Language of document : ECLI:EU:T:2014:891

Kawża T‑458/13

Joseba Larrañaga Otaño

u

Mikel Larrañaga Otaño

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark verbali Komunitarja GRAPHENE — Raġuni assoluta għal rifjut — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Ottubru 2014

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(c))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott — Għan — Obbligu ta’ disponibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(c))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott — Trade mark verbali GRAPHENE

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(c))

4.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Eżami separat tar-raġunijiet ta’ rifjut fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti jew servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni — Portata

(Regolament tal‑Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1) u 75)

5.      Trade mark Komunitarja — Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Prassi deċiżjonali preċedenti tal-Uffiċċju

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009)

1.      Is-sinjali jew l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja huma dawk li jistgħu jservu sabiex, fl-użu normali tal-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, jindikaw sew direttament, jew b’riferiment għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħhom, il-prodotti jew is-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, hemm bżonn li jkollu konnessjoni diretta u konkreta biżżejjed mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni sabiex il-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom.

Sabiex l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jopponi rifjut ta’ reġistrazzjoni abbażi tar-raġuni prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ma huwiex neċessarju li s-sinjali u l-indikazzjonijiet li jikkomponu t-trade mark ikunu effettivament użati, fil-mument tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, għal finijiet deskrittivi tal-prodotti u tas-servizzi bħal dawk li għalihom saret applikazzjoni, jew deskrittivi tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi. Huwa biżżejjed, kif jindika l-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet ikunu jistgħu jintużaw għal dawn il-finijiet. Ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal verbali għandha għaldaqstant tiġi rrifjutata, skont l-istess dispożizzjoni, jekk, f’mill-inqas wieħed mis-sinjifikati possibbli tiegħu, huwa jindika karatteristika tal-prodotti jew servizzi kkonċernati. Barra minn hekk, huwa irrilevanti li l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li jistgħu jiġu deskritti jkunu essenzjali jew aċċessorji fuq il-livell kummerċjali.

Il-fatt li t-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha tiddeskrivi karatteristika ineżistenti fl-istat attwali tat-teknoloġija ma teskludix li din tiġi pperċepita bħala deskrittiva mill-pubbliku rilevanti. Għalhekk, huwa suffiċjenti, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut tat-trade mark, li din tal-aħħar, fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, tista’ intuża sabiex tiġi indikata karatteristika attwali jew potenzjali tal-prodotti msemmija, anki jekk ineżistenti fl-istat attwali tat-teknoloġija. Din il-possibbiltà għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, u mhux skont il-konklużjoni tal-esperti xjentifiċi.

(ara l-punti 16, 20-22)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 18)

3.      Huwa deskrittiv tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, kompost kemm mill-pubbliku ġenerali kif ukoll mill-pubbliku professjonali speċjalizzat, is-sinjal verbali GRAPHENE, li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha għal “Armi tan-nar; munizzjonijiet u projettili; splussivi, logħob tan-nar”, “Ħajt li jintuża fit-tessuti” u “Ħwejjeġ, żraben u kpiepel” li jaqgħu rispettivament fil-klassijiet 13, 23 u 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice. Fil-fatt, teżisti rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha li tista’ tippermetti lill-imsemmi pubbliku li jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni, deskrizzjoni ta’ karatteristika attwali jew potenzjali tal-imsemmija prodotti, jiġifieri l-użu tal-graphene fil-kompożizzjoni tagħhom.

(ara l-punti 19, 23, 24)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 26)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 35, 36)