Language of document : ECLI:EU:C:2019:386

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

8 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Artikolu 5(1) u (2) – Għoti dirett – Kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram – Kundizzjonijiet – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 12 – Direttiva 2014/25/UE – Artikolu 28”

Fil-Kawża C‑253/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ April 2018, fil-proċedura

Stadt Euskirchen

vs

Rhenus Veniro GmbH & Co. KG

fil-preżenza ta’:

SVE Stadtverkehr Euskirchen GmbH,

RVK Regionalverkehr Köln GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għax-Stadt Euskirchen, minn S. Schaefer u J. Manka, Rechtsanwälte,

–        għal Rhenus Veniro GmbH & Co. KG, minn C. Antweiler, Rechtsanwalt,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u P. Ondrůšek kif ukoll minn J. Hottiaux, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ix-Stadt Euskirchen (il-belt ta’ Euskirchen, il-Ġermanja) u Rhenus Veniro GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Rhenus Veniro”) dwar proġett ta’ għoti dirett ta’ servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank u vetturi oħra.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 1370/2007

3        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1370/2007, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

“(a)      ‘trasport pubbliku għall-passiġġieri’ tfisser servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta’ interess ekonomiku ġenerali pprovduti lill-pubbliku fuq bażi non-diskriminatorja u kontinwa;

(b)      ‘awtorità kompetenti’ tfisser kwalunkwe awtorità pubblika jew grupp ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jew Stati Membri li għandhom is-setgħa jintervjenu fit-trasport pubbliku għall-passiġġieri f’żona ġeografika partikolari, jew kwalunkwe korp li ngħata tali awtorità;

[…]

(h)      ‘għotja diretta’ tfisser l-għotja ta’ kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur partikolari ta’ servizz pubbliku mingħajr proċedura ta’ sejħa kompetittiva għal offerti minn qabel;

[…]

(j)      ‘operatur intern’, tfisser entità ġuridikament distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew fil-każ ta’ grupp ta’ awtoritajiet mill-inqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess;

[…]”

4        L-Artikolu 4(7) ta’ dan ir-regolament jistipula:

“Dokumenti ta’ sejħiet għal offerti u kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jindikaw, b’mod trasparenti, jekk jistax jiġi kkunsidrat li jingħata sub-kuntratt jew le, u jekk iva sa fejn. Jekk jingħataw sub-kuntratti, l-operatur li jingħata l-inkarigu li jamministra u jħaddem is-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri skond dan ir-Regolament għandu jkun mitlub iwettaq parti kbira mis-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri huwa nnifsu. […]”

5        L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku”, jipprevedi:

“1.      Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. Madankollu, kuntratti ta’ servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], kif definiti fid-Direttivi 2004/17/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19) jew 2004/18/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)], għal servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jieħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ servizz kif definit f’dawk id-Direttivi. Fejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi [2004/17] jew [2004/18], id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw.

2.      Dment li ma jkunx ipprojbit mil-liġi nazzjonali, kwalunkwe awtorità lokali kompetenti, kemm jekk hija awtorità individwali jew grupp ta’ awtoritajiet li jipprovdu servizzi integrati tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, tista’ tiddeċiedi li tipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri hija stess jew tagħti kuntratti għal servizz pubbliku direttament lil entità legalment distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew, fil-każ ta’ grupp ta’ awtoritajiet tal-anqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess. Fejn awtorità lokali kompetenti tieħu tali deċiżjoni, għandu japplika dan li ġej:

[…]

(b)      il-kondizzjoni biex jiġi applikat dan il-paragrafu hija li l-operatur intern u kwalunkwe entità li fuqha dan l-operatur jeżerċita influwenza anke minima jwettqu l-attività pubblika kollha tiegħu tat-trasport ta’ passiġġieri fit-territorju ta’ l-awtorità lokali kompetenti, minkejja kwalunkwe linji ħerġin jew elementi anċillari oħra ta’ dik l-attività li jidħlu fit-territorju ta’ awtoritajiet lokali kompetenti ġirien, u ma jieħdux sehem f’sejħiet kompetittivi għal offerti rigward il-forniment ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri organizzati barra mit-territorju ta’ l-awtorità lokali kompetenti;

[…]

(e)      jekk jiġi kkunsidrat l-għoti ta’ sub-kuntratt skond l-Artikolu 4(7), l-operatur intern ikun meħtieġ li jipprovdi l-parti l-kbira tas-servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri huwa nnifsu.

3.      Kwalunkwe awtorità kompetenti li tirrikorri għal parti terza minbarra operatur intern, għandha tagħti kuntratti għal servizz pubbliku abbażi ta’ sejħa kompetittiva għal offerti, […]

[…]”

6        L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Pubblikazzjoni”, fil-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi:

“Kull awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li, għall-inqas darba fis-sena qabel it-tnedija tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti jew sena qabel l-għoti dirett, mill-inqas din l-informazzjoni li ġejja tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea:

(a)      l-isem u l-indirizz ta’ l-awtorità kompetenti;

(b)      it-tip ta’ għotja kkunsidrata;

(ċ)      is-servizzi u ż-żoni potenzjalment koperti mill-għotja.

[…]”

 Id-Direttiva 2014/23/UE

7        Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17), daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ April 2014 u d-dispożizzjonijiet tagħha kellhom jiġu ttrasposti mill-Istati Membri sat-18 ta’ April 2016.

8        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘konċessjonijiet’ tfisser konċessjonijiet ta’ xogħlijiet jew servizzi, kif definit fil-punti (a) u (b):

(a)      ‘konċessjoni ta’ xogħlijiet’ tfisser kuntratt bi ħlas miftiehem bil-miktub li permezz tiegħu entità kontraenti jew awtorità kontraenti waħda jew aktar jafdaw l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet lil operatur ekonomiku wieħed jew aktar, meta l-konsiderazzjoni għal din id-delega tikkonsisti unikament fid-dritt ta’ sfruttament tax-xogħlijiet li huma s-suġġett tal-kuntratt jew f’dak id-dritt flimkien ma’ ħlas.

(b)      ‘konċessjoni ta’ servizzi’ tfisser kuntratt b’interess pekunjarju konkluż bil-miktub, li permezz tiegħu awtorità kontraenti jew entità kontraenti waħda jew aktar tafda l-forniment u l-ġestjoni ta’ servizzi li mhumiex twettiq ta’ xogħlijiet kif imsemmi fil-punt (a) lil operatur ekonomiku wieħed jew aktar, meta l-konsiderazzjoni għal din tkun tikkonsisti unikament fid-dritt ta’ sfruttament tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt jew f’dak id-dritt flimkien ma’ ħlas.

[…]”

 Id-Direttiva 2014/24/UE

9        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), intitolat “Kuntratti pubbliċi bejn entitajiet fis-settur pubbliku”, jipprovdi:

“1.      Kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandu jaqa’ ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)      l-awtorità kontraenti teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata li huwa simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess;

(b)      aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika kkontrollata jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti; u

(c)      ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata.

Awtorità kontraenti għandha titqies li teżerċita kontroll fuq persuna ġuridika li huwa simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess skont it-tifisira tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu meta din teżerċita influwenza deċiżiva fuq iż-żewġ objettivi strateġiċi u deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata. Tali kontroll jista’ jkun ukoll eżerċitat minn persuna ġuridika oħra, li hija stess tkun ikkontrollata bl-istess mod mill-awtorità kontraenti.

2.      Il-paragrafu 1 japplika wkoll fejn persuna ġuridika kkontrollata, li hija awtorità kontraenti, tagħti kuntratt lill-awtorità kontraenti li tikkontrollaha, jew lil xi persuna ġuridika [oħra] kkontrollata mill-istess awtorità kontraenti, sakemm ma jkun hemm l-ebda parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika li tingħatalha l-kuntratt pubbliku bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati rikjesti mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva dwar il-persuna ġuridika [kkontrollata].

3.      Awtorità kontraenti, li ma teżerċitax kontroll fuq persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew pubbliku skont it-tifsira tal-paragrafu 1, xorta waħda tista’ tagħti kuntratt pubbliku lil dik il-persuna ġuridika mingħajr ma tapplika din id-Direttiva meta jiġu sodisfatti il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin.

(a)      l-awtorità kontraenti teżerċita b’mod konġunt ma’ awtoritajiet kontraenti oħrajn kontroll fuq dik il-persuna ġuridika [kkontrollata] li huwa simili għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess;

(b)      aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati mill-istess awtoritajiet kontraenti; u

(c)      ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali applikabbli, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kontraenti jeżerċitaw kontroll konġunt fuq persuna ġuridika meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kolha li ġejjin:

(i)      il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-persuna ġuridika kkontrollata huma magħmula minn rappreżentanti ta’ kull awtorità kontraenti parteċipanti. Rappreżentanti individwali jistgħu jirrappreżentaw l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti kollha, jew diversi minnhom;

(ii)      dawk l-awtoritajiet kontraenti huma kapaċi jeżerċitaw flimkien influwenza deċiżiva fuq l-objettivi strateġiċi u d-deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata; u

(iii)      il-persuna ġuridika kkontrollata ma ssegwi l-ebda interess li jmur kontra minn dak tal-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll.

4.      Kuntratt konkluż b’mod esklussiv bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew aktar għandu jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta jiġu sodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)      il-kuntratt jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti bil-għan li jiżgura li s-servizzi pubbliċi li għandhom iwettqu huma mogħtija biex jiksbu l-objettivi li għandhom komuni bejniethom;

(b)      l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni hi rregolata unikament minn konsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-interess pubbliku; u

(c)      l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti jwettqu fis-suq miftuħ inqas minn 20 % tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni.

5.      Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-perċentwali ta’ attivitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 u l-punt (c) tal-paragrafu 4, għandu jittieħed kont tal-fatturat totali medju, jew miżura bbażata fuq attività alternattiva adatta bħal kostijiet mġarrba minn persuna ġuridika rilevanti jew awtorità kontraenti fir-rigward ta’ servizzi, provvisti u xogħlijiet għat-tliet snin li jippreċedu l-għoti tal-kuntratt.

Fejn, minħabba d-data li fiha nħolqot il-persuna ġuridika rilevanti jew l-awtorità kontraenti jew meta bdew l-attivitajiet jew minħabba riorganizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha, il-fatturat, jew miżura bbażata fuq attività alternattiva adatta bħal kostijiet, jew ma humiex disponibbli għat-tliet snin preċedenti jew m’għadhomx aktar rilevanti, ikun biżżejjed li jintwera li l-kejl ta’ attività hu kredibbli, b’mod partikolari permezz ta’ projezzjonijiet tan-negozju.”

 Id-Direttiva 2014/25/UE

10      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243), intitolat “Servizzi tat-trasport”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, b’sistemi awtomatizzati, bit-tramway, bit-trolley bus, bil-karozza tal-linja jew bil-kejbil.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi tat-trasport, għandu jiġi kkunsidrat li hu stabbilit netwerk fejn is-servizz ikun ipprovdut f’kondizzjonijiet ta’ tħaddim preskritti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, bħal kondizzjonijiet fuq ir-rotot li għandhom jiġu servuti, il-kapaċità li għandha tkun disponibbli jew il-frekwenza tas-servizz.”

11      L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/25, intitolat “Kuntratti bejn awtoritajiet kontraenti”, jipprevedi dispożizzjonijiet essenzjalment analogi għal dawk li jinsabu fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24, kif imfakkra fil-punt 9 tas-sentenza preżenti.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      Il-belt ta’ Euskirchen hija awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 1370/2007.

13      Fit-8 ta’ Diċembru 2016, konformement mal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, il-belt ta’ Euskirchen ippubblikat, fis-suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, avviż ta’ informazzjoni minn qabel dwar il-proġett ta’ għoti dirett ta’ kuntratt għal servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank jew vetturi oħra li ma għandux il-forma ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament.

14      Skont dan l-avviż ta’ informazzjoni minn qabel, l-imsemmi kuntratt, li kien jirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ miljun kilometru fis-sena, kellu jingħata lil SVE Stadtverkehr Euskirchen GmbH (iktar ’il quddiem “SVE”), li hija kumpannija miżmuma kollha kemm hi mill-belt ta’ Euskirchen, għal tul ta’ 120 xahar sa mill-1 ta’ Jannar 2019.

15      Peress li SVE ma kellha ebda vettura u ebda xufier sabiex teżegwixxi hija stess il-kuntratt kien is-suġġett tal-kuntratt pubbliku, hija ddikjarat li kellha l-intenzjoni li tikkonkludi kuntratt ta’ subappalt ma’ RVK Regionalverkehr Köln GmbH (iktar ’il quddiem “RVK”), li hija kumpannija li tipprovdi servizzi ta’ trasport fit-territorju kollu kopert miż-Zweckverband Verkehrsverbund Rhein-Sieg (is-Sindakat Interkomunali tal-Komunità tat-Trasport ta’ Rhein-Sieg, il-Ġermanja).

16      RVK hija miżmuma, fl-ammont ta’ 12.5 % kull wieħed, minn Kölner Verkehrsbetriebe AG, Kreisholding Rhein Sieg GmbH, Rhein-Erft Verkehrsgesellschaft mbH, Elektrische Bahn der Stadt Bonn und des Rhein Sieg Kreises SBB GmbH (SBB GmbH) u Stadtwerke Bonn Verkehrs GmbH, kif ukoll mill-Kreis Euskirchen (id-distrett ta’ Euskirchen, il-Ġermanja) u r-Rheinisch-Bergischer Kreis (id-distrett ta’ Rhein-Berg, il-Ġermanja) rispettivament. L-ishma rimanenti huma miżmuma kif ġej: 2.5 % mill-Oberbergischer Kreis (id-distrett ta’ Oberberg, il-Ġermanja) u 10 % mill-operatur subappaltatur stess.

17      Matul is-sena 2016, SVE rrispondiet b’mod favorevoli għall-proposta li kienet saritilha li takkwista 2.5 % mill-ishma ta’ RVK fl-1 ta’ Jannar 2019, li hija d-data tal-bidu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku li tiegħu kien maħsub l-għoti.

18      Rhenus Veniro appellat quddiem il-Vergabekammer (il-Kamra tal-Kuntratti Pubbliċi, il-Ġermanja) kompetenti kontra l-għoti dirett ippjanat.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2017, il-Vergabekammer (il-Kamra tal-Kuntratti Pubbliċi) ipprojbixxiet lill-belt ta’ Euskirchen milli tagħti l-kuntratt lil SVE.

20      F’dan ir-rigward, il-Vergabekammer (il-Kamra tal-Kuntratti Pubbliċi) qabelxejn sostna li SVE ma kinitx tissodisfa l-kriterju tal-eżekuzzjoni personali tal-kuntratt ta’ trasport, previst fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007. Sussegwentement, huwa indika li RVK kienet teżegwixxi provvista ta’ trasport fuq setturi territorjali oħra għajr dak tal-belt ta’ Euskircher, u dan kien kontra l-imsemmija dispożizzjonijiet. Fl-aħħar nett hija enfasizzat li l-attività ta’ RVK ma tistax titqies li twettqet minn SVE, peress li fl-1 ta’ Jannar 2019 din tal-aħħar kienet id-detentriċi ta’ biss 2.5 % ta’ RVK.

21      SVE ppreżentat rikors quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) kontra d-deċiżjoni tal-Vergabekammer (il-Kamra tal-Kuntratti Pubbliċi), fejn sostniet li din kienet wettqet applikazzjoni inkorretta tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007 peress li RVK kienet suġġetta għal kontroll konġunt min-naħa ta’ awtoritajiet kompetenti u li hija kienet teżegwixxi l-provvisti tagħha fit-territorju ta’ dawn l-awtoritajiet.

22      L-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) preliminarjament osservat li l-eżitu tat-tilwima jiddependi mir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li bihom hija ġiet adita fil-kawżi magħquda Verkehrsbetrieb Hüttebräucker u Rhenus Veniro (C‑266/17 u C‑267/17), dwar il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għall-kuntratti pubbliċi li ma humiex konċessjonijiet ta’ servizz.

23      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) tistaqsi dwar il-punt ta’ jekk l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 huwiex intiż li japplika meta l-operatur intern iwettaq il-parti l-kbira tal-kuntratt li jkun ingħatalu minn kumpannija li tagħha huwa detentur ta’ biss 2.5 % mill-kapital azzjonarju, u l-bqija tal-kapital azzjonarju jappartjeni, direttament jew indirettament, lil awtoritajiet kompetenti oħra.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-punt (e) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, billi jimponi fuq l-operatur intern l-obbligu li jipprovdi huwa nnifsu l-parti l-kbira tas-servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri, jeskludi li l-operatur intern jordna t-twettiq tal-parti l-kbira ta’ dan is-servizz minn kumpannija li huwa għandu 2.5 % tal-ishma tagħha u li l-ishma l-oħra tagħha huma miżmuma direttament jew indirettament minn awtoritajiet kompetenti oħrajn?”

 Fuq id-domanda preliminari

25      Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt ta’ jekk l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 huwiex applikabbli għall-għoti dirett ta’ kuntratt li jirrigwarda servizz pubbliku ta’ trasport ta’ passiġġieri permezz tax-xarabank li ma għandux il-forma ta’ kuntratt ta’ konċessjoni u, fl-affermattiv, jekk din id-dispożizzjoni tawtorizzax lill-operatur intern li jordna t-twettiq tal-parti l-kbira ta’ dan is-servizz minn kumpannija li tagħha huwa għandu biss 2.5 % tal-ishma.

26      F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward tal-kuntratti li normalment jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tad-Direttiva 2004/17 jew tad-Direttiva 2004/18, l-għoti dirett ta’ kuntratt li jirrigwardaw servizzi pubbliċi ta’ trasport ta’ passiġġieri permezz tax-xarabank u li ma għandhomx il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjoni fis-sens ta’ dawn id-direttivi ma kinux suġġetti għall-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, iżda għas-sistema ta’ għoti dirett li żviluppat ruħha abbażi ta’ dawn id-direttivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Verkehrsbetrieb Hüttebräucker u Rhenus Veniro, C‑266/17 u C‑267/17, EU:C:2019:241, punti 73 sa 76).

27      Fir-rigward tad-Direttivi 2014/24 u 2014/25, li ħassru u ssostitwixxew id-Direttivi 2004/18 u 2004/17 rispetivament, u li, kuntrarjament għal dawn l-aħħar żewġ direttivi, ma għadhomx jiddefinixxu l-kunċett ta’ “kuntratt ta’ konċessjoni”, li issa huwa rregolat mid-Direttiva 2014/23, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dawn iż-żewġ direttivi, fl-Artikolu 12 għall-ewwel waħda u fl-Artikolu 28 għat-tieni waħda, ikkodifikaw u ppreċiżaw il-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ għoti dirett, u dan jenfasizza li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li din is-sistema ta’ għoti diretti tkun marbuta ma’ dawn iż-żewġ direttivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Verkehrsbetrieb Hüttebräucker u Rhenus Veniro, C‑266/17 u C‑267/17, EU:C:2019:241, punti 77 u 78).

28      F’dan il-każ, l-avviż ta’ informazzjoni minn qabel dwar il-proġett ta’ għoti dirett tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri permezz tax-xarabank u vetturi oħra inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie ppubblikat fit-8 ta’ Diċembru 2016 filwaqt li, f’din id-data, id-Direttivi 2014/24 u 2014/25 kienu diġà applikabbli, peress li ż-żmien previst għat-traspożizzjoni tagħhom kien skada.

29      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma japplikax għall-għoti dirett ta’ kuntratti li jirrigwardaw servizzi pubbliċi ta’ trasport permezz tax-xarabank li ma għandhomx il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, fis-sens tad-Direttiva 2014/23.

 Fuq l-ispejjeż

30      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma japplikax għall-għoti dirett ta’ kuntratti li jirrigwardaw servizz pubbliċi ta’ trasport permezz tax-xarabank li ma għandhomx il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, fis-sens tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.