Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Ġunju 2011 - TM.E. vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-329/11)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: TM.E. S.p.A. - Termomeccanica Ecologia (Milano, l-Italja) (rappreżentanti: C. Malinconico, S. Fidanzia u A. Gigliola, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta' April 2011 li permezz tagħha tiġi eskluża n-neċessità li jinbdew proċeduri ta' ksur kontra r-Rumanija għal ksur tal-prinċipji u tad-direttivi Komunitarji fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, kif ukoll tal-"Practical Guide to contract procedures financed from the General Budget of the European Communities in the context of external actions";

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas tad-danni, li jammontaw għal EUR 18 955 106, jew kull ammont superjuri jew inferjuri li din il-Qorti jidhrilha li huwa xieraq, subiti minn TM.E. minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju mwettaq mill-Kummissjoni Ewropea nnifisha;

sussidjarjament, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas tad-danni minħabba telf ta' opportunità subit minn TM.E., li jammonta għal EUR 3 791 021, jew kull ammont superjuri jew inferjuri li din il-Qorti jidhrilha li huwa xieraq;

iktar sussidjarjament, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas tad-dannu li jirriżulta minn dewmien attribwibbli lill-Kummissjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, li jikkorrispondi għall-ammont totali tal-ispejjeż legali sostnuti minn TM.E. u li jammontaw għal EUR 73 044.32, jew kull ammont superjuri jew inferjuri li din il-Qorti jidhrilha li huwa xieraq;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż sabiex jinkiseb l-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni Ewropea, tal-20 ta' April 2011, li permezz tagħha tiġi eskluża n-neċessità li jinbdew proċedimenti ta' ksur kontra r-Rumanija għal ksur tal-prinċipji u tad-direttivi Komunitarji fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, kif ukoll tal-"Practical Guide to contract procedures for EU external actions" (iktar 'il quddiem il-"PRAG") redatt mill-Kummissjoni nnifisha, kif ukoll li tikseb il-ħlas tad-danni kkawżati mill-istituzzjoni Komunitarja fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin:

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom sostanzjali tal-PRAG, kif ukoll fuq il-ksur tat-Trattati jew ta' kwalunkwe regola tad-dritt relatata mal-applikazzjoni tagħhom.

Ir-rikorrenti tqis li permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni Ewropea naqset milli tagħti opinjoni motivata fir-rigward tal-irregolaritajiet gravi u manifesti allegati fil-proċedura ta' sejħa għal offerti li tikkonċerna l-proġett "Bucharest Wastewater Treatment Plant Rehabilitation: Stage I ISPA 2004/RO/16/P/PE/003-3" u konsegwentement, naqset milli tibda proċeduri ta' ksur kontra r-Rumanija fejn barra minn hekk irrevokat il-finanzjamenti Komunitarji mogħtija fis-sejħa għal offerti inkwistjoni.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom sostanzjali u tal-PRAG, kif ukoll fuq żnaturament tal-fatti.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-att ikkontestat huwa vvizzjat, billi l-Kummissjoni, li żnaturat il-fatt li kien is-suġġett tal-ilment, ma kkonstatatx il-vizzji proċedurali manifesti mwettqa mill-Primaria Municipiului Bucaresti. B'mod konkret, din tal-aħħar, qabel kollox, eskludiet l-offerta tar-rikorrenti minħabba allegata anomalija tal-offerta ekonomika imbagħad, wara li ndunat bil-gravità tal-illegalità li wettqet, ipprovat tiġġustifika d-deċiżjoni li diġà kienet ittieħdet b'allegati vizzji tal-offerta teknika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li quddiem l-Awtorità ġudizzjarja Rumena t-talba għal annullament tal-kuntratt ma ġietx eżaminata għal allegat nuqqas ta' ħlas ta' taxxa tal-boll li tammonta għal EUR 7 300 000, bi ksur manifest tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipji Komunitarji.

It-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' teħid ta' pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq ksur ieħor allegat.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li fl-ittra kkontestata l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tikkunsidra l-elementi l-oħra mressqa quddiemha. B'mod partikolari, b'ebda mod ma ġie evalwat li r-rikorrenti ġiet iġġudikata fl-ewwel istanza mill-istess qorti li kienet iddikjarat it-talba tagħha inammissibbli, fejn saret reviżjoni tas-sentenza tagħha fl-istadju tal-appell, u b'hekk minn qorti mhux imparzjali li jmissha ma ħaditx pożizzjoni, fejn għalhekk wettqet ksur inkontestabbli u manifest tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipji Komunitarji u tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-talba għall-ħlas ta' danni, ir-rikorrenti ssostni li l-inerzja attribwibbli lill-Kummissjoni, kif ukoll in-nuqqas ta' revoka tal-finanzjamenti Komunitarji mogħtija lir-Rumanija fl-ambitu tal-proġett inkwistjoni, ħolqot dannu ekonomiku kunsiderevoli minħabba n-nuqqas ta' eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku ta' xogħolijiet jew tat-telf ta' opportunità ta' għoti tal-istess kuntratt u, fi kwalunkwe każ, dannu moratorju li ġiegħel lir-rikorrenti tidħol f'kontenzjuż finanzjarjament oneruż quddiem l-Awtoritajiet ġudizzjarji Rumeni.

____________