Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Diċembru 2008 - Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-589/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: N. Korogiannakis, P. Katsimani, M. Dermitzakis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li permezz tagħhom hija kkunsidrat b'mod sfavorevoli l-offerti tar-rikorrenti u tat il-kuntratti lill-kuntrattur li ntgħażel;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas lir-rikorrenti tad-danni kkawżati mill-proċedura tas-sejħa għal offerti inkwistjoni f'ammont ta' EUR 920 000, li jista' jiżdied sa EUR 1 700 000 skont l-ammont finali tal-proġett CITL;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż legali u spejjeż oħra inkorsi f'dan ir-rikors, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjonjiet tal-Kummissjoni li permezz tagħhom hija tiċħad l-offerti li r-rikorrenti ressqet wara sejħa miftuħa għal offerti ENV.C2/FRA/2008/0017 dwar l-"Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti ta' Emissjonijiet - CITL/CR"1 u tat il-kuntratt lill-kuntrattur li ntgħażel. Ir-rikorrenti titlob ukoll kumpens għad-danni allegatament ikkawżati mill-proċedura tas-sejħa għal offerti.

Ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tat-tliet offerti mressqa mir-rikorrenti għat-tliet Lottijiet rispettivi tas-sejħa għal offerti.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tosserva l-prinċipji ta' trasparenza u ta' trattament ugwali u għalhekk kisret id-dispożizzjonijiet rilevanti li jirriflettu dawn il-prinċipji, bħall-Artikoli 92 u 100 tar-regolament finanzjarju2. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-awtorità kontraenti kisret l-obbligu tagħha li tagħti motivi suffiċjenti għad-deċiżjoni tagħha. Hija ssostni wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdilha informazzjoni addizzjonali li hija kienet talbet wara d-deċiżjoni tal-għoti ta' kuntratt fir-rigward tal-meriti tal-offerent li ntgħażel. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-awtorità kontraenti applikat kriterji li ma kinux stipulati minn qabel u għalhekk il-kandidati ma kinux jafu bihom.

____________

1 - ĠU 2008/S 72-096229

2 - Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002, tal-25 ta' Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1)