Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Mejju 2011 - Ezz et vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża T-256/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ahmed Abdelaziz Ezz (Giza, l-Eġittu), Abla Mohammed Fawzi Ali Ahmed (Londra, ir-Renju Unit), Khadiga Ahmed Ahmed Kamel Yassin (Londra, ir-Renju Unit) u Shahinaz Abdel Azizabdel Wahab Al Naggar (Giza, l-Eġittu) (rappreżentanti: M. Lester, Barrister, u J. Binns, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK, tal-21 ta' Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU L 76, p. 63), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011, tal-21 ta' Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU L 76, p. 4), sa fejn dawn japplikaw fil-konfront tar-rikorrenti.

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħhom ir-rikorrenti jitolbu, skont l-Artikolu 263 TFUE, minn naħa, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK, tal-21 ta' Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu u min-naħa l-oħra, l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011, tal-21 ta' Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu, sa fejn dawn japplikaw fil-konfront tar-rikorrenti.

Insostenn tar-rikors tagħhom ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li r-rekwiżit sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi kontrihom, kif espost fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK u fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 270/2011 ma huwiex sodisfatt. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-motivi użati mill-Kunsill sabiex jiġġustifika l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi fil-konfront tagħhom huma kompletament vagi, mhux speċifiċi, mingħajr bażi, mhux iġġustifikati u insuffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri.

Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill kiser kemm id-drittijiet tad-difiża tagħhom kif ukoll id-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva sa fejn:

il-miżuri restrittivi ma jipprevedux proċedura sabiex il-provi li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni ta' ffriżar tal-fondi tar-rikorrenti jiġu kkomunikati lill-dawn tal-aħħar jew sabiex ir-rikorrenti jkunu jistgħu jippreżentaw b'mod effettiv l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-imsemmija provi;

ir-raġunijiet mogħtija fil-miżuri kkontestati fihom allegazzjonijiet ġenerali, infondati u vagi ta' proċeduri ġudizzjarji; u

il-Kunsill ma pprovdiex biżżejjed informazzjoni sabiex ir-rikorrenti jkunu jistgħu jesponu b'mod effettiv l-opinjoni tagħhom, u dan ma jippermettix li l-Qorti Ġenerali teżamina jekk id-deċiżjoni tal-Kunsill u l-evalwazzjoni tiegħu kinux fondati u bbażati fuq provi inkonfutabbli.

Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kunsill ma mmotivax b'mod suffiċjenti l-inklużjoni tagħhom fil-miżura kkontestata, bi ksur tal-obbligu tiegħu li jippreżenta dikjarazzjoni ċara tar-raġunijiet reali u speċifiċi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet individwali speċifiċi li wassluh sabiex jikkunsidra li r-rikorrenti kienu responsabbli għal miżapproprjazzjoni ta' fondi tal-Istat Eġizjani.

Permezz tar-raba motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill kiser mingħajr ġustifikazzjoni u b'mod sproporzjonat, id-drittijiet ta' proprjetà u ta' reputazzjoni tagħhom sa fejn:

il-miżuri ta' ffriżar ta' assi għandhom influwenza qawwija u fit-tul fuq id-drittijiet fundamentali tagħhom;

l-applikazzjoni tagħhom fil-konfront tar-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata; u

il-Kunsill la wera li l-iffriżar totali tal-assi huwa l-inqas mod oneruż sabiex jintlaħaq dan il-għan, u lanqas li l-ħsara kunsiderevoli kkawżata lir-rikorrenti hija ġġustifikata u xierqa.

Permezz tal-ħames motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-inklużjoni tagħhom, min-naħa tal-Kunsill, fil-lista ta' persuni li fil-konfront tagħhom għandhom japplikaw miżuri restrittivi hija bbażata fuq żball manifest ta' evalwazzjoni.

____________