Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Novembru 2007 - Ryanair vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-441/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentant: E. Vahida, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara, skond l-Artikolu 232 KE, li l-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni skond l-obbligi tagħha taħt it-Trattat KE billi ma spjegatx il-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta' l-ilment tat-3 ta' Novembru 2005 li r-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni, segwit minn ittra ta' intimazzjoni datata 2 ta' Awwissu 2007;

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż kollha, inklużi dawk sostnuti mir-rikorrenti fil-proċeduri anki jekk, wara li titressaq il-kawża, il-Kummissjoni tieħu azzjoni li, fl-opinjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza tneħħi l-bżonn li tingħata deċiżjoni jew jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli; u

tieħu kull miżura oħra li l-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li tkun xierqa.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-motiv ewlieni tar-rikorrenti huwa li l-Kummissjoni naqset milli twettaq eżami diliġenti u imparzjali ta' l-ilment imressaq mir-rikorrenti, li fih tallega li l-Istat Taljan ta għajnuna illegali fil-forma ta' vantaġġi lil Volare, permezz tal-maħfra ta' madwar EUR 20 miljun f'dejn dovut minn Volare lil ajruporti Taljani u t-tnaqqis fit-tariffi ta' l-ajruporti u fil-kost tal-fjuwil. Sussidjarjament, bħala motiv sussidjarju, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tiddefinixxi l-pożizzjoni tagħha fuq l-ilment tar-rikorrenti li tallega diskriminazzjoni anti-kompetittiva u, għaldaqstant, ksur ta' l-Artikolu 82 KE.

Ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri li huma s-suġġett ta' l-ilment tagħha jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, billi jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li jinsabu fl-Artikolu 87(1) KE. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li, fil-każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tistabbilixxi li xi uħud mill-vantaġġi mogħtija lil Volare ma kinux attribwibbli lill-Istat, għaliex jista' jkun li l-ajruporti Taljani stabbilixxew it-tariffi tagħhom b'mod awtonomu, ir-rikorrenti ssostni li vantaġġi bħal dawn jikkostitwixxu diskriminazzjoni anti-kompetittiva li ma tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi u b'hekk, tikser l-Artikolu 82 KE.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni kellha obbligu, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/20031 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/20042, li teżamina attentament il-fatti u l-liġi miġjuba għal attenzjoni tagħha minn min ressaq l-ilment sabiex tiddeċiedi, fi żmien raġonevoli, jekk kellhiex tibda proċeduri sabiex tistabbilixxi l-ksur jew jekk kellhiex tiċħad l-ilment. Wara li rċeviet l-ilment il-Kummissjoni ma ħadet ebda deċiżjoni li fiha tikkonferma l-ksur jew tiċħad l-ilment wara li tkun informat lir-rikorrenti skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, u lanqas tat deċiżjoni motivata fis-sens mhijiex ser tinvestiga l-ilment minħabba nuqqas ta' interess Komunitarju.

B'hekk, ir-rikorrenti ssostni li prima facie kien jeżisti ksur tad-dritt dwar il-kompetizzjoni u l-Kummissjoni kellha ddum inqas minn 21 xahar sabiex tasal għal konklużjoni bħal din u, għaldaqstant, tibda l-proċeduri. Konsegwentement, it-tul tal-perijodu li fih il-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni eċċeda l-limiti raġonevoli.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta'Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (Test b'relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 1, p. 1)

2 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta' April 2004, dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 123, p. 18)