Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' April 2011 - Dagher vs Il-Kunsill

(Kawża T-218/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Habib Roland Dagher (Abidjan, il-Côte d'Ivoire) (rappreżentanti: J.-Y. Dupeux u F. Dressen, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 85/2011, tal-31 ta' Jannar 2011, sa fejn dan l-att jikkonċernah ;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/71/PESK, tal-31 ta' Jannar 2011, sa fejn dan l-att jikkonċernah;

tikkundanna lill-Kunsill iħallas lir-rikorrent EUR 40 000 bħala kumpens għad-danni morali u danni oħra subiti mir-rikorrent;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed maqsum fi tliet partijiet u bbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

Insostenn tal-ewwel parti, ir-rikorrent jinvoka n-nuqqas ta' natura kontradittorja tal-proċedura segwita mill-Kunsill sa fejn il-konvenut naqas milli jipprovdi, mill-iktar fis possibbli wara l-pubblikazzjoni tal-atti kkontestati, l-indikazzjonijiet li jippermettu lir-rikorrent jifhem il-motivi tal-miżuri adottati fil-konfront tiegħu u sussegwentement, irrifjuta t-talbiet għal informazzjoni ulterjuri tar-rikorrent, u b'dan il-mod ġie mċaħħad mid-dritt tiegħu li jeżerċita b'suċċess l-atti kollha ta' natura amministrattiva sabiex jikseb l-irtirar ta' tali miżuri;

Insostenn tat-tieni parti, ir-rikorrent jinvoka nuqqas ta' motivazzjoni sa fejn il-motivi inklużi fil-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tar-rikorrent kienu impreċiżi u qosra, u ma kinux jippermettu li r-rikorrent isir jaf bil-kontenut tal-ilmenti li servew ta' bażi għas-sanzjonijiet inkwistjoni;

Insostenn tat-tielet parti, ir-rikorrent jinvoka ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

____________