Language of document : ECLI:EU:T:2013:406

Kawża T‑465/11

Globula a.s.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Suq intern tal-gass naturali — Direttiva 2003/55/KE — Obbligu tal-impriżi tal-gass naturali li jorganizzaw sistema ta’ aċċess innegozjat għal terzi għall-faċilitajiet ta’ ħażna tal-gass — Deċiżjoni tal-awtoritajiet Ċeki li tagħti lir-rikorrenti deroga temporanja għall-faċilitajiet futuri tagħha ta’ ħażna tal-gass taħt l-art f’Dambořice — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna lir-Repubblika Ċeka li tirtira d-deċiżjoni ta’ deroga — Applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2003/55”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla)
tas-6 ta’ Settembru 2013

1.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Rikors li jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent

(Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali –Direttiva 2009/73 — Tibdil fil-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ deroga previsti mid-Direttiva 2003/55 — Effett retroattiv — Assenza — Sottomissjoni għas-sistema antika tal-proċeduri ta’ deroga li huma pendenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/7

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/55, Artikoli 22, u 2009/73, Artikoli 36, 53 u 54)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 21-23)

2.      Għalkemm ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa applikabbli għall-kawżi kollha pendenti fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ, ir-regoli sostantivi, min-naħa l-oħra, ġeneralment jiġu interpretati li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom. Madankollu, eċċezzjoni għal dan il-prinċipju ġiet aċċettata fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni tinkludi regoli kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, li jkunu indiviżibbli u fejn id-dispożizzjonijiet partikolari tagħhom ma jistgħux jiġu kkunsidrati waħidhom għal dak li jirrigwarda l-effett tagħhom ratione temporis. F’ċirkustanzi bħal dawn, effett retroattiv ma jistax jiġi rikonoxxut għad-dispożizzjonijiet kollha inkwistjoni, sakemm indikazzjonijiet suffiċjentement ċari ma jwasslux għal tali konklużjoni.

Fir-rigward tad-tibdil sostantiv tat-tip proċedurali introdott mill-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55, fir-rigward tar-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-adozzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ deċiżjoni ta’ deroga tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati f’iżolament fir-rigward tal-effett tagħhom ratione temporis, meta mqabbla mat-tibdil sostantiv. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-proċedura ta’ deroga redatta fl-Artikolu 36 hija proċedura unika, anki jekk parti minnha sseħħ fuq livell nazzjonali u l-parti l-oħra fuq livell tal-Unjoni. Għalhekk, it-tibdil li jaffettwa l-fażi nazzjonali tal-proċedura ma jistax jiġi evalwat separatament minn dak li jaffettwa lill-fażi fuq il-livell tal-Unjoni. It-tieni nett, it-tibdil li jsir fit-tqassim tas-setgħa tad-deċiżjoni bejn id-diversi atturi involuti fil-proċedura huwa sinifikanti u, b’mod partikolari, jista’ jkollu impatt fuq ir-riżultat tal-proċedura.

Għaldaqstant, tali tibdil jifforma ħaġa waħda inseparabbli, b’mod li effett retroattiv ma jistax jiġi rikonoxxut għall-Artikolu 36 kollu kemm hu, sakemm indikazzjonijiet suffiċjentement ċari ma jwasslux għal tali konklużjoni. Issa, tali indikazzjonijiet ma jeżistux, peress li d-Direttiva 2009/73 tipprovdi b’mod preċiż, fl-Artikoli 53 u 54 tagħha, id-data li minnha għandhom japplikaw ir-regoli li hija tinkludi. Hija min-naħa l-oħra ma tinkludix ir-regoli għat-trattament tal-proċeduri li diġà huma pendenti fil-mument meta tidħol fis-seħħ, li jistgħu jiġġustifikaw deroga minn dan il-prinċipju.

(ara l-punti 24, 25, 27, 31-33, 36, 37)