Language of document : ECLI:EU:T:2014:114

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

12 ta’ Marzu 2014

Kawża T‑373/13 P

Geoffroy Alsteens

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Membru tal-persunal temporanju – Estensjoni tal-kuntratt – Inammissibbiltà manifesta tar-rikors fl-ewwel istanza – Dritt għal smigħ – Natura diviżibbli tal-addendum li jirrigwarda l-estensjoni tal-kuntratt”

Objet:      Appell ippreżentat kontra d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), tat-8 ta’ Mejju 2013, Alsteens vs Il-Kummissjoni (F-87/12), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Décision:      Id-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), tat-8 ta’ Mejju 2013, Alsteens vs Il-Kummissjoni (F-87/12), huwa annullat. Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma riżervati.

Sommarju

1.      Appell – Appell inċidentali – Suġġett – Bżonn ta’ motivi differenti minn dawk użati fir-rikors

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 143(2))

2.      Proċedura ġudizzjarja – Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat – Kundizzjonijiet – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Portata

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

3.      Proċedura ġudizzjarja – Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat – Kundizzjonijiet – Appell manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt – Possibbiltà li l-appell jiġi ddikkjarat inammissibbli anki wara li tingħalaq il-proċedura bil-miktub

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

4.      Rikorsi tal-uffiċjali – Suġġett – Annullament parzjali – Kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju – Natura diviżibbli tad-dispożizzjoni dwar it-tul tal-kuntratt – Ammissibbiltà

(Artikolu 266 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala appell inċidentali fis-sens tal-Artikolu 143(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali t-talbiet għal annullament ibbażati fuq motiv li kien diġà ġie invokat mill-appellant fir-rikors tiegħu. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tippreżupponi li t-talbiet għal annullament mressqa fir-risposta jkunu bbażati fuq motivi differenti minn dawk invokati fl-appell.

(ara l-punt 28)

2.      Għalkemm huwa minnu li ċ-ċaħda ta’ rikors abbażi tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma tippreżupponix li l-imsemmi tribunal kien preċedentement ippermetta lill-partijiet jieħdu pożizzjoni dwar ir-raġunijiet għaċ-ċaħda li huwa għandu l-intenzjoni li jikkonstata, l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu hija limitata għall-każijiet fejn tali motivi huma manifesti.

Din il-limitazzjoni hija l-konsegwenza tal-fatt li, bħala regola ġenerali, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li jaqa’ taħthom id-dritt għal smigħ, jimplika li l-partijiet fi proċess ikunu tqiegħdu f’sitwazzjoni li jieħdu pożizzjoni dwar il-fatti u d-dokumenti li fuqha ser tkun ibbażata deċiżjoni ġudizzjarja kif ukoll li jiġu diskussi l-provi u l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-qorti u l-motivi li fuqhom din għandha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Sabiex ikunu soddisfatti l-eżiġenzi marbuta mad-dritt għal proċess ekwu, huwa importanti li l-partijiet ikunu jistgħu jikkontradiċu kemm il-punti ta’ fatt kif ukoll il-punti ta’ liġi li jkunu deċiżivi għall‑eżitu tal‑proċedura.

(ara l-punti 34 u 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Frar 2009, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament, C-308/07 P, Ġabra p. I 1059, punt 36, u il-ġurisprudenza ċċitata

Qorti Ġenerali: 12 ta’ Mejju, Bui Van vs Il-Kummissjoni, T-491/08 P, punt 84, u il-ġurisprudenza ċċitata

3.      Appell jista’ jiġi ddikkjarat manifestament inammissibbli anki wara li tkun intemmet il-proċedura bil-miktub.

(ara l-punt 38)

Referenza:

Qorti Ġenerali: 8 ta’ Settembru 2008, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T9222/07 P, RecFP p. I B 1 37 u II B 1 267, punti 32 sa 34 ; Tribunal 23 ta Marzu 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T 16/09 P, punt 53

4.      L-annullament parzjali ta’ att legali tal-Unjoni huwa possibbli biss sakemm l-elementi li dwarhom jintalab l-annullament ikunu jistgħu jinfirdu mill-bqija tal-att. Din il-kundizzjoni ta’ separabbiltà ma hijiex sodisfatta meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu bħala effett li jbiddel is-sustanza tiegħu.

Fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ estensjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, li ma jibdilx l-istipulazzjonijiet l-oħra tal-kuntratt, talba għal annullament intiża għal-limitazzjoni tat-tul tal-kuntratt ma hijiex suxxettibbli li timmodifika l-essenza tad-deċiżjoni kkontestata, peress li, f’każ ta’ annullament tal-parti tad-deċiżjoni li tistabbilixxi t-tul tal-kuntratt il-ġdid, dan it-tul għandu jiġi stabbilit mill-istituzzjoni responsabbli, li jkollha, skont l-Artikolu 266 TFUE, tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qorti tal-Unjoni li twassal għal dan l-annullament.

(ara l-punti 46, 47 u 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 31 ta’ Marzu 1998 Franza et vs Il-Kummissjoni, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I 1375, punti 256 sa 258; Il-Qorti tal-Ġustizzja 24 ta’ Mejju 2005, Franza vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-244/03, Ġabra p. I 4021, punti 12 sa 14; Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C-441/11 P, punt 38

Qorti Ġenerali: 10 ta’ Marzu 1992, SIV et vs Il-Kummissjoni, T-68/89, T-77/89 u T-78/89, Ġabra p. II 1403, punt 320