Language of document : ECLI:EU:T:2013:720

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

tad-19 ta’ Diċembru 2013

Kawża T‑634/11 P

Mario Paulo da Silva Tenreiro

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Reklutaġġ — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Ħatra fil-pożizzjoni ta’ direttur tad-Direzzjoni E ‘Ġustizzja’ tad-Direttorat Ġenerali ‘Ġustizzja, libertà u sigurtà’ tal-Kummissjoni — Ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent — Ħatra ta’ kandidat ieħor — Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), tad-29 ta’ Settembru 2011, da Silva Tenreiro vs Il‑Kummissjoni (F‑72/10), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Mario Paulo da Silva Tenreiro għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk inkorsi mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

Appell — Aggravji — Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u tal-argumenti mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament — Oneru u produzzjoni tal-prova

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138(1))

Mill-Artikolu 257 TFUE, mill-Artikolu 11 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza jew tad-digriet li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat. Appell li sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li diġà tressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn dak it-tribunal, ma jissodisfax dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, tali appell fir-realtà jikkostitwixxi talba sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u dan ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali.

Appell quddiem il-Qorti Ġenerali jista’ jitressaq biss fuq punti ta’ liġi. Hija biss il-qorti tal-ewwel istanza li għandha l-kompetenza sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u sabiex tevalwa dawn il-fatti, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi li jkunu ġew prodotti quddiemha, filwaqt li għandu jiġi speċifikat li tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi jew li wieħed jirrikorri għal provi ġodda.

Is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti Ġenerali dwar il-konstatazzjonijiet fattwali mwettqa mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għalhekk tkopri l-ineżattezza materjali ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li tirriżulta mill-atti tal-proċess, l-iżnaturament tal-provi, il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti u l-kwistjoni jekk ir-regoli dwar l-oneru u l-produzzjoni tal-prova ġewx osservati.

Sabiex il-qorti tiġi konvinta fir-rigward ta’ allegazzjoni ta’ parti jew, għall-inqas, sabiex il-qorti tintervjeni direttament fit-tfittxija tal-provi, ma huwiex biżżejjed li jiġu invokati ċerti fatti insostenn tal-allegazzjoni tagħha; huwa meħtieġ ukoll li jiġu pprovduti indizji preċiżi, oġġettivi u konkordanti biżżejjed ta’ natura li jsostnu l-veraċità jew il-verosimiljanza tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-involviment tal-qorti fit-tfittxija tal-provi għall-benefiċċju tal-appellanti għandu jkun limitat għal każijiet eċċezzjonali fejn, b’mod partikolari, l-appellanti jkollhom bżonn, sabiex jissostanzjaw l-argumenti tagħhom, ċerti provi li jkunu fil-pussess tal-appellat u jsibuha diffiċli jiksbu dawn il-provi, jew saħansitra dik il-parti tirrifjuta li tipprovdihom.

Għalhekk, apparti l-każijiet eċċezzjonali msemmija iktar ’il fuq, hija biss il-qorti tal-ewwel istanza li tista’ tiddeċiedi dwar il-bżonn eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi quddiemha. In-natura probatorja jew mhux probatorja tal-atti tal-kawża taqa’ taħt is-setgħa ta’ evalwazzjoni esklużiva tal-fatti li hija għandha, u li ma tistax tiġi mistħarrġa mill-qorti li tiddeċiedi l-appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-qorti tal-ewwel istanza jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar tirriżulta mid-dokumenti fil-proċess.

(ara l-punti 35, 36, 52 u 85 sa 87)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Settembru 1997, Koelman vs Il‑Kummissjoni, C‑59/96 P, Ġabra p. I‑4809, punt 31; 8 ta’ Jannar 2002, Franza vs Monsanto u Il‑Kummissjoni, C‑248/99 P, Ġabra p. I‑1, punt 68; 19 ta’ Marzu 2004, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑196/03 P, Ġabra p. I‑2683, punti 40 u 41, u l-ġurisprudenza ċċitata; 28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 426

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 25 ta’ Settembru 2002, Ajour et vs Il‑Kummissjoni, T‑201/00 u T‑384/00, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑885, punt 75; 12 ta’ Marzu 2008, Rossi Ferreras vs Il‑Kummissjoni, T‑107/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑5 u II‑B‑1‑31, punti 38 u 39, u l-ġurisprudenza ċċitata; 19 ta’ Marzu 2010, Bianchi vs ETF, T‑338/07 P, punt 59; 4 ta’ April 2011, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑239/09 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 62; 7 ta’ Diċembru 2011, Mioni vs Il‑Kummissjoni, T‑274/11 P, punt 18; 6 ta’ Settembru 2012, Gozi vs Il‑Kummissjoni, T‑519/11 P, punt 21; 16 ta’ Mejju 2013, Canga Fano vs Il‑Kunsill, T‑281/11 P, punt 75