Language of document : ECLI:EU:T:2011:463

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

13 ta’ Settembru 2011

Kawża T‑62/10 P

Brigitte Zangerl-Posselt

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Reklutaġġ — Avviż ta’ kompetizzjoni — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżamijiet prattiċi u orali — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Diplomi meħtieġa — Artikolu 5(3)(a)(ii) tar-Regolamenti tal-Persunal — Interpretazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti — Xogħlijiet preparatorji”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-30 ta’ Novembru 2009, Zangerl‑Posselt vs Il‑Kummissjoni (F‑83/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑463 u II‑A‑1‑2499), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. B. Zangerl-Posselt għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Natura ġuridika tar-relazzjoni bejn kandidat u l-istituzzjoni li torganizza kompetizzjoni ġenerali

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

2.      Dritt tal-Unjoni — Interpretazzjoni — Prinċipji — Interpretazzjoni awtonoma — Limiti — Interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3)(a)(ii) tar-Regolamenti tal-Persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 5(3)(a)(ii))

3.      Dritt tal-Unjoni — Interpretazzjoni — Testi plurilingwi — Interpretazzjoni uniformi — Teħid inkunsiderazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti

1.      Il-kompetizzjonijiet ġenerali, li jkollhom bħala għan li jirreklutaw uffiċjali tal-Unjoni, huma organizzati mill-istituzzjonijiet bil-għan li jiżguraw il-funzjonament tas-servizz pubbliku tal-Unjoni. L-organizzazzjoni ta’ dawn il-kompetizzjonijiet hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari, mill-Anness III tagħhom. Għaldaqstant, ir-relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti bejn il-kandidati ta’ kompetizzjoni ġenerali u l-istituzzjoni li torganizzaha huma rregolati mid-dritt pubbliku u huma suġġetti għar-regoli ġenerali tad-dritt amministrattiv.

(ara l-punt 36)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim'Istanza: 29 ta’ Jannar 1998, Affatato vs Il‑Kummissjoni, T‑157/96, ĠabraSP p. I-A-41 u II‑97, punt 19

2.      Il-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma tkun tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri, bil-għan li jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandu normalment jiġi interpretat b’mod awtonomu billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Huwa biss meta ma tkunx tista’ tidentifika, fid-dritt tal-Unjoni jew fil-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-kriterji li jippermettulha tispeċifika l-kontenut u l-portata ta’ dispożizzjoni permezz ta’ interpretazzjoni awtonoma, li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’, anki fin-nuqqas ta’ riferiment espress, tirreferi għad-dritt tal-Istati Membri għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3)(a)(ii) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li waħda mill-kundizzjonijiet minimi għall-ħatra ta’ pożizzjoni ta’ uffiċjal fil-grupp tal-funzjonijiet AST hija “livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikat b’diploma, li jagħti aċċess għal edukazzjoni post-sekonndarja”, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaqx żball ta’ dritt meta interpreta b’mod awtonomu u uniformi din id-dispożizzjoni, li abbażi tagħha, id-diploma Ġermaniża “Realschulabschluss” ma kinitx tawtorizza aċċess għal livell ta’ edukazzjoni li, fil-Ġermanja, kien jikkorrispondi għal “postsekundäre Bildung”, fis-sens tal-artikolu msemmi iktar ’il fuq, peress li l-imsemmi artikolu jinkludi element, jiġifieri l-livell ta’ edukazzjoni li għalih id-diploma jew il-kwalifika miksuba għandhom jagħtu aċċess, li jippermetti li jiġu ppreċiżati l-kontenut u l-portata tiegħu. Dan l-element ta’ paragun huwa essenzjali sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ kompetizzjoni għall-finijiet ta’ ħatra eventwali f’pożizzjoni ta’ uffiċjal fil-grupp tal-funzjonijiet AST.

(ara l-punti 41 u 43)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Diċembru 1992, Diaz Garcia vs Il‑Parlament, T‑43/90, Ġabra p. II‑2619, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata; 18 ta’ Diċembru 1992, Khouri vs Il‑Kummissjoni, T‑85/91, Ġabra p. II‑2637, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata

In-neċessità ta’ applikazzjoni uniformi u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni teskludi li test jitqies separatament f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu, iżda teżiġi li dan jiġi interpretat kemm skont ir-rieda vera tal-awtur tiegħu kif ukoll skont l-għan li għandu jintlaħaq minn dan tal-aħħar, fid-dawl b’mod partikolari tal-verżjonijiet imfassla fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Verżjoni lingwistika differenti ma tistax, fi kwalunkwe każ, tipprevali waħedha fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra.

(ara l-punt 42)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Novembru 1969, Stauder, 29/69, Ġabra p. 419, punt 3; 17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, C‑219/95 P, Ġabra p. I‑4411, punt 15

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Settembru 1999, Neumann u Neumann- Schölles vs Il‑Kummissjoni, T‑68/97, ĠabraSP p. I-A-193 u II‑1005, punt 79