretazzjoni limitata u parzjali tal-linji gwida.

781    Il-punt 25 tal-linji gwida jipprovdi li l-ammont bażiku għandu jinkludi somma bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ sabiex jiddiswadi lill-impriżi milli jipparteċipaw fi “ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], espressjoni identika għal dik li tinsab fil-punt 23 tal-linji gwida, li jirreferi għan-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 2, li jispeċifika li l-kunċett ta’ ftehim jinkludi l-“prattiki miftiehma, id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81 tat-Trattat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

782    Interpretazzjoni sistematika u koerenti tal-linji gwida tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-preċiżazzjoni tan-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 2 tikkonċerna daqstant l-istess kunċett ta’ ftehim użat fil-punt 25 tal-linji gwida.

783    L-argument tal-intervenjenti, ibbażat fuq interpretazzjoni iżolata tal-punt 25 tal-linji gwida, huwa kkontestat mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni. L-ammont addizzjonali li hemm previst fih jikkostitwixxi proporzjon tal-valur tal-bejgħ tal-impriża, hekk kif iddefinit taħt it-titolu “A. Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-linji gwida, bħall-ammont deċiż skont il-gravità tal-ksur, u l-proporzjon li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jiddependi mill-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ fatturi, “b’mod partikolari dawk identifikati fil-[punt] 22”, li jikkonċernaw id-determinazzjoni tas-sehem tal-valur tal-bejgħ iffissat skont il-gravità tal-ksur.

784    Għandu jiġi enfasizzat li r-riferiment li “[i]l-Kummissjoni tista’ wkoll tapplika tali ammont addizzjonali fil-każ ta’ ksur ieħor”, li jinsab fil-punt 25 tal-linji gwida jippermetti, fi kwalunkwe każ, li jinkludi l-prattiki miftiehma fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

785    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, b’risposta għal domanda mill-Qorti Ġenerali dwar l-effett tal-kwalifika ta’ ksur uniku fuq l-ammont tal-multa, l-intervenjenti ppreżentat żewġ ilmenti relatati mal-ammont addizzjonali kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata.

786    L-ewwel nett, l-intervenjenti sostniet li ma kienx hemm iktar bażi sabiex jiġi applikat l-imsemmi ammont inkwantu ksur “bilaterali” ma jistax jiġi kkwalifikat bħala ftehim orizzontali ta’ ffissar tal-prezzijiet jew anki ta’ ksur ta’ ffissar tal-prezzijiet.

787    B’hekk l-intervenjenti terġa’ ttenni, b’mod partikolari, l-argument tar-rikorrenti żviluppat insostenn tal-kontestazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE.

788    Issa, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li l-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel bejn Dole u Weichert kienu jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet u kienu jikkostitwixxu waħda miż-żewġ partijiet tal-akkordju globali, li għalih ikkontribwixxew l-impriżi kkonċernati.

789    Għaldaqstant l-ilment imsemmi fil-punt 786 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud.

790    It-tieni nett, l-intervenjenti ssostni li ma hemmx ġustifikazzjoni sabiex jiġi impost ammont addizzjonali ta’ 15 % tal-valur tal-bejgħ. Il-fatt li tiġi imposta perċentwali minima li ma tiħux inkunsiderazzjoni ċirkustanzi speċifiċi tal-ksur imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

791    Dan l-ilment ġdid għandu jiġi ddikjarat inammissibbli peress li ma jagħmilx parti mis-suġġett tad-domanda preċiża tal-Qorti Ġenerali speċifikament dwar il-kunċett ta’ ksur uniku u l-effetti tiegħu fuq l-ammont tal-multa. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, wara li esponiet l-argument tagħha b’risposta għad-domanda tal-Qorti Ġenerali, l-intervenjenti indikat li, “anki kieku l-Qorti Ġenerali ma kellhiex tilqa’ dan l-argument”, ma kienx hemm ġustifikazzjoni sabiex jiġi impost ammont addizzjonali ta’ 15 %, fejn is-sempliċi fatt li l-linji gwida jipprovdu tali perċentwali minima ma huwiex determinanti.

792    Barra minn hekk, billi qajmet ilment ġdid fil-mori tal-kawża, l-intervenjenti marret kontra l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Dan l-ilment ma jibbbażax ruħu fuq elementi ġodda li ġew żvelati matul il-proċedura u lanqas ma jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ lment imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jippreżenta rabta stretta miegħu. Għalhekk, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il‑Kummissjoni, T‑231/99, Ġabra p. II‑2085, punti 156 u 157, ikkonfermata bid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Settembru 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, C‑204/02 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra).

793    Ulterjorment, dan l-ilment għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud, peress li huwa bbażat fuq premessa żbaljata.

794    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, skont il-punti 20 u 22 tal-linji gwida, eżaminat u ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ, skont il-grad ta’ gravità tal-ksur, diversi fatturi relatati man-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-impriżi kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni tal-ksur, kif jirriżulta mill-premessi 454 sa 459 tad-deċiżjoni kkontestata. Sabiex tiddetermina l-ammont addizzjonali previst mill-punt 25 tal-linji gwida, il-Kummissjoni rreferiet, permezz ta’ riferiment espliċitu għall-punt 8.3.1.1 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-evalwazzjoni tagħha tal-imsemmija fatturi, kif turi l-premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata.

795    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punt 25 tal-linji gwida jipprovdi li, sabiex jiġi ddeterminat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, fosthom, b’mod partikolari, dawk imsemmija fil-punt 22 tal-linji gwida.

796    B’hekk jidher li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fatturi differenti li jikkonċernaw l-aġir li jikkostitwixxi ksur inkriminat u, billi ssodisfat ruħha tallega li ma kienx hemm ġustifikazzjoni sabiex timponi ammont addizzjonali ta’ 15 %, l-intervenjenti ma tistabbilixxi ebda element tali li jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni.

5.     Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

797    Fl-ewwel lok, l-intervenjenti ssostni li t-tnaqqis ta’ 10 % mogħti mill-Kummissjoni huwa insuffiċjenti sabiex jirrifletti l-piż u r-rwol minuri tiegħu fl-allegat ksur, ikkaratterizzat b’elementi differenti: l-ewwel nett, ipparagunati mal-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel bejn Chiquita u Dole, dawk bejn Dole u hija stess huma ta’ importanza minima hekk kif jirriżulta mill-premessi 76 et seq, 93 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni nett, hija kellha rwol passiv ġaladarba kien kważi dejjem impjegat ta’ Dole li kien jagħmel kuntatt magħha u, it-tielet nett, il-Kummissjoni ma tqishiex flimkien ma’ Del Monte bħala responsabbli mill-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel bejn Chiquita u Dole.

798    Ir-rikorrenti teċċepixxi wkoll intensità u frekwenza kunsiderevolment inqas għolja tal-kuntatti ta’ pprezzar minn qabel bejn Weichert u Dole, meta mqabbla ma’ dawk li eżistew bejn Dole u Chiquita.

799    Għandu jiġi rrilevat li, skont it-tielet inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida, sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti, l-impriża kkonċernata għandha “tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment imnaqqsa” u “turi li, fil-perijodu li matulu hija aderixxiet mal-ftehim li jikkostitwixxi ksur, hija effettivament qagħdet lura milli tapplikah billi adottat aġir kompetittiv fis-suq”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

800    Is-sempliċi fatt li Weichert setgħet kellha rwol minuri jew passiv ma huwiex tali li juri li din l-impriża kellha aġir kompetittiv fis-suq. Għaldaqstant il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida ma humiex sodisfatti f’dan il-każ.

801    Din il-konklużjoni ma tfissirx li r-rwol minuri jew passiv ta’ Weichert, jekk jitqies li huwa minnu, ma jistax jagħti lok għal tnaqqis tal-ammont tal-multa. Il-lista ta’ ċirkustanzi msemmija fil-punt 29 tal-linji gwida hija, fil-fatt, indikattiva biss, bħal ma jikkonferma l-użu tal-espressjoni “bħal” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, il-marġni diskrezzjonali tal-Kummissjoni u l-limiti li hija ġabet magħha ma jippreġudikawx l-eżerċizzju, mill-qorti tal-Unjoni, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 226 u 227, ikkonfermata fuq appell bis-sentenza Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq).

802    Skont ġurisprudenza stabbilita, rwol passiv jimplika l-adozzjoni mill-impriża kkonċernata ta’ “profil baxx”, jiġifieri assenza ta’ parteċipazzjoni attiva fl-elaborazzjoni tal-ftehim antikompetittivi (sentenzi Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, punt 754 iktar ’il fuq, punt 167, u tat‑8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 749 iktar ’il fuq, punt 163, ikkonfermata fuq appell permezz tas-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2009, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 770 iktar ’il fuq).

803    Fost l-elementi li jistgħu juru r-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni kemm in-natura sinjifikattivament iktar sporadika tal‑parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla mal-membri komuni tal-akkordju, kif ukoll il-fatt li daħlet tard fis-suq li kien is‑suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal‑parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur, jew saħansitra mill-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet espliċiti f’dan is-sens magħmula mir-rappreżentanti ta’ impriżi terzi li pparteċipaw fil-ksur (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 749 iktar ’il fuq, punt 164, u l-ġurisprudenza ċċitata).

804    Qabel kollox, l-intervenjenti ssostni li mill-premessi 93 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-komunikazzjonijiet bejn B., impjegat ta’ Chiquita, u H., impjegat ta’ Dole, kienu jikkostitwixxu l-assi ċentrali tal-ksur. Dan l-argument huwa nieqes minn rilevanza inkwantu l-premessi ċċitati jikkonċernaw biss it-tul tal-ksur, li kien ikopri l-istess perijodu fir-rigward ta’ Dole u Weichert, mill‑1 ta’ Jannar 2000 sal‑31 ta’ Diċembru 2002, fejn il-perijodu li matulu seħħ il-ksur intemm xahar qabel fir-rigward ta’ Chiquita.

805    Sussegwentement, Weichert u Del Monte jallegaw li kienet teżisti frekwenza ikbar tal-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel bejn Chiquita u Dole meta mqabbla ma’ dawk li saru ma’ Dole.

806    L-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultawx minn frekwenza tal-komunikazzjonijiet bejn Dole u Chiquita sinjifikattivament ogħla minn dik tal-komunikazzjonijiet bejn Dole u Weichert.

807    Skont id-data telefonika li tikkonċerna l-komunikazzjonijiet minn Chiquita lejn Dole, nhar ta’ Erbgħa saru 55 komunikazzjoni bejn Chiquita u Dole (premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata), nhar ta’ Ħamis 53 komunikazzjoni (premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata) u Dole tqis li l-ġimgħat li matulhom il-partijiet ikkomunikaw ġimgħa nhar ta’ Erbgħa u Gimgħa nhar ta’ Ħamis filgħodu huma 20 (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, Dole evalwat madwar għoxrin darba fis-sena l-frekwenza tal-komunikazzjonijiet, li naqsu lejn tmiem il-perijodu kkonċernat (premessa 79 tad-deċiżjoni).

808    Fir-rigward tal-komunikazzjonijiet bejn Dole u Weichert, li għalihom ma hi disponibbli ebda data telefonika, Dole indikat qabel kollox, fir-risposta tagħha għat-talbiet għal informazzjoni, li kkomunikat ma’ Weichert “kważi kull ġimgħa”, jiġifieri madwar erbgħin ġimgħa fis-sena, qabel ma sostniet, fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li “l-iskambju dwar il-kundizzjonijiet tas-suq kien iseħħ madwar ġimgħa fuq tnejn minħabba ċaqlieq jew impenji oħra”, liema raġuni diġà ngħatat fir-risposta għal talbiet għal informazzjoni sabiex jiġi ġġustifikat in-numru ta’ komunikazzjonijiet allegat (premessi 87 u 88 tad-deċiżjoni kkontestata).

809    Fir-risposta tagħha għal talba għal informazzjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2006, Weichert iddikjarat li l-komunikazzjonijiet ma’ Dole ma kinux iseħħu kull nhar ta’ Erbgħa, iżda f’medja ta’ darba jew darbtejn fix-xahar. Meta ġiet mistoqsija, fil‑5 ta’ Frar 2007, mill-Kummissjoni sabiex tispeċifika numru ta’ ġimgħat fis-sena, Weichert sostniet li l-impjegati kienu kkomunikaw ma’ Dole għal madwar 20 sa 25 ġimgħa fis-sena (premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata).

810    Sussegwentement Weichert sostniet, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-kuntatti ma’ Dole kienu seħħew “bħala medja mhux iktar minn darba jew darbtejn fix-xahar”, mingħajr ma ssemmi espliċitament l-istima ta’ kull ġimgħa inizjali, liema fatt wassal lill-Kummissjoni tikkunsidra frekwenza ta’ madwar 20 sa 25 ġimgħa fix-xahar, kompatibbli mad-dikjarazzjonijiet ta’ Dole (premessi 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

811    Għalkemm huwa minnu li d-data biċ-ċifri li tikkonċerna l-kuntatti bejn Dole u Chiquita ma tiħux inkunsiderazzjoni l-komunikazzjonijiet tal-ewwel impriża indirizzati lejn it-tieni waħda, fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, tikkonkludi li l-komunikazzjonijiet bilaterali bejn Dole u Weichert kienu jikkostitwixxu, fid-dawl tan-numru u tal-koerenza tagħhom, skema stabbilita ta’ ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni li għaliha l-impriżi kellhom rikors skont il-ħtiġijiet tagħhom, bħalma seħħ bejn Dole u Chiquita.

812    Fl-aħħar nett, l-intervenjenti ssostni li kważi ta’ kuljum impjegat ta’ Dole kien iċemplilha, u tirreferi, fuq dan il-punt, għad-dikjarazzjonijiet tagħha b’risposta għal talba għal informazzjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2006.

813    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li Dole ddikjarat matul il-proċedura amministrattiva li l-komunikazzjonijiet kienu magħmula jew minnha stess, jew minn Weichert (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, Weichert ma tallegax, la a fortiori ma tiġġustifika, li rrifjutat kuntratt wieħed ma’ Dole l-Erbgħa waranofsinhar u lanqas li interrompiet, matul it-tliet snin tal-perijodu li matulu seħħ il-ksur, il-komunikazzjonijiet tagħha mal-imsemmija impriża. B’hekk jidher li Weichert impenjat ruħha bis-sħiħ, matul tliet snin, f’kuntratti kollużorji ma’ Dole, liema fatt ma huwiex kompatibbli mat-teżi ta’ rwol passiv.

814    Jibqa’ l-fatt li huwa paċifiku li Weichert ipparteċipat biss f’parti waħda mill-akkordju globali, liema fatt iġġustifika l-għoti ta’ tnaqqis ta’ 10 % applikat fuq l-ammont bażiku tal-multa.

815    Hekk kif isostnu r-rikorrenti u l-intervenjenti, dan it-tnaqqis u l-ammont tal-multa li tirriżulta ma jirriflettix b’mod adegwat il-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ Weichert fl-akkordju u b’hekk, imorru kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

816    Il-kontribut ta’ Weichert fl-akkordju globali permezz tal-komunikazzjonijiet bilaterali ta’ pprezzar minn qabel tagħha ma’ Dole kien jippreżenta dannu minimu għall-kompetizzjoni meta mqabbel ma’ dak ta’ Dole u ta’ Chiquita fir-rigward tas-setgħa ekonomika ta’ din l-aħħar impriża. Hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, Chiquita hija l-ikbar fornitur ta’ banana fl-Ewropa u l-valur tal-bejgħ ta’ banana friska magħmul fl-2001 ġie stmat għal EUR 365 800 000, ċifra riveduta għal EUR 347 631 700 wara t-tnaqqis tal-ammont tal-banana mixtrija mingħand destinatarji oħra tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 451 sa 453 tad-deċiżjoni kkontestata).

817    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li l-ammont li għandu jiġi applikat fuq l-ammont bażiku tal-multa għall-finijiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni approprjata tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ Weichert għall-akkordju globali għandu jitnaqqas għal 20 %.

818    Min-naħa l-oħra, hemm lok li tiġi eskluża l-allegazzjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni doppja mill-fatt li Weichert ma kellhiex għarfien tal-komunikazzjonijiet illegali bejn Dole u Chiquita, permezz ta’ tnaqqis tar-rata ta’ 15 % applikata għad-determinazzjoni tas-sehem mill-bejgħ, flimkien ma’ tnaqqis tal-ammont bażiku mogħti skont ċirkustanzi attenwanti, liema fatt jirrappreżenta vantaġġ sproporzjonat għal Weichert.

819    Fit-tieni lok, l-intervenjenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi tagħha meta hija ħasbet li l-aġir inkwistjoni kien illegali. Hija qasmet mal-klijenti tagħha, mal-Kummissjoni u ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra, bħall-FAO, informazzjoni dwar il-prezzijiet uffiċjali u informazzjoni oħra dwar is-suq. Hija tindika li ma kienx hemm raġuni sabiex tagħmel distinzjoni bejn il-komunikazzjonijiet differenti li kienu jseħħu nhar ta’ Tlieta, nhar ta’ Erbgħa jew nhar ta’ Ħamis, fejn il-Kummissjoni kienet tikkunsidra hija stess dawn il-komunikazzjonijiet, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bħala “netwerk” indistingwibbli ta’ “ftehim bilaterali kumpless”.

820    Għandu jitfakkar li l-aħħar inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida jipprovdi li, “[l-]ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas [...] meta l-aġir antikompetittiv ikun ġie awtorizzat jew inkoraġġut mill-awtoritajiet pubbliċi jew il-leġiżlazzjoni”.

821    Sa fejn l-argument tal-intervenjenti huwa intiż sabiex jinkiseb tnaqqis tal-multa abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ma ġewx sodisfatti.

822    Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, l-intervenjenti tieħu ħsieb tagħmel riferiment għall-punt 244 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li fiha hija tinvoka li ġabret l-informazzjoni dwar il-kunsinni ta’ banana b’vantaġġ għal delegazzjoni tal-gvern Ġermaniż u tal-FAO. Fiha ma tissemmhiex il-Kummissjoni bħala destinatarja u lanqas ma tissemma t-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ referenza.

823    Weichert ma tistabbilixxi ebda prova konkreta u objettiva li turi li l-Kummissjoni, jew istituzzjoni pubblika oħra, kellha, minn naħa, għarfien tal-prezzijiet ta’ referenza tagħha u tal-kundizzjonijiet li fihom dawn ġew iffissati mill‑2000 sal‑2002 u, min-naħa l-oħra, awtorizzat jew inkoraġġiet l-aġir antikompetittiv billi ppressjediet l-iffissar tagħhom.

824    Sa fejn l-argument tal-intervenjenti jista’ jinftiehem bħala l-affermazzjoni ta’ nuqqas ta’ kuxjenza li qed jinkiser l-Artikolu 81 KE inkwantu l-akkordju ma kienx sigriet, għandu jitfakkar li, fil-verżjoni preċedenti tal-linji gwida, kienet prevista l-possibbiltà li jingħata tnaqqis fil-multa bħala ċirkustanzi attenwanti minħabba l-eżistenza ta’ “dubju raġonevoli tal-impriża fuq in-natura ta’ ksur tal-aġir restrittiv”.

825    Il-fatt li dan l-aħħar riferiment ma jinsabx iżjed fil-linji gwida ma jfissirx li ċ-ċirkustanza msemmija ma tistax tagħti iżjed lok għall-għoti ta’ tnaqqis tal-multa minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti.

826    Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, l-intervenjenti tirreferi għal ittri ta’ klijenti fejn ġie kkonstatat (ara l-punt 341 iktar ’il fuq) li huma ma jippreżentawx, minn naħa, il-garanziji kollha ta’ oġġettività meħtieġa u, min-naħa l-oħra, is-saħħa probatorja suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-akkordju kien pubblikament magħruf kollu kemm hu (sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, punt 801 iktar ’il fuq, punt 506, ikkonfermata taħt appell permezz tas-sentenza Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punt 241).

827    Li kieku kellu jitqies li l-argument tal-intervenjenti jinkludi l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li d-dritt li wieħed jinvoka dan il-prinċipju huwa estiż għal kull indivdwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni ħolqot fih tamiet ġustifikati [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs Il‑Kummissjoni, 265/85, Ġabra p. 1155, punt 44, u tas‑26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il‑Kummissjoni, C‑152/88, Ġabra p. I‑153, punt 26]. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li tkun tatha l-amministrazzjoni, bl-ebda mod ma jista’ jiġi invokat ksur ta’ dan il-prinċipju (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast u Cofra vs Il‑Kummissjoni, C‑67/09 P, Ġabra p. I‑9811, punt 71, u tal-Qorti Ġenerali tat‑18 ta’ Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il‑Kummissjoni, T‑290/97, Ġabra p. II‑15, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

828    F’dan il-każ, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li Weichert ma pprovdiet ebda element konkret u oġġettiv tali li jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi mill-Kummissjoni dwar il-legalità tal-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel ma’ Dole. Is-sempliċi allegazzjonijiet impreċiżi u mhux issostanzjati ta’ tixrid ta’ informazzjoni ta’ Weichert mal-Kummissjoni dwar il-prezzijiet uffiċjali u l-kunsinni ta’ banana huma, f’dan ir-rigward, nieqsa minn saħħa probatorja.

829    Fl-aħħar nett, il-kunsiderazzjonijiet tal-intervenjenti dwar in-natura allegatament indistingwibbli tat-tipi differenti ta’ kuntratti kollużorji, ikkontestati mill-portata tal-punt 429 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara l-punt 709 iktar ’il fuq), huma nieqsa minn kull rilevanza peress li ma humiex tali li jiġġustifikaw il-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti taħt wieħed mit-tliet punti bażiċi msemmija iktar ’il fuq.

830    B’hekk ebda ċirkustanza attenwanti, minbarra dawk aċċettati mill-Kummissjoni u inkrementata għal waħda minn fosthom mill-Qorti Ġenerali, ma tista’ tiġi rrikonoxxuta favur Weichert.

6.     Fuq il-kooperazzjoni

831    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u l-linji gwida tagħha fejn b’hekk ċaħħdet lil Weichert mill-vantaġġi li jirriżultaw mill-kooperazzjoni li hija pprovdiet. Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-aspettattivi leġittimi ta’ Weichert.

832    Ir-rikorrenti, sostnuta mill-intervenjenti, issostni li ma huwiex preċiż li jiġi sostnut li din tal-aħħar effettivament ma kkooperatx lil hinn mill-obbligu legali tagħha, sa fejn hija rrispondiet għal talbiet għal informazzjoni intiżi li jiksbu dikjarazzjonijiet awto-inkriminanti. Ir-rikorrenti tenfasizza li Weichert lanqas ma kkontestat realment il-fatti u li l-kontribut tagħha għaldaqstant mar lil hinn mill-“kuntest tal-obbligu tal-impriża li tikkoopera attivament”.

833    Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żball billi sostniet li l-allegat ksur kien jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u li, konsegwentement, hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-portata tal-kooperazzjoni tagħha u dik ta’ Weichert bħala ċirkustanza attenwanti, fejn it-talba turi li l-iskambji inkwistjoni ma kinux jikkorrispondu għal iffissar tal-prezzijiet. Il-Kummissjoni wettqet ukoll żball billi ma eżaminatx jekk il-kooperazzjoni pprovduta kinitx tagħti valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, liema eżami hija kienet għamlet f’deċiżjoni preċedenti għal impriża li ma fformulatx talba abbażi ta’ din il-komunikazzjoni.

834    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar il-kliem tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, li huwa fformulat b’dan il-mod:

“1. Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew ta’ deċiżjoni, tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja.

2. Meta tintbagħat talba sempliċi għall-informazzjoni li xi impriża jew assoċjazzjoni ta’ l-impriża, il-Kummissjoni ħa ssemmi il-bażi legali u ir-raġuni għat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi rikjesta u twaħħal limitu ta’ ħin li fih l-informazzjoni għandha tiġi provduta, u il-pieni previsti mil-Artikolu 23 għal-fornitura inkorretta jew informazzjoni qarrieqa.

3. Fejn il-Kummissjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża biex tiffornixxi informazzjoni b’deċiżjoni, hi ħa tiddikjara il-bażi legali u ir-raguni għat-talba, tispeċifika liema inofrmazzjoni hi rikjesta u twaħħal il-limitu ta’ ħin li fiħ irrid jiġi provduta. Hi ħa tindika ukoll il-pieni previsti mil-Artikolu 23 u tindika jew timponi il-pieni previsti mil-Artikolu 24. Hi ħa tindika ukoll id-dritt ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja.

4. Is-sidien tal-impriża jew ir-rappreżentanti tagħhom u, f’każ ta’ persuni legali, kumpanniji jew ditta, jew assoċjazzjoni li ma għandha l-ebda personalità legali, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom bil-liġi jew konstizjunalment ħa jiffornixxu l-informazzjoni mitluba f’isem l-impriża jew l-assoċjazzjoni tal-impriża kunċernata. L-avukati awtorizzati li jagixxu jistgħu jiffornixxu l-informazzjoni f’isem il-klienti tagħhom. Dan ta’ l-aħħar ħa jibqgħu reponsabbli bis-sħieħ jekk l-informazzjoni mogħtija tkun inkompluta, inkorretta jew qarrieqa.

[…]”

835    It-talbiet għal informazzjoni kienu preċedentement irregolati mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, li diġà kien jipprovdi distinzjoni bejn it-talba għal informazzjoni u d-deċiżjoni dwar talba għal informazzjoni. Il-ġurisprudenza dwar din id-dispożizzjoni u li tispeċifika s-setgħat tal-Kummissjoni sabiex tifformola tali talbiet hija applikabbli b’analoġija għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003.

836    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, għalkemm sabiex tippreżerva l-effettività tal-Artikolu 18(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha dritt tobbliga impriża tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja dwar fatti li hija setgħet kellha għarfien dwarhom u tikkomunikalha, fejn ikun meħtieġ, id-dokumenti relatati magħhom li huma fil-pussess tagħha, anki jekk dawn jistgħu iservu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv fir-rigward tagħha jew fir-rigward ta’ impriża oħra, madankollu hija ma tistax, permezz ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni, tippreġudika d-drittijiet tad-difiża rikonoxxuti lill-impriża (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il‑Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. 3283, punt 34, u Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punt 271). B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax timponi fuq l-impriża l-obbligu li tipprovdi risposti li bihom hija tkun qed tammetti l-eżistenza tal-ksur li l-prova tiegħu għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni (sentenza Orkem vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

837    Filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, il-premessa 23 tar-Regolament Nru 1/2003 tippreċiża li, “[m]eta qed [jaqblu] ma’ deċiżjoni tal-Kummissjoni” l-impriżi ma jistgħux jiġu kostretti jammettu li huma wettqu ksur, iżda f’kull każ għandhom l-obbligu jirrispondu domandi fattwali u li jipproduċu dokumenti, anki jekk din l-informazzjoni tista’ sservi sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fir-rigward tagħhom jew fir-rigward ta’ impriża oħra.

838    F’dan il-każ, huwa paċifiku li t-talbiet għal informazzjoni indirizzati, b’mod partikolari, lil Weichert matul l-investigazzjoni kienu saru abbażi tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata) u li għaldaqstant dawn ma humiex deċiżjonijiet ta’ talbiet għal informazzjoni, li jaqgħu taħt l-Artikolu 18(3).

839    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti u l-intervenjenti ma jistgħux utilment jinvokaw il-fatt li, fid-dawl tal-portata tad-domandi tal-Kummissjoni u tar-risposti pprovduti minn Weichert, din tal-aħħar marret lil hinn mill-obbligu legali ta’ kooperazzjoni billi inkriminat lilha nnifisha.

840    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi evalwat jekk il-kollaborazzjoni volontarja ta’ Weichert tistax tiġġustifika tnaqqis tal-multa fir-rigward tal-kliem tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, hekk kif issostni r-rikorrenti.

841    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi u tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mid-dipartimenti tagħha. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet fattwali kumplessi, bħal dawk li jirrigwardaw il-kooperazzjoni rispettiva ta’ dawn l-impriżi (sentenza SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, punt 749 iktar ’il fuq, punt 81, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il‑Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra p. II‑1443, punt 219).

842    It-tnaqqis tal-ammont tal-multi fil-każ ta’ kooperazzjoni tal-impriżi li jipparteċipaw fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li kooperazzjoni bħal din tiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, u jekk ikun il-każ, ittemmu (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 285 iktar ’il fuq, punt 399 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Finnboard vs Il‑Kummissjoni, T‑338/94, Ġabra p. II‑1617, punt 363), fejn l-aġir tal-impriża għandu wkoll jixhed intenzjoni vera ta’ kooperazzjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punti 395 u 396). Fid-dawl tar-ratio tat-tnaqqis, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-utilità tal-informazzjoni pprovduta, li neċessarjament tiddependi fuq il-provi li diġà huma fil-pussess tagħha (sentenza Gütermann u Zwicky vs Il‑Kummissjoni, punt 841 iktar ’il fuq, punt 221).

843    Fil-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni speċifikat il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha dwar akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħha.

844    F’dan it-tieni każ inkwistjoni, l-impriżi kkonċernati għandhom, għal dan il-għan, jipproduċu lill-Kummissjoni provi tal-ksur preżunt li jagħtu valur sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni u jtemmu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-preżunta attività illegali sa mhux iktar tard mill-mument fejn huma jipprovdu dawn il-provi (punt 21 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni).

845    Il-Kummissjoni indikat, fir-risposta, li l-informazzjoni pprovduta minn Weichert ma kinitx tat valur miżjud sinjifikattiv, peress li hija diġà kellha informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel bejn Weichert u Dole sa mill-bidu, fejn Chiquita indikat li Dole informatha dwar l-iżvilupp mistenni tal-prezzijiet għall-banana tat-trade mark Del Monte, li kienet ikkummerċjalizzata minn Weichert.

846    Għalkemm, fid-dikjarazzjoni inkwistjoni, Chiquita effettivament indikat li Dole kienet, “xi drabi”, għamlet riferiment fil-konverżazzjonijiet tagħhom għall-prezz ta’ Del Monte, hija speċifikat li tali prezz ma kienx importanti għaliha, peress li, f’dak iż-żmien, il-prezzijiet ta’ Dole u ta’ Del Monte kienu għadhom identiċi ta’ kull ġimgħa.

847    Minbarra l-valur probatorju intrinsiku relattivament dgħajjef tal-informazzjoni ta’ Chiquita fir-rigward tal-eżistenza ta’ prattika kollużorja bejn Dole u Weichert, il-preċiżazzjoni pprovduta minn Chiquita setgħet ukoll tagħti lil wieħed x’jifhem li Weichert kienet issodisfat ruħha li tadotta aġir ta’ dixxiplu fir-rigward tal-politika ta’ pprezzar ta’ Dole.

848    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilixxiet ebda prova tali li turi l-għarfien tagħha, meta indirizzat it-talba tagħha għal informazzjoni lil Weichert, dwar in-natura antikompetittiva tal-kuntatti bilaterali ma’ Dole, fejn huwa osservat li, b’mod sintomatiku, il-Kummissjoni evolviet fil-pożizzjoni tagħha u sostniet, fil-kontroreplika, li hija diġà kienet taf bin-natura antikompetittiva “eventwali” tal-komunikazzjonijiet bejn Dole u Weichert meta ntbagħtu t-talbiet għal informazzjoni.

849    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tenfasizza, ġustament, li fis‑6 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni informat ruħha, l-ewwel darba, dwar il-kuntatti ta’ Weichert ma’ Dole u staqsiet lill-ewwel impriża “liema kienu s-suġġetti diskussi abitwalment”, fejn Weichert wieġbet li hija “kienet titkellem ukoll xi drabi ma’ Dole nhar ta’ Erbgħa waranofsinjar fir-rigward tal-‘prezzijiet uffiċjali’”. Il-Kummissjoni bagħtet lil Weichert talba oħra għal informazzjoni fil‑15 ta’ Diċembru 2006, bil-mistoqsija li ġejja: “Jekk jogħġbok spjega dak li trid tfisser b’‘tkellem ma’ Dole nhar ta’ Erbgħa waranofsinhar fir-rigward tal-prezzijiet uffiċjali.’” Weichert wieġbet kif ġej: “F’ċerti okkażżjonijiet, Dole kienet tikkomunika ma’ Weichert nhar ta’ Erbgħa għal qsim ta’ opinjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ġenerali prevalenti fis-suq u f’ċerti każijiet rari, ukoll dwar l-iżvilupp possibbli tal-prezzijiet uffiċjali qabel il-komunikazzjoni tal-prezzijiet uffiċjali.”

850    Huwa paċifiku li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-risposta ta’ Weichert sabiex tikkonkludi li kienu jeżistu komunikazzjonijiet bilaterali ta’ pprezzar minn qabel bejn Weichert u Dole kif ukoll prattika miftiehma b’għan antikompetittiv (ara l-premessi 189, 191, 193, 196, 266 u 298 tad-deċiżjoni kkontestata).

851    Skont il-punt 22 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-kunċett ta’ valur miżjud jirreferi għal kemm il-provi prodotti jsaħħu, min-natura tagħhom stess jew mil-livell ta’ preċiżjoni tagħhom, il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni.

852    L-informazzjoni pprovduta minn Weichert, li torbot direttament mal-fatti inkwistjoni, għandha importanza partikolari fil-kuntest ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur permezz ta’ skambji ta’ informazzjoni magħmula fuq bażi bilaterali u orali, fejn l-impriżi kkonċernati, barra minn hekk, ma kkomunikaw la noti u lanqas rendikonti ta’ dawn il-komunikazzjonijiet. Il-portata, l-iskeda u l-frekwenza tal-komunikazzjonijiet bejn Dole u Weichert jirriżultaw biss mid-dikjarazzjonijiet tal-impriżi.

853    Tali sitwazzjoni tiġġustifika l-għoti, minħabba l-kooperazzjoni ta’ Weichert matul il-proċedura amministrattiva, ta’ tnaqqis ta’ multa fejn hija l-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li tiffissa l-quantum approprjat.

854    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li hija l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-metodu espost fil-linji gwida u fil-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u, fil-każ fejn hija jkollha tikkonstata li hija ma użatx dan il-metodu, għandha tivverifika jekk in-nuqqas ta’ użu ta’ dan il-metodu huwiex legalment ġustifikat u mmotivat suffiċjentement skont il-liġi. Madankollu, il-marġni diskrezzjonali tal-Kummissjoni u l-limiti għal din il-marġni ma jippreġudikawx l-eżerċizzju, mill-qorti tal-Unjoni, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, punt 801 iktar ’il fuq, punti 226 u 227, ikkonfermata fuq appell permezz tas-sentenza Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq).

855    Għalkemm l-informazzjoni pprovduta minn Weichert mingħajr ebda dubju ppermettiet lill-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur b’inqas diffikultajiet, l-importanza tal-kooperazzjoni ta’ Weichert għandha madankollu tiġi relativizzata fir-rigward ta’ pożizzjoni kontinwa ta’ ċaħda ta’ kull ksur matul il-proċedura amministrattiva.

856    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li Weichert tingħata tnaqqis ta’ 10 % mill-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva.

857    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-pretensjoni fformulata taħt in-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti, għandu jiġi osservat li l-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma tipprovdix espressament, b’differenza tal-verżjoni preċedenti tal‑1996, tnaqqis tal-multa fil-każ ta’ sempliċi nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Din il-konstatazzjoni assolutament ma teskludix li tali ċirkustanza tista’ tagħti lok għal tnaqqis tal-multa minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ Weichert.

858    Hekk kif ġie espost fil-punt 854 iktar ’il fuq, il-marġni diskrezzjonali tal-Kummissjoni u l-limiti għal din il-marġni ma jippreġudikawx l-eżerċizzju, mill-qorti tal-Unjoni, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

859    Għandu jiġi enfasizzat li sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti, impriża għandha espliċitament tinforma lill-Kummissjoni li hija ma għandhiex l-intenzjoni tikkontesta l-materjalità tal-fatti, wara li tkun ħadet konjizzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren‑Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 303, ikkonfermata fuq appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Jannar 2007, Salzgitter Mannesmann vs Il‑Kummissjoni, C‑411/04 P, Ġabra p. I‑959, punt 71), liema fatt lanqas ma huwa allegat fir-rigward ta’ Weichert.

860    F’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement tallega li Weichert lanqas ma kkontestat “realment” il-fatti, formulazzjoni li tfisser, waħedha, in-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-allegazzjoni. Hija ma tiżviluppa ebda argument intiż li jipprova b’mod konkret li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti allegata ppermettiet lill-Kummissjoni tidentifika u tissanzjona iktar faċilment il-ksur u li din l-għajnuna għaldaqstant kienet tagħti valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni.

861    Ir-rikorrenti tirreferi, barra minn hekk, għad-Deċiżjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2005 fil-Każ COMP/C.38.281/B.2 — Tabakk mhux maħdum — l-Italja, li fiha l-Kummissjoni tat lil impriża, minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti, tnaqqis ta’ 50 % mill-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni effettiva tagħha barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, fejn skont hi din is-soluzzjoni għandha tiġi applikata lil Weichert li pprovdiet lill-Kummissjoni bi “provi konklussivi sabiex jiġu ddeterminati l-oġġezzjonijiet”.

862    Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra huma ta’ natura indikattiva f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni (sentenza JCB Service vs Il‑Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punt 205). Fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u hija ma hijiex marbuta mal-evalwazzjonijiet li tkun għamlet preċedentement. Għalhekk ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-politika deċiżjonali tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Komunitarja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 82, u Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punt 123).

863    Din il-konklużjoni hija dovuta wkoll fir-rigward tal-pretensjoni ta’ tnaqqis tal-multa bbażata fuq l-għoti mill-Kummissjoni, f’deċiżjonijiet oħra, ta’ tnaqqis minħabba “ċirkustanzi eċċezzjonali”. Is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tat, fil-prassi deċiżjonali tagħha, ċerta rata ta’ tnaqqis għal aġir partikolari ma jimplikax li hija għandha l-obbligu li tagħti l-istess tnaqqis proporzjonali meta tevalwa aġir simili fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ulterjuri. Fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali li tippermettilha f’kull mument tgħolli l-livell ġenerali tal-multi, fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punti 190 u 191).

864    Barra minn hekk għandu jiġi osservat li l-ksur ikkonstatat f’din id-deċiżjoni kkontestata taqa’ effettivament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li tikkonċerna l-akkordji sigrieti li jikkonsistu f’li jiġu ffissati prezzijiet, kwoti ta’ produzzjoni jew ta’ bejgħ u f’li jinqasmu s-swieq, inkluż permezz ta’ irregolaritajiet fis-sejħa għal offerti, jew ulterjorment ir-restrizzjoni tal-importazzjonijiet jew tal-esportazzjonijiet. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax validament tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-livell ta’ kooperazzjoni ta’ Weichert bħala ċirkustanza attenwanti, barra mill-kuntest ġuridiku tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punti 609 u 610, ikkonfermata fuq appell, b’mod partikolari fuq dan il-punt, permezz tas-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punti 380 sa 382, u s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 586).

865    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li din il-kawża turi li l-impriżi li jiddefendu ruħhom leġittimament billi jsostnu li l-prattiki kkonstatati mill-Kummissjoni ma jiksrux l-Artikolu 81 KE jinsabu f’pożizzjoni inqas favorevoli minn dik tal-impriżi involuti fil-prattiki li jikkostitwixxu manifestament ksur gravi, fejn tal-ewwel ma jistgħux jibbenefikaw minn tnaqqis la skont din il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, inkwantu huma jsostnu li l-aġir tagħhom huwa legali, u lanqas skont il-linji gwida, inkwantu l-Kummissjoni mid-dehra tqis li l-aġir tagħhom jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni msemmija iktar ’il fuq.

866    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali u ftit espliċiti ma humiex tali li jiżvelaw il-ksur ta’ dispożizzjoni kwalunkwe, u tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 b’mod partikolari, u lanqas ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt li jiġġustifika illegalità tad-deċiżjoni kkontestata u tnaqqis tal-ammont tal-multa. Hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, is-sempliċi paragun li jagħmel sens fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 81 KE huwa dak bejn l-entitajiet li jikkooperaw b’mod volontarju u l-impriżi li jibqgħu lura minn kull kooperazzjoni, fejn tal-aħħar ma jistgħux jallegaw li jinsabu fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ tal-ewwel.

7.     Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

867    L-intervenjenti ssostni li l-Kummissjoni tat immunità lil Chiquita għal aġir li ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-komunikazzjoni dwar il-klemenza, fejn l-imsemmi aġir ma huwiex sigriet. Hija tindika li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jirrikjedi li, meta n-nuqqas ta’ ugwaljanza ma jkunx jista’ jiġi korrett permezz taż-żieda tal-livell inġustament ftit għoli ta’ multa imposta lil parti, l-uniku rimedju jkun li jitnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuq il-parti l-oħra sabiex jintlaħaq l-istess livell. Il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi għalqet l-investigazzjoni li tikkonċerna Fyffes mingħajr ma imponiet multa, bl-oppost tat-trattament irriżervat lil Del Monte u lil Weichert għall-istess aġir.

868    Dan l-argument għandu jiġi miċħud peress li huwa nieqes minn kull bażi legali.

869    Minn naħa, l-istess argument jistrieħ fuq premessa li ma ġietx ipprovata li tikkonċerna n-nuqqas ta’ natura sigrieta tal-akkordju. Barra minn hekk, anki li kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni indebitament tat immunità minn multa lil Chiquita għal applikazzjoni inkorretta tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, għandu jitfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tikkonċilja ruħha mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, skont liema ħadd ma jista’ jinvoka, favurih, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 134/84, Ġabra p. 2225, punt 14; sentenza SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punt 160, ikkonfermata fuq appell permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101; u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 367).

870    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, peress li impriża, bl-aġir tagħha kisret l-Artikolu 81 KE, hija ma tistax taħrab minn kwalunkwe sanzjoni minħabba li operatur jew żewġ operaturi ekonomiċi oħra ma ngħatawx multa, meta l-Qorti Ġenerali ma jkollhiex tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni tal-imsemmija operaturi (sentenza Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, punt 297 iktar ’il fuq, punt 197, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Diċembru 1996, Van Megen Sports vs Il‑Kummissjoni, T‑49/95, Ġabra p. II‑1799, punt 56), li huwa l-każ ta’ Fyffes, li ma hijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant ma ġietx issanzjonata.

 Fuq it-talba tal-Kummissjoni għaż-żieda tal-multa

871    Fil-kuntest tal-argument tagħha b’risposta għal dak tar-rikorrenti dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ Weichert, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali żżid l-ammont tal-multa billi tevalwa mill-ġdid it-tnaqqis mogħti minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti bbażati fuq il-qafas ġuridiku speċifiku tas-settur tal-banana fi żmien il-fatt u minħabba l-fatt li l-kuntatti kollużorji kienu jikkonċernaw prezzijiet ta’ referenza (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata). Din it-talba hija ġustifikata permezz ta’ dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, waqt il-proċedura amministrattiva, fir-rigward tal-frammentazzjoni possibbli tal-offerta fis-suq inkwistjoni u ta’ importanza ikbar tal-prezzijiet ta’ referenza meta mqabbla ma’ dik ikkunsidrata fid-deċiżjoni kkontestata.

872    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti tal-Unjoni tista’, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tneħħi, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penalità imposta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punt 61).

873    F’dan il-każ, it-talba għal żieda tal-multa ppreżentata mill-Kummissjoni ma tistax tintlaqa’, peress li ż-żieda impreċiża żviluppata insostenn tagħha ma hijiex tali li tbiddel l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

874    Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kkonstatat li, fid-dawl tas-sistema ta’ kwoti, il-kwantità totali ta’ banana importata fil-Komunità kollha matul trimestru partikolari matul il-perijodu kkonċernat kienet determinata a priori, b’riżerva għal ċertu flessibbiltà limitata bejn it-trimestri, peress li elementi importanti kienu jinkoraġġixxu lid-detenturi ta’ liċenzji jiggarantixxu li dawn se jintużaw matul it-trimestru kkonċernat (premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata).

875    Id-dikjarazzjonijiet ta’ Del Monte matul il-proċedura amministrattiva dwar l-akkwist ta’ liċenzji minn impriżi oħra fuq l-imsemmi suq ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-konklużjonijiet tagħha dwar il-kuntest ġuridiku u ekonomiku tal-iskambji inkriminati u ma hemmx lok li jiġi applikat, biss f’dan ir-rigward, it-tnaqqis mogħti fil-premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata.

876    L-istess jgħodd għad-dikjarazzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti waqt il-proċedura amministrattiva dwar ir-rwol tal-prezzijiet ta’ referenza meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-konklużjonijiet tagħha dwar ir-rilevanza tal-imsemmija prezzijiet fis-settur tal-banana u l-importanza dejjem tikber tal-“prezz Aldi” mit-tieni semestru tas-sena 2002.

877    Anki li kieku kellu jitqies li d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti setgħu wrew rabta stretta bejn il-prezzijiet ta’ referenza u l-“prezz Aldi”, din il-konstatazzjoni sempliċement issaħħaħ dik dwar l-importanza tal-prezzijiet ta’ referenza fis-suq inkwistjoni, mingħajr ma dan ma jbiddel il-livell ta’ gravità tal-ksur.

878    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li hemm lok li tintlaqa’ t-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa fformulata mir-rikorrenti, fejn il-bqija tar-rikors għandu jiġi miċħud.

879    Fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, mogħtija lilha mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali għandha tiffissa l-ammont tal-multa dovuta skont l-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata.

880    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li mal-ammont bażiku tal-multa li jammonta għal EUR 49 000 000 għal Weichert, jiġi applikat tnaqqis ta’ 60 %, bħala teħid inkunsiderazzjoni tas-sistema leġiżlattiva partikolari tas-settur tal-banana u ta’ koordinazzjoni li tikkonċerna prezzijiet ta’ referenza, u tnaqqis ieħor ta’ 20 %, minħabba l-fatt li Weichert ipparteċipat f’parti waħda biss tal-akkordju globali, liema fatt jiddetermina ammont bażiku tal-multa ta’ EUR 9 800 000, flimkien mal-applikazzjoni ta’ tnaqqis ieħor ta’ 10 % minħabba l-kooperazzjoni ta’ Weichert matul il-proċedura amministrattiva, bl-ammont finali tal-multa jkun ta’ EUR 8 820 000.

 Fuq l-ispejjeż

881    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l‑ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu fuq waħda jew iktar mit-talbiet rispettivi tagħhom.

882    Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti li ma hijiex waħda minn dawk imsemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi ta’ din id-dispożizzjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

883    Billi r-rikors ġie biss parzjalment milqugħ, tkun qiegħda ssir evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll tliet kwarti ta’ dawk tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati kwart tal-ispejjeż tagħha. L-intervenjenti, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni ma fformulatx talba ta’ kundanna għall-ispejjeż marbuta mal-intervent, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-multa imposta skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5955, tal‑15 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedimenti skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/39188 – Banana), huwa ffissat għal EUR 8.82 miljun.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Fresh Del Monte Produce, Inc. għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll tliet kwarti ta’ dawk tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tbati kwart tal-ispejjeż tagħha.

4)      Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert GmbH & Co. KG għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Truchot

Martins Ribeiro

Kanninen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Marzu 2013.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

1.  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 81 KE u 253 KE

Fuq l-imputazzjoni tal-ksur lil Del Monte

Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq il-kriterju ta’ imputabbiltà implementat fid-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-eżistenza ta’ unitŕ ekonomika kkostitwita minn Del Monte u minn Weichert

–  Fuq il-ftehim ta’ assoċjazzjoni

–  Fuq ir-rabtiet ta’ natura kapitalistika li jgħaqqdu lil Del Monte ma’ Weichert

–  Fuq il-ftehim ta’ distribuzzjoni

–  Fuq l-informazzjoni rċevuta minn Del Monte

–  Fuq id-diskussjonijiet dwar il-politika tal-ipprezzar u l-forniment ta’ Weichert

–  Fuq il-provi alternattivi pprovduti mir-rikorrenti

–  Fuq l-ammissibbiltà tal-Anness C.1 tar-replika

Fuq in-natura żbaljata tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-eżistenza ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv

Fuq il-kunċett ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv

Fuq il-portata tal-komunikazzjonijiet inkriminati

Fuq il-parteċipanti għall-iskambji u fuq il-fama tagħhom

Fuq il-kalendarju u l-frekwenza tal-komunikazzjoni

Fuq il-kuntest ġuridiku u ekonomiku

–  Fuq il-qafas leġiżlattiv u l-offerta fis-suq

–  Fuq in-natura speċifika tal-prodott inkwistjoni

–  Fuq l-istruttura tas-suq

–  Fuq ir-rwol speċifiku ta’ Weichert

Fuq ir-rilevanza tal-prezzijiet ta’ referenza

Fuq ir-rabta kawżali bejn il-ftehim u l-aġir ta’ Weichert fis-suq

Fuq il-ksur uniku

Fuq l-aġir inkriminat

Fuq l-element suġġettiv

2.  Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tad-drittijiet tad-difiża

Fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-provi

Fuq id-dekadenza

Fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-provi kontra

Fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-provi li jiskaġunaw

Fuq l-allegat nuqqas ta’ qbil bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-argumenti tal-intervenjenti

Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Id-deċiżjoni kkontestata

3.  Fuq il-gravità

4.  Fuq l-ammont addizzjonali

5.  Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

6.  Fuq il-kooperazzjoni

7.  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

Fuq it-talba tal-Kummissjoni għaż-żieda tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 –      Data kunfidenzjali mħollija barra.