Language of document : ECLI:EU:T:2015:891

Kawża T‑461/13

Ir-Renju ta’ Spanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Televiżjoni diġitali – Għajnuna għat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri f’żoni remoti u inqas urbanizzati fi Spanja – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ impriża – Attività ekonomika – Vantaġġ – Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali – Distorsjoni tal-kompetizzjoni – Artikolu 107(3)(ċ) TFUE – Dmir ta’ diliġenza – Terminu raġonevoli – Ċertezza legali – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – Sussidjarjetà – Dritt għall-informazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-26 ta’ Novembru 2015

1.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Destinatarji – Impriżi – Kunċett – Eżerċizzju ta’ attività ekonomika – Tnedija, manutenzjoni u tħaddim tan-netwerk tat-televiżjoni diġitali terrestri f’żoni remoti u inqas urbanizzati – Eżistenza ta’ suq – Assenza ta eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika – Inklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sostnuti minn impriża – L-ewwel rekwiżit stabbilit fis-sentenza Altmark – Obbligi ta’ servizz pubbliku ddefiniti b’mod ċar – Assenza ta’ impriżi benefiċjarji effettivament inkarigati mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku – Inklużjoni fil-kunċett – Nuqqas fis-suq – Ċirkustanzi insuffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali

(Artikolu 107(1) TFUE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Pjattaformi satellitari u terrestri għall-provvista ta’ servizzi ta’ televiżjoni diġitali – Qasam li jaqa’ taħt is-settur tal-kompetizzjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Artikolu 107(3) TFUE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Eżami ta’ skema ta’ għajnuna meħuda fil-globalità tagħha – Ammissibbiltà

(Artikoli 107(3) TFUE u 108 TFUE)

7.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

(Artikoli 107 TFUE u 296 TFUE)

8.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati

(Artikolu 263 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1) c))

9.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji ġenerali tad-dritt – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Trattament diliġenti u imparzjali tal-fajls – Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

10.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni li kienet teżisti fil-mument tal-adozzjoni tal-miżura

(Artikolu 107(3) TFUE)

11.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura statali – Natura provviżorja tal-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni

(Artikolu 108(3) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6(1))

12.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali – Terminu massimu ta’ xahrejn – Inapplikabbiltà fil-każ ta’ għajnuna mhux innotifikata – Obbligu li kemm l-eżami preliminari kif ukoll il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jingħalqu f’terminu raġonevoli – Evalwazzjoni in concreto

(Artikolu 108 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 4(5), 7(6), u 13(2))

13.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali – Assenza

14.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Possibbiltà għall-Kummissjoni li tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali l-inkarigu li jikkalkolaw l-ammont preċiż li għandu jiġi rkuprat – Dmir ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru fil-każ li l-Istat jiltaqa’ ma diffikultajiet – Portata

(Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 107 TFUE u 108 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 994/98, Artikolu 2, u Nru 659/1999, Artikolu 14; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1998/2006)

15.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti – Ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Artikolu 108 TFUE)

16.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Ġurisdizzjoni esklużiva – Stħarriġ tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Stħarriġ ġudizzjarju – Prinċipju ta’ sussidjarjetà – Assenza

(Artikolu 5(3) TUE; Artikoli 107(3) TFUE u 108 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(Ara l-punti 35-46)

2.      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, skont l-ewwel kriterju stabbilit bis-sentenza Altmark, l-impriża benefiċjarja ta’ kumpens għandha tkun effettivament inkarigata mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar.

Għalkemm l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dak li huma jqisu bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali “SIEĠ”, madankollu din is-setgħa ma hijiex mingħajr limiti u ma tistax tiġi eżerċitata arbitrarjament biss sabiex settur partikolari jkun jista’ jevita l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fil-fatt sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat SIEĠ, is-servizz inkwistjoni għandu jkollu interess ekonomiku ġenerali li jkollu karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla ma dawk ta’ attivitajiet oħra tal-ħajja ekonomika.

F’dan ir-rigward, il-portata tal-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali għandha twettaq tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni għandha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-definizzjoni minn Stat Membru ta’ servizz bħala SIEĠ jista’ jiġi kkontestat mill-Kummissjoni biss fil-każ ta’ żball manifest. Madankollu dan l-istħarriġ għandu jiżgura l-osservanza ta’ ċerti kriterji minimi li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-preżenza ta’ att tal-awtorità pubblika li jinkariga lill-operaturi inkwistjoni b’missjoni ta’ SIEĠ, kif ukoll in-natura universali u mandatorja ta’ din il-missjoni.

F’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, is-sempliċi fatt li servizz huwa indikat bħala li huwa ta’ interess ġenerali fid-dritt nazzjonali ma jimplikax li kull operatur li jwettqu huwa inkarigat mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ddefiniti b’mod ċar fis-sens tas-sentenza Altmark. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni ta’ servizz bħala SIEĠ fis-sens ta’ din is-sentenza teżiġi li r-responsabbiltà għall-ġestjoni tagħha tiġi fdata lil ċerti impriżi.

F’dan ir-rigward, meta kuntratti pubbliċi jiġu konklużi bejn l-amministrazzjoni pubblika u operaturi, għalkemm il-mandat li jagħti l-missjoni ta’ servizz pubbliku jista’, ċertament, ikopri atti li jirriżultaw minn ftehim, sakemm dawn ikunu ġejjin mill-awtorità pubblika u jkunu mandatorji, a fortiori meta tali atti jikkonkretizzaw l-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni, min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li servizz huwa s-suġġett ta’ kuntratt pubbliku ma jagħtix lil dan is-servizz awtomatikament, u mingħajr ebda preċiżazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet kkonċernati, il-kwalità ta’ SIEĠ fis-sens tas-sentenza Altmark.

Fl-ħħar nett, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ suq hija insuffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ SIEĠ.

(Ara l-punti 53, 61-63, 67, 71, 78)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(Ara l-punti 88, 89)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(Ara l-punt 92)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(Ara l-punti 98-100)

6.      Fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk din l-iskema hijiex xierqa sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet imfittxa mill-Artikolu 107(3) TFUE. Għalhekk, f’deċiżjoni dwar tali skema, hija ma hijiex obbligata li twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li jkun neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata.

Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod ġenerali u astratt fuq skema ta’ għajnuna mill-Istat, li hija tiddikjara inkompatibbli mas-suq intern u tordna l-irkupru tal-ammonti rċevuti abbażi ta’ din l-iskema, huwa l-Istat Membru li għandu jivverifika s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata minn tali operazzjoni ta’ rkupru.

Minn dan isegwi li meta l-Kummissjoni twettaq eżami ta’ skema ta’ għajnuna, hija tista’ tillimita ruħha għall-analiżi ta’ kampjun tal-każijiet fejn ġiet applikata din l-iskema mingħajr ma tkun obbligata teżamina l-każijiet kollha fejn din ġiet applikata.

(Ara l-punti 104, 105, 134, 163)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(Ara l-punt 110)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(Ara l-punt 115)

9.      Fil‑qasam tal‑għajnuna mill‑Istat, il‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jeżiġi li l‑Kummissjoni twettaq eżami diliġenti u imparzjali tal‑miżura inkwistjoni. F’dan ir-rigward, eventwali dewmien fit-trażmissjoni ta’ dokumenti ma jistax, waħdu u mingħajr elementi addizzjonali, jikkonfuta l-oġġettività u l-imparzjalità tal-Kummissjoni.

(Ara l-punti 116, 144)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(Ara l-punti 124, 127, 147, 148)

11.    Mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] jirriżulta li l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni hija neċessarjament ta’ natura preliminari.

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata tippreżenta analiżi kompluta fir-rigward ta’ għajnuna fin-notifika tagħha dwar il-ftuħ ta’ din il-proċedura. Barra minn hekk, il-fażi ta’ investigazzjoni msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE hija intiża li tippermetti li l-Kummissjoni jkollha informazzjoni sħiħa dwar il-fatti kollha tal-kawża. Minn dan isegwi li l-fatt li d-deċiżjoni ta’ ftuħ ma tagħmilx riferiment għal ċerti elementi ma jfissirx li jista’ jitqies li l-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni hija inkoerenti.

(Ara l-punt 132)

12.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(Ara l-punti 138-141)

13.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(Ara l-punt 158)

14.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(Ara l-punti 160, 162-164)

15.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(Ara l-punti 168-171, 175-179)

16.    Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, b’tali mod li meta din tal-aħħar tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna, hija ma tiksirx il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Fill-fatt, skont l-Artikolu 5(3) TUE dan il-prinċipju japplika biss fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

(Ara l-punt 182)