Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Novembru 2007 - Ryanair vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-442/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentant: E. Vahida, lawyer)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li l-Kummissjoni naqset milli tispjega l-pożizzjoni tagħha skond l-obbligi tagħha taħt it-Trattat KE, inkluż, b'mod partikolari, l-Artikolu 232 KE, b'risposta għall-ilmenti tar-rikorrenti tat-3 ta' Novembru u tat-13 ta' Diċembru 2005, tas-16 ta' Ġunju u ta' l-10 ta' Novembru 2006, u l-opinjoni motivata tagħha tat-2 ta' Awwissu 2007;

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż kollha, inklużi dawk sostnuti mir-rikorrenti fil-proċeduri anki jekk, wara li titressaq il-kawża, il-Kummissjoni tieħu azzjoni li, fl-opinjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza tneħħi l-bżonn li tingħata deċiżjoni jew jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli; u

tieħu kull miżura oħra li l-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha xierqa.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ressqet kawża skond l-Artikolu 232 KE, li fiha tallega li l-Kummissjoni naqset milli tispjega l-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta' l-ilmenti mressqa fit-3 ta' Novembru 2005, fit-13 ta' Diċembru 2005, fis-16 ta' Ġunju 2006 u fl-10 ta' Novembru 2006, segwita minn ittra ta' intimazzjoni tat-2 ta' Awwissu 2007.

Il-motiv ewlieni tar-rikorrenti huwa li l-Kummissjoni naqset milli twettaq eżami diliġenti u imparzjali ta' l-ilment imressaq mir-rikorrenti, li fih tallega li l-Istat Taljan ta għajuna illegali fil-forma ta' vantaġġi lil-linji ta' l-ajru Alitalia, Air One u Meridiana. Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tiddefinixxi l-pożizzjoni tagħha fuq l-ilment tar-rikorrenti li fih tallega diskriminazzjoni anti-kompetittiva u, għaldaqstant, ksur ta' l-Artikolu 82 KE.

Ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri li huma s-suġġett ta' l-ilment tagħha, jiġifieri, (i) il-ħlas lil Alitalia ta' għajnuna magħrufa bħala "kumpens 9/11", (ii) kundizzjonijiet favorevoli relatati mat-trasferiment ta' Alitalia Servizi lil Fintecna, (iii) in-nuqqas ta' l-Istat Taljan li jirkupra l-ħlas tad-djun dovuti minn Alitalia lil ajruporti Taljani, (iv) finanzjament pubbliku tal-ħlasijiet għal sensji mogħtija minn Alitalia, (v) tnaqqis fil-kost tal-fjuwil, (vi) tnaqqis fit-tariffi ta' l-ajruport f'hubs Taljani, (vii) it-trasferiment ta' aktar minn 100 impjegat ta' Alitalia lil Meridiana u Air One u (viii) restrizzjonijiet diskrimatorji fuq l-operat tar-rikorrenti f'ajruporti reġjonali, inkluż l-ajruport ta' Ciampino, huma attribwibbli lill-Istat Taljan u jikkostitwixxu telf ta' qligħ għaliha u huma speċifikament ta' benefiċċju għal Alitalia kif ukoll għal Air One u Meridiana fir-rigward ta' uħud mill-miżuri kkonċernati. Skond ir-rikorrenti, dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mogħtija mill-Istat peress li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 87(1) KE.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas ta' l-ajruporti Taljani li jirkupraw il-ħlas tad-djun dovuti minn Alitalia, it-tnaqqis fit-tariffi ta' l-ajruporti f'hubs Taljani, it-tnaqqis fil-kost tal-fjuwil u r-restrizzjonijiet diskriminatorji fuq l-operat tar-rikorrenti f'ajruporti reġjonali jikkostitwixxu ksur tad-dritt dwar il-kompetizzjoni. B'hekk ir-rikorrenti ssostni li fil-każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza ssib li uħud mill-vantaġġi mogħtija lil Alitalia, Air One u Meridiana ma jkunux attribwibbli lill-Istat, għaliex jinstab li l-ajruporti Taljani u l-fornituri tal-fjuwil li jkunu taw dawn il-vantaġġi kienu qed jaġixxu b'mod awtonomu, vantaġġi bħal dawn jikkostitwixxu diskriminazzjoni anti-kompetittiva li ma tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi u b'hekk, tikser l-Artikolu 82 KE.

Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li għandha interess leġittimu li tressaq ilment bħal dan, kemm bħala klijent ta' servizzi ta' ajruport u fjuwil ta' l-avjazzjoni, kif ukoll bħala kompetitriċi ta' Alitalia, Air One u Meridiana.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni kellha obbligu li taġixxi, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 659/19991 u (KE) Nru 1/20032 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/20043. Il-Kummissjoni però ma ħadet l-ebda azzjoni meta rċeviet l-ilmenti, u lanqas ma ħadet pożizzjoni meta rċeviet l-ittra ta' intimazzjoni.

Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li prima facie kien jeżisti ksur tad-dritt dwar il-kompetizzjoni u li l-perijodu mhux raġonevoli ta' 9 sa 21 xahar li ddekorrew, skond is-suġġett ta' l-ilment, minn meta l-Kummissjoni rċeviet l-ittra ta' intimazzjoni u n-nuqqas ta' azzjoni tal-Kummissjoni jikkostitwixxi nuqqas milli tieħu azzjoni skond l-Arikolu 232 KE.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1)

2 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta'Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (Test b'relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 1, p. 1)

3 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta' April 2004, dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 123, p. 18)