Language of document : ECLI:EU:C:2014:159

Kawża C‑363/12

Z.

vs

A Government department
u

The Board of management of a community school

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Equality Tribunal)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2006/54/KE — Ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Omm li tikkummissjona li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata — Rifjut li jingħatalha leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità jew leave tal-adozzjoni — Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbilità — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq diżabbiltà — Omm li tikkummissjona li ma jistax ikollha tarbija — Eżistenza ta’ diżabbiltà — Validità tad-Direttivi 2006/54 u 2000/78”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Marzu 2014

1.        Politika soċjali — Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol — Ugwaljanza fit-trattament — Direttiva 2006/54 — Rifjut li jingħata leave tal-maternità lil omm li tikkummissjona — Trattament inqas favorevoli marbut mat-tqala jew mal-leave tal-maternità — Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/54, Artikoli 2(1)(a) u (b), u (2)(ċ), 4 u 14; (Direttiva tal-Kunsill 92/85, Artikolu 8)

2.        Politika soċjali — Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol — Ugwaljanza fit-trattament — Direttiva 2006/54 — Kamp ta’ applikazzjoni — Għoti u kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-leaver tal-adozzjoni — Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/54, premessa 27 tal-Artikolu 16; Direttiva tal-Kunsill 92/85)

3.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Domanda manifestament irrilevanti

(Artikolu 267(1) TFUE)

4.        Ftehimiet internazzjonali — Ftehimiet tal-Unjoni — Supremazija fuq l-atti ta’ dritt derivat tal-Unjoni — Obbligu li jiġu interpretati l-atti ta’ dritt derivat fid-dawl tal-ftehimiet internazzjonali — Interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78 fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà

(Artikolu 216(2) TFUE; Direttiva tal-Kunsill 2000/78)

5.        Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà — Kunċett ta’ “diżabilità”

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78)

6.        Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà — Inkapaċità li jkollha tarbija permezz ta’ mezzi konvenzjonali — Kundizzjoni li ma hijiex ta’ xkiel għal omm li tikkummissjona li taċċedi għal impjieg, li teżerċitah u li tavvanza fih — Assenza ta’ diskriminazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78)

7.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Konvenzjoni internazzjonali li torbot lill-Unjoni — Eżami tal-validità ta’ direttiva fid-dawl ta’ konvenzjoni internazzjonali — Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà — Evalwazzjoni, fid-dawl ta’ ċerti regoli ta’ din il-konvenzjoni, tal-validità tad-Direttiva 2000/78 — Esklużjoni

(Artikolu 267(1)(b) TFUE; Direttiva tal-Kunsill 2000/78 )

1.        Id-Direttiva 2006/54, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, u b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 14 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess il-fatt ta’ rifjut li jingħata leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità lil ħaddiema, fil-kwalità tagħha ta’ omm li tikkummissjona li kellha tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-diskriminazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva, dan ir-rifjut ma huwiex ibbażat fuq raġuni applikabbli esklużivament għall-ħaddiema ta’ wieħed miż-żewġ sessi. Fit-tieni lok, fid-dawl tal-Artikolu 2(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, omm li tikkummissjona li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata ma tistax, bħala definizzjoni, tkun suġġetta għal trattament inqas favorevoli minħabba t-tqala tagħha, peress li ma kinitx tqila b’din it-tarbija. Fit-tielet lok, peress li d-Direttiva 92/85, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri ma humiex obbligati li jagħtu leave tal-maternità skont l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva lil ħaddiema, fil-kwalità tagħha ta’ omm li tikkummissjona li kellha tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata, inkluż meta hija tista’ tredda’ din it-tarbija wara t-twelid jew li hija effettivament treddagħha, tali omm li ma kinitx suġġetta għal trattament inqas favorevoli marbut mat-teħid ta’ leave tal-maternità fis-sens tad-Direttiva 92/85, u konsegwentement, hija ma tistax titqies li hija s-suġġett ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54.

(ara l-punti 51, 52, 57-60, 67 u d-dispożittiv 1)

2.        Mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/54, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, moqri flimkien mal-premessa 27 tagħha, jirriżulta b’mod ċar li din id-direttiva tippreżerva d-dritt tal-Istati Membri dwar jekk jagħtux jew le tali tal-adozzjoni u li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni dan il-leave, ħlief għat-tkeċċija u r-ritorn għax-xogħol, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Minn dan isegwi s-sitwazzjoni ta’ omm li tikkummissjona li kellha tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata ma taqax taħt l-imsemmija direttiva sa fejn jikkonċerna l-għoti ta’ leave tal-adozzjoni.

(ara l-punti 63, 65, 67 u d-dispożittiv 1)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 64)

4.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 71-75)

5.        Il-kunċett ta’ “diżabilità”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jinftiehem bħala limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi fit-tul, li flimkien ma’ diversi ostakli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra. Dan il-kunċett huwa intiż mhux biss bħala impossibbiltà li tiġi eżerċitata attività professjonali iżda wkoll limitazzjoni għall-eżerċizzju ta’ tali attività.

(ara l-punti 76, 77)

6.        Id-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, il-fatt li jkun irrifjutat l-għoti ta’ leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità jew għal leave tal-adozzjoni lil ħaddiema li ma jistax ikollha tarbija u li rrikorriet għal arranġament ma’ omm surrogata. Fil-fatt, l-inkapaċità ta’ persuna li jkollha tarbija b’mezzi konvenzjonali, fiha nnifisha, ma tikkostitwixxix fil-prinċipju, xkiel għall-omm li tikkummissjona li taċċedi għal impjieg, li teżerċitah u li tavvanza fih.

(ara l-punti 80-82, 91 u d-dispożittiv 2)

7.        Il-validità tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà, iżda l-imsemmija direttiva għandha, sa fejn possibbli, tiġi interpretata b’mod konformi ma’ din il-konvenzjoni.

Fil-fatt, sa fejn l-obbligi imposti fl-imsemmija konvenzjoni jidhru li huma indirizzati lill-Partijiet Kontraenti, dan il-ftehim internazzjonali għandu forma programmata. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-ONU huma suġġetti, fl-implementazzjoni jew fl-effetti tagħhom, għall-intervent ta’ atti sussegwenti tal-Partijiet Kontraenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma jikkostitwixxux, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, u huma għaldaqstant nieqsa minn effett dirett fid-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punti 87-91 u d-dispożittiv 2)