Language of document : ECLI:EU:T:2014:891

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

16 ta’ Ottubru 2014 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark verbali Komunitarja GRAPHENE – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑458/13,

Joseba Larrañaga Otaño u Mikel Larrañaga Otaño, residenti f’Saint-Sébastien (Spanja), irrappreżentati minn F. Bueno Salamero, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn M. Ó. Mondéjar Ortuño, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-Deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-10 ta’ Ġunju 2013 (Każ R 208/2013-2), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali GRAPHENE bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Awwissu 2013,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Novembru 2013,

wara li rat li ma saritx talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fi żmien xahar mid-data li fiha ġew innotifikati bl-għeluq tal-proċedura bil-miktub u peress li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tgħaddi għall-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-18 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti, Joseba Larrañaga Otaño u Mikel Larrañaga Otaño, ippreżentaw b’mod konġunt applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha hija s-sinjal verbali GRAPHENE.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu, b’mod partikolari, fil-klassijiet 13, 23 u 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 13: “Armi tan-nar; munizzjonijiet u projettili; splussivi, logħob tan-nar”;

–        klassi 23: “Ħajt li jintuża fit-tessuti”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, żraben u kpiepel”.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2012, l-eżaminatur irrifjuta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja għall-prodotti previsti fil-punt 3 iktar ʼil fuq, abbażi tar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009.

5        Fit-28 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti ppreżentaw appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ġunju 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Dan ikkunsidra, essenzjalment, li t-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha, għall-prodotti kollha previsti, kienet nieqsa minn kull karattru distintiv u deskrittiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009.

7        Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li dan kien kompost kemm mill-pubbliku ġenerali kif ukoll mill-pubbliku professjonali speċjalizzat, pereżempju il-professjonisti ta’ korpi ta’ sigurtà, l-impriżi tat-twaqqigħ jew il-produtturi tat-tessuti, u kien ikkostitwit minn konsumaturi li għandhom konoxxenza tal-ingliż, lingwa tat-terminu “graphene”.

8        Fit-tieni lok, fir-rigward tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell, qabel xejn, irrileva li mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti jirriżulta li din it-trade mark tikkonsisti f’terminu ingliż li jirreferi għal allotrope bidimensjonali tal-karbonju u li l-pubbliku rilevanti anglofonu kien jipperċepixxi l-imsemmija trade mark bħala isem ta’ materjal speċifiku. Abbażi tal-istess dokumenti, hija indikat, minn naħa, li, anki jekk l-iskoperta tal-graphene ma kinitx riċenti, l-iżolazzjoni tiegħu fl-2004 ppermettiet lix-xjenzati li jirrikonoxxu l-proprjetajiet tiegħu, b’mod partikolari l-istruttura bidimensjonali fil-ħxuna ta’ atomu, it-trasparenza tiegħu, il-flessibbiltà tiegħu u l-elastiċità tiegħu, il-konduttività termika u elettrika tiegħu, ir-reżistenza tiegħu il-leġġerezza tiegħu u l-impermeabbiltà tiegħu jew, tal-inqas, il-permeabbiltà kkontrollata tiegħu u, min-naħa l-oħra, li d-dominji ta’ applikazzjoni possibbli tan-nanomaterjali bħall-graphene jinkludu l-informatika, it-telefonija mobbli u l-elettronika, l-ilqugħ, l-enerġija u l-ambjent, il-mediċina jew is-saħħa. Sussegwentement, il-Bord tal-Appell eżamina separatament il-proprjetajiet u l-applikazzjonijiet tal-graphene speċifiċi għall-“armi tan-nar” fil-klassi 13, għall-“munizzjonijijet u projettili; splussivi” fil-klassi 13, għall-“logħob tan-nar” fil-klassi 13, għall-“ħajt li jintuża fit-tessuti” fil-klassi 23, għall-“ħwejjeġ, żraben u kpiepel” fil-klassi 25 u, għal kull waħda mill-ħames kategoriji ta’ prodotti, qies li, fid-dawl tal-imsemmija proprjetajiet u applikazzjonijiet, l-eżaminatur qies ġustament li l-prodotti previsti jistgħu jkunu jinkludu l-graphene jew ikunu mibnija fuqu. Fl-aħħar, dan il-Bord ikkonkluda li t-trade mark mitluba kienet deskrittiva, peress li t-terminu “graphene” kien jinforma b’mod dirett lill-pubbliku rilevanti, u b’mod partikolari l-pubbliku speċjalizzat, b’karatteristika tan-natura tal-prodotti msemmija, jiġifieri l-kompożizzjoni tagħhom, u l-konsumatur jidentifika fis-sinjal mitlub, mingħajr proċess intellettwali intermedjarju jew sforz addizzjonali ieħor, l-isem tal-materjal “graphene” inkluż fil-kompożizzjoni tal-imsemmija prodotti.

9        Fit-tielet u fl-aħħar lok, fir-rigward tal-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li t-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha ma kellhiex tali karattru distintiv peress li l-pubbliku rilevanti kien jipperċepiha bħala l-isem ta’ materjal li jifforma parti mill-kompożizzjoni tal-prodotti msemmija, li b’hekk jindika l-karatteristiċi kkonferiti minn dan il-materjal lill-imsemmija prodotti, u mhux l-oriġini kummerċjali tagħhom.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

11      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu tliet motivi, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009

13      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jallegaw li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha kienet deskrittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u javvanzaw, f’dan ir-rigward, żewġ ilmenti. Permezz tal-ewwel ilment, filwaqt li jirrikonoxxu li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi t-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha bħala l-isem ta’ materjal konkret u ddeterminat, isostnu li ma jeżisti l-ebda rapport dirett bejn il-prodotti previsti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u l-graphene, li l-proprjetajiet tiegħu, skont pubblikazzjonijiet xjentifiċi “serji”, ma jikkostitwixxux “soluzzjoni waħda għal kollox” u li l-applikazzjonijiet tiegħu huma għalhekk limitati għal dominji speċifiċi, li jinkludu in-nanoteknoloġija, l-informatika, l-elettroniku jew it-telefonija, li huma estranji għall-imsemmija prodotti. Issa, huwa permess li jiġi rreġistrat bħala trade mark, sinjal li jkollu sinjifikat proprju, ġaladraba dan, bħal f’dan il-każ, ma jkunx jirreferi għal prodotti koperti mill-imsemmija trademark. Permezz tat-tieni lment, dawn jallegaw li l-analiżi tal-Bord tal-Appell kien jirrigwarda kategoriji ġenerali ta’ prodotti, li jattribwixxu indebitament lill-prodotti kollha hekk irragruppati, il-karatteristiċi tal-graphene, bħall-impermeabbiltà jew il-permeabbiltà kkontrollata, li jikkonċernaw biss prodotti partikolari, bħall-kondutturi ijoniċi u l-appart tal-ħażna molekulari.

14      L-UASI jiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

15      Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tiġi rrifjutata, r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi.

16      Is-sinjali jew l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, huma dawk li jistgħu jservu sabiex, fl-użu normali tal-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, jindikaw sew direttament, jew b’riferiment għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħhom, il-prodotti jew is-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C‑383/99 P, Ġabra, EU:C:2001:461, punt 39). Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, hemm bżonn li jkollu konnessjoni diretta u konkreta biżżejjed mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni sabiex il-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom [ara s-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB), T‑19/04, Ġabra, EU:T:2005:247, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-30 ta’ April 2013, ABC-One vs UASI (SLIM BELLY), T‑61/12, EU:T:2013:226, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata].

17      Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, b’riferiment għall-perċezzjoni li jkollu l-pubbliku fir-rigward tiegħu u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-prodotti jew is-servizzi koperti [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T‑34/00, Ġabra, EU:T:2002:41, punt 38, u tas-7 ta’ Lulju 2011, Cree vs UASI (TRUEWHITE), T‑208/10, EU:T:2011:340, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata].

18      Il-kunċett ta’ interess ġenerali, li fuqu huwa msejjes l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jirrikjedi li s-sinjali jew indikazzjonijiet li, fil-kummerċ, jistgħu jservu sabiex jindikaw karatteristiċi ta’ prodotti jew servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd. Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi li dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet jiġu rriżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark (sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, Ġabra, EU:C:2003:579, punt 31, u tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C‑173/04 P, Ġabra, EU:C:2006:20, punt 62) u li impriża timmonopolizza l-użu ta’ terminu deskrittiv, b’detriment għall-impriżi oħra, inklużi l-kompetituri tagħha, li l-portata tal-vokabolarju disponibbli għalihom sabiex jiddeskrivu l-prodotti tagħhom tkun ridotta [sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2007, Golf USA vs UASI (GOLF USA), T‑230/05, EU:T:2007:76, punt 32, u SLIM BELLY, punt 16 iktar ʼil fuq, EU:T:2013:226, punt 18].

19      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi osservat, preliminarjament, li d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti adottata mill-Bord tal-Appell (ara l-punt 7 iktar ʼil fuq), li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, għandha tiġi approvata.

20      Fir-rigward tal-ewwel ilment, ibbażat, essenzjalment, fuq l-ineżistenza ta’ rapport dirett bejn il-prodotti msemmija u l-graphene fl-istat attwali tat-teknoloġija, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex l-UASI jopponi rifjut ta’ reġistrazzjoni abbażi tar-raġuni prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ma huwiex neċessarju li s-sinjali u l-indikazzjonijiet li jikkomponu t-trade mark ikunu effettivament użati, fil-mument tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, għal finijiet deskrittivi tal-prodotti u tas-servizzi bħal dawk li għalihom saret applikazzjoni, jew deskrittivi tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi. Huwa biżżejjed, kif jindika l-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet ikunu jistgħu jintużaw għal dawn il-finijiet. Ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal verbali għandha għaldaqstant tiġi rrifjutata, skont l-istess dispożizzjoni, jekk, f’mill-inqas wieħed mis-sinjifikati possibbli tiegħu, huwa jindika karatteristika tal-prodotti jew servizzi kkonċernati (sentenzi UASI vs Wrigley, punt 18 iktar ʼil fuq, EU:C:2003:579, punt 32; tal-21 ta’ Jannar 2009, Korsch vs UASI (PharmaCheck), T‑296/07, EU:T:2009:12, punt 43, u SLIM BELLY, punt 16 iktar ʼil fuq, EU:T:2013:226, punt 36). Barra minn hekk, huwa irrilevanti li l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li jistgħu jiġu deskritti jkunu essenzjali jew aċċessorji fuq il-livell kummerċjali (ara s-sentenza SLIM BELLY, punt 16 iktar ʼil fuq, EU:T:2013:226, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-fatt li t-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha tiddeskrivi karatteristika ineżistenti fl-istat attwali tat-teknoloġija ma teskludix li din tiġi pperċepita bħala deskrittiva mill-pubbliku rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2008, ratiopharm vs UASI (BioGeneriX), T‑47/07, EU:T:2008:377, punt 30, u ratiopharm vs UASI (BioGeneriX), T‑48/07, EU:T:2008:378, punt 29).

22      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, huwa suffiċjenti, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut tat-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha f’dan il-każ, li din tista’, fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, tintuża sabiex tiġi indikata karatteristika attwali jew potenzjali tal-prodotti msemmija, anki jekk ineżistenti fl-istat attwali tat-teknoloġija. Din il-possibbiltà għandha, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 17 iktar ʼil fuq, tiġi evalwata b’riferiment għall-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, u mhux skont il-konklużjoni tal-esperti xjentifiċi.

23      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell, fil-punti 23 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, pproduċa elementi marbuta mal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti dwar il-proprjetajiet u l-applikazzjonijiet tal-graphene għal ħames kategoriji ta’ prodotti: fl-ewwel lok, għall-“armi tan-nar” fil-klassi 13, il-proprjetajiet rilevanti tal-graphene jikkonsistu fil-konduttività elettrika tiegħu, il-leġġerezza tiegħu u fir-reżistenza tiegħu, u jinkludu b’mod partikolari applikazzjonijiet fl-oqsma tal-informatika u tal-elettronika, kif ukoll tal-ilqugħ; fit-tieni lok, għall-“munizzjonijiet u projettili; splussivi” fil-klassi 13, fejn il-leġġerezza u r-reżistenza tal-graphene huma karatteristiċi apprezzati ħafna; fit-tielet lok, għall-“logħob tan-nar” fil-klassi 13, il-konduttività elettrika tal-graphene tippermetti preċiżjoni kbira spazjali u temporali; fir-raba’ lok, għall “ħajt li jintuża fit-tessuti” fil-klassi 23, fejn l-impermeabbiltà jew il-permeabbiltà kkontrollata kif ukoll ir-reżistenza, il-leġġerezza u l-flessibbiltà huma kwalitajiet ivvalorizzati ħafna; fil-ħames lok, għall-“ħwejjeġ, żraben u kpiepel” fil-klassi 25, il-Bord tal-Appell enfasizza l-proprjetajiet termiċi u impermeabbli tal-graphene, kif ukoll ir-reżistenza tiegħu.

24      Hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dan, il-Bord tal-Appell ikkonstata ġustament, abbażi ta’ eżami sħiħ u b’kunsiderazzjoni tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, li kienet teżisti rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha u l-prodotti previsti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, li tista’ tippermetti lill-imsemmi pubbliku li jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni, deskrizzjoni ta’ karatteristika attwali jew potenzjali tal-imsemmija prodotti, jiġifieri l-użu tal-graphene fil-kompożizzjoni tagħhom.

25      Peress li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball billi kkonferma r-rifjut tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, abbażi tar-raġuni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, l-ewwel ilment ma jistax jintlaqa’.

26      Fir-rigward tat-tieni lment, ibbażat, essenzjalment, fuq l-assenza ta’ analiżi tal-karattru deskrittiv għal kull prodott previst, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm id-deċiżjoni ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha fil-prinċipju tkun immotivata għal kull prodott jew servizz ikkonċernat, l-awtorità kompetenti tista’ madankollu tillimita ruħha għal motivazzjoni globali meta l-istess raġuni ta’ rifjut tintuża għal kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi li jkollhom bejniethom rabta suffiċjentement diretta u konkreta, sal-punt li jkunu jifformaw kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi ta’ omoġenità suffiċjenti (sentenza SLIM BELLY, punt 16 iktar ʼil fuq, EU:T:2013:226, punt 33; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tat-18 ta’ Marzu 2010, CFCMCEE vs UASI, C‑282/09 P, Ġabra, EU:C:2010:153, punti 37 sa 40, u, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy, C‑239/05, Ġabra, EU:C:2007:99, punti 34 sa 38).

27      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell, fil-punti 23 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, iddistingwa bejn ħames kategoriji omoġenji ta’ prodotti previsti, jiġifieri dawk tal-“armi tan-nar” fil-klassi 13, tal-“munizzjonijiet u projettili; splussivi” fil-klassi 13, tal-“logħob tan-nar” fil-klassi 13, ta’ “ħajt li jintuża fit-tessuti” fil-klassi 23, u tal-“ħwejjeġ, żraben u kpiepel” fil-klassi 25, li huwa analizza separatament billi espona għal kull waħda minnhom il-proprjetajiet u l-applikazzjonijiet speċifiċi tal-graphene fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, qabel ma kkonkluda dwar il-karattru deskrittiv tat-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha għal kull waħda minn dawn il-kategoriji omoġenji tal-prodotti msemmija (ara l-punt 8 iktar ʼil fuq). Fir-rigward b’mod partikolari tal-“ħajt li jintuża fit-tessuti” u tal-“ħwejjeġ, żraben u kpiepel”, anki jekk jiġi preżunt li l-kwalità tal-impermeabbiltà jew ta’ permeabbiltà kkontrollata tal-graphene ma tistax tiġi pperċepita fir-rigward tal-imsemmija prodotti mill-pubbliku rilevanti, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmi pubbliku jipperċepixxi l-karatteristiċi l-oħra tal-graphene enfasizzati mill-Bord tal-Appell b’rabta ma’ dawn il-prodotti, jiġifieri r-reżistenza tiegħu, il-leġġerezza tiegħu, il-flessibbiltà tiegħu u l-proprjetajiet termiċi tiegħu.

28      Peress li l-Bord tal-Appell immotiva d-deċiżjoni tiegħu għal kull kategorija omoġenja tal-prodotti previsti, it-tieni lment ma jistax jintlaqa’.

29      Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

30      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jallegaw li l-Bord tal-Appell interpreta b’mod żbaljat il-karattru distintiv tat-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha, peress li t-terminu “graphene” ma jikkostitwixxix il-mod normali ta’ kif isir riferiment għall-prodotti previsti u ma jipprovdi l-ebda informazzjoni lill-pubbliku dwar il-karatteristiċi possibbli tal-imsemmija prodotti.

31      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 li huwa suffiċjenti li tkun applikabbli waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut elenkati f’din id-dispożizzjoni sabiex is-sinjal inkwistjoni ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja [sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C‑104/00 P, Ġabra, EU:C:2002:506, punt 29; tas-6 ta’ Novembru 2007, RheinfelsQuellen H. Hövelmann vs UASI (VOM URSPRUNG HER VOLLKOMMEN), T‑28/06, Ġabra, EU:T:2007:330, punt 43, u SLIM BELLY, punt 16 iktar ʼil fuq, EU:T:2013:226, punt 45].

32      F’dan il-każ, peress li l-eżistenza ta’ raġuni għal rifjut prevista mill-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ġiet ġustament stabbilita mill-Bord tal-Appell, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament.

33      Għaldaqstant it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

34      Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jeċepixxu ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, meħud b’mod konġunt mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, peress li l-UASI preċedentement kien diġà laqa’ r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja GRAFENO għal prodotti fil-klassijiet 3, 7, 9 u 12, taħt bin-numru 10879682, u tat-trade mark Komunitarja GRAPHENE għal prodotti fil-klassijiet 4, 5, 8, 11, 14 sa 21, 24 u 26 sa 34, bin-numru 10900645, mingħajr ma qajjem oġġezzjoni dwar il-karattru deskrittiv jew l-assenza ta’ karattru distintiv tal-imsemmija sinjali għall-prodotti previsti.

35      Issa, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell, li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza marbuta jew le ma setgħa diskrezzjonali, għandha tiġi evalwata unikament abbażi tar-Regolament Nru 207/2009, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni Ewropea, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-UASI, li ma tistax, fi kwalunkwe każ, torbot lill-qorti tal-Unjoni (sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI, C‑37/03 P, Ġabra, EU:C:2005:547, punt 47; Deutsche SiSi-Werke vs UASI, punt 18 iktar ʼil fuq, EU:C:2006:20, punt 48, u tat-30 ta’ April 2013, Boehringer Ingelheim International vs UASI (RELY-ABLE), T‑640/11, EU:T:2013:225, punt 33).

36      Għalkemm, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, l-UASI għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fuq applikazzjonijiet simili u tistħarreġ b’attenzjoni partikolari l-punt dwar jekk hemmx lok jew le li tiddeċiedi fl-istess sens, l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandha madankollu tiġi kkonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, b’tali mod li ma jistax ikun hemm ugwaljanza fl-illegalità u li l-persuna li tressaq applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark ma tistax tinvoka favuriha illegalità eventwali mwettqa favuriha jew għal benefiċċju ta’ ħaddieħor bil-għan li tikseb deċiżjoni identika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, Ġabra, EU:C:2011:139, punti 73 sa 76). Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, preċiżament, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull talba ta’ reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet, bil-għan li jiġi evitat li trade marks ma jiġux irreġistrati meta dan ma jkunx dovut, u tali eżami għandu għalhekk jitwettaq f’kull każ konkret, peress li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi fuq kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni u maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt raġuni għal rifjut (sentenzi Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, iċċitata iktar ʼil fuq, EU:C:2011:139, punt 77, u RELY-ABLE, punt 35 iktar ʼil fuq, EU:T:2013:225, punt 34).

37      F’dan il-każ, mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkonstata ġustament, abbażi ta’ eżami komplet u b’kunsiderazzjoni tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, li l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja ppreżentata mir-rikorrenti kienet milquta minn raġuni assoluta għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Isegwi li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 35 u 36 iktar ʼil fuq, din l-evalwazzjoni ma tistax titpoġġa f’dubju għas-sempliċi raġuni li l-Bord tal-Appell ma jkunx segwa, f’dan il-każ, il-prassi deċiżjonali tal-UASI (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2013, Airbus vs UASI (NEO), T‑236/12, Ġabra, EU:T:2013:343, punt 52), u dan irrispettivament miċ-ċirkustanzi indikati fil-punt 34 iktar ʼil fuq.

38      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li, anki jekk ir-reġistrazzjonijiet tat-trade marks invokati mir-rikorrenti (ara l-punt 34 iktar ʼil fuq) jibbenefikaw, skont l-Artikolu 99 tar-Regolament Nru 207/2009, minn preżunzjoni ta’ validità fil-kawżi għal ksur ippreżentati quddiem qrati ta’ trade marks Komunitarji, xorta jibqa’ l-fatt li, b’mod konformi mal-Artikolu 52 tal-istess regolament, in-nullità possibbli tagħhom tista’, fejn xieraq, tiġi ddikjarata fuq talba mressqa quddiem l-UASI jew fuq kontro talba f’kawża għal ksur.

39      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

40      Peress li l-ebda wieħed mill-motivi invokati mir-rikorrenti ma rriżulta li huwa fondat, hemm lok li r-rikors jinċaħad fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

41      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqtaʼ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Joseba Larrañaga Otaño u Mikel Larrañaga Otaño huma kkundannati għall-ispejjeż.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ottubru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.